Language of document : ECLI:EU:C:2014:323

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2014 (1)

Kawża C‑244/13

Ewaen Fred Ogieriakhi

vs

Minister for Justice and Equality,

L-Irlanda,

Attorney General,

An Post

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda)]

“Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu u residenza fit-territorju ta’ Stat Membru — Direttiva 2004/38/KE — Kunċett ta’ ‘perjodu ta’ residenza kontinwa ta’ ħames snin ma’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti’ — Dritt ta’ residenza permanenti”





1.        Dan ir-rinviju preliminari jitlob, qabel kollox, lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-kunċett ta’ “għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu”, fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE (2), u b’mod aktar partikolari, biex tippreċiża t-termini “maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

2.        Effettivament, dik id-dispożizzjoni tipprovdi li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru u li jkunu għexu legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin ma’ dak iċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti jakkwistaw id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ dak l-Istat.

3.        Fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni hija dik dwar jekk ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni Ewropea li tkun eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu, jistax jippretendi dak id-dritt ta’ residenza meta, matul il-perijodu ta’ ħames snin meħtieġ, il-konjuġi jkunu għexu taħt l-istess saqaf biss għal sentejn waqt li matul it-tliet snin l-oħrajn huma jkunu bdew jgħixu separatament ma’ sħab differenti.

4.        Sussegwentement, il-High Court (l-Irlanda) tixtieq tkun taf ukoll jekk, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien neċessarju li ssir domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fit-tilwima sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur ta’ dan id-dritt mill-Istat Membru.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn nemmen li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti, perijodu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti qabel it-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva fis-sistema ġuridika tal-Istati Membri, anki meta jkun stabbilit li, matul dak il-perijodu, il-konjuġi kienu ftiehmu li jgħixu separatament ma’ sħab oħrajn.

6.        Sussegwentement, ser nindika għalfejn, fil-fehma tiegħi, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien neċessarju li ssir domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża sabiex tiġi ddeterminata n-natura suffiċjentement gravi tal-ksur ta’ dak id-dritt mill-Istat Membru.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68

7.        Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (3), li kien jinsab fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali:

“1.      Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma’ ħaddiem li hu ċittadin ta’ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor:

a)      il-mara tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta’ 21 sena jew huma dipendenti;

b)      qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara tiegħu.

2.      L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta’ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3.      Għall-iskopijiet ta’ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta‘ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m‘għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

B –    Id-Direttiva 2004/38

8.        Id-Direttiva 2004/38 tiġbor u tissimplifika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Għandha wkoll l-effett li temenda r-Regolament Nru 1612/68 billi tħassar, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 tiegħu.

9.        Fil-fatt, din id-direttiva tneħħi l-obbligu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiksbu permess ta’ residenza, tintroduċi dritt ta’ residenza permanenti favur dawn iċ-ċittadini u l-membri tal-familja tagħhom u tiċċirkoskrivi l-possibbiltà tal-Istati Membri li jillimitaw ir-residenza fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

10.      L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)      ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)      għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew,

ċ)      –       miktuba f’istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

–      għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)      membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta’ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.      Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).”

11.      L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jipprovdi:

“1.      Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m’għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.      Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.

3.      Il-kontinwità tar-residenza m’għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f’sena, jew minn assenzi ta’ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta’ massimu ta’ 12‑il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.      Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

12.      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.

13.      Finalment, skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2004/38, l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 huma rrevokati b’effett mit-30 ta’ April 2006.

C –    Id-dritt Irlandiż

14.      Ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (Moviment liberu tal-persuni) tal-2006 [European Communities (Free Movement of Persons) Regulations 2006] (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-2006”) jimplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż.

15.      L-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-2006 jiżgura t-traspożizzjoni tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali

16.      E.F. Ogieriakhi, li huwa ta’ nazzjonalità Niġerjana, wasal fl-Irlanda f’Mejju 1998, f’liema data huwa talab l-ażil politiku. Fix-xahar ta’ Mejju 1999, huwa żżewweġ ċittadina Franċiża, is-Sinjura Georges, u b’hekk irtira l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil. Fil-11 ta’ Ottubru 1999, il-Minister for Justice and Equality ħariġlu permess ta’ residenza.

