Language of document : ECLI:EU:T:2006:200

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

12 ta' Lulju 2006 (*)

"Politika barranija u ta' sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban – Kompetenza tal-Komunità – Iffriżar ta' fondi –Prinċipju ta' sussidjarjetà – Drittijiet fundamentali – Jus cogens – Stħarriġ ġudizzjarju – Rikors għal annullament"

Fil-kawża T‑253/02

Chafiq Ayadi, li joqgħod f'Dublin (l-Irlanda), inizjalment irrappreżentat minn A. Lyon, H. Miller, M. Willis-Stewart, solicitors u S. Cox, barrister, wara minn A. Lyon, H. Miller u S. Cox,

rikorrent

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Vitsentzatos u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, inizjalment irrappreżentat minn J. Collins, wara minn R. Caudwell, bħala aġenti, assistit minn S. Moore, barrister,

u minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Brown u M. Wilderspin, bħala aġenti,

partijiet intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-network ta’ Al-Qaida u t-Taliban, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 467/2001 li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ ċerta merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta’ titjiriet u jestendi l-iffriżar fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta’ l-Afganistan (ĠU L 139, p. 9),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1       Taħt l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f'San Francisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta' Ġunju 1945, il-Membri ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU) "jpoġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u jaċċetta li waqt li jkun qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond din ir-responsabbiltà, il-Kunsill tas-Sigurtà jkun qed jaġixxi f'isimhom".

2       Taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti " [i]l-Membri ta' l-[ONU] jintrabtu li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà skond il-Karta preżenti ".

3       Skond l-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti:

"Il-Kunsill tas-Sigurtà jista' jiddeċiedi x'miżuri li ma jinvolvux l-użu ta' l-armi armata għandhom jiġu użati biex jitwettqu d-deċiżjonijiet tiegħu, u jista' jitlob lill-membri tan-Nazjonijiet Uniti biex japplikaw dawn il-miżuri. Dawn jistgħu jinkludu l-qtugħ totali jew parzjali ta' relazzjonijiet ekonomiċi u tal-mezzi ta' komunikazzjoni bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru, tal-posta, telegrafu, radju, jew mezzi oħra, u l-ksur tar-relazzjonijiet diplomatiċi."

4       Skond l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali "għandhom jiġu esegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz ta' l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri ".

5       Skond l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, " [f']il-każ ta' konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond l-Karta preżenti għandhom jegħlbu".

6       Skond l-Artikolu 11(1) UE:

L-Unjoni għandha tiddifenixxi u timplementa politika barranija u ta' sigurtà komuni li tkopri l-oqsma tal-politika barranija u ta' sigurtà, li l-objettivi tagħha għandhom ikunu:

–       li tissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali, l-indipendenza u l-integrità ta' l-Unjoni konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

–       li ssaħħaħ is-sigurtà ta' l-Unjoni bil-mezzi kollha;

–       li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, [...] ".

7       Skond l-Artikolu 301 KE:

"Meta jkun hemm, f'pożizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta' sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni."

8       L-Artikolu 60 (1) KE jiddisponi:

"1.      Jekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni.

2.      Mingħajr ħsara għall-Artikolu 297 u sakemm il-Kunsill ma jkunx ħa miżuri skond il-paragrafu 1, Stat Membru jista’, għal raġunijiet politiċi serji u minħabba raġunijiet ta’ urġenza, jieħu miżuri unilaterali kontra pajjiż terz rigward il-movimenti kapitali u r-rimessi ta' ħlasijiet. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu informati b'dawk il-miżuri mhux aktar tard mid-data li dawn ikunu daħlu fis-seħħ.

Il-Kunsilll jista’, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni, jiddeċiedi illi l-Istat Membru kkonċernat għandu jemenda jew ineħħi dawk il-miżuri. Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’kull deċiżjoni bħal din li tkun ittieħdet mill-Kunsill."

9       Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 307 KE :

"Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta' Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta' l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m'għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat".

