Language of document : ECLI:EU:C:2012:778

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Akkordju li jikkonsisti fi tliet ftehim partikolari — Ksur uniku u kontinwu — Nuqqas ta’ prova li parteċipant fi ftehim partikolari kien jaf bi ftehim oħra partikolari — Annullament parzjali jew sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE”

Fil-Kawża C‑441/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Awwissu 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, S. Noë u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Verhuizingen Coppens NV, stabbilita f’Boutsersem (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Stuyck u I. Buelens, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.‑C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il‑Kummissjoni (T‑210/08, Ġabra p. II‑3713, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li annullat l-Artikoli 1(i) u 2(k) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2        Jirriżulta mill-punti 3 sa 7 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-destinatarji ta’ din, fosthom Verhuizingen Coppens NV (iktar ’il quddiem “Coppens”), ipparteċipaw f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi ffissaw il-prezzijiet, qassmu bejniethom il-klijenti u mmanipulaw is-sejħiet għal offerti mill-inqas mill-1984 sal-2003, jew inżammu responsabbli ta’ dan l-akkordju, u jew wettqu, għalhekk, ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

3        Skont il-punti 8 u 9 tas-sentenza appellata, minn naħa, is-servizzi kkonċernati mill-ksur jinkludu l-ġarr, minn jew lejn il-Belġju, ta’ beni ta’ persuni fiżiċi kif ukoll ta’ impriżi jew ta’ istituzzjonijiet pubbliċi. Fid-dawl tal-fatt li l-kumpanniji ta’ ġarr internazzjonali inkwistjoni kollha jinsabu fil-Belġju u li l-akkordju sar fit-territorju Belġjan, iċ-ċentru ġeografiku tal-akkordju ġie kkunsidrat bħala li kien fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ kumulat tal-parteċipanti fl-akkordju għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali ġie stmat mill-Kummissjoni għal EUR 41 miljun għas-sena 2002, il-parti tas-suq kumulat tal-impriżi implikati ġew iffissati għal madwar 50 % tas-settur ikkonċernat.

4        Skont il-punt 10 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordju b’mod partikolari kien intiż sabiex jistabbilixxi u jżomm prezzijiet għoljin kif ukoll it-tqassim tas-suq f’modi differenti, jiġifieri ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-qsim tas-suq permezz ta’ sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz, magħrufa bħala “kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza” (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”), u ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista, magħrufa bħala “kummissjonijiet” (iktar ’il quddiem il-“ftehim fuq il-kummissjonijiet”).

5        Jirriżulta mill-punt 11 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li bejn l-1984 u l-bidu tas-snin 90, l-akkordju b’mod partikolari ffunzjona fuq il-bażi ta’ ftehim bil-miktub ta’ ffissar tal-prezzijiet, il-prattika tal-kummissjonijiet u l-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza li ġew introdotti parallellament. Skont din l-istess deċiżjoni, kif espost f’din is-sentenza, il-prattika tal-kummissjonijiet għandha tiġi kkunsidrata bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, sa fejn il-membri tal-akkordju joħorġu kontijiet lil xulxin ibbażati fuq il-kummissjonijiet għal offerti miċħuda jew li jkunu astjenew għalihom, billi jibbażawhom fuq servizzi fittizji, u l-ammont ta’ dawn il-kummissjonijiet jintalbu lill-klijenti.

6        Fir-rigward tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, jirriżulta mill-punti 12 u 13 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, permezz ta’ tali kwotazzjonijiet, li l-kumpannija tal-ġarr li riedet tieħu l-kuntratt kienet tiżgura li l-klijent li kien ser iħallas għall-ġarr jirċievi diversi kwotazzjonijiet. Għal dan il-għan, din il-kumpannija kienet tindika lill-kompetituri tagħha l-prezz totali li huma kellhom jiffatturraw għall-ġarr inwkistjoni, li kien ikun ogħla minn dak propost minn din il-kumpannija. Għalhekk dawn kienu kwotazzjonijiet fittizzji ppreżentati minn kumpanniji li ma kienx beħsiebhom iwettqu l-ġarr. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-prattika tikkostitwixxi manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħa għal offerti b’mod li l-prezzijiet mitluba għall-ġarr ikunu ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv.

7        Skont il-punt 14 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-arranġamenti ġew stabbiliti sal-2003 u li dawn l-attivitajiet kumplessi kellhom l-istess għan li jiġu ffissati l-prezzijiet, li jitqassam is-suq, u b’hekk li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

8        Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, liema Artikolu 1 huwa fformulat kif ġej:

“L-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) [KE] u l-Artikolu 53(1), tal-Ftehim [dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3)] billi stabilixxew b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għal offerti matul il-perijodi indikati:

[…]

i)      [Coppens], mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003;

[…]”

9        Konsegwentement, fl-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 104 000 fuq Coppens, ikkalkolat konformement mal-metodu spjegat fil-Linji gwida tagħha dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2008, Coppens ippreżentat rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn jirrigwardawha u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha ta’ ammont massimu ta’ 10 % mid-dħul mill-bejgħ imwettaq minnha fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali.

11      Insostenn tar-rikors tagħha, Coppens invokat żewġ motivi prinċipali, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha.