17.      Matul il-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 1999 u x-xahar ta’ Ottubru 2004, Georges jew ħadmet, jew inkella rċeviet benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

18.      Huwa paċifiku li, bejn is-snin 1999 u 2001, E.F. Ogieriakhi u Georges għexu flimkien f’diversi indirizzi f’Dublin (l-Irlanda). Madankollu, ftit wara x-xahar ta’ Awwissu 2001, peress li ż-żwieġ tagħhom kien tkisser matul dik is-sena, Georges telqet mid-dar matrimonjali biex tgħix ma’ raġel ieħor. Sussegwentement, E.F. Ogieriakhi wkoll telaq minn dik id-dar biex imur jgħix ma’ ċittadina Irlandiża, is-Sinjura Madden. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li ma jistgħux jiġu stabbiliti b’ċertezza d-dati meta seħħew dawn l-avvenimenti, u l-unika ċertezza kienet li seħħew wara x-xahar ta’ Awwissu 2001 u matul is-sena 2002.

19.      Georges u E.F Ogieriakhi ddivorzjaw fix-xahar ta’ Jannar 2009. Dan tal-aħħar iżżewweġ lil Madden fix-xahar ta’ Lulju tal-istess sena u kiseb iċ-ċittadinanza Irlandiża fl-2012, permezz ta’ naturalizzazzjoni. Fix-xahar ta’ Diċembru 2004, Georges telqet b’mod definittiv mit-territorju Irlandiż.

20.      Fix-xahar ta’ Settembru 2007, il-Minister for Justice and Equality rrifjuta dritt ta’ residenza permanenti lil E.F Ogieriakhi, fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-2006, għar-raġuni li ma kien hemm ebda prova li Georges, li f’dak iż-żmien kienet għadha martu, kienet għadha teżerċita f’dak il-mument id-drittijiet li hija għandha taħt id-dritt tal-Unjoni. E.F. Ogieriakhi ppreżenta appell kontra dik id-deċiżjoni, liema appell ġie miċħud mill-High Court fix-xahar ta’ Jannar 2008 abbażi tal-fatt li r-Regolamenti tal-2006 ma kinux applikabbli għal residenzi li kienu jippreċedu d-dħul fis-seħħ tiegħu. Bħala konsegwenza ta’ dan, E.F. Ogieriakhi tkeċċa mix-xogħol, fl‑24 ta’ Ottubru 2007, minn An post, kumpannija postali tal-Istat, li magħha kien beda jaħdem fil‑11 ta’ Novembru 2001, għar-raġuni li ma kellux permess tax-xogħol validu peress li l-awtoritajiet Irlandiżi kienu ċaħdulu d-dritt ta’ residenza permanenti.

21.      E.F. Ogieriakhi ma appellax immedjatament kontra din is-sentenza. Huwa għamel dan biss wara s-sentenza Lassal (4). Is-Supreme Court, li rrifjutat li ttawwal it-terminu għall-preżentata tar-rikors, innotat li l-Minister for Justice and Equality kien aċċetta li jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tax-xahar ta’ Settembru 2007 li permezz tagħha huwa kien ċaħad dritt ta’ residenza permanenti lil E.F. Ogieriakhi u indika li huwa seta’ jżomm lill-Istat responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

22.      Fix-xahar ta’ Novembru 2011, E.F. Ogieriakhi ngħata dritt ta’ residenza mill-Minister for Justice and Equality għar-raġuni li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet pertinenti kollha previsti fir-Regolamenti tal-2006. Huwa għalhekk fetaħ il-proċedura prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju li fil-kuntest tagħha huwa fittex lill-Irlanda għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza Francovich et (5). Huwa fil-fatt kien tal-fehma li kienet saret traspożizzjoni ħażina tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 fid-dritt Irlandiż. Minħabba dik it-traspożizzjoni ħażina, huwa jsostni li ġarrab dannu inkwantu ġie mitmum il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu minn An post, fuq il-bażi tal-assenza ta’ dritt ta’ residenza permanenti fl-Irlanda.

23.      Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li s-suċċess tar-rikors ippreżentat minn E.F. Ogieriakhi abbażi ta’ traspożizzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari, dan tal-aħħar kienx jibbenefika, fil-mument meta tkeċċa mix-xogħol, minn dritt ta’ residenza permanenti fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38.

III – Id-domandi preliminari

24.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jista’ jingħad li l-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li f’dak iż-żmien ma kienx huwa nnifsu ċittadin ta’ Stat Membru “[għex] legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin” għall-finijiet tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38[...], f’ċirkustanzi fejn il-konjuġi żżewwġu f’Mejju 1999, fejn dritt ta’ residenza ngħata f’Ottubru 1999 u fejn, mhux iktar tard mill-bidu tal-2002, il-partijiet kienu qablu li ma jirrisjedux iktar flimkien u fejn il-partijiet bdew joqogħdu ma’ msieħba kompletament differenti fl-aħħar tal-2002?