10     Fl-aħħar nett, l-Artikolu 308 KE jiddisponi:

"Jekk ikun jidher meħtieġ li l-Komunità tieħu azzjoni biex jintlaħaq xi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, fit-tħaddim tas-suq komuni, u jekk dan it-Trattat ma jkunx ipprovda għal xi setgħa ta' azzjoni hekk meħtieġa għal dan il-għan, il-Kunsill, b'vot unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu jieħu l-passi xierqa".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11     Fil-15 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar 'il quddiem il-"Kunsill tas-Sigurtà") adotta r-Riżoluzzjoni 1267 (1999), li biha huwa, b'mod partikolari, ikkundanna l-fatt li terroristi qed ikomplu jiġu milqugħa u mħarrġa u li atti terroristiċi huma ppreparati fit-territorju Afgan, afferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li s-soppressjoni tat-terroriżmu internazzjonali hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u ddeplora li t-Taliban qed ikompli jagħti rifuġju lil Usama bin Laden (Oussama ben Laden fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet Franċiżi tad-dokumenti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji) u li jippermettilu, kif ukoll lill-kollaboraturi tiegħu, li jmexxi netwerk ta' kampijiet ta' taħriġ għat-terroristi minn territorju okkupat minnu u li jinqeda bl-Afganistan sabiex imexxi operazzjonijiet terroristiċi internazzjonali. Fil-paragrafu 2 ta' din ir-Riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà ordna li t-Taliban jagħti mingħajr iktar dewmien l-imsemmi Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jassigura li dan l-obbligu jiġi rrispettat, il-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) jiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b'mod partikolari, jiffriżaw fondi u riżorsi finanzjarji oħra li ġejjin minn proprjetà li hija tat-Taliban jew ikkontrollata direttament jew indirettament minnu, jew minn xi impriża li hija ta' jew hi kkontrollata mit-Taliban, kif stabbilit mill-Kumitat imwaqqaf permezz tal-paragrafu 6 hawn taħt, u jassiguraw li la l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra in kwistjoni u lanqas il-fondi l-oħra kollha jew riżorsi finanzjarji hekk identifikati ma jkunu mqiegħda għad-dispożizzjoni jew użati favur it-Taliban jew kull impriża oħra li hija tiegħu jew direttament jew indirettament ikkontrollata mit-Taliban, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinsab fit-territorju tagħhom, sakemm il-Kumitat ma jkunx ta awtorizzazzjoni kuntrarja għal dan, każ b'każ, għal raġunijiet umanitarji".

12     Fil-paragrafu 6 tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jistabbilixxi, skond l-Artikolu 28 tar-Regolament intern provviżorju tiegħu, Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà kompost mill-membri tiegħu kollha (iktar 'il quddiem il-"Kumitat tas-Sanzjonijiet"), inkarigat, b'mod partikolari li jassigura l-implementazzjoni, mill-Istati, tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4, li jidentifika l-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra msemmija fl-imsemmi paragrafu 4 u li jeżamina t-talbiet għal deroga mill-miżuri imposti minn dan l-istess paragrafu 4.

13     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex din ir-Riżoluzzjoni tiġi implementata, il-Kunsill, fil-15 ta' Novembru 1999, adotta l-Pożizzjoni Komuni 1999/727/PESK [PBSK], dwar il-miżuri restrittivi kontra t-Taliban (ĠU L 294, p. 1). L-Artikolu 2 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra li t-Taliban għandu barra mill-pajjiz, taħt il-kundizzjonijiet imfissra fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà.

14     Fl-14 ta' Frar 2000, il-Kunsill adotta fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 337/2000, dwar il-projbizzjoni ta' titjiriet u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi finanzjarji oħra rigward it-Taliban ta' l-Afganistan (ĠU L 43 p. 1).

