Language of document : ECLI:EU:C:2015:25

Kawża C‑463/13

Stanley International Betting Ltd

u

Stanleybet Malta Ltd

vs

Ministero dell’Economia e delle Finanze

u

Agenzia delle Dogane e dei Monopoli di Stato

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi — Sejħa għal offerti ġdida — Liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak ta’ liċenzji antiki — Restrizzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-22 ta’ Jannar 2015

1.        Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fir-rigward ta’ liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak ta’ liċenzji mogħtija fil-passat minħabba riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi — Ġustifikazzjoni marbuta mal-interess ġenerali — Proporzjonalità — Ammissibbiltà

(Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 27)

2.        L-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti ġdida fir-rigward ta’ liċenzji għal tul ta’ żmien iqsar minn dak tal-liċenzji mogħtija fil-passat minħabba riorganizzazzjoni tas-sistema permezz ta’ allinjament temporali tal-iskadenzi tal-liċenzji.

Fil-fatt, minkejja li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, ir-riorganizzazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji iċċitata iktar ’il fuq tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu b’mod koerenti l-għanijiet leġittimi tat-tnaqqis tal-opportunitajiet għal-logħob jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta ma’ dan il-logħob u tista’ tissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet ta’ proporzjonalità meħtieġa.

Jekk jirriżulta li, fil-futur, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jixtiequ jnaqqsu n-numru ta’ liċenzji mogħtija jew ikunu jixtiequ jeżerċitaw kontroll iktar strett fuq l-attivitajiet fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, tali miżuri jkunu ffaċilitati fil-każ li l-liċenzji kollha jingħataw għall-istess tul ta’ żmien u jintemmu fl-istess ħin.

(ara l-punti 46, 53-55 u d-dispożittiv)