2)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz qiegħed jinvoka dritt għal residenza permanenti skont l-Artikolu 16(2) [tad-Direttiva 2004/38] ibbażat fuq ħames snin ta’ residenza kontinwa qabel April 2006 għandu jipprova wkoll li r-residenza tiegħu jew tagħha kienet konformi, inter alia, mar-rekwiżiti tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament [...] Nru 1612/68, il-fatt li matul dak il-perijodu ta’ ħames snin preżunt, iċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea telaq mid-dar tal-familja u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz imbagħad beda jirrisjedi ma’ individwu ieħor f’dar tal-familja ġdida li ma ġietx ipprovduta jew imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-konjuġi (preċedenti) ċittadin tal-[Unjoni] jfisser li [l-imsemmija] rekwiżiti [...] għalhekk ma humiex sodisfatti?

3)      Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija fl-affermattiv u r-risposta għad-domanda 2 hija fin-negattiv, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk Stat Membru ttrasponiex b’mod żbaljat jew inkella naqas milli japplika korrettament ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva tal-2004, il-fatt li l-qorti nazzjonali adita b’rikors għad-danni minħabba fi ksur tad-dritt tal-Unjoni kienet meħtieġa tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjoni sostantiva tad-dritt tar-rikorrent għal residenza permanenti huwa minnu nnifsu fattur li din il-qorti tista’ tikkunsidra fid-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm ksur ovvju tad-dritt tal-Unjoni?”

IV – L-analiżi tiegħi

A –    Rimarki preliminari

25.      Fil-fehma tiegħi, l-ewwel u t-tieni domandi għandhom jiġu indirizzati flimkien. Effettivament, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qiegħed jinvoka dritt ta’ residenza permanenti fuq il-bażi tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, li huwa kiseb matul il-perijodu bejn is-sena 1999 u s-sena 2004. Dan il-perijodu huwa qabel id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fis-sistema ġuridika tal-Istati Membri, jiġifieri t‑30 ta’ April 2006.

26.      Għaldaqstant, qabel kollox tqum il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ ħames snin meħtieġ għall-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti b’mod konformi mal-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva, il-perijodi ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni li kien applikabbli dak iż-żmien, jiġifieri r-Regolament Nru 1612/68, u b’mod aktar partikolari l-Artikolu 10 tiegħu. Għandu jitfakkar li dik id-dispożizzjoni kienet tagħti lill-konjuġi ta’ ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru d-dritt li jgħix miegħu fl-Istat Membru ospitanti, bil-kundizzjoni li dak il-ħaddiem ikollu akkomodazzjoni għall-familja tiegħu, meqjusa bħala normali għall-ħaddiema nazzjonali fir-reġjun fejn ikun impjegat.

27.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet għal dik id-domanda fis-sentenza tagħha Lassal (6). Effettivament, hija ddeċidiet li “għall-finijiet tal-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, għandhom jitqiesu perjodi ta’ residenza ta’ ħames snin mingħajr interruzzjoni, qabel id-data ta’ traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva, jiġifieri t‑30 ta’ April 2006, b’mod konformi ma’ strumenti tad-dritt tal-Unjoni qabel dik id-data” (7).

28.      Il-portata ta’ din is-sentenza ġiet ippreċiżata reċentement fis-sentenza Alarape u Tijani (8). Effettivament, f’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tad-Direttiva 2004/38 mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ residenza li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-istess direttiva (9). Barra minn hekk, hija fakkret li d-Direttiva 2004/38, minn naħa, għandha l-għan li tmur lil hinn mill-approċċ settorjali u frammentat tad-dritt għal moviment liberu u residenza għall-finijiet li tiffaċilita l-eżerċitar ta’ dan id-dritt, billi telabora att leġiżlattiv uniku li jikkodifika u jirrevedi l-istrumenti tad-dritt tal-Unjoni li jippreċedu din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, ipprevediet sistema gradwali fir-rigward tad-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, li billi sostanzjalment timplementa l-istadji u l-kundizzjonijiet previsti fid-diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza ta’ qabel l-imsemmija direttiva, twassal għal dritt ta’ residenza permanenti (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk indikat li t-termini “strumenti tad-dritt tal-Unjoni preċedenti” użati fid-Direttiva 2004/38, li huma inkwistjoni fil-punt 40 tas-sentenza Lassal (EU:C:2010:592), għandhom jinftiehmu fis-sens li huma relatati mal-istrumenti li din id-direttiva kkodifikat, irrevediet u rrevokat u mhux ma’ dawk li, bħall-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, ma ġewx affettwati minnha (11).

