Language of document : ECLI:EU:C:2012:392

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-28 ta’ Ġunju 2012 (1)


Kawżi Magħquda C‑399/10 P u C‑401/10 P


Bouygues SA, Bouygues Télécom SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea et


u


Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża et





“Appell – Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat ‑ Miżuri finanzjarji favur France Télécom”

1.        Permezz tal-appelli tagħhom, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA (Kawża C‑399/10 P) ), żewġ kumpanniji rreġistrati taħt id-dritt Franċiż, fejn l-aħħar waħda msemmija hija attiva fis-suq Franċiż tat-telefonija mobbli (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji Bouygues”), u l-Kummissjoni Ewropea (Kawża C‑401/10 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, Ġabra p. II‑2099, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija, minn naħa waħda, annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza favur France Télécom (ĠU L 257, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, iddikjarat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

I –    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2.        France Télécom (iktar ’il quddiem “FT”), li tinsab fil-quċċata ta’ grupp ta’ kumpanniji attiv fil-forniment ta’ netwerks u servizzi ta’ telekomunikazzjoni, hija société anonyme elenkata fil-Bourse li l-kapital tagħha, fl-2002, kien 56.45% tal-Istat Franċiż. Fil-31 ta’ Diċembru 2001, FT indikat, fil-kontijiet ippubblikati tagħha għas-sena 2001, dejn nett ta’ EUR 63.5 biljun u telf ta’ EUR 8.3 biljun. Fit-30 ta’ Ġunju 2002, id-dejn nett ta’ FT laħaq EUR 69.69 biljun, li minnhom EUR 48.9 biljun kienu obbligi ta’ dejn li kellhom jiġu rimborsati bejn l-2003 u l-2005.

3.        Fid-dawl tal-qagħda finanzjarja ta’ FT, il-ministru tal-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija Franċiż iddikjara, f’intervista ppubblikata fit-12 ta’ Lulju 2002 fil-ġurnal Les Echos (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002”), dan li ġej:

“Aħna l-azzjonist maġġoritarju, b’55 % tal-kapital […] L-Istat azzjonarju jaġixxi bħal investitur prudenti u jekk [FT] issib ruħha f’diffikultajiet, nieħdu l-miżuri meħtieġa […] Intenni li jekk [FT] ikollha problemi finanzjarji, li ma huwiex il-każ illum, l-Istat ser jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex dawn jiġu megħluba. Inthom qegħdin terġgħu tqajmu x-xnieha ta’ żieda tal-kapital … Le, żgur li le! Nafferma sempliċement li ser nieħdu, fiż-żmien opportun, il-miżuri xierqa. Jekk dan ikun meħtieġ […]”.

4.        Fi stqarrija għall-istampa dwar il-qagħda finanzjarja ta’ FT tat-13 ta’ Settembru 2002, (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002”) l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw dan li ġej:

“Wara t-telf eċċezzjonali kkonstatat fl-ewwel simestru, [FT] tinsab f’sitwazzjoni fejn għandha nuqqas serju ta’ fondi proprji. Tali sitwazzjoni finanzjarja ddgħajjef il-potenzjal ta’ [FT]. Il-[g]vern [Franċiż] b’hekk jinsab determinat li jeżerċita l-firxa sħiħa tar-responsabbiltajiet tiegħu […] L-Istat [Franċiż] sar jagħti l-appoġġ tiegħu lil [FT] fl-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan u ser jikkontribwixxi, min-naħa tiegħu, għat-tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi proprji ta’ [FT], fuq medda ta’ żmien u skont modalitajiet li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Minn dak il-punt, l-Istat [Franċiż] ser jieħu, jekk dan ikun meħtieġ, il-miżuri li jippermettu li tiġi evitata kull problema ta’ finanzjament għal [FT].”

5.        Fit-2 ta’ Ottubru 2002, inħatar Kap Eżekuttiv ġdid ta’ FT. L-istqarrija għall-istampa li ħabbret dik il-ħatra (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2002”) kienet tgħid hekk:

“[…] F’dan il-kuntest, [il-Kap Eżekuttiv ġdid ta’ FT] ser ikollu l-appoġġ tal-Istat azzjonarju, li huwa ddeterminat li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu. L-Istat [Franċiż] ser jagħti l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju u ser jikkontribwixxi, min-naħa tiegħu, għat-tisħiħ tal-fond proprji ta’ [FT] skont modalitajiet li jiġu ddeterminati b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-[p]resident ta’ [FT] u l-Bord tad-Diretturi. Kif diġà indika, l-Istat [Franċiż] ser jieħu fil-frattemp, jekk dan ikun meħtieġ, il-miżuri li jippermettu li tiġi evitata kull problema ta’ finanzjament għal [FT].”

6.        Matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ FT tal-4 ta’ Diċembru 2002, id-diriġenti l-ġodda ta’ FT ippreżentaw pjan ta’ azzjoni intitolat “Ambition France Télécom 2005” (iktar ’il quddiem il-“pjan Ambition 2005”) li essenzjalment għandu l-għan li jerġa’ jibbilanċja l-karta tal-bilanċ ta’ FT billi jsaħħaħ il-fondi tagħha sa EUR 15-il biljun.

7.        Il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 kienet akkumpanjata minn stqarrija għall-istampa tal-ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija tal-4 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem, l-“istqarrija tal-4 ta’ Diċembru 2002”), li kienet tgħid hekk:

“[Il-]ministru tal-[E]konomija […] jikkonferma l-appoġġ tal-Istat [Franċiż] għall-pjan ta’ azzjoni approvat mill-Bord tad-Diretturi ta’ [FT] fl-4 ta’ Diċembru [2002]. 1) Il-grupp [FT] jikkostitwixxi entità industrijali koerenti li l-prestazzjoni tiegħu hija notevoli. Madankollu, [FT] illum il-ġurnata għandha struttura finanzjarja żbilanċata, nuqqas ta’ fondi proprji u teħtieġ rifinanzjament fuq medda ta’ żmien medju. Din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-falliment ta’ investimenti fl-imgħoddi, li ġew ġestiti u rrealizzati b’mod ħażin fil-quċċata tal-bużżieqa finanzjarja u, b’mod iktar ġenerali, mill-bidla li kien hemm fis-swieq. L-impossibbiltà għal [FT] li tiffinanzja l-iżvilupp tagħha b’mod ieħor għajr b’dejn aggravat dik is-sitwazzjoni. 2) L-Istat [Franċiż], l-azzjonist maġġoritarju, talab lid-diriġenti l-ġodda biex jistabbilixxu mill-ġdid il-bilanċi finanzjarji ta’ [FT], waqt li jżommu l-integrità tal-grupp […] 3) Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni mfassal mid-diriġenti u l-perspettivi ta’ redditu fuq l-investiment, l-Istat [Franċiż] ser jipparteċipa fit-tisħiħ tal-fondi proprji ta’ EUR 15-il biljun fuq bażi pro rata skont is-sehem tiegħu mill-kapital, jiġifieri investiment ta’ EUR 9 biljun. L-Istat [Franċiż] azzjonist b’hekk beħsiebu jaġixxi bħala investitur prudenti. Hija r-responsabbiltà ta’ [FT] biex tiddefinixxi l-modalitajiet u l-iskeda taż-żmien preċiża għat-tisħiħ tal-fondi proprji tagħha. Il-gvern [Franċiż] jixtieq li dik l-operazzjoni ssir waqt li tittieħed f’kunsiderazzjoni bl-akbar mod possibbli s-sitwazzjoni tal-azzjonisti individwali u tal-impjegati li huma azzjonisti ta’ [FT]. Sabiex [FT] tingħata l-possibbiltà li tniedi operazzjoni fis-suq fl-iktar mument opportun, l-Istat [Franċiż] huwa lest li jantiċipa l-parteċipazzjoni tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi proprji, permezz ta’ self temporanju minn azzjonist, remunerat bil-kundizzjonijiet tas-suq, li jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ [FT]. 4) L-[Entreprise de recherches et d’activités pétrolières (ERAP)], stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali, ser tittrasferixxi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istat [Franċiż] f’[FT]. Hija ser tissellef mis-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-parti tal-Istat [Franċiż] fit-tisħiħ tal-fondi proprji ta’ [FT]”.

8.        Ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fl-4 ta’ Diċembru 2002, dwar il-miżuri finanzjarji previsti mill-pjan Ambition 2005, inkluż il-pjan ta’ self minn azzjonist imħabbar dakinhar stess.

9.        Fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 2002, FT ħarġet żewġ settijiet ta’ bonds suċċessivi li kienu jlaħħqu total ta’ EUR 2.9 biljuni.

10.      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, l-ERAP, li permezz tagħha l-Istat Franċiż kellu, fl-14 ta’ April 2003, 28.6 % tal-kapital ta’ FT, ikkomunikat lil dan tal-aħħar abbozz inizjalat u ffirmat ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist (iktar ’il quddiem l-“offerta ta’ kuntratt ta’ self ta’ azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002”). FT ma ffirmatx dan l-abbozz ta’ kuntratt u s-self minn azzjonist qatt ma ġie eżegwit.

11.      Fil-15 ta’ Jannar 2003, FT ħadet xi self fil-forma ta’ ħruġ ta’ bonds li jammonta għal total ta’ EUR 5.5 biljun. Dan is-self ma kienx kopert b’sigurtà jew b’garanzija Statali. Fl-10 ta’ Frar 2003, FT ġeddet parti minn self sindikalizzat li fid-data ta’ skadenza kellu jlaħħaq EUR 15-il biljun.

12.      Fl-4 ta’ Marzu 2003, tnediet l-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi prevista mill-pjan Ambition 2005. Fl-24 ta’ Marzu 2003, FT għamlet żieda ta’ kapital ta’ EUR 15-il biljun. L-Istat Franċiż ħa sehem f’din l-operazzjoni b’EUR 9 biljun pro rata tas-sehem tiegħu fil-kapital ta’ FT. Din l-operazzjoni ngħalqet fil-11 ta’ April 2003. FT għalqet is-sena finanzjarja 2002 b’telf ta’ madwar EUR 21 biljun u b’dejn finanzjarju nett ta’ madwar EUR 68 biljun. Il-kontijiet għas-sena finanzjarja 2002, ippubblikati minn FT fil-5 ta’ Marzu 2003, kienet turi żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ 8.4 %, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament ta’ 21.1 % u riżultat ta’ dħul/telf operattiv ta’ 30.9 %. Fl-14 ta’ April 2003, l-Istat Franċiż kellu 58.9 % tal-kapital ta’ FT.

13.      Fit-22 ta’ Jannar 2003, il-kumpanniji Bouygues SA u Bouygues Télécom SA, żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Franċiż, fejn tal-aħħar hija attiva fis-suq Franċiż tat-telefonija ċellulari (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji Bouygues”), ressqu lment quddiem il-Kummissjoni dwar ċerta għajnuna mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT u lil Orange fil-kuntest tar-rifinanzjament ta’ FT.

14.      Fit-3 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lill-awtoritajiet Franċiżi. L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li “[i]s-self minn azzjonist mogħti mir-[Repubblika Franċiża] lil [FT] f’Diċembru 2002 fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet […] minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni”. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, “[l]-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 ma għandhiex tiġi rkuprata”.

15.      Il-Kummissjoni kkonstatat li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT, sa minn Ġunju 2002, kienet ikkaratterizzata minn problemi strutturali serji u kienet tippreżenta bilanċ skwilibrat. Fil-fehma tagħha, fid-data tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, kull tnaqqis supplimentari fil-klassifikazzjoni tad-dejn ta’ FT kellu jwassal għal telf tal-livell tiegħu ta’ investiment ċert, u l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni S & P u Moody’s kienu waslu għall-punt li jbaxxu dik il-klassifikazzjoni għal-livell ta’ “junk bond”. Skont il-Kummissjoni, f’Lulju 2002, kienet għaddejja kriżi ta’ fiduċja fil-konfront ta’ FT.

16.      Fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li qabel il-miżuri ta’ Diċembru 2002, li kienu s-suġġett tan-notifika, kien hemm diversi dikjarazzjonijiet u miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002. Minn naħa, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri jagħtu l-possibbiltà li r-raġunijiet u l-portata tal-miżuri ta’ Diċembru 2002 jinftiehmu aħjar. Min-naħa l-oħra, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri kellhom effett fuq il-perċezzjoni li kellhom is-swieq u l-atturi ekonomiċi tas-sitwazzjoni ta’ FT fix-xahar ta’ Diċembru 2002. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien possibli li d-dikjarazzjonijiet u l-miżuri minn Lulju 2002 jiġu eżaminati bħala ħaġa sħiħa u li jitqiesu li jpoġġu f’periklu r-riżorsi tal-Istat (premessa 187). Hija kkonstatat differenza temporanja bejn il-vantaġġi għall-impriża, li kienu partikolarment evidenti fix-xahar ta’ Lulju, u l-impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat, li jidher li huwa stabbilit b’mod iktar ċar fix-xahar ta’ Diċembru. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ma kienx ser ikun faċli li jiġi ddeterminat mingħajr l-ebda dubju jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ Lulju 2002 kinux tali li jinvolvu mill-inqas potenzjalment ir-riżorsi tal-Istat. L-argument li d-dikjarazzjonijiet ta’ Lulju 2002 huma għajnuna “għalhekk huwa argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat” (premessa 188). Madankollu, il-Kummissjoni dehrilha li ma għandhiex provi biżżejjed biex tkun tista’ tistabbilixxi l-preżenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ dak l-argument (premessa 189).

17.      Hija b’hekk ikkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-miżuri meħuda sa minn Diċembru 2002 u nnotifikati mill-Istat Franċiż, li permezz tagħhom hija kkunsidrat li l-preżenza ta’ impenn ta’ riżorsi tal-Istat huwa ta’ vantaġġ u iktar evidenti, “meta wieħed iqis l-impatt fuq is-suq tad-dikjarazzjonijiet li saru qabel”. Il-Kummissjoni sussegwentement irrilevat li l-offerta ta’ self minn azzjonist tagħti vantaġġ lil FT għaliex din tippermettilha żżid il-mezzi ta’ finanzjament tagħha u sserraħ moħħ is-suq rigward il-kapaċità li tirrispetta l-iskadenzi tagħha. Għalkemm il-ftehim ta’ self qatt ma ġie ffirmat, “l-impressjoni mogħtija lis-suq dwar l-eżistenza ta’ dan is-self tista’ tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja [ta’ FT] kienet iktar solida” (premessa 194). Hija kkunsidrat li l-fatt li jirriżulta vantaġġ mill-għoti ta’ impenn mill-Istat li jista’ jwassal għal trasferiment ta’ riżorsi potenzjali, għalkemm mhux immedjat, ma jeskludix li dak il-vantaġġ jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Skont il-Kummisjoni, tali “oneru potenzjali supplimentari” fuq ir-riżorsi tal-Istat “inħoloq bl-avviż tad-disponibbiltà tas-self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ qabel din id-disponibbiltà, bl-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien tabilħaqq disponibbli u fl-aħħar nett meta ERAP bagħtet il-kuntratt tas-self inizjalat u ffirmat minnha lil FT” (premessa 196).

