Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Diċembru 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Session (Scotland) - ir-Renju Unit) – Scotch Whisky Association e.a. vs The Lord Advocate, The Advocate General for Scotland

(C-333/14)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Prezz minimu tax-xarbiet alkoħoliċi kkalkulat abbażi tal-kwantità ta’ alkoħol fil-prodott – Ġustifikazzjoni – Artikolu 36 TFUE – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Session (Scotland)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Scotch Whisky Association, spiritsEUROPE, Comité de la Communauté économique européenne des Industries et du Commerce des Vins, Vins aromatisés, Vins mousseux, Vins de liqueur et autres Produits de la Vigne (CEEV)

Konvenuti: The Lord Advocate, The Advocate General for Scotland

Dispożittiv

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tal-inbid, sakemm din il-miżura tkun effettivament adatta sabiex tiżgura l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u sakemm, b’kont meħud tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament korrett tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, din ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

L-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu lil Stat Membru, bil-ħsieb li jsegwi l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni permezz taż-żieda tal-prezz tal-konsum tal-alkoħol, milli jagħżel li jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi prezz minimu għal kull unit ta’ alkoħol għall-bejgħ bl-imnut tax-xarbiet alkoħoliċi u jwarrab miżura, bħaż-żieda tad-dazji, li tista’ tkun inqas restrittiva fir-rigward tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fid-dawl ta’ analiżi ddettaljat tal-elementi rilevanti kollha tal-kawża li hija adita biha. Is-sempliċi ċirkustanza li din l-aħħar imsemmija miżura tista’ tiġġenera vantaġġi addizzjonali u tissodisfa b’mod iktar wiesa’ l-għan tal-ġlieda kontra l-abbuż mill-alkoħol ma tistax tiġġustifika li din tiġi mwarrba.

L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tkun qiegħda teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, fis-sens ta’ dan l-artikolu, qorti nazzjonali tkun obbligata li teżamina b’mod oġġettiv jekk il-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat jippermettux raġonevolment li jitqies li l-motivi magħżula huma adatti sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti kif ukoll il-possibbiltà li dawn tal-aħħar jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.

L-Artikolu 36 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex limitat biss għall-informazzjoni, provi jew atti oħra li l-leġiżlatur kellu għad-dispożizzjoni tiegħu meta adotta tali miżura. F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-istħarriġ tal-konformità tal-imsemmija miżura mad-dritt tal-Unjoni għandu jitwettaq abbażi tal-informazzjoni, provi u atti oħra li jkunu għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali fid-data li fiha hija tiddeċiedi l-kawża, fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali tagħha.

____________

1  ĠU C 339, 29.09.2014.