29.      Minn dik il-ġurisprudenza, nistgħu niddeduċu dan li ġej. Meta jsir riferiment għall-istrumenti preċedenti li għandhom jitqiesu għall-komputazzjoni tar-residenza, dawn jistgħu jkunu biss strumenti kkodifikati, irreveduti u/jew irrevokati mid-Direttiva 2004/38 u mhux minn dawk li hija ma affettwatx. Inkwantu l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħmel parti mid-dispożizzjonijiet li ġew irrevokati wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu ta’ ħames snin meħtieġ mill-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, jistgħu jitqiesu biss il-perijodi ta’ residenza qabel id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 10 ta’ dak ir-regolament, taħt kundizzjonijiet konformi ma’ dawk previsti mill-istess direttiva.

30.      Għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni domandi li saru mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu skont kif ġej. L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, perijodu ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti qabel it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fis-sistema ġuridika tal-Istati Membri, meta jkun stabbilit li, matul dak il-perijodu, il-konjuġi bdew jgħixu separatament ma’ sħab oħrajn?

B –    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

31.      Il-kwistjoni li tqum, qabel kollox, hija jekk E.F. Ogieriakhi żammx, matul il-perijodu inkwistjoni, il-kwalità tiegħu bħala “membru tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, taħt it-titolu “Benefiċjarji”, jipprovdi li din tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq jew jirrisjedi fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu, kif iddefiniti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jakkumpanjawh jew jingħaqdu miegħu.

32.      Issa, għalkemm Georges u E.F. Ogieriakhi kienu fil-fatt miżżewġin sal-2009, huma waqfu jgħixu flimkien wara sentejn ta’ żwieġ u bdew jgħixu ma’ sħab oħrajn. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi ppreċiżat, sabiex jitneħħa kull dubju li jista’ jkun hemm, li f’ebda mument, la fit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas f’att proċedurali ieħor, ma ġie allegat li ż-żwieġ ta’ Georges u E.F. Ogieriakhi kien żwieġ ta’ konvenjenza.

33.      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk E.F. Ogieriakhi, li jinvoka drittijiet taħt id-Direttiva 2004/38, kienx għadu membru tal-familja ta’ Georges matul il-perijodu kontenzjuż.

34.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza, ma hemm l-ebda dubju, fil-fehma tiegħi, li E.F. Ogieriakhi jista’ jitqies bħala membru tal-familja ta’ Georges matul dak il-perijodu. Fil-fatt, mis-sentenza Iida (12) jirriżulta li, ġaladarba ż-żwieġ tal-konjuġi ma ġiex xolt mill-awtorità kompetenti, iċ-ċittadin ta’ Stat terz li jkun il-konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni jista’ jitqies bħala membru tal-familja ta’ din tal-aħħar fis-sens tal-punt 2(a) tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 (13).

35.      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza Alarape u Tijani (EU:C:2013:290), li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi kkonstatat li l-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru jiddependi fi kwalunkwe każ mill-fatt li, minn naħa, dak iċ-ċittadin jissodisfa huwa stess il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija membri jkunu għexu miegħu matul il-perijodu kkonċernat. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ residenza legali li huma jimplikaw it-termini “għexu legalment” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni għandhom jinftiehmu li jirreferu għal residenza konformi mal-kundizzjonijiet previsti minn din l-istess direttiva, b’mod partikolari dawk stipulati fl-Artikolu 7(1) tagħha (14).

36.      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk Georges, bħala ċittadina tal-Unjoni u mart E.F. Ogieriakhi, kinitx fil-fatt tissodisfa dawk il-kundizzjonijiet matul il-perijodu kontenzjuż. F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dan fil-fatt kien il-każ. Fil-fatt, matul dan il-perijodu, huwa paċifiku li Georges kellha l-kwalità ta’ “ħaddiem[a]” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, hija kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2004/38. Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju tippreċiża li Georges għexet legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal ħames snin b’mod kontinwu, hija kisbet dritt ta’ residenza permanenti b’mod konformi mal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