18.      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri msemmija jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, peress li l-impatt tagħha ma setax jiġi evalwat bi preċiżjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża kien jipprekludi li din tiġi rkuprata. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni pproċediet b’analiżi globali ta’ elementi minbarra l-offerta ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, u peress li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali aġir mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kienet ġdida, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi dan ukoll.

II – Is-sentenza appellata

19.      Permezz tar-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża, FT, il-kumpanniji Bouygues u l-Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications talbu l-annullament (totali jew parzjali) tad-deċiżjoni kkonestata.

20.      Fis-sentenza appellata, wara li rrikonoxxiet li d-diversi rikorrenti kellhom interess ġuridiku, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li kienet saret mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, fil-punt 221, hija ddikjarat li “għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002, meqjusa separatament jew flimkien, tawx vantaġġ wieħed jew iktar lil FT. Jekk iva, imbagħad, għandu jiġi evalwat jekk dawn il-vantaġġi eventwali favur FT jirriżultawx minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Jekk iva, imbagħad għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-vantaġġi eventwali humiex ġejjin minn riżorsi tal-Istat li ngħataw fl-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq”.

21.      Fl-ewwel lok, rigward id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punt 234 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni wriet suffiċjentement, fid-deċiżjoni [kkontestata], li dawn [...] wasslu għal vantaġġ kunsiderevoli favur FT sa fejn dawn ippermettew li terġa’ tinkiseb il-fiduċja tas-swieq finanzjarji, għamlu possibbli, iktar faċli u b’inqas spejjeż l-aċċess ta’ FT għal krediti ġodda neċessarji għar-rifinanzjament tad-djun bi skadenza qasira tagħha sa EUR 15-il biljun u, fl-aħħar mill-aħħar, ikkontribwixxew biex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja ferm dgħajfa tagħha, li f’Ġunju u f’Lulju 2002, kienet se tmur ferm iktar għall-agħar”. Fil-punt segwenti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata wkoll li “l-Kummissjoni ssodisfat numru ta’ fatturi li jistgħu jistabbilixxu li, wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u d-dikjarazzjonijiet sussegwenti kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu żammew klassifikazzjoni ta’ kreditu iktar favorevoli għal FT minn dik li kienu żammew jew ipprevedew qabel fid-dawl tal-kriżi finanzjarja tagħha […]”. Hija tirrikonoxxi, fil-punt 237, li “kollha flimkien, l-imsemmija dikjarazzjonijiet influwenzaw, b’mod deċiżiv, ir-reazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu u li din ir-reazzjoni sussegwentement kienet determinanti għar-rivalorizzazzjoni tal-immaġni ta’ FT f’għajnejn l-investituri u l-kredituri kif ukoll għall-aġir tal-atturi tas-swieq finanzjarji li kellhom sehem sussegwentement fir-rifinanzjament ta’ FT”. Hija finalment tikkonkludi, fil-punt 240, li “l-effett pożittiv u stabilizzanti fuq il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT, li rriżulta direttament mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mir-rieda tal-awtoritajiet Franċiżi, bilfors kellu l-konsegwenza li jagħti vantaġġ finanzjarju lil FT u jsaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tagħha. Din il-konstatazzjoni minnha nfisha tagħti lok li l-Kummissjoni tikkonkludi li FT ngħatat vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr ma hemm għalfejn li dan il-vantaġġ jiġi kkwantifikat”.

22.      Fil-punti 243 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali teżamina, sussegwentement, “jekk is-self minn azzjonist, fih innifsu, li m’avvanzax iktar mill-istadju ta’ abbozz ta’ kuntratt mhux iffirmat minn FT u li qatt ma ġie eżegwit, ipproduċiex vantaġġ supplimentari u distint għall-benefiċċju ta’ FT meta pparagunat mal-vantaġġ deskritt fil-punti 235 sa 237 [tas-sentenza appellata]. Fil-punt 244, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata, “fejn jingħad li, anki jekk il-kuntratt ta’ self minn azzjonist qatt ma ġie ffirmat minn FT u għalhekk lanqas ma ġie eżegwit, dan tal-aħħar kien jagħti vantaġġ lil FT, għaliex ippermettilha żżid il-mezzi finanzjarji tagħha, isserraħ moħħ is-suq dwar il-kapaċità tagħha li tlaħħaq mal-iskadenzi tagħha u b’hekk tinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ self ta’ FT”, waqt li ppreċiżat li minn din il-premessa jirriżulta li “hija l-apparenza mogħtija lis-suq li kien jeżisti dan is-self [li] setgħet tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja [ta’ FT] kienet iktar soda” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 245, il-Qorti Ġenerali tosserva li “sa fejn il-Kummissjoni xxebbah il-vantaġġ deskritt b’dan il-mod ma’ effett li jserraħ moħħ is-suq u mal-apparenza għal terzi tad-disponibbiltà tas-self minn azzjonist lil FT, jidher ċar li dan il-vantaġġ qed jiġi konfuż ma’ dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u b’mod partikolari, ma’ dak assoċjat mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist, li diġà kellu tali effett fuq is-swieq finanzjarji u wassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tas-self għal FT”. Fil-punt segwenti, hija tispjega li “jidher li huwa eskluż li l-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist li kien is-suġġett tal-kuntratt iffirmat, inizjalat u mibgħut minn ERAP lil FT seta’ jkollu, l-istess bħall-avviż tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2002, effett identiku jew, għall-inqas, simili fuq is-swieq”, peress li “it-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist li saret minn ERAP lil FT fl-20 ta’ Diċembru 2002, ma saritx pubblika separatament u barra l-avviż, fl-4 ta’ Diċembru 2002, tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist”.

23.      Fil-punti 251 sa 256 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali teżamina jekk il-Kummissjoni “stabbilietx kif titlob il-liġi li l-possibbiltà waħidha li FT setgħet tirrikorri, b’mod unilaterali u inkundizzjonali, għall-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun li kienu s-suġġett tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist, kienet tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju tagħha, anki jekk FT qatt ma ffirmat l-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist u wisq inqas eżegwietu”. Effettivament, skont il-Qorti Ġenerali, mid-deċiżjoni kkontestata “jirriżulta bil-livell minimu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ” li l-Kummissjoni kienet ikunsidrat tali vantaġġ, addizzjonali u distint meta mqabbel ma’ dak deskritt fil-punti 235 sa 237 tal-imsemmija sentenza, li jirriżulta mid-“dikarazzjonijiet minn Lulju 2002” u mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 (punti 248 sa 250). Fit-tmiem tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li tali prova kienet nieqsa, inkwantu l-Kummissjoni eżaminat jekk, meta jitqiesu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, dan jimplikax konkretament effetti ekonomiċi vantaġġużi għal FT (punt 257).

24.      Fil-punti 262 et seq tad-deċiżjoni appellata, il-Qorti Ġenerali tindirizza l-kwistjoni jekk il-vantaġġi identifikati qabel jirriżultawx minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Hija twarrab, fl-ewwel lok, l-argument tal-kumpanniji Bouygues li tali trasferiment jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, minħabba n-natura miftuħa, impeċiża u kundizzjonali tad-dikjarazzjonijiet u tal-fatt li ma kienx intwera li huma jissodisfaw “il-kundizzjonijiet ta’ impenn unilaterali ġuridikament vinkolanti tal-Istat Franċiż, anki jekk kien f’forma ta’ ittra ta’ impenn, li jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE” (punti 268 sa 289).

25.      Il-Qorti Ġenerali sussegwentement teżamina jekk trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat huwiex stabbilit f’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u, min-naħa l-oħra, l-offerta ta’ kuntratt ta’ self ta’ azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002.

26.      Fir-rigward tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li la l-Kummissjoni, u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma sostnew li din id-dikjarazzjoni kienet timplika, fir-rigward tad-dritt amministrattiv jew ċivili Franċiż, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u li, għaldaqstant, l-eżami ta’ dik il-kwistjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kompetenza tagħha (punti 293 sa 295). Fil-punt 296, il-Qorti Ġenerali tiddikjara wkoll li “kien x’kien il-każ, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 jista’ jikkorrispondi biss għal vantaġġ li jinsab fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun li kienet espressament prevista fih. Minn naħa, kif tfakkar fil-punt 292 [tas-sentenza appellata], il-Kummissjoni naqset milli tikkaratterizza, kif titlob il-liġi, tali vantaġġ fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ huwa distint minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kif ġie kkunsidrat fl-imsemmija deċiżjoni (ara l-punti 243 et seq [tas-sentenza appellata]), bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar jikkonsistix fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ rifinanzjament ta’ FT u/jew fiż-żieda eventwali tal-prezz tal-azzjonijiet u tal-bonds tagħha”. Fil-punt segwenti, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li “ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat jippreżumi li l-imsemmi vantaġġ jikkorrispondi għal spiża ekwivalenti li taffettwa l-finanzi tal-Istat […]. Madankollu, din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-vantaġġ ikkunsidrat fid-deċiżjoni [kkontestata], li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, minn naħa, u l-allegat trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi li jikkonsisti fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, kif ġie previst fl-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist, min-naħa l-oħra”. Hija tikkonkludi, konsegwentement, li l-Kummissjoni ma wrietx li d-dikjarazzjoni inkwistjoni kienet tammonta għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

27.      F’dak li jirrigwarda l-offerta ta’ kuntratt ta’ self ta’ azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali sempliċement tikkunsidra li “sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni [kkontestata], vantaġġ li jirriżulta mill-offerta kuntrattwali bħala tali (ara l-punti [254 sa 257 tas-sentenza appellata]), huwa, inqas u inqas, possibbli li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li kien marbut ma’ dan il-vantaġġ” (punt 299).

28.      Il-Qorti Ġenerali finalment tindirizza l-kwistjoni jekk “fuq il-bażi tal-approċċ globali tagħha (ara l-punt 266 [tas-sentenza appellata]), minkejja kollox, il-Kummissjoni setgħetx tevalwa d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mal-avviż tas-self minn azzjonist u mat-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist sabiex tikkonkludi li l-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat f’dan il-każ kien sodisfatt” (punti 302 sa 309). Fit-tmiem ta’ dan l-eżami, hija tikkonkludi li “anki jekk il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti kollha li ppreċedew u li influwenzaw id-deċiżjoni definittiva li ħa l-Istat Franċiż f’Diċembru 2002 li jsostni lil FT permezz ta’ self minn azzjonist biex tikkaratterizza vantaġġ, hija ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat marbut ma’ dan il-vantaġġ”.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

29.      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2010, il-kumpanniji Bouygues ippreżentaw appell kontra s-sentenza kkontestata (kawża C‑399/10 P). B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll appell kontra din is-sentenza (kawża C‑401/10 P). B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2011, ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallew jintervjenu fil-Kawża C‑399/10 P insostenn, rispettivament, tal-Kummissjoni u tar-Repubblika Franċiża. Ir-Renju tad-Danimarka sussegwentement rrinunzja għall-intervent tiegħu. B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011, il-Kawżi C‑399/10 u C‑401/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

30.      Il-kumpanniji Bouygues jitolbu, fil-kawża C‑399/10 P, li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata; tiddeċiedi dwar il-merti u tannulla, minn naħa waħda, parzjalment l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni appellata, fejn il-Kummissjoni impliċitament imma neċessarjament irrifjutat li tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat id-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni; sussidjarjament, f’każ fejn hija jidhrilha li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid; u tordna lill-Kummissjoni, FT, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex ibatu l-ispejjeż. Fil-kawża C‑401/10 P, huma jirreferu għat-talbiet ifformulati fl-appell tagħhom.

31.      Il-Kummissjoni titlob, fil-kawża C‑401/10 P, li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, inkwantu din annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni biex tbati l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT fil-kawżi T‑425/04 u T‑444/04, u tirreferi l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal ritrattazzjoni waqt li tirriżerva l-ispejjeż tal-kawża. Fil-kawża C‑399/10 P, il-Kummissjoni taqbel mat-talbiet tal-kumpanniji Bouygues ħlief fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontestata inkwantu hija impliċitament iżda neċessarjament irrifjutat li tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat id-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, kif ukoll għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni u biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-kumpanniji Bouygues.

32.      FT u r-Repubblika Franċiża jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli tal-kumpanniji Bouygues u tal-Kummissjoni u, fin-nuqqas, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza u tirrifjuta li tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali, huma jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’, totalment jew parzjalment, it-talbiet rispettivi tagħhom fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni t-talbiet tar-Repubblika Franċiża u titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż li saru mill-partijiet intervenjenti.

IV – Fuq l-appelli

34.      Insostenn tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑399/10 P, il-kumpanniji Bouygues jinvokaw żewġ aggravji li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji fil-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tad-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u, it-tieni wieħed, fuq żbalji fil-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tas-self minn azzjonist mogħti mill-Istat Franċiż lil FT fil-forma ta’ ftuħ ta’ linja ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun f’Diċembru 2002.

35.      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji fil-kuntest tal-appell tagħha fil-kawża C‑401/10 P. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq motivazzjoni kontradittorja fis-sentenza appellata, it-tieni wieħed fuq allegat żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u t-tielet wieħed iqajjem il-kwistjoni ta’ żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata.

A –    Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE

36.      Fil-punti segwenti ser jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ilmenti mqajma mill-kumpanniji Bouygues fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom, li jallegaw li l-Qorti Ġenerali skorrettament irrifjutat li tikkwalifika bħala għajnuna d-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 Ottubru 2002 u sussegwentement, konġuntament, l-ilmenti invokati mill-kumpanniji Bouygues, fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, u mill-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, dwar il-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tas-self minn azzjonist mogħti mill-Istat Franċiż lil FT. Peress li l-kundizzjoni tal-finanzjament ta’ għajnuna permezz ta’ riżorsi tal-Istat tinsab fil-qalba tad-dibattitu bejn il-partijiet, qabel ma neżaminaw dawk l-ilmenti għandna nfakkru fil-qosor il-ġurisprudenza f’dan ir-rigward.

1.      Referenza fil-qosor għall-ġurisprudenza dwar il-kundizzjoni tal-finanzjament tal-għajnuna permezz ta’ riżorsi tal-Istat

37.      Skont ġurisprudenza li saret kostanti, l-impenn ta’ riżorsi statali jinsab fost il-kundizzjonijiet kostituttivi ta’ għajnuna, li b’hekk għandha tikkostitwixxi piż fuq il-baġit tal-Istat.