12      L-ewwel motiv kien maqsum fi tliet partijiet. Permezz ta’ dan, l-ewwel nett, Coppens tikkontesta li hija pparteċipat f’akkordju kumpless, it-tieni nett, hija tikkontesta t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u, it-tielet nett, hija tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tagħha. Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, Coppens tenfasizza b’mod partikolari li hija ġiet biss ikkritikata minħabba fl-istabbiliment tal-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u għalhekk hija tqis li l-Kummissjoni ma werietx li hija kienet taf b’dan il-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Għalhekk, il-konklużjoni milħuqa mill-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fl-akkordju kumpless ma kinitx fondata. Barra minn dan, Coppens issostni li l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, ma kellux suġġett jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

13      Il-Kummissjoni sostniet li huwa irrilevanti li l-kompetizzjoni hija distorta minħabba fi kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza jew kummissjonijiet. Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, f’żewġ każijiet, din kienet tirrigwarda distorsjoni tal-kompetizzjoni li normalment tirriżulta f’żieda fil-prezzijiet għall-klijent, b’mod li l-forom differenti tal-akkordju jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE.

14      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat minn Coppens. Fil-punti 28 sa 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet kif ġej:

“28      F’dak illi jirrigwarda l-ewwel parti tal-motiv, huwa stabbiliti li l-parteċipazzjoni attiva [ta’ Coppens] fl-akkordju kienet limitata għall-istabbiliment tal-[kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza] (ara l-premessi 173 u 296 tad-[deċiżjoni kkontestata]). Fil-fatt, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, Coppens hija l-unika impriża li ma pparteċipatx fil-ftehim fuq il-kummissjonijiet.

29      Madankollu, [Coppens] tikkontesta li pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, impriża li tkun ipparteċipat fi ksur multiformi tar-regoli tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir tagħha stess, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordju jew prattika miftiehma li għandhom għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE, u li huma intiżi biex jikkontribwixxu sabiex jitwettaq il-ksur kollu kemm hu tista’ tinsab responsabbli wkoll għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, ladarba jiġi stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punti 87 u 203). Għalhekk, sabiex impriża tiġi kkunsidrata responsabbli ta’ ksur uniku u kontinwu, huwa meħtieġ l-għarfien (kemm jekk ippruvat jew issuspettat) ta’ aġir illeċitu tal-parteċipanti l-oħra f’dan il-ksur.

30      Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-għan ta’ ftehim li fih ipparteċipat impriża u ta’ akkordju globali jkun l-istess, ma huwiex biżżejjed biex din l-impriża titqies responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju globali. Fil-fatt, huwa biss jekk l-impriża, meta hija pparteċipat f’dan il-ftehim, kienet taf jew kellha tkun taf li, billi għamlet hekk, hija kienet qed tinvolvi ruħha fl-akkordju globali li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim ikkonċernat jista’ jikkostitwixxi l-espressjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan l-akkordju globali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il‑Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra p. II‑1845, punt 45).

31      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li [Coppens], matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim dwar il-[kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza], kienet konxja tal-attivitajiet antikompetittivi ta’ impriżi oħra li jirrigwardaw il-kummissjonijiet, jew li setgħet raġonevolment tipprevedi dan. Fil-fatt, il-Kummissjoni ammettiet espressament li, f’dak li jirrigwarda l-għarfien [ta’ Coppens] tal-aġir illegali tal-parteċipanti l-oħra, id-[deċiżjoni kkontestata] ma hijiex ibbażata fuq provi konkreti. Hija ssostni li [Coppens] ma tikkontestax li kienet taf bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet u li naqset milli tindika sa fejn hija ġiet informata bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Madankollu, [Coppens] mhux meħtieġa tindika fuq inizjattiva tagħha stess, sa fejn hija kienet taf bl-aġir tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur, billi l-oneru tal-prova huwa tal-Kummissjoni. Din l-ewwel nett għandha tipprova fatt qabel ma [Coppens] tkun tista tikkontestah. Barra minn dan, waqt is-seduta, [Coppens], fuq talba tal-Qorti Ġenerali, espliċitament enfasizzat li hija ma kinitx taf bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li [Coppens] kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu.”

15      Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti minn din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata, li l-fatt li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix in-natura unika u kontinwa tal-ksur huwa irrilevanti, b’mod partikolari meta wieħed iqis li d-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tiegħu u li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset lil Coppens responsabbli li pparteċipat f’tali ksur.

16      Fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat hekk kif ġej:

“Għalhekk, minkejja li l-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ [kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza] tista’ tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE li jista’ jiġi ssanzjonat b’multa, hemm lok li hekk kif talbet [Coppens], jiġu annulati l-Artikolu 1(i) u l-Arikolu 2(k) tad-[deċiżjoni kkontestata].”

17      Konsegwentement, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm iktar lok li teżamina l-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv invokat minn Coppens insostenn tar-rikors tagħha u lanqas l-motivi l-oħra invokati minn din tal-aħħar u, għalhekk, annullat l-Artikoli 1(i) u 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors għal annullament jew, fin-nuqqas, tannulla biss l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija żżomm lil Coppens responsabbli tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet;

–        tistabbilixxi multa f’ammont li hija tqis adegwat, u

–        tikkundanna lil Coppens għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għall-parti tal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li hija tqis xierqa.