37.      Inkwantu Georges kienet fil-fatt tibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti, E.F. Ogieriakhi huwa tal-fehma li, bħala membru tal-familja li kien irrisjeda magħha legalment matul il-perijodu kontenzjuż, huwa għandu jibbenefika wkoll minn dritt ta’ residenza permanenti fuq il-bażi tal-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti huma tal-fehma li r-rekwiżiti tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1612/68 ma kinux sodisfatti fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali peress li Georges ma kinitx ipprovdiet lil E.F. Ogieriakhi jew poġġiet għad-dispożizzjoni tiegħu akkomodazzjoni meqjusa bħala “normali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għal dawn l-awtoritajiet, jekk, minħabba l-fatt li ma ġietx ipprovduta akkomodazzjoni meqjusa bħala normali, ma kienx ġie kkostitwit id-dritt ta’ residenza ta’ E.F. Ogieriakhi matul il-perijodu kontenzjuż, huwa ma jistax jitqies li għex legalment fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 u b’hekk ma jistax jibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti.

38.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

39.      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fis-sentenza Diatta (15), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li l-membru tal-familja tal-ħaddiem immigrant għandu d-dritt li jgħix mal-ħaddiem, huwa ma jirrikjedix li l-membru tal-familja kkonċernat għandu jgħix hemmhekk b’mod permanenti, kif jindika l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, iżda biss li l-akkomodazzjoni li jkollu l-ħaddiem tkun tista’ titqies bħala normali biex fiha tgħix il-familja tiegħu. Ir-rekwiżit tal-uniċità tad-dar tal-familja permanenti b’hekk ma jistax jiġi stabbilit b’mod impliċitu (16). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li r-rabta matrimonjali ma tistax titqies li ġiet xolta sakemm ma tkunx ġiet mitmuma mill-awtorità kompetenti. Dan ma huwiex il-każ ta’ konjuġi li jkunu sempliċement jgħixu b’mod separat, anki jekk ikollhom l-intenzjoni li jiddivorzjaw iktar ’il quddiem (17).

40.      Barra minn hekk, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (18), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kundizzjoni li jkun hemm akkomodazzjoni meqjusa bħala normali hija meħtieġa biss għall-finijiet li jiġi ospitat kull membru tal-familja mal-ħaddiem u li, ladarba jinkiseb ir-raggruppament tal-familja, is-sitwazzjoni tal-ħaddiem migrant ma tistax tkun differenti minn dik tal-ħaddiema nazzjonali fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ akkomodazzjoni (19). B’hekk, kompliet tgħid il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-akkomodazzjoni meqjusa bħala normali mal-wasla tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem immigrant ma tkunx iżjed konformi ma’ dan ir-rekwiżit wara li jseħħ avveniment ġdid, bħat-twelid ta’ tarbija jew meta t-tfal isiru maġġorenni, il-miżuri li għandhom eventwalment jittieħdu fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ħaddiem ma jistgħux ikunu differenti minn dawk meħtieġa fir-rigward taċ-ċittadini u ma jistgħux iwasslu għal diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini nazzjonali u tal-Unjoni (20).

41.      Fil-fehma tiegħi, minn dawn iż-żewġ sentenzi jirriżulta dan li ġej. Il-kundizzjoni, imposta fuq il-ħaddiem, li jipprovdi akkomodazzjoni normali għall-membri tal-familja, kif meħtieġ fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1612/68, huwa prerekwiżit biex tiġi ospitata l-familja tiegħu. Dan il-prerekwiżit huwa intiż sabiex jiġi żgurat li l-ħaddiem ikkonċernat ikun jixtieq, qabel kollox, li jerġa’ jgħaqqad iċ-ċellola familjari, u dan sabiex ma jkunx skoraġġut milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu. Għaldaqstant, ladarba dik iċ-ċellola tiġi kkostitwita mill-ġdid, ma tkunx meħtieġa koabitazzjoni permanenti bejn dawn il-membri tal-istess familja għall-perijodu sħiħ ta’ residenza legali fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-avvenimenti imprevisti li jistgħu jseħħu fil-ħajja ta’ kullħadd, li jistgħu jwasslu lill-konjuġi biex jgħixu separatament, ma għandhomx ikollhom il-konsegwenza li jċaħħdu lil dawk il-persuni mid-drittijiet li huma jidderivaw mit-testi tal-Unjoni.

42.      Li jiġi rikjest mill-persuni kkonċernati li jgħixu b’mod permanenti taħt l-istess saqaf, fil-fehma tiegħi dan ikun jikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata u familjari tagħhom, li jmur kontra l-Artikolu 7 tal-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet statali ma għandhomx ir-rwol li jimponu kunċett ta’ ħajja għal koppja jew mod ta’ għajxien partikolari għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn jew għall-membri tal-familja tagħhom, u dan wisq aktar meta tali rekwiżit ma jkunx jeżisti għaċ-ċittadini tagħhom.