38.      Għalkemm fl-istat attwali tal-evoluzzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, dan issa huwa prinċipju stabbilit, dan ma kienx minn dejjem hekk, u fl-ewwel fażi tal-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tidher pjuttost orjentata li tidentifika l-oriġini statali ta’ miżura alternattivament fin-natura pubblika tar-riżorsi użati għal-finanzjament tagħha jew fl-imputabbiltà tagħha għall-Istat (2). B’hekk, f’sentenza tal-1985, qabel ma ddeċidiet dwar jekk kinitx tikkostitwixxi għajnuna, allokazzjoni mogħtija lill-bdiewa ffinanzjata mill-bilanċ favorevoli tal-ġestjoni tal-Kont nazzjonali Franċiż ta’ kreditu agrikolu, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet espressament li “għajnuna mhux neċessarjament trid tkun iffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat biex tkun ikkwalifikata bħala għajnuna statali” (3) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Xi snin iktar tard, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dak l-approċċ fis-sentenza Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (4) u, fl-1988, f’sentenza dwar il-kwalifikazzjoni bħala għajnuna ta’ bonus ta’ imgħaxijiet fuq il-krediti tal-esportazzjoni mogħti mill-awtoritajiet Griegi permezz tal-Bank tal-Greċja (5), il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat dak l-approċċ bħala “ġurisprudenza kostanti” (6). L-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 tat-Trattat KE fis-sens li l-finanzjament pubbliku tal-għajnuna ma huwiex kundizzjoni indispensabbli sabiex tiġi kkwalifikata bħala għajnuna miżura li mingħajr ebda dubju tkun imputabbli lill-Istat, kienet sostnuta minn diversi avukati ġenerali (7).

39.      Sa mis-sentenza Sloman Neptun (8), madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni ċara bil-maqlub. Waqt li ċaħdet l-argument sostnut mill-Kummissjoni, li kienet qed tibbaża fuq il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, u għall-kuntrarju tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet, f’din is-sentenza, li “huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat” u li “jirriżulta mit-termini nfushom ta’ dik id-dispożizzjoni […] li l-vantaġġi mogħtija b’mezzi oħrajn minbarra riżorsi tal-Istat ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni” (9). Din il-bilda ġiet ikkonfermata fis-sentenza Kirsammer-Hack (10), li wkoll kienet tirrigwarda l-qasam tal-leġiżlazzjoni soċjali. Dik id-direzzjoni ġiet segwita sussegwentement b’mod kostanti (11). Fil-kawża PreussenElektra (12), iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet b’mod apert mill-Kummissjoni biex tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, iżda hija ma laqgħetx din it-talba (13).

40.      Jekk vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikollu jiġi ffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat sabiex jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza kostanti, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit, f’kull każ, li kien hemm trasferiment ta’ tali riżorsi (14). Ir-rinunzja mill-Istat li jiġbor dħul, anki jekk ma tkun tinvolvi ebda trasferiment dirett ta’ riżorsi pubbliċi, tista’ wkoll tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE (15). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżit tal-finanzjament permezz ta’ riżorsi tal-Istat eżenzjoni jew tnaqqis fiskali (16), krediti ta’ taxxi, u, taħt kundizzjonijiet partikolari, faċilitajiet ta’ ħlas għall-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħtija b’mod diskrezzjonali lil impriża mill-entità responsabbli mill-ġbir tagħhom (17), il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi taħt kundizzjonijiet preferenzjali (18), ir-rinunzja effettiva għal krediti pubbliċi jew eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multi jew sanzjonijiet pekunjarji (19) oħrajn.

41.      Fis-sentenza Ecotrade, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk ammettiet li “oneru supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jista’ jirriżulta mill-għoti ta’ garanzija tal-Istat (20), każ imsemmi espliċitament mill-kumpanniji Bouygues fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002. F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (iktar ’il quddiem: il-“komunikazzjoni dwar l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji”) (21), fir-rigward tal-kwistjoni tal-impenn ta’ riżorsi pubbliċi, il-Kummissjoni tippreċiża, “sabiex tneħħi d-dubji dwar dan is-suġġett”, li t-teħid ta’ riskju min-naħa tal-Istat ma huwiex remunerat bi premju xieraq, u li “hemm fl-istess ħin vantaġġ għall-impriża u piż għar-riżorsi pubbliċi”. Għaldaqstant, l-għajnuna tingħata “fil-mument meta l-garanzija tiġi offruta, u mhux fil-mument meta tiġi mmobilizzata jew meta jsiru ħlasijiet” u “din tkun teżisti wkoll jekk, finalment, l-Istat ma jasalx biex jagħmel ħlasijiet abbażi tal-garanzija mogħtija” (22). L-użu tar-riżorsi pubbliċi b’hekk tirriżulta mhux biss mill-piż, futur u inċert, li jkollu jintrefa’ mill-baġit tal-Istat fl-ipoteżi li l-garanzija tiġi rrealizzata, imma mill-fatt, għal dan tal-aħħar, li jassumi mingħajr kumpens adegwat, ir-riskju ta’ tali telf, li, skont il-Kummissjoni, jikkostitwixxi nuqqas ta’ qligħ attwali. B’mod iktar preċiż, hija t-taħlita ta’ dawn iż-żewġ elementi, it-teħid tar-riskju u l-assenza ta’ kumpens xieraq, li tagħti lok għal mobilizzazzjoni ta’ riżorsi tal-istat, fil-każ ta’ garanzija (23).

42.      Finalment, għandu jiġi mfakkar li, kif argumentaw korrettament il-kumpanniji Bouygues, fil-kawża Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li anki spiża futura u potenzjali għall-awtoritajiet pubbliċi tista’ tkun biżżejjed biex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni ta’ użu ta’ riżorsi statali (24).

2.      Fuq il-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tad-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 (l-ewwel motiv fil-Kawża C‑399/10 P)

43.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Bouygues jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat il-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tad-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-kumpanniji Bouygues jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żbalji fir-rigward tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dikjarazzjoni ta’ appoġġ tkun tista’ timplika impenn ta’ riżorsi tal-Istat [ara punt a iktar ’il quddiem]. Fit-tieni parti, huma jinvokaw żnaturament tar-regoli tad-dritt nazzjonali invokati quddiem il-Kummissjoni [ara punt b iktar ’il quddiem]. Finalment, permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħhom, huma jallegaw żball ta’ kwalifikazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet meta b’mod żbaljat irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni abbażi tal-użu ta’ riżorsi pubbliċi, l-effetti ekonomiċi marbuta mal-aspettattiva maħluqa mid-dikjarazzjonijiet tal-Istat [ara punt c iktar ’il quddiem].

a)      Fuq l-iżbalji li allegatament ikkommettiet il-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dikjarazzjoni ta’ appoġġ tal-Istat tkun tista’ timplika użu ta’ riżorsi pubbliċi (l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża C‑399/10 P)

44.      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, il-kumpanniji Bouygues, mingħajr ma poġġew f’dubju bħala tali l-kundizzjoni ta’ finanzjament tal-għajnuna permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jikkontestaw ir-rekwiżiti li għalihom il-Qorti Ġenerali ssuġġettat il-prova li ġiet sodisfatta din il-kundizzjoni fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali bbażat b’mod żbaljat fuq in-natura futura u inċerta tar-riskju tal-immobilizzar tar-riżorsi pubbliċi biex teskludi n-natura ta’ għajnuna ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet. Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, in-natura indefinita tal-modalitajiet ta’ intervent tal-Istat kif ukoll tal-ammont garantit ma huwiex element deċiżiv biex jiġi eskluż impenn ta’ riżorsi statali, peress li l-kunċett ta’ garanzija ma huwiex limitat għall-garanziji klassiċi previsti u rregolati mid-dritt nazzjonali. Finalment, il-kumpanniji Bouygues isostnu li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkunsidrat li kien meħtieġ impenn ġuridikament vinkolanti mill-Istat sabiex jintwera użu ta’ riżorsi pubbliċi.

45.      L-ilmenti msemmija iktar ’il fuq huma indirizzati kontra l-punti 279 u 280 tas-sentenza appellata. Fil-punt 279, wara li analizzat in-natura tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 (punti 272 sa 278 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, “minħabba n-natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali tagħhom, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ intervent eventwali min-naħa tal-Istat favur FT […], [dawk id-dikjarazzjonijiet] ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ garanzija tal-Istat jew jiġu interpretati bħala li qed jiżvelaw impenn irrevokabbli li tingħata għajnuna finanzjarja preċiża għall-benefiċċju ta’ FT”. Hija tkompli billi tippreċiża, fil-punt segwenti, li “[i]mpenn konkret, inkundizzjonali u irrevokabbli tar-riżorsi pubbliċi min-naħa tal-Istat Franċiż kien jippreżumi li dawn id-dikjarazzjonijiet jippreċiżaw, b’mod espliċitu, jew is-somom eżatti li għandhom jiġu investiti jew id-djun konkreti li għandhom jiġu ggarantiti jew, għall-inqas, kuntest finanzjarju predefinit, bħal faċilità ta’ kreditu sa ċertu ammont, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna ppjanata”.

46.      Nirrileva qabel kollox li l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali riprodotti fil-punt preċedenti joħorġu mill-kuntest ta’ analizi li saret fir-rigward tad-dritt nazzjonali pertinenti, li l-Qorti Ġenerali għamlet referenza għalih biss fil-punti 283 et seq tas-sentenza appellata. Nistqarr li dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali, li jikkonsisti f’analiżi tal-kwistjoni jekk dikjarazzjoni ta’ appoġġ tal-Istat tikkostitwixxix impenn ġuridikament vinkolanti li jista’ jimmobilizza riżorsi pubbliċi mingħajr referenza għad-dispożizzjonijiet pertinenti tad-dritt nazzjonali applikabbli, iħallini perpless.

47.      Barra minn hekk, u jekk nassumu li tali analiżi hija awtorizzata, għandi wkoll dubji sostanzjali dwar il-kundizzjonijiet stipulati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 280 tas-sentenza appellata. Jidhirli li dawn huma, effettivament, restrittivi iżżejjed, inkwantu jwasslu biex jeskludu li tista’ twassal għal trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi kull miżura ta’ appoġġ li l-effetti ekonomiċi tagħha jistgħu jiġu assimilati għal dawk ta’ garanzija tal-Istat (25) iżda li l-portata eżatta tagħha, f’termini ta’ riskju finanzjarju impost fuq il-baġit pubbliku, ikun għadu mhux kwantifikabbli fil-mument meta tiġi adottata dik il-miżura (26), u dan anki meta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, tali miżura toħloq obbligu ġuridikament vinkolanti għall-Istat. Dik l-esklużjoni tal-prinċipju ma jidhirlix li hija ġġustifikata, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li hemm lok, fl-istadju tal-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, li tieħu f’kunsiderazzjoni l-effetti li din tista’ tipproduċi (27).

48.      Dan premess, ma jidhirlix li huwa neċessarju li tiġi eżaminata issa din il-kwistjoni. Effettivament, iċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-allegazzjoni tal-kumpanniji Bouygues li d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat hija bbażata essenzjalment fuq motivi differenti minn dawk indikati fil-punti 279 u 280 tas-sentenza appellata. Peress li, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, jidhirli li l-ilmenti mqajma mill-kumpanniji Bouygues kontra dawk il-motivi għandhom jiġu miċħuda għal kollox, isegwi li, anki jekk nasal għall-konklużjoni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ dritt fil-punt 280 tas-sentenza appellata, li huwa ċċitat iktar ’il fuq, tali żball ma huwiex biżżejjed fih innifsu biex iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

49.      B’hekk nipproċedi biex nanalizza l-ilmenti mqajma mill-kumpanniji Bouygues kontra motivi tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali eskludiet, minn naħa waħda, fuq il-bażi tar-regoli tad-dritt ċivili u amministrattivi Franċiż, li d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 ħolqu obbligu ġuridikament vinkolanti għall-Istat [ara punt b iktar ’il quddiem] u, min-naħa l-oħra, li huma setgħu jikkostitwixxu impenn ta’ riżorsi statali anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe obbligu ġuridiku ieħor [ara punt c iktar ’il quddiem].

b)      Fuq l-allegat żnaturament tar-regoli tad-dritt nazzjonali invokati quddiem il-Kummissjoni (it-tieni parti tal-ewwel motiv fil-kawża C‑399/10 P)

50.      Il-kumpanniji Bouygues isostnu li kien minħabba żnaturament tar-regoli tad-dritt intern li ġew sottomessi lilha li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ċerti elementi tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ preċiżjoni, ta’ ċarezza u ta’ sodezza fir-rigward tal-mezzi li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu rrimedjati l-problemi ta’ finanzjament ta’ FT, il-fatt li kienet marbuta mal-kundizzjoni FT jkollha problemi ta’ finanzjament, kif ukoll il-fatt li dawk id-dikjarazzjonijiet kienu mmirati lejn il-futur, jipprekludu r-rikonoxximent ta’ obbligu ġuridiku għall-Istat taħt id-dritt amministrattiv jew ċivili Franċiż.

51.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar iddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar il-limiti tal-kontroll li hija teżerċita fil-kuntest ta’ appell dwar il-konstatazzjonijiet li jkunu saru mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru (28). B’mod partikolari hija ppreċiżat li hija “kompetenti sabiex teżamina, l-ewwel nett, jekk il-Qorti Ġenerali, abbażi tad-dokumenti u tal-atti l-oħra li ġew ippreżentati quddiemha, żnaturatx il-kliem tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali relatata magħhom jew inkella d-dutrina legali li titrattahom, it-tieni nett, jekk il-Qorti Ġenerali għamlitx, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, konstatazzjonijiet li jmorru manifestament kontra l-kontenut tagħhom, u, fl-aħħar nett, jekk il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha, tatx lil wieħed minn dawn l-elementi, sabiex tikkonstata l-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, portata li ma tixraqlux meta mqabbel mal-elementi l-oħrajn, sa fejn dan jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess” (29).

52.      F’din il-kawża, insostenn tal-ilment taħhom ta’ żnaturament, il-kumpanniji Bouygues jirreferu, fl-ewwel lok, għal parir legali mitlub mill-Kummissjoni u anness man-noti ta’ osservazzjonijiet li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Minn dak il-parir jirriżulta li, taħt id-dritt Franċiż, impenn li wieħed jasal għal riżultat ċar u preċiż joħloq obbligu li jintlaħaq riżultat, u n-nuqqas ta’ preċiżjoni jew ċarezza dwar il-mezzi biex jinkiseb tali riżultat huwa irrelevanti.

53.      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni FT, dan l-argument huwa ammissibbli, għaliex jinsab fil-kuntest tal-motiv dwar interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Franċiż mill-Kummissjoni, li l-kumpanniji Bouygues issollevaw fl-ewwel istanza. Rigward il-merti, inkwantu l-kumpanniji Bouygues isostnu li kien hemm żnaturament tal-kontenut tal-opinjoni legali msemmija iktar ’il fuq, l-argument tagħhom għandu jiġi miċħud, peress li naqqsu milli jippreċiżaw f’xiex jikkonsisti dak l-iżnaturament, li ma jistax jiġi inferit mis-sempliċi konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma segwitx l-argument li sar f’dik l-opinjoni. Inkwantu, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji Bouygues jibbażaw fuq l-opinjoni legali inkwistjoni biex isostnu żnaturament tar-regoli tad-dritt intern, nirrileva, minn naħa waħda, li jirriżulta mit-termini nfushom ta’ dak il-parir li l-awtur tiegħu llimita ruħu biex jissostanzja l-argument li kien jidher probabbli li d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 jiġu kkwalifikati taħt id-dritt kummerċjali Franċiż bħala “engagement de patronage” (impenn ta’ patronċinju) (30). Min-naħa l-oħra, kif tosserva l-Qorti Ġenerali fil-punt 283 tas-sentenza appellata, jirriżulta wkoll minn dak il-parir li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li dawk id-dikjarazzjonijiet jesprimu impenn ċar u preċiż tal-Istat, għalkemm relattivament indeterminat, liema premessa hija preċiżament miċħuda mill-Qorti Ġenerali fil-punti 272 sa 278 tas-sentenza appellata (31). L-istess jgħodd fir-rigward tas-sentenza tal-Cour de cassation tad-9 ta’ Lulju 2002, Lordex iċċitata fl-imsemmi parir (32).