19      Coppens, min-naħa tagħha, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla għalkollox jew parzjalment is-sentenza appellata, li tillimita l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni b’mod li din tirrappreżenta 10 % mid-dħul mill-bejgħ tagħha fis-suq ikkonċernat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest ta’ dan tal-appell.

 Fuq l-appell

20      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni invokat il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni, permezz tal-aggravju tagħha, issostni, essenzjalment, li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-motivazzjoni pprovduta fil-punt 36 tas-sentenza appellata, ma ddeċiditx għal annullament parzjali biss tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lil Coppens. Fil-fatt, f’din il-kawża, huwa biss il-fatt li l-kumpannija kienet taf jew kellha tkun taf dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet li ma kienx ġie pprovat. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ deċiżjoni hija possibbli peress li l-provi li l-annullament tagħhom qed jiġi mitlub jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tad-deċiżjoni, li huwa il-każ f’din il-kawża. Għalhekk ikun sproporzjonat li l-Qorti Ġenerali tannulla deċiżjoni fl-intier tagħha meta biss parti mill-ksur ma jistax jiġi stabbilit.

22      Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni kkontestata qieset lil Coppens responsabbli għal ksur uniku u kontinwu li, matul il-perijodu inkwistjoni, kien ikkostitwit minn żewġ elementi distinti, jiġifieri l-ftehim fuq il-kummissjonijiet u l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kienet biss intitolata tannulla din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, f’dak li jirrigwarda din il-kumpannija, jekk hija setgħat tikkonstata li, minbarra l-assenza ta’ prova tal-fatt li din tal-aħħar kienet taf bl-attivitajiet antikompetittivi tal-impriżi l-oħra dwar il-kummissjonijiet jew li hija setgħat raġonevolment tipprevedihom, il-Kummissjoni ma kinitx weriet li Coppens kienet ipparteċipat fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Madankollu, id-dimostrazzjoni ta’ tali parteċipazzjoni u l-fatt li fih innifsu jikkostitwixxi ksur fl-Artikolu 81 KE ma joħloq l-ebda dubju, hekk kif irrikonoxxiet ukoll il-Qorti Ġenerali.

23      Is-sentenza appellata għalhekk tmur wkoll kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiddeċiedi għal annullament sħiħ meta jkun evidenti li l-motiv li tikkunsidra li huwa fondat jista biss jiġġustifika annullament parzjali, tali ġurisprudenza hija espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

24      Barra minn hekk, l-annullament sħiħ tad-deċiżjonijiet dwar akkordji minħabba li parti mill-ksur ma kienx ġie pprovat huwa inkompatibbli mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u mal-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn tkun teħtieġ repetizzjoni ta’ proċeduri, sakemm ma jiġix aċċettat li dik il-parti tal-ksur li tkun ġiet pprovata tibqa’ mhux issanzjonata. Barra minn hekk, ma huwiex ċert li r-repetizzjoni ta’ tali proċeduri hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ non bis in idem.

25      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża. Il-fatti rilevanti huma stabbiliti, Coppens ma kkontestatx quddiem il-Qorti Ġenerali s-67 parteċipazzjoni tagħha fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, kif ikkonstatati u ddokumentati fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid li dan il-ftehim kellu kemm suġġett u effetti antikompetittivi u minn naħa, tirrikonoxxi li għas-snin 1994 u 1995, ma kien hemm ebda prova tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim u, min-naħa l-oħra, li l-multa tista’ titnaqqas jekk Coppens setgħet biss tinżamm responsabbli għal dan l-aħħar ftehim.

26      Coppens issostni, prinċipalment, li l-appell għandu jiġi miċħud. L-ewwel lok, ma kien hemm ebda elementi li jistgħu jiġu sseparati mid-deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Billi l-Kummissjoni kkonstatat, f’din id-deċiżjoni, l-eżistenza ta’ akkordju kumpless, li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu fl-Artikolu 81 KE, il-Qorti Ġenerali kienet neċessarjament meħtieġa tiddeċiedi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Coppens f’tali akkordju. Għalhekk hija ddeċidiet li s-sempliċi fatt li ftehim li għalih impriża pparteċipat li għandu suġġett identiku għal dak ta’ akkordju globali ma huwiex biżżejjed sabiex tikkonstata li din l-impriża pparteċipat f’akkordju globali. Dan mhux kwistjoni ta’ “parti ta’ ksur”.

27      It-tieni lok, din il-ġurisprudenza tippermetti annullament parzjali ta’ deċiżjoni jekk tali annullament parzjali ma jimmodifikax il-mertu tad-deċiżjoni inkwistjoni. Madankollu, f’din il-kawża, hija l-kwalifika tal-ksur ikkontestat lil Coppens, u għalhekk l-essenza stess tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħha, li ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali. L-annullament sħiħ ta’ din sa fejn din tirrigwarda lil Coppens hija l-konsegwenza tal-assenza ta’ prova tal-involviment ta’ din il-kumpannija fl-elementi kollha essenzjali sabiex jiġi kkonstatat li hemm ksur uniku u kontinwu.