43.      B’hekk, jiena tal-fehma li r-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi u l-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni meta jiġi ospitat il-konjuġi li jkun ċittadin ta’ Stat terz fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti huma irrelevanti għall-finijiet tal-għoti ta’ dritt ta’ residenza lil dak il-konjuġi ċittadin.

44.      Konsegwentement, ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jiqfux jiġu osservati meta l-ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru u l-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, ikunu bdew jgħixu separatament bħal fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tiegħi, minn dan jirriżulta li r-residenza ta’ E.F Ogieriakhi kienet tabilħaqq konformi mad-dritt tal-Unjoni fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali.

45.      Għalhekk, tifdal il-kwistjoni dwar jekk dawn il-perijodi ta’ residenza mwettqa b’mod konformi mal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1612/68 jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 inkwantu din l-aħħar dispożizzjoni teħtieġ li l-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun għex legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin “ma’” dan tal-aħħar.

46.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa tabilħaqq il-każ. Fil-fatt, fis-sentenza Onuekwere (21), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-terminu “ma’” li jinsab fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva jsaħħaħ il-kundizzjoni li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandhom jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ dak l-istess ċittadin (22). Kif indikajt fil-punti 38 sa 41 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Onuekwere (23), dan it-terminu ma għandux għaldaqstant jiġi interpretat litteralment u ma jeħtieġx ħajja komuni tal-konjuġi taħt l-istess saqaf. Dan sempliċement isaħħaħ il-fatt li, sabiex jitqies bħala “benefiċjarju” tal-imsemmija direttiva, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tagħha, il-membru tal-familja għandu jakkumpanja jew jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (24). B’hekk, ċittadin ta’ Stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li, waqt li jkun miżżewweġ ma’ dan iċ-ċittadin, li jkun jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-Istat Membru ospitanti fejn ikun jgħix l-imsemmi ċittadin, ma jkunx jissodisfa r-rekwiżit tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 li jgħix “ma’” ċ-ċittadin tal-Unjoni, inkwantu ma jitqiesx li akkumpanja jew ingħaqad ma’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ladarba tkun sodisfatta l-kundizzjoni inizjali li jakkumpanja jew jingħaqad ma’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, ma huwiex wisq rilevanti jekk il-konjuġi jgħixux flimkien jew le.

47.      Fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni ma tmurx kontra l-ispirtu u l-għan tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, id-dritt ta’ residenza permanenti huwa intiż biex jippromwovi l-koeżjoni soċjali u biex isaħħaħ is-sentiment ta’ ċittadinanza tal-Unjoni. L-element essenzjali għall-akkwist ta’ dak id-dritt ta’ residenza b’hekk huwa l-integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni u ta’ membru tal-familja tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (25), waqt li l-kontinwità tar-residenza legali hija suġġetta għall-obbligu ta’ integrazzjoni li japplika mal-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti (26). Issa, fil-fehma tiegħi, ir-relazzjonijiet personali ta’ koppja u l-għażla tal-ħajja tagħha ma humiex indikaturi li jiżvelaw il-grad ta’ integrazzjoni ta’ dawn il-persuni. Il-każ ta’ E.F. Ogieriakhi huwa, wara kollox, eżempju perfett. L-esperjenza tiegħu fil-fatt turi li huwa kien jaf kif jintegra fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti sa minn meta wasal. Sa meta tkeċċa mix-xogħol minħabba li ma kellux dritt ta’ residenza permanenti, huwa ħadem ma’ impriża pubblika mix-xahar ta’ Novembru 2001 sax-xahar ta’ Ottubru 2007 u segwa studji fil-liġi b’suċċess.

48.      B’hekk, mill-elementi preċedenti kollha jirriżulta li, kemm‑il darba r-rabta matrimonjali ma tkunx ġiet xolta minn awtorità kompetenti, il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat terz, li jkun akkumpanja jew ingħaqad ma’ dak iċ-ċittadin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti u li jkun għex hemmhekk miegħu legalment għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin, għandu jkun jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti, u dan anki jekk il-konjuġi jkunu bdew jgħixu separatament.