54.      Fit-tieni lok, il-kumpanniji Bouygues isostnu li, skont ir-regoli tad-dritt amministrattiv Franċiż sottomessi lill-Qorti Ġenerali, id-dikjarazzjonijiet ta’ Stat insostenn ta’ impriża jistgħu jorbtu lill-Istat ġuridikament.

55.      Huma jsostnu, fl-ewwel lok, li “l-ġurisprudenza amministrattiva tagħti saħħa vinkolanti lill-wegħdiet tal-Istat”. B’mod partikolari, huma jiċċitaw sentenza tal-Conseil d’État tat-30 ta’ Ġunju 1922, Lamiable et, li tgħid li huwa biżżejjed li l-amministrazzjoni tkun aġixxiet “b’mod li tagħti x’tifhem” li hija ser taġixxi b’ċertu mod biex ikun hemm impenn tal-Istat. Din is-sentenza hija applikabbli f’din il-kawża fejn, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess, id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 ħolqu aspettattiva fis-suq. F’dan ir-rigward, nirrileva li dan l-istess argument ġie mqajjem mill-kumpanniji Bouygues quddiem il-Qorti Ġenerali u ġie miċħud fil-punt 284 tas-sentenza appellata, essenzjalment fuq il-bażi li dan jippresupponi li l-imsemmija dikjarazzjonijiet setgħu jitqiesu bħala biżżejjed ċari, preċiżi, inkundizzjonali u sodi, li l-Qorti Ġenerali eskludiet fil-punti 272 sa 278 tal-istess sentenza. Mit-test tal-imsemmija sentenza Lamiable et u sentenzi oħrajn tal-Conseil d’État iċċitati mill-kumpanniji Bouygues u annessi man-noti ta’ osservazzjonijiet tagħhom (33), jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma interpretatx b’mod manifestament żbaljat din il-ġurisprudenza u li hija ma żnaturatx il-portata tagħha meta kkunsidrat li din tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni mill-eżistenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija liċ-ċittadini, jew aġir li jagħti x’jifhem b’mod ċar l-intenzjoni tal-amministrazzjoni li taġixxi b’mod partikolari. L-argument li l-kumpanniji Bouygues jidderivaw minn din il-ġurisprudenza b’hekk ma huwiex fondat.

56.      Il-kumpanniji Bouygues jirreferu, sussegwentement, għaċ-ċirkulari tal-ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija tat-22 ta’ Lulju 2003, dwar “Ċensiment tad-dispożizzjonijiet ta’ garanzija impliċita jew espliċita mogħtija mill-Istat” u għall-avviż ta’ spjegazzjoni tiegħu mehmuż. Minn dawk l-atti jirriżulta li l-garanzija tal-Istat tista’ tieħu l-forma ta’ “garanzija impliċita”, iddefinita bħala att amministrattiv “li jipproduċi u jimplika konsegwenzi finanzjarji għall-Istat”, li tista’ tirriżulta, b’mod partikolari, minn “ittra ministerjali jew [minn] kwalunkwe bażi oħra” u li anki dawk il-garanziji li setgħu ngħataw mingħajr bażi ġuridika valida jistgħu madankollu “joħolqu drittijiet favur il-benefiċjarji tagħhom”. F’dan ir-rigward, nosserva li fil-punt 285 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tafferma li l-kumpanniji Bouygues ma jistgħux jinvokaw din iċ-ċirkulari u dan l-avviż, peress li d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 “ma fihom ebda element ta’ tali natura li jistabbilixxi l-preżenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat Franċiż favur FT” u hija tirreferi għall-punt 284 tal-istess sentenza (34), fejn hija tiċħad l-applikabbiltà f’din il-kawża tal-ġurisprudenza amministrattiva ċċitata mill-kumpanniji Bouygues. Minn dan isegwi li, sabiex tingħeleb l-oġġezzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura inoperattiva ta’ din iċ-ċirkulari u tan-nota ta’ spjegazzjoni tagħha, l-oneru jinsab fuq dawn tal-aħħar biex iġibu prova kontra l-konklużjonijet li jinsabu fl-imsemmi punt 284. L-argumenti mqajma minnhom ma jippermettux li wieħed jasal għal tali riżultat.

57.      L-eżami tal-argument mressqa mill-kumpanniji Bouygues insostenn ta’ dik it-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom ma jippermettix li tiġi ssostanzjata l-allegazzjoni ta’ żnaturament tar-regoli tad-dritt Franċiż. B’mod ġenerali, ir-rikonoxximent tal-fondatezza ta’ dawn l-argumenti huwa oppost mill-konklużjoni li għaliha tasal il-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura vaga, impreċiża u kundizzjonata tad-dikjarazzjonijiet tal-Istat insostenn ta’ FT. Minn naħa waħda, dik il-konklużjoni tirrileva evalwazzjonijiet fattwali, li kontrihom il-kumpanniji Bouygues ma jissollevawx, b’mod dirett u espress, ilment ta’ żnaturament. Min-naħa l-oħra, l-argumenti mressqa minnha ma jirrigwardawx u fi kwalunkwe każ, ma jaslux biex juru li l-qrati ċivili jew amministrattivi waslu b’mod ċar għal evalwazzjoni fattwali differenti dwar in-natura ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet.

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti tal-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq l-iżball ta’ kwalifikazzjoni li allegatament ikkommettiet il-Qorti Ġenerali minħabba l-fatt li hija rrifjutat li tieħu f’kunsiderazzjoni abbażi tal-użu ta’ riżorsi pubbliċi l-effetti ekonomiċi marbuta mal-aspettattiva maħluqa mid-dikjarazzjonijiet tal-Istat (it-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża C‑399/10 P).

59.      Qabel ma tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouyges, għandu jiġi indirizzat it-tielet ilment imqajjem minnhom fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dak l-istess motiv, li jallega li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li kien neċessarju impenn ġuridikament vinkolanti tal-Istat sabiex tikkonkludi li kien hemm mobilizzazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi. Skont il-kumpanniji Bouygues, peress li l-forma ta’ intervent tal-Istat hija irrelevanti u peress li l-effetti tiegħu biss għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, il-prova ta’ riskju finanzjarju ekonomiku, anki jekk dak ir-riskju ma huwiex ibbażat fuq obbligu ġuridiku li jirriżulta minn dak l-intervent, hija biżżejjed sabiex ikun hemm użu tar-riżorsi tal-Istat. Ir-Repubblika Franċiża topponi dak l-argument, billi tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (35) kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost (36).

60.      Fil-kawża li wasslet għall-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Kummissjoni sostniet li, minħabba wegħda inkundizzjonata u ġuridikament vinkolanti li saret lill-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni qabel in-notifika tagħha, ekwivalenti għal implimentzzjoni tal-għajnuna, ir-Repubblika Awstrijaka ma setgħetx tinvoka l-ġurisprudenza Lorenz. Skont il-Kummissjoni, tali wegħda tipproduċi, fid-dritt Awstrijakk, l-istess effetti bħal leġiżlazzjoni li tistabbilixxi għajnuna, peress li tobbliga ġuridikament lill-awtoritajiet Awstrijaċi biex jagħtu l-għajnuna mwegħda. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’risposta għal dak l-argument, tikkonstata biss li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu ssuġġettaw espressament l-għoti tal-għajnuna għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni u li, għaldaqstant, hija ma kinitx ġabet provi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet imwegħda b’mod inkundizzjonali, u għaldaqstant ġuridikament vinkolanti skont id-dritt Awstrijak, qabel in-notifika tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kawża Fleuren Compost, iċċitata iktar ’il fuq, qajmet il-kwistjoni dwar f’liema mument kienet ingħatat l-għajnuna inkwistjoni, jekk hux meta l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu konferma tar-riċeviment tat-talba għal sussidju ppreżentata mir-rikorrenti, kif issostni din tal-aħħar, jew meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ għoti wara l-eżami ta’ dik it-talba, kif issostni min-naħa l-oħra l-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-kriterju rilevanti kien dak tal-“att ġuridikament vinkolanti li permezz tiegħu l-awtorità [nazzjonali] kompetenti timpenja ruħha li tagħti l-għajnuna” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61.      Bl-istess mod bħall-kumpanniji Bouygues, ma jidhirlix li s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq jistgħu jingħataw it-tifsira u l-portata mogħtija lilhom mill-gvern Franċiż. B’mod partikolari, ma jidhirlix li jista’ jiġi dedott mis-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, li din “tistabbilixxi prinċipju ġenerali li l-eżistenza ta’ impenn ġuridikament vinkolanti huwa neċessarju biex tiġi kkaratterizzata għajnuna”, kif isostni dak il-gvern. Effettivament, dik is-sentenza, bħas-sentenza Fleuren Compost, iċċitata iktar ’il fuq, ma tgħid xejn dwar il-kunċett ta’ għajnuna, iżda tikkonċerna biss il-kwistjoni dwar meta miżura ta’ għajnuna pproġettata tista’ titqies li ngħatat, sabiex jiġi deċiż liema reġim ġuridiku huwa applikabbli (38). Barra minn hekk, fis-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, l-unika kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni, u eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet dik dwar jekk il-wegħda li tingħata għajnuna li saret mill-awtoritajiet Awstrijaċi toħloqx, taħt id-dritt Awstrijak, obbligu ġuridikament vinkolanti għall-Istat biex jaġixxi b’dan il-mod. Min-naħa l-oħra, f’ebda mument ma qamet il-kwistjoni dwar jekk impenn ta’ riżorsi statali jistax jiġi previst anki fin-nuqqas ta’ tali obbligu. Finalment, kif jenfasizzaw korrettament il-kumpanniji Bouygues, fiż-żewġ kawżi, ma kienx ġie stabbilit, u lanqas sostnut, li l-atti inkwistjoni (il-wiegħda li tingħata għajnuna fil-kawża L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, u l-konferma ta’ riċeviment tat-talba għall-għajnuna fil-kawża Fleuren Compost, iċċitata iktar ’il fuq) kienu taw xi vantaġġ lill-benefiċjarji futuri tal-għajnuna, kif huwa l-każ min-naħa l-oħra f’din il-kawża fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002.

62.      Dan premess, u għalkemm ma huwiex għal kollox konvinċenti l-argument tal-gvern Franċiż, li jgħid li impenn ġuridikament vinkolanti tal-Istat huwa dejjem meħtieġ sabiex miżura ta’ appoġġ għal impriża tkun tista’ titqies li ngħatat permezz ta’ riżorsi pubbliċi (39), ma jidhirlix li huwa neċessarju li din id-domanda tiġi eżaminata issa, inkwantu l-Qorti Ġenerali madankollu eżaminat, fil-punt 288 tas-sentenza appellata, jekk “fin-nuqqas ta’ natura ġuridikament vinkolanti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, tal-allegat impenn li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, dawn jinvolvu[x] trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat” (40). It-tielet parti tal-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues tirrigwarda preċiżament dan l-eżami.

63.      F’dik il-parti, il-kumpanniji Bouygues isostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, wara li rrikonoxxiet li l-Istat Franċiż kien implimenta, permezz tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, strateġija bbażata fuq ir-reputazzjoni tiegħu bħala kreditur u debitur solventi u affidabbli sabiex jerġa’ jistabbilixxi kunfidenza fis-swieq, sussegwentement injora l-korollarju ta’ dik l-istrateġija, jiġifieri li l-Istat kien ser jitlef il-kredibbiltà fis-suq jekk ma jwettaqx dak li kien wiegħed. Huma josservaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fuq il-bażi ta’ studju ekonomiku li hija kienet ikkummissjonat, li dak it-telf ta’ reputazzjoni kien jirrappreżenta spiża importanti ħafna għall-Istat. Peress li din kienet kwistjoni ekonomika kumplessa, il-Kummissjoni eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha u l-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi l-analiżi tal-Kummissjoni bl-analiżi tagħha stess.

64.      Nirrileva, fl-ewwel lok, li wara li eżaminat, fil-premessi 214 sa 218 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 kinux vinkolanti taħt id-dritt intern kif ukoll dwar jekk setgħux ipoġġu inkwistjoni l-kredibbiltà tal-Istat, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 218 li, “meta jittieħdu flimkien, [l-elementi kkunsidrati] jistgħu jitqiesu li effettivament jirriskjaw li jpoġġu f’periklu r-riżorsi tal-Istat (jew billi jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Istat fil-konfront tal-investituri, jew billi jżidu l-ispiża tat-transazzjonijiet futuri tal-Istat)” u li “l-argument li d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi sa minn Lulju 2002 jikkostitwixxu għajnuna huwa b’hekk argument innovattiv ħafna, iżda probabbilment infondat”. Madankollu, fil-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tgħid li ma tistax “tistabbilixxi b’mod inkonfutabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq dik il-bażi”. Minn dan isegwi li, kif tosserva ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 288 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni finalment irrinunzjat li tieħu pożizzjoni definittiva dwar il-kwistjoni jekk id-dikjarazzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq setgħux jikkawżaw telf ta’ kredibbiltà għall-Istat fis-swieq finanzjarji li jkun ifisser, għal dan tal-aħħar, riskju finanzjarju fil-forma ta’ żieda fl-ispiża tat-transazzjonijiet futuri tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpanniji Bouygues ma humiex fondati meta jsostnu li l-Qorti Ġenerali ssostitwiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess meta affermat, fil-punt 288 tas-sentenza appellata, li ma huwiex stabbilit li, anki fin-nuqqas ta’ natura ġuridikament vinkolanti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, tal-allegat impenn li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, dawn jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat”.

65.      Sussegwentement, jidhirli li inkwantu jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx f’kunsiderazzjoni l-konsegwenzi għall-finanzi pubbliċi tal-ħsara li nħolqot fis-swieq permezz tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni u li b’hekk ma applikatx korrettament l-Artikolu 107(1) TFUE, il-kumpanniji Bouygues fir-realtà qegħdin jitolbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Effettivament, fil-punt 288 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “anki jekk wieħed jippreżumi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wegħda ta’ sostenn eventwali min-naħa tal-Istat Franċiż għall-benefiċċju ta’ impriża tista’ tipperikola l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu fis-swieq finanzjarji, jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, ma ntweriex li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jinkludu impenn preċiż, inkundizzjonali u sod favur FT li jista’ jiġġenera tali konsegwenzi dannużi”. Hija tkompli billi tosserva li “l-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002 kellu eżattament l-għan li jevita tali konsegwenzi filwaqt li jħalli tippersisti l-inċertezza dwar in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet eżatti tal-intervent futur eventwali [tal-Istat Franċiż]”. Bl-istess mod, fil-punt 282 tas-sentenza appellata, wara li rrikonoxxiet li, permezz ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet, l-Istat Franċiż ried jinfluwenza b’mod attiv is-swieq finanzjarji sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kunfidenza tagħhom, bil-għan li jipprepara r-rifinanzjament ta’ FT, il-Qorti Ġenerali tafferma li “il-fatt biss li, f’tali kuntest, l-Istat Franċiż irrikorra għar-reputazzjoni partikolari li għandu mas-swieq finanzjarji ma jistax ikun suffiċjenti biex jintwera li r-riżorsi tiegħu kienu esposti għal riskju tali li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat”.