28      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma setgħatx tillimita ruħha sabiex tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata. Modifika sempliċi tal-ammont tal-multa impost fuq Coppens kienet tagħtiha protezzjoni legali inadegwata. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kundanna tagħha kienet ibbażata fuq l-elementi kollha tal-ksur, meta wieħed biss minn dawn ġie effettivament pprovat fir-rigward tagħha.

29      It-tielet lok, minn naħa, l-annullament sħiħ tas-sentenza appellata jmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret (C‑295/07 P, Ġabra p. I‑9363). L-aggravju milqugħ f’din il-kawża kien dirett kontra d-denominatur komuni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-akkuża dwar l-akkordju kumpless. Għalhekk, l-annullament sħiħ ta’ din id-deċiżjoni ma jmurx lil hinn mill-aggravju invokat. Min-naħa l-oħra, l-argument ibbażat fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx. Fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità, ikun possibbli li impriża tiġi kkundannata jekk jiġi pprovat li wettqet il-ksur ikkonstestat. Billi l-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni huwa akkordju kumpless, jiġifieri ksur li jikkonsisti minn diversi elementi li kull wieħed minnhom huwa essenzjali għal-konstatazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma werietx b’mod suffiċjenti li Coppens kienet ipparteċipat fl-elementi essenzjali differenti ta’ dan il-ksur, b’mod li l-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża f’akkordju kumpless ma setax jiġi aċċettat.

30      Sussidjarjament, Coppens talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l-multa jew, għall-inqas, li tnaqqasha għal ammont li ma jaqbiżx l-10 % mid-dħul mill-bejgħ fis-suq tal-ġarr internazzjonali fil-Belġju. Iktar sussidjarjament, għall-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u mhux id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwardaha, Coppens titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, Coppens tinvoka żewġ aggravji.

31      Coppens tqis li l-ammont bażiku tal-multa ġie ddeterminat b’mod żbaljat, billi l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju, meta hija fil-fatt kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwoli rispettivi tagħhom hemmhekk. Kif ukoll, din il-kumpannija wettqet ksur inqas gravi minn dak ikkunsidrat fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni, partikolarment fid-dawl tar-rwol tagħha u tal-parteċipazzjoni limitata tagħha fl-akkordju inkwistjoni, tas-sehem tas-suq tagħha, li jammonta għal biss 0.04 % tas-suq ikkonċernat, u tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha li huwa ħafna iktar baxx minn dak tal-parteċipanti l-oħra fil-ksur. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm f’dak li jirrigwarda din il-kumpannija, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa, perċentwali ta’ 17 % mid-dħul mill-bejgħ bħall-parteċipanti kollha l-oħra. Barra minn hekk, Coppens weriet li t-tul tal-ksur lilha kkontestat huwa l-iktar ta’ 7 snin, u mhux 10 snin u 9 xhur. Barra minn hekk, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi mnaqqas skont il-punti 27 sa 35 tal-Linji gwida. F’dan ir-rigward, Coppens b’mod partikolari ssostni li pproduċiet provi li juru l-inkapaċità tagħha li tħallas u ta’ riskju reali ta’ falliment.

32      Min-naħa l-oħra, Coppens issostni li l-multa kienet ġiet iffissata bi ksur manifest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn din kienet tammonta għal 10 % mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha u tammonta għal kważi 200 % tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni kellha, konformement għall-ġurisprudenza, tikkunsidra l-fatt li d-dħul mill-bejgħ tagħha mwettaq fir-rigward tal-attività kkonċernata mill-akkordju tirrappreżenta biss madwar 3.2 % mid-dħul mill-bejgħ totali tagħha.

33      Fl-aħħar nett, Coppens titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun meħtieġ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż billi tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjoni li issa tinsab fl-Artikolu 139 tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Huwa stabbilit li l-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza jistgħu minnhom infushom jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE li huwa suxxettibbli li jiġi ssanzjonat b’multa, għaldaqstant ikkunsidrat li hemm lok li tannulla l-Artikoli 1(i) u 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tal-aggravju tagħha l-Kummissjoni tikkontesta l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ din id-deċiżjoni kollha billi tikkonċerna lil Coppens.

35      Għandu jitfakkar li jirriżulta mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 254 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE li, jekk rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE huwa fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara l-att ikkontestat bħala null u li ma seħħx.

36      Hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE għandu madankollu jiġi interpretat fis-sens li l-att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament għandhu biss jiġi ddikjarat null u li ma seħħx meta dan ir-rikors huwa fondat.

37      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li s-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha bħala fondat, ma jippermettix l-annullament awtomatiku tal-att ikkontestat kollu kemm hu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher ċar li dan il-motiv, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali (sentenza Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

38      Madankollu, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex sodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel il-mertu ta’ dan, li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2005, Franza vs Il‑Parlament et Il‑Kunsill, C‑244/03, Ġabra p. I‑4021, punti 12 sa 14, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, iċċitata iktar ’il fuq, punti 105 u 106).