49.      Fil-fehma tiegħi, element ieħor jimmilita favur dik l-interpretazzjoni. L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi, fil-fatt, li d-divorzju, l-annullament taż-żwieġ jew it-tmiem ta’ sħubija rreġistrata ma twassalx għat-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, meta ż-żwieġ jew is-sħubija rreġistrata jkunu damu ta’ mill-inqas tliet snin qabel il-bidu tal-proċedura ġudizzjarja ta’ divorzju jew ta’ annullament jew ta’ tmiem ta’ sħubija rreġistrata, li minnhom ta’ mill-inqas sena fl-Istat Membru ospitanti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jindika, barra minn hekk, li qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, id-dritt ta’ residenza tal-persuni kkonċernati jibqa’ suġġett għall-obbligu li jkun jista’ jintwera, b’mod partikolari, li huma ħaddiema impjegati jew għal rashom jew li għandhom riżorsi suffiċjenti biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiksbu dritt ta’ residenza permanenti wara li jkunu għexu legalment, kontinwament, matul ħames snin fl-Istat Membru ospitanti.

50.      Fil-qosor, ċittadin ta’ Stat terz, li jkun il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun ilu miżżewweġ ma’ dan tal-aħħar għal mill-inqas tliet snin, li minnhom sena tkun saret fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu u jista’ jikseb dritt ta’ residenza permanenti jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati qabel, u dan anki jekk ir-rabta matrimonjali tkun ġiet xolta minn awtorità kompetenti.

51.      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li kieku wieħed kellu jammetti li ċittadin ta’ Stat terz li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ E.F. Ogieriakhi ma jistax jibbenefika minn dritt ta’ residenza permanenti, dan tal-aħħar, inkwantu jkun ġie stabbilit li huwa jkun żamm l-istatus tiegħu bħala l-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni peress li r-rabta matrimonjali ma tkunx ġiet xolta minn awtorità kompetenti, ikun żvantaġġat bil-kbir fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat terz li ma jkunx għadu meqjus bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-punt 2(a) tal‑Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38, iżda li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva.

52.      Ċittadin ta’ stat terz li jkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni b’hekk jibbenefika minn inqas drittijiet u minn protezzjoni iżgħar taħt id-dritt tal-Unjoni minn ċittadin ta’ Stat terz li ma jkun għad għandu l-ebda rabta maċ-ċittadin tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-ispirtu u l-għan tal-imsemmija direttiva li hija li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt għal moviment liberu u residenza fit-territorju tal-Istati Membri taħt kundizzjonijiet oġġettivi ta’ libertà u dinjità, fejn dan l-istess dritt għandu jingħata lill-membri tal-familja tagħhom irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom (27).

53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, li jkun il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, perijodu ta’ residenza li jkun sar fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti qabel it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, minkejja l-fatt li jkun ġie stabbilit li, matul dan il-perijodu, il-konjuġi jkunu bdew jgħixu separatament ma’ sħab oħrajn.

C –    Fuq it-tielet domanda

54.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk fil-kuntest ta’ rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien neċessarju li ssir domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fit-tilwima sabiex tiġi ddeterminata n-natura suffiċjentement gravi tal-ksur ta’ dan id-dritt mill-Istat Membru.

55.      Għandu jiġi mfakkar li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi, taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta’ kumpens għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi għal ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilhom huwa inerenti fis-sistema ta’ trattati li fuqhom hija bbażata din tal-aħħar (28).

56.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kemm‑il darba li l-persuni li jkunu ġarrbu dannu għandhom dritt għal kumpens meta jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni miksura jkollha bħala għan li tagħtihom drittijiet, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni jkun suffiċjentement serju, u li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn dan il-ksur u d-dannu mġarrab mill-persuni kkonċernati (29).

57.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, li hija s-suġġett tat-tielet domanda, għandu jitfakkar li l-kriterju deċiżiv sabiex ksur tad-dritt tal-Unjoni jitqies li huwa suffiċjentement ikkaratterizzat huwa dak tal-ksur manifest u gravi, minn Stat Membru kif ukoll minn istituzzjoni tal-Unjoni, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħhom (30).

58.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta, il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għal kumpens għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni quddiemha u, b’mod partikolari, il-grad ta’ ċarezza u preċiżjoni tar-regola li ma ġietx osservata, in-natura volontarja tal-ksur, in-natura skużabbli jew le tal-iżball ta’ liġi, il-pożizzjoni li ttieħdet, meta applikabbli, mill-istituzzjoni tal-Unjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, mill-qorti inkwistjoni, tal-obbligu tagħha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (31).