66.      Għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-kumpanniji Bouygues, il-Qorti Ġenerali ħadet f’kunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ impenn ta’ riżorsi pubbliċi li tista’ twassal għal spejjeż minħabba t-telf eventwali tal-kredibbiltà tal-Istat fil-konfront tas-swieq finanzjarji, iżda eskludiet dik il-possibbiltà f’din il-kawża minħabba n-nuqqas ta’ aġir min-naħa tal-Istat li jista’ jpoġġi f’periklu b’mod konkret dik il-kredibbiltà. Dik il-konklużjoni hija bbażata, għal darba oħra, fuq evalwazzjonijiet fattwali li jikkonċernaw il-kontenut u n-natura tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni. Fin-nuqqas ta’ lment li jirrigwarda espliċitament żnaturament tal-kontenut ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet, tali evalwazzjonijiet imorru lil hinn mill-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

67.      Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, jidhirli li t-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues kif ukoll it-tielet parti ta’ dak l-aggravju għandhom jiġu miċħuda.

d)      Konklużjonijiet dwar l-ewwel aggravju fil-kawża C‑399/10 P

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑399/10 P, li jallega żbalji fil-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tad-dikjarazzjonijiet tal-Istat Franċiż tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 fit-totalità tiegħu.

3.      Fuq il-kwalifikazzjoni bħala għajnuna tas-self minn azzjonist (it-tieni aggravju fil-kawża C‑399/10 P u t-tieni aggravju fil-kawża C‑401/10 P)

69.      Permezz ta’ argumenti fil-biċċa l-kbira simili, il-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni jikkontestaw, taħt aspetti different, r-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi, fis-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi l-eżistenza ta’ għajnuna fis-self minn azzjonist mogħti mill-Istat Franċiż lil FT u biex tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata. Id-diversi lmenti u argumenti mqajma f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fiż-żewġ appelli huma miġbura u eżaminati konġuntament iktar ’il quddiem.

a)      Fuq l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta eżiġiet li tintwera rabta ta’ konnessjoni stretta bejn vantaġġ u impenn ta’ riżorsi statali (l-ewwel u t-tieni sottoparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑399/10 P u l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑401/10 P)

70.      Waqt li rrikonoxxiet in-neċessità li tiġi stabbilita rabta ta’ konnessjoni bejn vantaġġ u impenn ta’ riżorsi pubbliċi sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, il-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni jikkontestaw il-pożizzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li tgħid li hija meħtieġa korrispondenza stretta bejn dawn iż-żewġ elementi. Tali kunċett, li fil-fehma tagħhom huwa totalment innovattiv, mhux talli ma huwiex ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali iżda saħansitra jmur kontra tali ġurisprudenza.

71.      L-ilment li qiegħed jiġi eżaminat huwa indirizzat essenzjalment kontra l-punt 262 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li l-vantaġġ jista’ jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tkompli billi tippreċiża li “[d]an ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat jippreżumi, bħala prinċipju, li l-imsemmi vantaġġ ikun marbut mill-qrib mal-ispejjeż korrispondenti li jaffettwaw il-finanzi tal-Istat […]” (41). Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-punt 21 tas-sentenza Sloman Neptun, iċċitata iktar ’il fuq, fil-punt 27 tas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (42), u fil-punt 58 tas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq.

72.      Preliminarjament, tqum il-kwistjoni dwar x’tifhem preċiżament il-Qorti Ġenerali meta hija tindika li l-vantaġġ għandu jkun marbut strettament ma’ “spiża korrispondenti” jew, f’partijiet oħrajn tas-sentenza appellata, li għandu “jikkorrispondi għal spiża ekwivalenti” (punt 297) jew li għandu bħala konsegwenza “tnaqqis korrispondenti fil-finanzi tal-Istat” (punt 309). Skont FT u l-gvern Franċiż u dak Ġermaniż, il-Qorti Ġenerali sempliċement ma għamlet xejn ħlief tenniet ir-rekwiżit li l-vantaġġ għandu jingħata direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi statali, waqt li l-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni jsostnu li l-korrispondenza meħtieġa mill-Qorti Ġenerali tmur lil hinn minn sempliċi rabta ta’ konnessjoni u teżiġi li l-vantaġġ u r-riżorsi impenjati “ikunu jaqblu”, inkluż fir-rigward tal-ammont tagħhom.

73.      Min-naħa tiegħi, għalkemm ma ninsabx konvint li l-Qorti Ġenerali realment riedet timponi li tintwera ekwivalenza f’termini finanzjarji bejn il-vantaġġ u l-ispiża, jidhirli li lanqas ma llimitat ruħha li teżiġi prova tal-eżistenza ta’ sempliċi korrelazzjoni bejniethom, kif tallega b’mod partikolari FT. Effettivament, kif huwa applikat fis-sentenza appellata, ir-rekwiżit ta’ korrispondenza bejn vantaġġ u spiża skont it-teorija tal-Qorti Ġenerali jimplika rabta tant stretta li spiża partikolari fuq il-baġit tal-Istat tista’ tikkorrispondi biss għal tip predefinit ta’ vantaġġ, bil-konsegwenza li l-eżistenza ta’ kwalunkwe rabta tkun eskluża meta l-vantaġġ u l-ispiża ma jkunux tal-istess tip.

74.      Għalkemm il-ġurisprudenza teżiġi l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn vantaġġ u spiża fuq il-baġit pubbliku, fis-sens li huma biss il-vantaġġi mogħtija “direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat” (43) jew li “joħolqu spiża addizzjonali għall-Istat” (44) [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, min-naħa l-oħra ma teżiġix li tintwera korrispondenza stretta bejn il-vantaġġ u l-ispiża, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. B’mod partikolari, tali rekwiżit ma huwiex ikkorroborat mis-sentenzi msemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq, li għalihom tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 262 tas-sentenza appellata.

75.      Kif semmejt fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi mogħtija fil-kawża Sloman Neptun, iċċitata iktar ’il fuq, timmarka stadju importanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li b’mod definittiv tbiegħdet minn interpretazzjoni tal-Artikolu 92 tat-Trattat li ma tikkunsidrax il-finanzjament pubbliku bħala kundizzjoni neċessarja għall-kwalifikazzjoni bħala għajnuna ta’ miżura imputabbli lill-Istat. B’hekk, fil-punt 19 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li “huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat”, waqt li “l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħrajn li ma humiex riżorsi tal-Istat” ma jaqgħux taħt l-ambitu ta’ dik id-dispożizzjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-kwistjoni kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola r-relazzjonijiet kuntrattwali bejn ċerti impriżi ta’ navigazzjoni marittima u l-impjegati tagħhom. Fil-punt 21 tal-imsemmija sentenza, li jirreferi għall-punt 262 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fid-dawl tal-għan u l-ispirtu ġenerali tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, din ma kinitx intiża biex “toħloq vantaġġ li jikkostitwixxi spiża addizzjonali għall-Istat […]” u tippreċiża li l-konsegwenzi riżultanti f’termini, b’mod partikolari, ta’ telf ta’ riżorsi fiskali li kienu “inerenti f’dak ir-reġim” u li “ma jikkostitwixxux mezz biex jingħata vantaġġ partikolari lill-impriżi kkonċernati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-argument tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li hemm bżonn ta’ rabta ta’ konnessjoni stretta bejn il-vantaġġ u r-riżorsi impenjati, fis-sens spjegat fil-punt 72 iktar ’il fuq, b’ebda mod ma huwa msaħħaħ mis-siltiet riprodotti hawn fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement affermat, essenzjalment, li vantaġġ bħal dawk li l-impriżi tan-navigazzjoni jieħdu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies li ngħata permezz ta’ riżorsi pubbliċi biss minħabba telf ta’ dħul b’mod indirett minħabba l-għażla tal-Istat li jirregola ċerta materja f’settur partikolari.

76.      Il-punt 58 tas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, iċċitata wkoll mill-Qorti Ġenerali fil-punt 262 u, iktar ’il quddiem, fil-punt 308 tas-sentenza appellata, jirriproduċi l-kontenut tal-punt 19 tas-sentenza Sloman Neptune ċċitata iktar ’il fuq, waqt li tfakkar ir-rekwiżit li l-vantaġġ jingħata “direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat”. Fis-sentenza PreussenElektra, ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet irrinvijata quddiemha domanda preliminari dwar leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq l-impriżi privati tal-provvista tal-elettriku, obbligu li jixtru elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dak it-tip ta’ elettriku, eskludiet li s-sempliċi tnaqqis ta’ dħul fiskali li tali obbligu seta’ jikkawża seta’ jitqies li “jikkostitwixxi mezz biex jingħata vantaġġ speċifiku bi spiża għall-Istat lill-produtturi tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli” (45) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bħal fis-sentenza Sloman Neptun iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal tali konklużjoni fid-dawl tan-natura “inerenti” fir-reġim inkwistjoni ta’ tali tnaqqis fid-dħul ta’ taxxa. L-ispiża finanzjarja li tirriżulta mill-obbligu ta’ xiri bi prezzijiet minimi previst mir-reġim inkwistjoni b’hekk kienet imposta totalment fuq impriżi privati (46).

77.      F’dak li jirrigwarda, finalment, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ċċitata iktar ’il fuq, din mhux talli ma timponix korrispondenza stretta bejn vantaġġ u spiża għar-riżorsi pubbliċi, iżda tikkwalifika l-għajnuna bħala sitwazzjoni karatterizzata minn diżassoċjazzjoni bejn destinatarji tal-miżura li timponi piż fuq il-baġit tal-Istat – f’dan il-każ tnaqqis fiskali mogħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-investituri – u benefiċjarji tal-għajnuna, indirettament żvantaġġati mill-investimenti inċentivati minn dak il-vantaġġ. Sabiex tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża fuq analiżi tal-effetti tar-regolamentazzjoni inkwistjoni li jwassluha biex tikkonstata, minn naħa waħda, li l-vantaġġ mogħti indirettament lill-impriżi kkonċernati b’dik il-leġiżlazzjoni “joriġina mir-rinunzja tal-Istat Membru għad-dħul fiskali li normalment kien ser jinġabar minnu, inkwantu kienet dik ir-rinunzja li tat lill-investituri l-possibbiltà li jixtru ishma f’dawk l-impriżi b’kundizzjonijiet fiskalment iktar vantaġġużi” u, min-naħa l-oħra, li “l-interpożizzjoni ta’ deċiżjoni awtonoma min-naħa tal-investituri ma għandhiex l-effett li telimina r-rabta li teżisti bejn it-tnaqqis fiskali u l-vantaġġ li minnu bbenefikaw l-impriżi kkonċernati, peress li f’termini ekonomiċi, il-bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq li jiġġenera dak il-vantaġġ huwa r-riżultat tat-telf ta’ riżorsi fiskali għall-awtoritajiet pubbliċi” (47) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għall-kuntrarju tas-sentenzi analizzati qabel, hawnhekk it-tnaqqis fid-dħul mit-taxxa jitqies mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala l-oriġini tal-vantaġġ mogħti indirettament lill-impriżi kkonċernati bir-regolamentazzjoni inkwistjoni, minkejja li dan jirriżulta minn tnaqqis fiskali mogħti mhux lil dawk l-impriżi iżda lil terzi. Fil-fehma tiegħi, din hija interpretazzjoni wiesgħa tar-rabta ta’ konnessjoni bejn vantaġġ u spiża, li timplika li ttieħdu f’kunsiderazzjoni l-effetti konkreti tal-intervent tal-Istat, li ma tistax tappoġġja l-interpretazzjoni restrittiva adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

78.      Minbarra li ma huwiex issostanzjat mill-ġurisprudenza, l-argument imressaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 262 tas-sentenza appellata huwa, fil-fehma tiegħi, wkoll wisq formali, li ma huwiex konsistenti mal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna skont l-effetti tal-miżura inkwistjoni. Dan joħloq ukoll ir-riskju li jagħmel estremament diffiċli l-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ interventi pubbliċi li jsarrfu f’operazzjonijiet xi kultant estremament kumplessi li jħaddnu, bħal f’din il-kawża, diversi miżuri komposti skalati fuq medda ta’ żmien. Finalment, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ċerti tipi ta’ għajnuna, bħall-għajnuniet indiretti jew l-għajnuniet ta’ natura soċjali mogħtija lill-konsumaturi, previsti fl-Artikolu 107(2)(a) TFUE – fejn ir-riżorsi stabbiliti mill-Istat ma jsarrfux b’mod awtomatiku f’vantaġġ korrispondenti għall-benefiċjarji – ma jistgħux jiġu inkwadrati faċilment fl-iskema riġida imposta mill-Qorti Ġenerali.

79.      Għar-raġunijiet imsemmija, jidhirli li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta eżiġiet li għandha tintwera rabta ta’ konnessjoni stretta bejn il-vantaġġ u l-ispiża għall-baġit tal-Istat, kif għamlet fis-sentenza appellata.

80.      Kif ser nuri iktar ’il quddiem, dak l-iżball ivvizzja l-analiżi kollha tal-Qorti Ġenerali dwar il-kwistjoni tal-kwalifikazzjoni tas-self minn azzjonist bħala għajnuna.

b)      Fuq l-iżball li allegatament ikkommettiet il-Qorti Ġenerali meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn, minn naħa waħda, il-vantaġġ li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li saru minn Lulju 2002 u d-dikjarazzjoni tal-4 ta’ Diċembru 2002 u, min-naħa l-oħra, l-impenn ta’ riżorsi statali li jirriżulta mill-offerta ta’ kuntratt ta’ self ta’ azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 (it-tielet sottoparti tal-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑399/10 P u l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑401/10)

81.      Skont il-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura tal-konnessjoni li kellha teżisti bejn vantaġġ u l-użu ta’ riżorsi tal-Istat wassluha biex tagħmel analiżi maqsuma tal-intervent tal-Istat Franċiż favur FT, li ma tiħux f’kunsiderazzjoni l-effett ta’ distorsjoni tal-miżuri differenti adottati meta jittieħdu fit-totalità tagħhom. Fuq il-bażi ta’ tali approċċ żbaljat, il-Qorti Ġenerali skorettament eskludiet l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn, minn naħa waħda, il-vantaġġ fil-forma ta’ effett ta’ serħan tal-moħħ għas-suq li jirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u, min-naħa l-oħra, l-impenn ta’ riżorsi statali biex jiġi pprovdut dak is-self.

82.      Għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 262 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tindirizza l-kwistjoni dwar jekk il-vantaġġi li jirriżultaw għal FT mid-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, li hija identifikat qabel, jammontawx tabilħaqq għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Tali eżami jsir separatament u suċċessivament fir-rigward ta’: i) id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 (punti 268 sa 289) (48); ii) l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 dwar il-pjan ta’ self minn azzjonist (punti 291 sa 298) u iii) l-offerta ta’ kuntratt ta’ self ta’ azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist (punti 299 sa 231). Fit-tliet każijiet, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li ma kienx hemm trasferiment ta’ riżorsi statali.