15     Fid-19 ta' Diċembru 2000, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1333 (2000) li teżiġi, b'mod partikolari, li t-Taliban jikkonforma ruħu mar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), b'mod partikolari billi jieqaf jofri refuġju u taħriġ lit-terroristi internazzjonali u lill-organizzazzjonijiet tagħhom u billi jagħti lil Usama bin Laden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi ġġudikat. Il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda, b'mod partikolari, li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u l-iffriżar ta' fondi imposti skond ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999). Din, kif ukoll il-paragrafu 8 (c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tiddisponi li l-Istati kollha għandhom, b'mod partikolari, "jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u assi finanzjarji oħra ta' Usama bin Laden u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu kif identifikati mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet], inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida, u l-fondi derivati minn beni li huma ta' Usama bin Laden u ta' individwi u entitajiet li huma assoċjati miegħu jew kontrollati direttament jew indirettament minnu u li jassiguraw li la l-fondi u r-riżorsi finanzjarji l-oħra in kwistjoni, u lanqas fondi jew riżorsi finanzjarji oħra kollha ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni jew jiġu użati direttament jew indirettament favur Usama bin Laden, il-kollaboraturi tiegħu jew kull entità oħra li tappartjeni lilu jew hija direttament jew indirettament ikkontrollata minnu, inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida, kemm miċ-ċittadini tagħhom kif ukoll minn kull persuna oħra li tinsab fit-territorju tagħhom".

16     F'din l-istess dispożizzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà inkariga lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet iżomm, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, lista aġġornata ta' individwi u entitatjiet li l-imsemmi Kumitat identifika bħala assoċjati ma' Usama bin Laden, inkluża l-organizzazzjoni Al-Qaida.

17     Fil-paragrafu 17 tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà talab lill-Istati membri kollha u l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali kollha, inklużi l-ONU u l-aġenziji specializzati, sabiex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija Riżoluzzjoni, minkejja l-eżistenza ta' kull dritt mogħti jew obbligu impost minn ftehim internazzjonali.

18     Fil-paragrafu 23 tar-Riżoluzjoni 1333 (2000), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li l-miżuri imposti, b'mod partikolari, permezz ta' l-Artikolu 8, ser ikunu applikati għal tnax-il xahar, u li fit-tmiem ta' dan il-perijodu, huwa jiddetermina jekk dawn għandhomx jiġġeddu għal perijodu ġdid taħt l-istess kundizzjonijiet.

19     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-Riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-26 ta' Frar 2001 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/154/PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi supplementari kontra t-Taliban u li temenda l-Pożizzjoni Komuni 96/746/PESK [PBSK] (ĠU L 57 p. 1). L-Artikolu 4 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jiddisponi:

"Il-fondi u l-assi finanzjarji l-oħra ta' Usama bin Laden u ta' persuni u entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika ser ikunu ffriżati u l-ebda fondi jew riżorsi finanzjarji oħra mhuma ser ikunu mqiegħda għad-dispożizzjoni ta' Usama bin Laden, u lanqas ta' persuni jew entitajiet assoċjati miegħu, bħal dawk li [l-Kumitat tas-Sanzjonijiet] identifika, skond id-dispożizzjonijiet [tar-Riżoluzjoni 1333 (2000)]". 

20     Fis-6 ta' Marzu 2001, il-Kunsill adotta fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 467/2001, li jipprojbixxi l-esportazzjoni ta' ċertu merkanzija u servizzi lejn l-Afganistan, waqt li jsaħħaħ il-projbizzjoni ta' titjiriet u jestendi l-friża [iffriżar] fuq fondi u riżorsi finanzjarji oħra [li kienu ġew deċiżi fir-] rigward it-Taliban ta' l-Afganistan, u li jħassar ir-Regolament Nru 337/2000 (ĠU L 67, p. 1).

21     Skond il-premessa 3 ta' dan ir-Regolament, il-miżuri previsti mir-Riżoluzzjoni 1333 (2000) "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implementati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità"

22     L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 467/2001 jagħti t-tifsira ta' "fondi" u "iffriżar ta' fondi".

23     Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 467/2001:

"1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta', jew fil-pusses ta', persuna naturali jew ġuridika (persuna fiżika jew ġuridika) jew entità nominata mill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.      Il-fondi jew riżorsi finanzjarji oħra m'għandhom jkunu disponibbli direttament jew indirettament, lil, lanqas favur, persuni, entitajiet jew organizzazzjonijiet nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban u mniżżla fl-Anness I.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għal fondi u riżorsi finanzjarji li huma s-suġġett ta' deroga mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet Kontra t-Taliban. Dawn id-derogi jistgħu jinkisbu permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri mniżżla fl-Anness II". 

24     Skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 467/2001, "[i]d-derogi mogħtija mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet kontra t-Taliban għandhom japplikaw fil-Komunità kollha".