59.      Il-fatt li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinkiseb l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’hekk tfisser li ma jeżistix ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt tal-Unjoni? Effettivament, jista’ jitqies li, sa mill-mument meta ssir tali domanda, dan ifisser li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma kinitx preċiża u kienet tappoġġa diversi interpretazzjonijiet, liema fatt jikkostitwixxi element determinanti fl-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali.

60.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jistax ikun il-każ, u dan għal raġuni li jidhirli li hija kapitali.

61.      Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi djalogu ġenwin, kooperazzjoni reali bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kooperazzjoni hija essenzjali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Kif kiteb l-Avukat Ġenerali Léger, “il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qorti nazzjonali rwol kapitali fl-implimentazzjoni tad-dritt komunitarju u fil-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw għall-individwi. B’hekk il-qorti nazzjonali tista’ tiġi kkwalifikata, skont espressjoni li tintuża komunament, bħala ‘qorti komunitarja tad-dritt komuni’” (32).

62.      Fil-fehma tiegħi, dan ir-rwol kapitali ta’ “qorti komunitarja tad-dritt komuni” jista’ jiġi ppreġudikat jekk jiġi aċċettat li s-sempliċi fatt, għall-qorti nazzjonali, li ssir domanda preliminari sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li ma hemmx ksur suffiċjentement ikkaratterizzat tad-dritt tal-Unjoni li jikkawża r-responsabbiltà tal-Istat Membru. Tali konsegwenza li tkun, finalment, obbligatorja għall-qorti nazzjonali tista’ twassal għall-waqfien tad-djalogu bejnha u l-qorti tal-Unjoni. F’din l-ipoteżi, effettivament, il-qorti nazzjonali li tkun tixtieq tagħmel domanda preliminari biex tkun ċerta mill-interpretazzjoni tagħha tad-dritt tal-Unjoni, qabel ma tikkundanna lill-Istat Membru għad-danni, tista’ tasal biex tastjeni. B’mod iktar ġenerali, is-sempliċi fatt li ssir domanda ma jistax jillimita l-libertà tal-qorti li tkun trid tiddeċiedi fuq il-mertu. Hija għandha ssib materjal bħala bażi għar‑riflessjoni libera tagħha mhux fid-domanda li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fir-risposta mogħtija mingħandha.

63.      B’hekk, sabiex jiġi ppreżervat il-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 267 TFUE u r-rwol kapitali tal-qrati nazzjonali fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, aħna tal-fehma li, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien neċessarju li ssir domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fit-tilwima sabiex tiġi ddeterminata n-natura suffiċjentement gravi tal-ksur ta’ dak id-dritt mill-Istat Membru.

V –    Konklużjoni

64.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court:

1)      L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadin ta’ Stat terz, li jkun il-konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni, jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, perijodu ta’ residenza li jkun sar fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti qabel it-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri, minkejja l-fatt li jiġi stabbilit li, matul dan il-perijodu, il-konjuġi jkunu bdew jgħixu separatament ma’ sħab oħrajn.

2)      Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kien neċessarju li ssir domanda preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni inkwistjoni fit-tilwima sabiex tiġi ddeterminata n-natura suffiċjentement gravi tal-ksur ta’ dak id-dritt mill-Istat Membru.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 –      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta' April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15


4 –      C‑162/09, EU:C:2010:592.


5 –      C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428


6 –      EU:C:2010:592.


7 –      Punt 40. Il-korsiv miżjud minni.


8 –      C‑529/11, EU:C:2013:290.


9 –      Punt 42.


10 –      Punt 46.


11 –      Punt 47.


12 –      C‑40/11, EU:C:2012:691.


13 –      Ara l-punti 57 sa 60.


14 –      Punt 35 ta’ din is-sentenza.


15 –      267/83, EU:C:1985:67.


16 –      Punt 18.


17 –      Punt 20.


18 –      249/86, EU:C:1989:204.


19 –      Punt 12.


20 –      Punt 13.


21 –      C‑378/12, EU:C:2014:13.


22 –      Punt 23.


23 –      C‑378/12, EU:C:2013:640.


24 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Iida (EU:C:2012:691, punt 61).


25 – Ara s-sentenza Onuekwere (EU:C:2014:13, punti 24 u 25).


26 – Ibidem (punt 30).


27 – Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38.


28 – Ara s-sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29Ibidem (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Ara s-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55).


31 – Ara s-sentenza Traghetti del Mediterraneo (C‑173/03, EU:C:2006:391, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 – Ara l-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:207).