39      Minn dan isegwi li f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, tiddeċiedi għall-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lil Coppens, sakemm l-annullament parzjali ta’ din tal-aħħar ma tkunx biddlet il-mertu, li għandu jiġi vverifikat.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tiddisponi li Coppens u impriżi oħra kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea meta ffissaw b’mod dirett u indirett il-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dan is-suq u billi mmanipulaw il-proċedura ta’ sejħiet għall-offerti għall-issuġġettar ta’ offerti bejn il-perijodu li jmur mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003. Madankollu, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punt 35 tagħha, ikkonstatat li l-Kummissjoni tikkunsidra lil Coppens bħala responsabbli talli pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu u, min-naħa l-oħra, fil-punti 28 u 36 tal-istess sentenza, ma eskludietx li l-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, li Coppens ma ċaħditx li pparteċipat fih, seta’ fih innifsu jkun kuntrarju għall-Artikolu 81 KE.

41      Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, meta wieħed jew iktar minn dawn l-elementi ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidraha responsabbli ta’ dawn l-azzjonijiet minħabba fil-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258).

42      Impriża li tkun ipparteċipat fi ksur uniku u kumpless minħabba f’aġir tagħha stess, li kien jaqa’ taħt kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u li kienu intiżi sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha għall-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża biħsiebha tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-aġir illeċitu maħsub jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet b’mod raġonevoli tipprevedihom u li hija kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punti 87 u 203, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 83).

43      Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lilha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tipparteċipa direttament f’parti biss tal-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda tkun taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-ksib tal-istess għanijiet, jew setgħet tkun raġonevolment ipprevediet u lestiet ruħha sabiex tieħu r-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li tattribwixxi lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li joħloq dan il-ksur u, konsegwentement, ta’ dan tal-aħħar kollu kemm hu.

44      Min-naħa l-oħra, jekk impriża direttament tkun involuta f’wieħed jew iktar mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, huwa maħsub li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kienet taf bil-komponenti illegali kollha l-oħra previsti jew implementati minn dawn il-parteċipanti fit-tfittxija li jintlaħqu dawn l-għanijiet komuni jew li raġonevolment setgħat tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta r-riskju li joħolqu, il-Kummissjoni tista’ biss tattribwixxilha r-responsabbiltà biss ta’ dak l-aġir li fih kienet direttament ipparteċipat u fl-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fit-tfittxija sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk imfittxija minnha u għalhekk li hemm il-prova li hija kienet taf jew setgħet raġonevolment ipprevediethom u li kienet lesta li taċċetta r-riskju.

45      Madankollu, dan ma jwassalx għall-eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-aġir li pparteċipat fih jew li setgħat effettivament tinżamm responsabbli tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li impriża ma tipparteċipax fl-elementi kollha ta’ akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija kienet ipparteċipat ma huwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur fil-kap tagħha, peress li hemm bżonn li dawn l-elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, fejn xieraq, għad-determinazzjoni tal-multa (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 90, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 86).

46      Madankollu, ma huwiex possibbli għalhekk li taqsam deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwu jekk, minn naħa, din l-impriża kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward.

47      Minn dan isegwi li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti, jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni ma stabbilietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li impriża, meta tipparteċipa f’wieħed mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kienet taf bl-aġir antikompetittiv l-ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra tal-akkordju bil-għan li jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħat raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta li taċċetta r-riskju, l-unika konsegwenza ta’ dan għandha tkun li din l-impriża ma tistax titqies bħala responsabbli ta’ dan l-aġir l-ieħor u, għalhekk, tal-ksur uniku u kontinwu kollu kemm hu u li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala infondata f’dan is-sens biss.

48      F’dan il-każ, jirriżulta mill-punti 10 sa 12 tas-sentenza appellata li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li l-akkordju inkwistjoni kien ippreżentat fi tliet forom, jiġifieri ftehim dwar il-prezzijiet, ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u ftehim fuq il-kummissjonijiet, u li hija ħasset li dan l-aħħar ftehim għandu jiġi kkunsidrat bħala ffissar indirett tal-prezzijiet għas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, filwaqt li l-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza kien jikkostitwixxi manipulazzjoni tal-proċedura li tinvolvi sejħa għall-offerti, b’tali mod li l-prezzijiet indikati fl-offerti kollha kienu deliberatament ogħla milli kienu jkunu f’ambjent kompetittiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 28 tal-istess sentenza, li, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens fl-akkordju kienet limitata għall-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u li din il-kumpannija ma kinitx ipparteċipat fil-ftehim fuq il-kummissjonijiet.

49      Jirriżulta wkoll mill-atti tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenrali u mill-punt 25 tas-sentenza appellata, min-naħa, li Coppens kienet f’pożizzjoni li tifhem li hija kienet ser tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu inkwistjoni kif ukoll li l-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza bħala tali kien qed jiġi kkontestat, u li għalhekk kellha l-opportunità li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward.

50      Barra minn hekk, peress li l-konstatazzjoni mill-qorti tal-Unjoni, tal-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li impriża, matul il-parteċipazzjoni tagħha f’wieħed mill-aġir antikompetittivi li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, kienet taf b’aġir antikompetittiv ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju bil-għan li jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li setgħu raġonevolment jipprevedu u li kienu lesti li jaċċettaw ir-riskju, ma jwassalx, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, għal eżenzjoni ta’ din l-impriża mir-responsabbiltà tagħha għall-parti mill-aġir li huwa stabbilit li pparteċipat fih jew li huwa stabbilit li setgħat tinżamm responsabbli tiegħu, għalhekk il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita ruħha sabiex tiddeċiedi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Fil-fatt, l-għan stess ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju bi ksur tal-Artikolu 81 KE huwa li jiġi kkonstatat aġir wieħed jew iktar li jikkostitwixxu tali ksur, tali annullament parzjali ma jistax jibdel il-mertu ta’ tali deċiżjoni.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi tannulla kompletament d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk din ma tikkontesta la l-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il‑kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u lanqas in-natura antikompetittiva ta’ din, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha bi żball ta’ liġi.