83.      Fir-rigward tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, il-Qorti Ġenerali kkonstatat fl-ewwel lok li la l-Kummissjoni, u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma sostnew li dik id-dikjarazzjoni kienet tikkostitwixxi, taħt id-dritt amministrattiv jew ċivili Franċiż, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (punti 293 sa 295). Kif tirrikonoxxi l-Qorti Ġenerali stess fil-punt 302 tas-sentenza appellata, inkwantu l-impenn ta’ riżorsi pubbliċi kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mill-fatt li ntbagħtet l-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 flimkien mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u mhux biss minn dak il-fatt meħud b’mod iżolat, dik il-konstatazzjoni ma tidhirx li hija pertinenti u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex deċiżiva sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ impenn ta’ riżorsi statali (49).

84.      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tkompli billi tafferma, fil-punt 296 tas-sentenza appellata, li “[k]ien x’kien il-każ, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 jista’ jikkorrispondi biss għal vantaġġ li jinsab fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun li kienet espressament prevista fih”, u li tali vantaġġ, li l-Kummissjoni naqset milli tikkaratterizza kif titlob il-liġi fid-deċiżjoni kkontestata, “huwa distint minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kif ġie kkunsidrat fl-imsemmija deċiżjoni” (50). F’dik is-silta, il-Qorti Ġenerali b’hekk teskludi a priori li konnessjoni suffiċjenti sabiex tiġi kkaratterizzata għajnuna statali tista’ teżisti bejn, minn naħa waħda, il-vantaġġ fil-forma ta’ effett ta’ serħan tal-moħħ għas-suq, li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 (51), u, min-naħa l-oħra, jekk nassumu li ġie stabbilit mill-Kummissjoni, l-impenn ta’ riżorsi statali li jirriżuta minn dan l-imsemmi avviż.

85.      Mit-termini użati mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li tali konklużjoni hija bbażata unikament fuq il-konstatazzjoni li ma teżistix relazzjoni ta’ korrispondenza jew ekwivalenza bejn il-vantaġġ ikkostitwit minn dak l-effett ta’ serħan tal-moħħ u l-obbligu eventwali ġuridikament vinkolanti tal-Istat li jipproċedi għas-self minn azzjonist imsemmi mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002. Il-Qorti Ġenerali tapplika hawnhekk l-argument li kien ġie dibattut u miċħud qabel fil-punti 70 sa 78 iktar ’il fuq, li jgħid li biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ għajnuna statali, il-vantaġġ identifikat għandu jkun marbut strettament ma’ spiża “korrispondenti” jew “ekwivalenti” fuq il-baġit statali. L-applikazzjoni ta’ dak il-kunċett ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn vantaġġ u impenn ta’ riżorsi statali jwassalha biex teskludi f’din il-kawża l-eżistenza ta’ tali konnessjoni, meta l-vantaġġ (effett ta’ serħan tal-moħħ għas-swieq finanzjarji dovut għas-sempliċi tħabbir tal-ftuħ ta’ linja ta’ kreditu favur FT) u l-ispiża (impenn ġuridikament vinkolanti li tinfetaħ il-linja ta’ kreditu prevista) ma jkunux tal-istess natura.

86.      Minn dan isegwi li, skont il-Qorti Ġenerali, għajnuna li l-iskop tagħha jkun vantaġġ ikkostitwit permezz tat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ rifinanzjament ta’ FT minħabba r-reazzjoni pożittiva tas-swieq finanzjarji wara l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 ma setgħetx tiġi kkonstatata f’każ fejn il-Kummissjoni kienet stabbiliet li dak l-avviż, peress li kien joħloq obbligu ġuridikament vinkolanti fuq l-Istat, kien jikkostitwixxi fih innifsu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, jiġifieri anki meta l-vantaġġ u l-ispiża għall-baġit tal-Istat ikunu oriġinaw mill-uniku u l-istess att (stqarrija tal-4 ta’ Diċembru 2002). Dak ir-riżultat huwa iktar diffiċli biex jinftiehem meta wieħed iqis li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet li l-avviż ta vantaġġ inkontestabbli lil FT u li dak il-vantaġġ kien preċiżament dak li fittex l-Istat Franċiż u dak li għalih kienu intiżi l-miżuri kollha li seħħew wara, minn Lulju sa Diċembru 2002, fil-qafas tal-istess strateġija ta’ appoġġ favur FT.

87.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li kien fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-portata tar-rabta ta’ konnessjoni li għandha teżisti bejn vantaġġ u impenn ta’ riżorsi pubbliċi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 296 u 297 tas-sentenza kkontestata, li tali konnessjoni ma setgħetx tiġi stabbilita bejn, minn naħa waħda, il-vantaġġ ikkostitwit mill-effett ta’ serħan tal-moħħ fis-swieq finanzjarji tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2004 u, min-naħa l-oħra, trasferiment eventwali ta’ riżorsi tal-Istat marbut ma’ dak l-avviż. Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ tali żball ma tippermettix, fiha nfisha, li naslu għall-konklużjoni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata. Effettivament, fl-ispirtu tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, l-imsemmija punti 296 u 297 ma parti minn motivazzjoni li ngħatat fuq bażi superfluwa.

88.      Dan premess, nirrimarka li l-istess interpretazzjoni żbaljata taffettwa wkoll l-analiżi segwenti tal-Qorti Ġenerali.

89.      Dan huwa l-każ b’mod partikolari fir-rigward tal-punt 299 tas-sentenza appellata, fejn, fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-trażmissjoni tal-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, kinitx tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li “sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni [kkontestata], vantaġġ li jirriżulta mill-offerta kuntrattwali bħala tali, [...] huwa, inqas u inqas, possibbli li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li kien marbut ma’ dan il-vantaġġ”. Fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, dik il-konklużjoni tirriżulta loġikament mill-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 246 sa 267 tas-sentenza appellata (52), waqt li l-għażla tal-Qorti Ġenerali li ma tikkonstatax, f’dan l-istadju, l-eventwali impenn ta’ riżorsi statali li jirriżulta mill-fatt li ntbagħtet dik l-offerta bl-effett ta’ serħan tal-moħħ fis-swieq finanzjarji li jirriżulta mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, kif kienet għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija ġġustifikata biss fid-dawl tal-interpretazzjoni restrittiva tar-rabta ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġ u l-impenn ta’ riżorsi statali eżaminata u miċħuda fil-punti 70 sa 78 iktar ’il fuq.

90.      Dik l-interpretazzjoni hija riflessa wkoll fl-analiżi li tinsab fil-punti 302 et seq tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali, meta indirizzat il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni waslitx biex tistabbilixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fuq il-bażi tal-“approċċ globali tagħha”, iddikjarat li għandu jiġi vverifikat jekk “minn naħa [...] l-ispiża potenzjali li taffettwa l-finanzi tal-Istat li l-Kummissjoni kkunsidrat fir-rigward tal-avviż tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist u t-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist kinitx diġà impliċita fid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u min-naħa l-oħra, jekk din l-ispiża kinitx tikkorrispondi għall-vantaġġ li l-Kummissjoni attribwiet lil dawn id-dikjarazzjonijiet”. Fil-kuntest ta’ dik l-analiżi, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fil-punti 303 sa 305 tas-sentenza appellata, li minħabba n-natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonata tad-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tikkostitwixxi “interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti li wasslu għar-rifinanzjament ta’ FT” u tikkonkludi, fil-punt 308, li meta tittieħed inkunsiderazzjoni dik l-interruzzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi rabta bejn “impenn eventwali ta’ riżorsi tal-Istat, f’dan l-istadju, u vantaġġi mogħtija permezz ta’ miżuri preċedenti, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002”. Effettivament, skont il-Qorti Ġenerali, “tali rabta [...] bejn l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna fir-rigward tal-fatti distinti li seħħew fi stadji differenti tmur kontra r-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ u t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat [...], kif ġiet ikkonfermata mis-sentenza Preussen Elektra”. Fil-punt segwenti, il-Qorti Ġenerali tafferma li “l-fatt li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 wasslu għal vantaġġ favur FT […] ma għandux bħala konsegwenza tnaqqis korrispondenti fil-finanzi tal-Istat […]” u tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 296 u 297 tas-sentenza appellata.

91.      Fir-rigward tal-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali torbot mal-konstatazzjoni ta’ interruzzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, nirrileva li, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali stess fost l-oħrajn fil-punt 243 tas-sentenza appellata, il-vantaġġ fil-forma ta’ effett ta’ serħan tal-moħħ għas-swieq finanzjarji li jinsab ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mhux biss minn dawk id-dikjarazzjonijet, iżda wkoll mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u b’hekk jimmanifesta ruħu anki qabel dik l-interruzzjoni. Minn dan isegwi li l-unika konstatazzjoni ta’ tali interruzzjoni ma tippermettix fiha nfisha li tiġi eskluża r-rabta stabbilita mill-Kummissjoni bejn dak il-vantaġġ u l-impenn ta’ riżorsi statali fl-istadju ta’ meta ntbagħtet l-offerta tal-abbozz ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002.

92.      Min-naħa l-oħra, jirriżuta b’mod ċar mis-siltiet riprodotti fil-punt 90 iktar ’il fuq li anki fil-kuntest tal-analiżi li saret dwar il-miżuri kollha li wasslu għar-rifinanzjament ta’ FT, li waqqfet konkretament lill-Qorti Ġenerali milli tirrikonoxxi l-eżistenza tar-rabta stabbilita mill-Kummissjoni bejn, minn naħa waħda, l-effett ta’ serħan tal-moħħ fis-swieq finanzjarji maħluq mit-tħabbir tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ FT ta’ self minn azzjonist ta’ ċertu ammont u mill-“apparenza mogħtija lis-suq tal-eżistenza ta’ dak is-self” (53) u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ riżorsi statali marbut mal-implimentazzjoni ta’ dik il-miżura (54), l-idea hija li tali rabta tippresupponi korrispondenza stretta bejn il-vantaġġ u l-ispiża għall-baġit tal-Istat, liema korrispondenza ma teżistix bejn spiża (f’dan il-każ il-fatt li ntbagħtet l-offerta tal-abbozz ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002) li ma tirriflettix fuq il-patrimonju tal-benefiċjarju b’vantaġġ tal-istess ammont (jiġifieri f’din il-kawża, il-possibbiltà li jinkiseb dak l-ammont fi kwalunkwe mument).

93.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li kien minħabba interpretazzjoni żbaljata tal-portata tar-rabta ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġ u l-impenn ta’ riżorsi statali li l-Qorti Ġenerali eskludiet li l-Kummissjoni kienet uriet f’din il-kawża trasferiment ta’ riżorsi statali.

94.      Dan premess, għad irid jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni setgħetx tistabbilixxi korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, rabta bejn il-vantaġġ fil-forma ta’ effett ta’ serħan tal-moħħ għas-swieq finanzjarji li nħoloq, inter alia, mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-allegat impenn ta’ riżorsi statali li jirriżulta mill-fatt li ntbagħtet l-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 (55).

95.      F’dan ir-rigward, jidhirli li fir-rigward ta’ miżuri marbuta mill-qrib bħat-tħabbir li ċertu intervent Statali jinsab fil-proċess li jiġi implimentat u t-twettiq ta’ dan (billi jintbagħat kuntratt iffirmat u inizjalat) (56), li bejniethom jgħaddu biss madwar ġimagħtejn, il-fatt li l-vantaġġ għall-benefiċjarju jirriżulta mill-ewwel miżura, waqt li l-impenn ta’ riżorsi pubbliċi huwa marbut mat-tieni, ma jeskludix li rabta ta’ konnessjoni li tikkaratterizza għajnuna tista’ tiġi stabbilita bejniethom. Fil-fehma tiegħi, ikun formalistiku iżżejjed jekk tiġi eskluża dik ir-rabta għas-sempliċi fatt li l-vantaġġ inkwistjoni ma jirriżultax direttament mill-miżura li tista’ twassal għal trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi iżda pjuttost mill-pubbliċità li saret mill-Istat dwar l-implimentazzjoni imminenti ta’ dik il-miżura. B’mod iktar ġenerali, li tiġi miċħuda dik ir-rabta fil-fehma tiegħi ma tqisx ir-realtà ekonomika tal-intervent tal-Istat Franċiż fil-kuntest tar-rifinanzjament ta’ FT, meta, minn naħa waħda, huwa paċifiku li din tal-aħħar ma setgħetx tikseb rifinanzjament mis-swieq ħlief bis-saħħa tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ imtennija tal-Istat favur tagħha (57), fosthom b’mod partikolari l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, u, min-naħa l-oħra, li d-diversi miżuri adottati mill-Istat, fosthom il-fatt li l-ERAP bagħtet l-offerta tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, li hi biss setgħet twassal għal impenn ta’ riżorsi pubbliċi, kienu jinsabu fi ħdan l-istess strateġija tal-Istat insostenn ta’ FT, li kellhom “l-objettiv u l-konsegwenza, fit-totalità tagħhom, li jiksbu mill-ġdid il-fiduċja tas-swieq” (58), sabiex ikun jista’ jsir ir-rifinanzjament ta’ FT f’kundizzjonijiet iktar favorevoli.

96.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ dritt meta rrifjutat li tirrikonoxxi, fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 87(1) KE, l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa waħda, il-vantaġġ li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u t-tħabbir tal-4 ta’ Diċembru 2002 u, min-naħa l-oħra, l-impenn potenzjali ta’ riżorsi statali li jirriżultaw mill-għoti tal-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002. Tali żball huwa ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata (59).

97.      Il-motivi u l-argumenti l-oħrajn imqajma mill-kumpanniji Bouygues u mill-Kummissjoni ser jiġu eżaminati fil-qosor sussegwentement f’dawn il-konklużjonijiet f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konkużjonijiet li wasalt għalihom iktar ’il fuq.

c)      Fuq l-iżbalji allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kunċett ta’ vantaġġ li jirriżulta mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ linja ta’ kreditu (it-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑401/10 P)

98.      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, il-kumpanniji Bouygues argumentaw li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta, fl-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ, ħadet f’kunsiderazzjoni separatament l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u l-fatt li ntbagħtet l-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, waqt li, fil-fehma tagħhom, dawn huma elementi tal-uniku u l-istess intervent tal-Istat, li ma jistgħux jiġu analizzati b’mod iżolat.

99.      Inkwantu huwa intiż biex ipoġġi f’dubju l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ marbut mal-fatt li ntbagħtet l-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, dan l-ilment għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi ddikjarat inammissibbli. Min-naħa l-oħra, inkwantu jikkritika l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li ma teżistix rabta stretta biżżejjed bejn “l-effett ta’ serħan tal-moħħ li rriżulta mill-pubblikazzjoni tal-ftuħ ta’ linja ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta minn dak il-ftuħ”, dan l-ilment huwa simili għal dak li sar fil-kuntest tat-tielet sottoparti, tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, eżaminat iktar ’il fuq konġuntament mal-ilmenti simili mqajma mill-Kummissjoni.

d)      Fuq l-iżball li allegatament ikkommettiet il-Qorti Ġenerali inkwantu ma eżaminatx il-kriterju tal-investitur privat prudenti sabiex tiddetermina l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ vantaġġ għal FT (it-tielet parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑401/10 P)

100. Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-Qorti Ġenerali kellha tivverifika, kif għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, jekk il-vantaġġ mogħti lil FT li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet kollha sa minn Lulju 2002 u mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 “kienx ingħata taħt kundizzjonijiet normali tas-suq jew jekk entità privata setgħetx tibbenefika mill-istess vantaġġ taħt l-istess kundizzjonijiet kieku l-Istat aġixxa bħala investitur privat”. Hija ssostni li billi ma pproċeditx għal tali eżami, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(1) KE.