53      Fl-aħħar nett, sa fejn jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Qorti Generali kienet, fejn ikun xieraq, fondata fid-deċiżjoni tagħha li tiddeċiedi biss għal annullament parzjalment tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda Coppens, din tal-aħħar ma tistax tibbaża ruħha, sabiex tiġġustifika l-annullament sħiħ ta’ din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li tnaqqis sempliċi tal-ammont tal-multa imposta kienet tagħtiha protezzjoni legali inadegwata.

54      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, li permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha sa fejn tirrigwarda lil Coppens, filwaqt li l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza u l-fatt li dan jista’ fih innifsu jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE ma kinitx ikkontestata mill-Qorti Ġenerali, dan kiser l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. Il-motiv invokat mill-Kummissjoni huwa għalhekk fondat, u għaldaqstant hemm lok li l-appell jintlaqa’ u s-sentenza appellata tkun annullata.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

55      Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba l-istat tal-atti jippermetti li dan iseħħ. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

56      Hekk kif jirriżulta mill-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, Coppens invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, żewġ motivi prinċipali, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll sussidjarjament intiż għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqu. L-ewwel motiv jikkonsisti fi tliet partijiet, li permezz tagħhom Coppens tikkontesta li ħadet sehem f’akkordju kumpless, tikkontesta t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-importanza relattiva ta’ din il-parteċipazzjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

57      Coppens issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li hija kienet ipparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. Il-Kummissjoni ma pprovatx li din il-kumpannija kienet taf dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Barra minn hekk, din tal-aħħar issostni li l-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza ma għandux għan jew effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u li, f’kull każ, minn naħa, hija affettwat is-suq biss b’mod insinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, hija pparteċipat biss b’mod limitat ħafna.

58      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-argumenti huma infondati.

59      Preliminarjament, għandu jingħad li Coppens tikkontesta, essenzjalment, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li ssibha responsabbli għal ksur uniku u kontinwu, sa fejn il-parteċipazzjoni tagħha f’wieħed miż-żewġ ftehim li jagħmlu l-ksur f’din il-kawża ma huwiex stabbilit konformement mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-implementazzjoni ta’ ksur uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li din l-impriża kellha l-ħsieb tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kienet taf bl-aġir illegali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan.

61      F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-ksur uniku u kontinwu li Coppens kienet inżammet responsabbli għalih mill-Kummissjoni kien, matul il-perijodu li fih ġie allegat li din il-kumpannija pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni, jikkonsisti f’żewġ ftehim. Minn naħa, dan huwa ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, li l-implementazzjoni tiegħu hija deskritta fil-premessi 229 sa 278 tad-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni hija b’mod partikolari preżenti fil-premessi 358 sa 364 tagħha. Min-naħa l-oħra, dan huwa ftehim fuq il-kummissjonijiet, li l-implementazzjoni tiegħu hija deskritta fil-premessi 161 sa 228 tal-istess deċiżjoni u li għalhekk in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni hija b’mod partikolari preżenti fil-premessi 351 sa 357 tagħha.

62      Fir-rigward tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, għandu jiġi mfakkar li Coppens ma tikkontestax li pparteċipat. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega din tal-aħħar, ma jistax jiġi ammess li dan il-ftehim la kellu għan u lanqas effetti antikompetittivi. Fil-fatt, l-impriżi li jissottomettu tali kwotazzjonijiet jirrinunzjaw milli jikkompetu mal-impriża tal-ġarr li tkun talbithom. Bl-istess mod, din tal-aħħar, meta tistaqsi lill-kompetituri tagħha sabiex jiġu stabbiliti kwotazzjonijiet bħal dawn, taf li l-offerta tagħha mhux ser tkun fi kompetizzjoni ma offerti oħra iktar kompetittivi. L-impriża li tagħmel il-ġarr tkun għalhekk f’sitwazzjoni fejn tista’ tistaqsi għal prezz ogħla minn dak li kienet titlob f’ambjent kompetittiv, u dan għad-detriment tal-konsumaturi.

63      Barra minn hekk, sa fejn, skont il-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti tas-suq kumulat tal-impriżi involuti fl-akkordju jammonta għal madwar 50 % tas-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju, li Coppens ma tikkontestax, lanqas ma jista’ jiġi preżunt li l-effett ta’ dan il-ftehim jaffettwa s-suq ikkonċernat biss b’mod insinjifikattiv u li għalhekk jistgħu jevitaw il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1969, Völk, 5/69, Ġabra p. 295, punt 7, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64       Fir-rigward tal-allegata parteċipazzjoni limitata ta’ Coppens f’dan il-ftehim, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont it-termini stess tal-Artikolu 81(1) KE, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni teħtieġ biss li jkun stabbilit jekk il-ftehim li impriża pparteċipat fih flimkien ma’ oħrajn kellux l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jekk dan setgħax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni individwali ta’ impriża għal tali ftehim setgħetx fiha nnifisha, minħabba fil-pożizzjoni dgħajfa tagħha fis-suq rilevanti, tirrestrinġi l-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri hija irrilevanti meta ntiża sabiex jiġi stabbilit l-eżistenza ta’ ksur.