101. Fil-fehma tiegħi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inoperattiv. Effettivament, jirriżulta b’mod ċar mill-motivi tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni marret kontra l-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE minħabba l-fatt li, għalkemm ressqet provi suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ għal FT li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, hija madankollu naqset milli turi li tali vantaġġ kien jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Il-Kummissjoni ma spjegatx kif tali eżami tal-legalità tal-metodu segwit minnha fl-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat seta’ jwassal lill-Qorti Ġenerali biex tbiddel dik il-konklużjoni, li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

e)      Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 87 KE flimkien mal-Artikolu 230 KE, minħabba li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx id-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta tagħmel analiżi ekonomika kumplessa (ir-raba’ parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑401/10 P)

102. Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tattribwixxi, fl-ewwel lok, għall-Qorti Ġenerali li ma kkunsidratx id-diskrezzjoni li hija għandha meta tagħmel evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi meta hija applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq. Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni ma spjegatx kif il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx id-diskrezzjoni li hija eżerċitat meta applikat il-kriterju tal-investitur privat, meta fil-fatt l-istess Qorti ma eżaminatx il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn hija applikat dak il-kriterju.

103. F’dik l-istess parti tal-aggravju, il-Kummissjoni tattribwixxi sussegwentement għall-Qorti Ġenerali ssostitwiet l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess, meta stħarrġet l-adegwatezza tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni donnha takkuża lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet bħala inġustifikat, fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, l-“approċċ globali” li l-Kummissjoni segwiet min-naħa l-oħra fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Lanqas dan l-argument ma jreġi. Effettivament, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tal-legalità fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna meta hija kkonkludiet, inter alia abbażi tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, li anki meta jitqiesu konġuntament l-avvenimenti kollha li seħħew minn Lulju 2002, ma setax jiġi stabbilit trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

104. Għall-kumplament, l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni taħt din il-parti tat-tieni aggravju tagħhom huma simili għal dawk li diġà tqajmu fl-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-istess motiv.

B –    Fuq in-natura allegatament kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata (l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑401/10 P)

105. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tiżviluppa, f’partijiet differenti tas-sentenza appellata, analiżi ta’ avvenimenti eżaminati li ma humiex kompatibbli bejniethom. B’mod partikolari, minn naħa waħda, hija analizzat konġuntament id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, biex tikkonkludi li, meħuda flimkien, dawn il-miżuri jagħtu vantaġġ lil FT, u, min-naħa l-oħra, b’kontradizzjoni mal-affermazzjonijiet preċedenti tagħha, tikkonstata l-eżistenza ta’ interruzzjoni importanti bejn dawk id-dikjarazzjonijiet u dak l-avviż.

106. Ma naqbilx mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, jidhirli li s-sentenza appellata ssegwi loġika pjuttost lineari, u l-motivazzjoni jidhirli li hija ħielsa mill-kontradizzjonijiet allegati mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma nara ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa waħda, affermazzjoni li d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, ikkunsidrati flimkien jew separatament, jagħtu l-istess vantaġġ (jew vantaġġ simili) lil FT, inkwantu jimmanifestaw intenzjoni tal-Istat li jintervjeni biex jagħtiha appoġġ, u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni li dawk id-diversi miżuri ma jippreżentawx l-istess grad ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-mezzi li għandhom jiġu implimentati sabiex jitwettaq dak l-appoġġ u li għandhom natura u portata differenti fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jimpenjaw lill-Istat b’mod ġuridikament vinkolanti. Bl-istess mod, jekk wieħed iqis l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rabta ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġ u t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, ebda kontradizzjoni ma tista’ tiġi stabbilita, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, bejn minn naħa waħda, il-punt 259 tas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li “d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 […] kienu jinvolvu l-għoti ta’ vantaġġ lil FT” u l-punt 296, fejn hija tindika li “trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 jista’ jikkorrispondi biss għal vantaġġ li jinsab fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni li kienet espressament prevista fih”. Effettivament, kif semmejt iktar ’il fuq, dan l-aħħar punt jikkostitwixxi l-applikazzjoni f’din il-kawża tal-argument li ma jista’ jkun hemm rabta ta’ konnessjoni biss bejn vantaġġ u trasferiment ta’ riżorsi statali tal-istess ammont, li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, skont il-Qorti Ġenerali, bejn minn naħa waħda l-vantaġġ li jikkonsisti fl-effett ta’ serħan tal-moħħ għas-swieq finanzjarji li jirriżulta minn dawk id-dikjarazzjonijiet u tal-imsemmi avviż u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi li jirriżulta mill-ftuħ favur FT ta’ linja ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun.

107. Għaldaqstant, jidhirli li l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

C –    Fuq l-interpretazzjoni allegatament żbaljata u dwar l-iżnaturament tad-deċiżjoni kkontestata (it-tielet aggravju fil-Kawża C‑401/10 P)

108. Fit-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali qrat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata u li żnaturat l-elementi fattwali li fuqhom huwa bbażat dak l-att. B’mod partikolari, hija tikkritikaha talli kkunsidrat, fil-punti 254 u 255 tas-sentenza appellata, li hija kien imissha eżaminat u mmotivat b’mod iktar dettaljat l-eżistenza ta’ vantaġġ distint li jirriżulta mill-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, waqt li jirriżulta b’mod ċar mill-punti 190 u 194 tad-deċiżjoni kkontestata li hija qatt ma ħadet f’kunsiderazzjoni tali vantaġġ iżda li hija dejjem kkunsidrat biss il-vantaġġ li jikkonsisti fil-ftuħ mill-ġdid tas-suq tal-kapital b’kundizzjonijiet ottimali għal FT, li jirriżulta mill-“impressjoni mogħtija lis-suq dwar l-eżistenza ta’ self minn azzjonist”. Hija tikkontesta barra minn hekk l-affermazzjoni li tinsab fil-punt 247 tas-sentenza appellata li tgħid li hija rrikonoxxiet, matul is-seduta tal-21 ta’ April 2009 quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija kienet tikkunsidra li l-imsemmija offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist bħala tali kienet timplika vantaġġ supplimentari u distint minn dak li kien jirriżulta mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, jirriżulta b’mod ċar mill-motivi tas-sentenza appellata, b’mod partikolari, mill-punti 244 u 245 ta’ din, li l-Qorti Ġenerali tabilħaqq ħadet f’kunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, il-vantaġġ li jirriżulta mill-“impressjoni mogħtija lis-suq dwar l-eżistenza tas-self minn azzjonist”, li l-Kummissjoni tinvoka bħala l-uniku vantaġġ ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, u li kien biss għall-finijiet ta’ kompletezza li, fil-punti 254 u 255, hija eżaminat jekk dik id-deċiżjoni setgħetx tiġi interpretata fis-sens li vantaġġ ulterjuri u distint kien ġie previst ukoll mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali żnaturatx l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni matul is-seduta tal-21 ta’ April 2009, l-ilment dwar interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmi fil-punt preċedenti, għandu fil-fehma tiegħi jiġi miċħud bħala infondat.

109. Fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni barra minn hekk tikkritika lill-Qorti Ġenerali li “żnaturat id-deċiżjoni [kkontestata] u l-fatti li fuqhom hija bbażata” billi tippreżenta interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti ta’ Lulju sa Diċembru 2002, bejn id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, “billi naqqset milli tfakkar iż-żewġ dikjarazzjonijiet l-oħrajn li seħħew f’Settembru u Ottubru 2002”, li huma xhieda, skont il-Kummissjoni, tal-konkretizzazzjoni progressiva tal-impennji tal-Istat Franċiż fil-konfront ta’ FT. Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud. Effettivament, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 303 u 304 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali stmat li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 jikkostitwixxi “interruzzjoni importanti” fis-suċċessjoni ta’ avvenimenti meta mqabbla mat-tliet dikjarazzjonijiet ta’ Lulju, Settembru u Ottubru 2002 [id-‘dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002’, skont it-terminoloġija adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 21 tas-sentena appellata] – li n-natura u l-portata tagħhom kienu diġà ġew eżaminati fid-dettall, għal kull waħda minnhom, fil-punti 273 sa 276 tas-sentenza appellata – u li b’hekk ma naqsitx milli tikkunsidra, kif tallega l-Kummissjoni, il-miżuri kollha li seħħew qabel dak l-avviż.

110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jidhirli li t-tielet aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala infondat.

D –    Fuq it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi mressqa mir-Repubblika Franċiża

111. Fir-risposta tagħha għall-appell tal-Kummissjoni, il-gvern Franċiż isostni li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta, fil-punti 240 u 259 tas-sentenza appellata, hija kkwalifikat bħala vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE l-effetti li pproduċew id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, qabel ma eżaminat dawk il-miżuri fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat prudenti.

112. It-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi li l-gvern Franċiż jindirizza essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ dak l-argument ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi aċċettat. Effettivament, fil-punt 217 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tafferma li “l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tippreżumi bilfors li l-miżuri meħuda mill-Istat favur impriża jagħtu vantaġġ li jirriżulta mir-riżorsi tal-Istat”. Fil-punt 221, hija tiddikjara li ser tipproċedi, l-ewwel nett, biex tevalwa jekk il-miżuri meħuda mill-Istat Franċiż favur FT tawhiex vantaġġ u, sussegwentement, jekk dak il-vantaġġ ingħatax b’mod konformi mal-kriterju tal-investitur privat. Finalment, fil-punt 313, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li ma għandhiex locus standi biex tiddeċiedi dwar il-motivi u l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar il-legalità tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tammetti FT stess, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali ddikjarat il-pożizzjoni tagħha dwar in-natura “indebita” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE tal-vantaġġ materjali li jirriżulta mill-miżuri meħuda mill-Istat Franċiż favur FT, kif identifikat fil-punti 234 sa 240 tas-sentenza appellata (60).

V –    Konklużjoni

113. Għar-raġunijiet imsemmija, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04). Barra minn hekk, inkwantu l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali jivvizzja l-analiżi kollha tagħha u peress li din tal-aħħar ma pproċeditx għall-eżami tal-mezzi kollha mqajma kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza favur France Télécom, fosthom dawk dwar l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, jidhirli li huwa opportun li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għal ritrattazzjoni tar-rikors fl-ewwel istanza, u li tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura ta’ appell.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Din id-direzzjoni kienet ibbażata fuq l-użu tal-prepożizzjoni disġuntiva “jew” fl-espressjoni “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”, tinsab f’dak li qabel kien l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 87(1) KE u mbagħad l-Artikolu 107 TFUE): ara, dwar dan is-suġġett, Merola, Le critère de l’utilisation des ressources publiques, f’Les aides d’état, Éditions de l’Université Libre de Bruxelles, 2005, 15.


3–      Sentenza tat-30 ta’ Jannar 1985, Il-Kummissjoni vs Franza (290/83, Ġabra p. 439, punt 14). f’din il-kawża, għalkemm ma kien hemm ebda dubju li l-miżura kienet ġiet deċiża fuq talba mill-awtoritajiet pubbliċi u kienet, għaldaqstant, imputabbli lill-Istat, il-Gvern Franċiż sostna li l-bilanċi favorevoli li ntużaw biex tiġi ffinanzjata l-allokazzjoni kienu l-prodott finanzjarju ta’ ġestjoni bankarja ta’ tfaddil privat u mhux tar-riżorsi tal-Istat.


4 –     Sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punti 32 sa 38). Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-applikazzjoni għall-Pajjiżi l-Baxxi ta’ tariffa preferenzjali ta’ gass naturali li tiffavorixxi grupp partikolari ta’ utenti, iffissata mill-produtturi tal-gass, fosthom Gasunie, kumpannija privata li iktar minn 50 % tal-kapital azzjonarju tagħha kien miżmum direttament jew indirettament mill-Istat Olandiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li stabbilixxiet, fid-dawl tal-istruttura tal-ishma ta’ Gasunie, li l-iffissar ta’ dik it-tariffa kien ir-riżultat ta’ aġir imputabbli lill-Istat Olandiż, affermat li “dik il-konstatazzjoni weħidha hija biżżejjed biex jiġi konkluż li l-iffissar tat-tariffa inkwistjoni […] jista’ […] jaqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mogħtija minn Stat Membru skont l-Artikolu 92 tat-Trattat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


5–      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (57/86, Ġabra p. 2855, punt 12).


6–      Madankollu wieħed għandu jinnota li, diġà f’dak iż-żmien, il-Qorti kienet, f’żewġ okkażjonijiet, eskludiet l-eżistenza ta’ għajnuna wara li kkonstatat li l-għajnuna ma kinitx ingħatat direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat: ara s-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 1978, Van Tiggele (82/77, Ġabra 1978 p. 25, punt 24) u tat-13 ta’ Ottubru 1982, Norddeutsches Vieh- und Fleischkontor Will et (213/81 sa 215/81, Ġabra p. 3583, punt 22).


7 –     Ara l-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali VerLoren van Themaat fil-kawża li wasslet għas-sentenza Norddeutsches Vieh- und Fleischkontor Will et iċċitata iktar ’il fuq; Slynn fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u Darmon fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra p. I‑887). Iktar reċentement ara l-konklużjonijiet ta’ Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I‑2843), punti 44‑53.


8 – Sentenza ċċitata.


9 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 19, li “id-distinzjoni bejn għajnuna mogħtija mill-Istat u għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża biex tinkludi fil-kunċett ta’ għajnuna mhux biss l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll dik mogħtija minn korpi pubbliċi jew privati, maħtura jew stabbiliti mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’sentenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kundizzjoni ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat ma tissostitwix dik tal-imputabbiltà lill-Istat tal-vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni iżda tiżdied magħha: sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99 (Ġabra 2002 p. I‑4397, punt 24).


10–      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1993, C‑189/91, Ġabra 1993 p. I‑6185.


11 –     Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97 (Ġabra 1998 p. I‑7907, punt 36), fejn qamet il-kwistjoni dwar jekk il-liġi Taljana li tistabbilixxi l-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja tal-impriżi l-kbar fi kriżi, li tidderoga mir-regoli tad-dritt komuni dwar il-falliment, għandhiex elementi ta’ għajnuna, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C‑295/97 (Ġabra 1999 p. I‑3735), li kienet tirrigwarda l-istess liġi Taljana. Fl-istess linja ta’ ġurisprudenza, għalkemm b’xi differenzi fir-raġunament segwit, ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Viscido et, C‑52/97 sa C‑54/97 (Ġabra 1998 p. I‑2629 C‑52/97).


12 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, Preussen Elektra, C‑379/98 (Ġabra 2001 p. I‑2099).