65      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni setgħat tikkunsidra lil Coppens bħala responsabbli talli pparteċipat fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, bi ksur tal-Artikolu 81 KE.

66      Fir-rigward tal-ftehim fuq il-kummissjonijiet, madankollu, hemm lok li jiġi osservat li, fil-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Coppens ma kinitx ftiehmet mal-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju inkwistjoni fuq il-kummissjonijiet. Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet biss ġustament tqis lil Coppens responsabbli għall-ftehim fuq il-kummissjonijiet jekk kienet ipprovat li din il-kumpannija kienet biħsiebha tikkontribwixxi permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, fl-għanijiet komuni imfittxija mill-parteċipanti kollha l-oħra fl-akkordju u li kienet taf dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet implementati minnhom jew li setgħat raġonevolment tipprevedi dan u li kienet lesta li tieħu r-riskju. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fl-atti tagħha, il-Kummissjoni allegatament issostni li hemm tali għarfien minn Coppens, billi b’mod partikolari kkunsidrat li din tal-aħħar ma tikkontestax li ġiet informata bil-ftehim fuq il-kummissjonijiet. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni espressament tammetti li din id-deċiżjoni ma hijiex ibbażata fuq provi speċifiċi fuq dan il-punt.

67      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward, u li għalhekk ma werietx li, matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, Coppens kellha għarfien dwar il-ftehim fuq il-kummissjonijiet implementat minn impriżi oħra li qed jipparteċipaw fl-akkordju, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi dan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment tikkunsidra lil Coppens bħala responsabbli għal dan l-aħħar ftehim u tattribwixxilha r-responsabbiltà tal-aġir kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu. F’dan is-sens, l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat minn Coppens insostenn tar-rikors tagħha huwa infondat.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

68      Coppens ssostni f’dan ir-rigward li ma hemm l-ebda prova tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għas-snin 1994 u 1995. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet żball meta kkonstatat b’mod żbaljat, fil-premessa 547 u fl-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-kumpannija kienet ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni għal 10 snin u 9 xhur.

69      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, għal dawn is-sentejn, ma hemm l-ebda prova tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-implementazzjoni tal-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza. Hija tikkunsidra, madankollu, li dan ma jaffettwax it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens f’dan il-ftehim, l-assenza ta’ prova tal-implementazzjoni ta’ ftehim minn impriża matul perijodu partikolari ma jippermettix li tiġi konkluża l-assenza ta’ ksur fil-kap ta’ din l-impriża matul il-perijodu kkonċernat.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 94).

71      Tali indizji u koinċidenzi jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 95 u 96).

72      Fir-rigward tal-assenza ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew għallinqas dwar l-implementazzjoni minn impriża matul perijodu speċifiku, għandu jitfakkar li l-fatt li tali prova ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma tostakolax dan il-ksur b’tali mod li dan jiġi kkunsdrat bħala kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dan, meta tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta’ ksur estiż fuq diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 u 98).

73      Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr ma jsir tbegħid pubbliku mill-kontenut tagħha jew mingħajr ma tiġi rrapportata lill-awtoritajiet amministrattivi, għandha bħala effett li tinkoraġġixxi t-tkomplija tal-ksur u tikkomprometti l-iskoperta tagħha. Din il-kompliċità tikkostitwixxi mod passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur li għaldaqstant huwa tali li jirrendi l-impriża responsabbli (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84).

74      Barra minn hekk, impriża ma tistax tevita r-responsabbiltà tagħha billi tallega li hija ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju jew li s-sehem tagħha fit-twettiq tal-elementi li kienet involuta fihom kien limitat, billi dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux tali li jikkontestaw ir-responsabbiltà tagħha għall-ksur. Fil-fatt, hemm lok li dawn iċ-ċirkustanzi jittieħdu biss inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).

75      Għalhekk, f’din il-kawża, anki jekk il-Kummissjoni taqbel li ma pproduċiet l-ebda prova tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza għas-snin 1994 u 1995, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li Coppens, matul dan il-perijodu, tbiegħdet pubblikament mill-kontenut ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari billi informat bil-miktub lill-kompetituri tagħha dwar l-intenzjoni tagħha li ma tibqax tipparteċipa f’dan, u, min-naħa l-oħra, in-numru ta’ provi tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Coppens f’dan il-ftehim wara dan il-perijodu, li jerġgħu jissemmew fil-qosor fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata u li ma humiex ikkontestati minn Coppens, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra li din il-kumpannija setgħat tinżamm responsabbli talli pparteċipat f’dak il-ftehim mingħajr interruzzjoni għall-perijodu kollu li jmur bejn it-13 ta’ Ottubru 1992 u d-29 ta’ Lulju 2003.