13 –     Interessanti li wieħed jinnota li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, l-ispejjeż tal-miżura inkwistjoni kienu prinċipalment imposti fuq operaturi privati attivi fl-istess suq tal-benefiċjarji tal-għajnuna, b’effett ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.


14 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España vs Ayuntamiento de Valencia, C‑387/92, Ġabra p. 1‑877, punt 14, tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑404/97 (Ġabra 2000 p. I‑4897, punt 45), u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), C‑482/99 (Ġabra 2002 p. I‑4397, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).


15 –     Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Banco Exterior de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 16).


16–      Ara s-sentenzi Banco Exterior de España, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14); tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16), kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punti 26 u 27).


17–      Sentenza DM Transport, iċċitata iktar ’il fuq.


18–      Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 59).


19–      Sentenza Piaggio, iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 u 42).


20–      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998 Ecotrade, (C‑200/97, Ġabra. p. I‑7907, punt 43). punt 43. Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑404/97 (Ġabra 2000 p. I‑4897) u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97 (Ġabra 2000 p. II‑2267), fejn il-Qorti Ġenerali tippreċiża li “l-għoti ta’ garanzija mill-Istat ma jistax jaħrab mill-projbizzjoni tal-Artikolu 92 tat-trattat għas-sempliċi raġuni li dak il-vantaġġ ikun ingħata lill-impriża benefiċjarja mhux permezz ta’ mobilizzazzjoni immedjata u ċerta ta’ riżorsi statali” (punt 81) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


21–      ĠU 2008, C 155, p. 10.


22 – F’dan is-sens, ara s-sentenza.


23 – Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddikjaratx il-pożizzjoni tagħha espressament dwar din il-kwistjoni (ara madankollu s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, bħal fil-każ tal-komunikazzjoni dwar l-għajnuna fil-forma ta’ garanzija, tidentifika wkoll bħala element ta’ għajnuna l-ispiża finanzjarja mnaqqsa li l-benefiċjarju tal-garanzija mill-istat kellu jġarrab meta mqabbel mal-ispiża li kien ikollu jġarrab kieku kellu jikseb il-finanzjament jew il-garanzija bil-prezzijiet tas-suq). F’dak li jirrigwarda l-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza EPAC, punti 80 u 81. Ara wkoll, iktar reċentement, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T‑318/00 (Ġabra 2005 p. II‑4179, punt 125) u tal-10 ta’ Novembru 2011, Elliniki Nafpigokataskevastiki et vs Il-Kummissjoni, T‑384/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 92, li tirreferi għall-punt 80 tas-sentenza EPAC, iċċitata iktar ’il fuq.


24 –     Effettivament, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “meta titqies il-klassifikazzjoni prijoritarja tal-krediti marbuta mat-twettiq ta’ attività ekonomika”, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-impriżi suġġetti għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja biex ikomplu bl-attività tagħha “tista’ timplika spiża supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi jekk ikun effettivament stabbilit li l-istat jew korpi pubbliċi jinsabu fost il-kredituri prinċipali tal-impriża li tinsab f’diffikultà […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


25 – Wieħed jista’ jaħseb dwar, pereżempju, il-garanziji impliċiti, li jirriżultaw mir-reġim ġuridiku partikolari applikabbli għall-benfiċjarju jew inkella l-ittra ta’ intenzjoni jew ta’ patroċinju. F’dan ir-rigward, nirrileva li, fis-sens tal-komunikazzjoni dwar l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji taqa’ taħt l-kunċett ta’ “garanzija” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dik il-komunikazzjoni “kwalunkwe miżura ta’ appoġġ li l-effetti ekonomiċi tagħha huma ekwivalenti għal dawk ta’ garanzija” u li jirriżultaw jew minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew mill-aġir tal-amministrazzjoni. B’hekk, inter alia, il-Kummissjoni tiddistingwi bejn garanziji provenjenti minn “sors kuntrattwali” jew “minn sors ġuridiku ieħor”, għall-kuntrarju ta’ “garanziji li l-forma tagħhom hija inqas viżibbli”, u ssemmi bħala eżempju “l-impennji mogħtija verbalment”.


26 – Fuq bażi inċidenali, ninnota li l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 280 tas-sentenza appellata, li jeżiġu li l-portata tal-garanzija mogħtija tkun kwantifikabbli fil-mument meta tingħata, jinsabu fost dawk elenkati fil-punt 3.2 tal-komunikazzjoni dwar l-għanuna fil-forma ta’ garanzija li għandhom jiġu sodisfatti sabiex il-prinċipju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq tiġi rrispettata. Fi kliem ieħor, fin-nuqqas tal-istess rekwiżiti dwar id-definizzjoni tal-qafas finanzjarju tal-miżura ta’ appoġġ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura tista’ tikkostitwixxi għajnuna, waqt li l-Qorti Ġenerali hija tal-fehma li dan imur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107, peress li ma huwiex stabbilit li kien hemm impenn ta’ riżorsi statali.


27 – Sentenzi tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs l-Kummissjoni, 173/73 (Ġabra p. 709, punt 27); tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85 (Ġabra p. 901, punt 8); tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑241/94 (Ġabra p. I‑4551 C‑241/94, punt 20). F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-forma li jieħu l-appoġġ mill-Istat ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novmbru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82 (Ġabra p. 3809, punt 31); tat-3 ta’ Ottubru 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑261/89 (Ġabra p. I‑4437, punt 8); tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98 (Ġabra p. I‑6857, punt 25). Dan in-nuqqas ta’ formaliżmu huwa rifless ukoll fil-kunċett innifsu ta’ riżorsi tal-Istat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja “iħaddan il-mezzi pekunarji kollha li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw biex jappoġġjaw lill-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni (Stardust), iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, fejn id-definizzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hija intiża biex tinkludi r-riżorsi finanzjarji ta’ impriżi pubbliċi, li għalkemm ma jkollhomx baġit pubbliku b’mod permanenti, jibqgħu madankollu kostantament taħt il-kontroll pubbliku.


28 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra. F’din il-kawża, ir-rikorrenti invokat il-ksur ta’ regola tad-dritt nazzjonali li saret applikabbli għall-kawża permezz tar-rinviju li sar minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.


29–      Ibidem, punt 53.


30 – B’mod partikolari, fis-siltiet tal-parir inkwistjoni li jirreferu għall-kumpanniji Bouygues, l-awtur tal-imsemmi parir jikkonkludi li “jidher possibbli li jintwera li d-dikjarazzjonijiet tal-Istat li saru bejn Lulju 2002 u Diċembru 2002 tabilħaqq għandhom il-karatteristiċi ta’ garanzija fil-forma ta’ impenn unilaterali li l-kwalifikazzjoni tagħha bħala impenn ta’ patronċinju kienet tidher probabbli, minkejja n-natura oriġinali tagħha (enfażi miżjuda minni).


31 – Il-konklużjonijiet li għalihom tasal il-Qorti Ġenerali fir-rigward tan-natura vaga, impreċiża u kundizzjonali tad-dikjarazzjonijiet tal-Istat insostenn ta’ FT jammontaw għal evalwazzjonijiet ta’ fatt, li kontrihom il-kumpanniji Bouygues ma jissollevawx b’mod dirett u espress, motiv ta’ żnaturament, li huwa invokat fir-rigward tar-regoli pertinenti tad-dritt Franċiż.


32 – F’dik is-sentenza, il-Cour de Cassation Franċiża, waqt li ċaħdet il-kwalifikazzjoni ta’ garanzija, ikkonstatat l-eżistenza ta’ obbligu ġuridiku li jinkiseb riżultat fir-rigward ta’ ittra ta’ intenzjoni maħruġa minn kumpannija parent li tindika “ser niżguraw, sa mil-lum, il-funzjonament tajjeb ta’ dak l-operat u […] ser nagħmlu dak li hu meħtieġ fil-konfront tagħkom sabiex jiġi ġġestit sew”.


33 – Minbarra s-sentenza Lamiable et imsemmija iktar ’il fuq, li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kumpanniji Bouygues annettew mal-appell tagħhom, inter alia, is-sentenzi tal-Conseil d’État tat-3 ta’ Marzu 1993, Comité central d’entreprise de la société d’exploitation industrielle des tabacs et allumettes, tas-26 ta’ Ottubru 1973, u Société civile immobilière “résidence arcole”, sentenzi ċċitati u kkummentati fil-konsultazzjoni ta’ maître Sureau tal-14 ta’ Jannar 2004 annessa mar-rikors fl-ewwel istanza.


34 – F’dan il-punt il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li “ma huwiex […] stabbilit li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, [id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002] jistgħu jagħtu lok għal tali impenn ġuridikament vinkolanti u inkundizzjonali tal-Istat Franċiż li se jsostni lil FT”.


35–      Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑99/98 (Ġabra p. I‑1101).


36–      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127.


37–      Punt 74.


38 –     Fis-sentenza L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, qamet il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni kellhiex titqies bħala għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti, waqt li fis-sentenza Fleuren Compost il-kwistjoni kienet dwar jekk il-miżura inkwistjoni taqax jew le taħt reġim ta’ għajnuna awtorizzat minn qabel mill-Kummissjoni.


39 –     Effettivament, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il quddiem, li tgħid li fl-istadju tal-kwalifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jitqiesu l-effetti tagħha, wieħed jista’ jikkunsidra bħala sodisfatta l-kundizzjoni tal-impenn ta’ riżorsi Statali meta l-aġir tal-Istat ikun tali li joħloq spiża għall-baġit tal-Istat billi jesponi, de facto jew mhux de jure, riskju finanzjarju suffiċjentement konkret.


40–      Enfażi miżjuda minni.


41–      Enfażi miżjuda minni.


42–      Sentenza tal-19 ta’ Settembru 2000, C‑156/98 (Ġabra p. I‑6857, punt 27).


43 –     Ara, inter alia, minbarra s-sentenzi Sloman Neptun, PreussenElektra u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Kirsammer-Hack, Viscido u Ecotrade, iċċitati iktar ’il fuq; tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I‑1407, li tiċħad il-kwalifikazzjoni bħala għajnuna ta’ leġilazzjoni ġenerali li timponi l-obbligu fuq l-operaturi televiżivi biex jassenjaw parti mid-dħul operattiv tagħhom għall-finanzjament antiċipat ta’ films ċinematografiċi u televiżivi u tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra, p. I-7671, punt 103.


44 –     Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C‑295/97, Ġabra p. I‑3735, punti 34 u 35; tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑501/00, Ġabra p. I‑6717, punti 91 u 92.


45–      Punt 62.


46 –     Għandu jiġi osservat ukoll li s-sentenzi Sloman Neptun u PreussenElektra kienu jirrigwardaw liġijiet nazzjonali ġenerali li jirregolaw settur ekonomiku partikolari, fl-ewwel każ dwar is-serħan tal-moħħ tal-kompetittività tas-settur, u fit-tieni każ, dwar il-kisba tal-objettivi ta’ ħarsien tal-ambjent. It-tip ta’ intervent pubbliku msemmi b’hekk kien differenti ħafna meta mqabbel ma’ dak f’din il-kawża.


47 –     F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2005, Confédération Bationale du Crédit Mutuel vs Il-Kummissjoni, T‑93/02 (Ġabra p. II‑143) u tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione Italiana del Risparmio Gestito u Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni, T‑445/05, Ġabra p. II‑289.


48–      Ara l-punti 44 sa 78 iktar ’il fuq.


49 –     Fit-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni targumenta, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punt 293 tas-sentenza appellata, li hija ressqet provi li juru li d-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, meħuda fit-totalità tagħhom, jikkostitwixxu impenn ta’ riżorsi pubbliċi. Hija targumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali stess, fil-punti 303 sa 305 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li tali impenn kien diġà impliċitu fl-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002. Iżda ma jidhirlix li dawn l-argumenti jistgħu jiġu aċċettati. Fir-rigward tal-ewwel wieħed, jirriżulta mill-premessa 219 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni finalment astjeniet milli tieħu pożizzjoni definittiva dwar il-kwistjoni jekk, meħuda flimkien, id-dikjarazzjonijiet ta’ wara Lulju 2002 jimplikawx impenn ta’ riżorsi Statali. F’dak li jirrigwarda t-tieni argument, jirriżulta b’mod ċar mill-punt 293 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 timplikax għall-Istat impenn ġuridikament vinkolanti bis-saħħa tad-dritt Franċiż.


50–      Enfażi miżjud minni.


51 –     Għandu jiġi kkunsidrat li meta, fil-punti 296 u 297 iċċitati iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali ssemmi “id-dikjarazzjonijiet wara Lulju 2002”, tirreferi wkoll għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002.


52 –     Għandu jiġi mfakkar li fil-punt 246 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eskludiet li l-fatt li ntbagħtet l-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 seta’ kellu, fih innifsu, effett ta’ serħan tal-moħħ għas-suq simili għal dak li nħoloq mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, peress li ġie ppubblikat, u fil-punti 264 sa 267, hija kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet vantaġġ marbut ma’ dak il-fatt li huwa distint minn dak li jiriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta wara Lulju 2002 u mill-avviż.


53 –     Ara l-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 116 tagħha.


54–      B’mod iktar preċiż, l-“oneru potenzjali supplimentari (... li) nħoloq bl-avviż tad-disponibbiltà tas-self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ qabel din id-disponibbiltà […], bl-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien tabilħaqq disponibbli […] u fl-aħħar nett meta ERAP bagħtet il-kuntratt tas-self inizjalat u ffirmat lil FT […]”, premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata.


55 –     Bħall-Qorti Ġenerali, ma niħux pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk, bħal ma tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li ntbagħat l-abbozz tal-kuntratt ta’ self mill-azzjonist jimplika fih innifsu impenn ta’ riżorsi tal-istat fil-forma ta’ spiża potenzjali għall-baġit tal-Istat, inkwantu dan tal-aħħar “ikollu […] iżomm għad-dispożizzjoni ta’ FT, permezz tal-ERAP l-ammont ta’ riżorsi korrispondenti” u b’hekk, indipendentement kemm mill-eżami tal-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett dak il-kuntratt kif ukoll miċ-ċirkustanza li qatt ma ġie eżegwit. Madankollu nirrileva li, għall-kuntrarju tal-Gvern Ġermaniż, la l-Gvern Franċiż, u lanqas FT ma jikkontestaw li impenn ta’ riżorsi statali seta’ nħoloq f’dan l-istadju.


56 –     Il-Kummissjoni titkellem f’dan ir-rigward, fl-appell tagħha, dwar “żewġ manifestazzjonijiet tal-istess fatt, li, barra minn hekk, ġie pperċepit b’mod unitarju mis-swieq”.


57 –     Dawn id-dikjarazzjonijiet, għalkemm lagħbu fuq ir-reazzjonijiet suġġettivi tal-atturi fis-swieq finanzjarji, taw vantaġġ materjali lil FT.


58–      Ara s-sentenza appellata, punt 303.


59 –     Din il-konklużjoni, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, huma b’mod ċar mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar jekk l-intervent inkwistjoni tal-Istat Franċiż jissodisfax jew le l-kriterju ta’ investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq.


60–      Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF et, C‑124/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-ġabra, punt 89.