76      Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv invokat minn Coppens insostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv

77      Fir-rigward tal-allegata ommissjoni mill-Kummissjoni li tevalwa l-importanza relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm dan l-argument jista’ jkun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq din il-kumpannija, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, din hija irrilevanti, u għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti, billi din tikkonċerna, bħal f’din il-kawża, l-ikkontestar tal-eżistenza ta’ ksur fl-Artikolu 81 KE.

78      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li, billi l-ewwel parti tal-ewwel motiv hija parzjalment fondata, peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, ħlief għall-ftehim dwar il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza, ir-responsabbiltà ta’ Coppens fil-ksur uniku u kontinwu, l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati minn Coppens, sa fejn, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Coppens fil-ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni tikkunsidra lil din il-kumpannija bħala responsabbli għall-ftehim fuq il-kummissjonijiet u attribwixxiet lil din tal-aħħar ir-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu.

 Fuq il-multa

79      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, l-ewwel nett, minħabba l-annullament tas-sentenza appellata u bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 261 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 218).

80      It-tieni nett, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kwistjoni, li tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-kawża u t-tip ta’ ksur inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 111), billi l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew prattika miftiehma li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, l-indikazzjonijiet li jistgħu jittieħdu mil-linji gwida, b’mod ġenerali, jistgħu jkunu ta’ gwida għall-qrati tal-Unjoni meta jeżerċitaw din il-kompetenza, peress li dawn il-linji gwida ġew applikati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħra ssanzjonati mid-deċiżjoni li huma għandhom ikunu jafu biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 97 u 98, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 337).

81      It-tielet nett, l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddisponi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu. Barra minn hekk, jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) li għal kull impriża parteċipanti fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi 10 % mid-dħul mill-bejgħ totali magħmul matul is-sena kummerċjali preċedenti.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, li b’mod partikolari jindikaw li, id-dħul mill-bejgħ ta’ Coppens fl-2002 fuq is-suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju kien jammonta għal EUR 58 338; il‑ftehim fuq il-kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza li fih ipparteċipat din l-istess impriża, minkejja li huwa ta’ natura tali li probabbilment jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll żieda fil-prezzijiet tas-servizzi kkonċernati għad-dannu tal-konsumaturi u li jista’ jiġi deskritt bħala ftehim orizzontali li jiffissa l-prezzijiet u t-tqassim tas-suq u li għalhekk, min-natura tiegħu stess, jiġi kkunsidrat bħala fost ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jifforma parti mill-pjan ġenerali mfittex, skont id-deċiżjoni kkontestata, mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju inkwistjoni; 67 każ iddokumentat ta’ parteċipazzjoni ta’ Coppens fl-imsemmi ftehim ġew stabbiliti mill-Kummissjoni u għadhom ma humiex ikkontestati; għalkemm ir-rwol ta’ din il-kumpannija fil-ftehim inkwistjoni jista’ jiġi deskritt bħala limitat matul is-snin 1994 u 1995, hija tista’ tiġi kkunsidrata bħala li pparteċipat f’dan il-ftehim għal perijodu ta’ 10 snin u 9 xhur, u, fl-aħħar nett, id-dħul mill-bejgħ totali magħmul minn din tal-aħħar fl-2006 jammonta għal EUR 1 046 318, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li l-ammont tal-multa impost fuq Coppens fl-Artikolu 2(k) tad-deċiżjoni kkontestata jiġi ffissat għas-somma ta’ EUR 35 000.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

84      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. L-Artikolu 138(3), ta’ dan ir-regolament jippreċiża li jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, skont l-istess dispożizzjoni, jekk dan jidher ġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li, minbarra l-ispejjeż tagħha, parti tbati frazzjoni mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

85      F’dan il-każ, Coppens tilfet fl-appell u l-Kummissjoni kienet parzjalment telliefa fir-rikors fl-ewwel istanza. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun xieraq li tikkundanna lill-Kummissjoni, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati maż-żewġ istanzi, għal żewġ terzi mill-ispejjeż sostnuti minn Coppens f’dawn l-istanzi. Coppens għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha relatati maż-żewġ istanzi.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Ġunju 2011, Verhuizingen Coppens vs Il‑Kummissjoni (T‑210/08), hija annullata.

2)      L-Artikolu 1(i) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 926 finali, tal-11 ta’ Marzu 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 – Servizzi ta’ ġarr internazzjonali), huwa annullat sa fejn, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Verhuizingen Coppens NV fil-ftehim fuq sistema ta’ kwotazzjonijiet foloz, magħrufa bħala “kwotazzjonijiet ta’ konvenjenza”, mit-13 ta’ Ottubru 1992 sad-29 ta’ Lulju 2003, tikkunsidra lil din il-kumpannija responsabbli għall-ftehim dwar sistema ta’ kumpens finanzjarju għal offerti miċħuda jew f’każijiet ta’ nuqqas ta’ provvista, magħrufa bħala “kummissjonijiet” u tattribwixxi lil din tal-aħħar r-responsabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu.

3)      L-ammont tal-multa imposta lil Verhuizingen Coppens NV fl-Artikolu 2(k) ta’ din id-Deċiżjoni C(2008) 926 finali huwa ffissat għal EUR 35 000.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha relatati kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll mal-appell, għal żewġ terzi mill-ispejjeż sostnuti minn Coppens fiż-żewġ istanzi.

5)      Coppens għandha tbati terz mill-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.