25     L-Anness I tar-Regolament 467/2001 jinkludi lista ta' persuni, entitajiet u korpi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta' fondi impost permezz ta' l-Artikolu 2. Skond l-Artikolu 10 (1) tar-Regolament Nru 467/2001, il-Kummissjoni hija awtorizzata temenda jew tikkompleta l-imsemmi Anness I fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

26     L-Anness II tar-Regolament 467/2001 jinkludi l-lista ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet ta' l-applikazzjoni, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 2(3). Għall-Irlanda, dawn l-awtoritajiet huma, min-naħa waħda, is-Central Bank of Ireland, il-Financial Markets Department u, min-naħa oħra, id-Department of Foreign Affairs, Bilateral Economic Relations Section.

27     Fit-8 ta' Marzu 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika l-ewwel lista kkonsolidata ta' persuni u entitajiet li l-fondi taghom għandhom jiġu ffriżati skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000). Minn dak iż-żmien din il-lista ġiet emendata u kkompletata diversi drabi. Il-Kummissjoni, minn dak iż-żmien adottat diversi Regolamenti skond l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 467/2001, li bihom hija emendat jew ikkompletat l-Anness I ta' l-imsemmi Regolament.

28     Fid-19 ta' Ottubru 2001, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ippubblika addendum ġdid għal-lista tiegħu tat-8 ta' Marzu 2001, li jinkludi, b'mod partikolari l-isem tar-rikorrent, identifikat bħala persuna assoċjata ma' Usama bin Laden, b'din l-annotazzjoni li ġejja:

"Bin Muhammad, Ayadi Chafiq (A. K. A. Ayadi Shafiq, Ben Muhammad) (A. K. A. Ayadi Chafik, Ben Muhammad; A. K. A. Aiadi, Ben Muhammed) (A. K. A. Aiady, Ben Muhammad), Helene Meyer Ring 10-1415-80809, Munich, Germany; 129 Park Road, NW8, London, England; 28 Chausse Di Lille, Moscron, Belgium; Darvingasse 1/2/58‑60, Vienna, Austria; Tunisia; DOB: 21 January 1963; POB: Safais (Sfax), Tunisia".

29     Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament KE Nru 2061/2001, li jemenda għat-tielet darba r-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 277, p.25). Skond l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-isem tar-rikorrent ġie miżjud ma' l-oħrajn, fl-Anness I tar-Regolament Nru 467/2001 bl-annotazzjoni:

"BIN MUHAMMAD, Ayadi Chafiq (alias Ayadi Shafiq, Ben Muhammad) (alias Ayadi Chafik, Ben Muhammad) (alias Aiadi, Ben Muhammad) (alias Aiady, Ben Muhammad), Helene Meyer Ring 10-1415-80809, Munich, Germany; 129 Park Road, NW8, London, England; 28 Chaussée de Lille, Mouscron, Belgium; Darvingasse 1/2/58-60, Vienna, Austria; Tunisia; DOB : 21 January 1963 ; POB : Safais (Sfax), Tunisia".

30     Fis-16 ta' Jannar 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta' Usama bin Laden, tal-Membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati. Din ir-Riżoluzzjoni essenzjalment tipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tagħha, iż-żamma ta' miżuri, b'mod partikolari l-iffriżar ta' fondi, imposti mill-paragrafu 4 (b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999) u mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000). Skond il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), dawn il-miżuri ser jiġu eżaminati mill-ġdid mill-Kunsill tas-Sigurtà 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni u fl-aħħar ta' dan il-perijodu huwa jista' jħalli l-kontinwazzjoni ta' dawn il-miżuri jew jiddeċiedi li jsaħħaħhom.

31     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata din ir-Riżoluzzjoni, il-Kunsill, fis-27 ta' Mejju 2002 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/ PESK [PBSK], dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' Usama bin Laden, il-Membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida kif ukoll tat-Taliban u ta' persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, u ħassret il-Pożizzjonijiet Komuni 96/746, 1999/727, 2001/154 u 2001/771/PESK [PBSK] (ĠU L 139, p. 4). L-Artikolu 3 ta' din il-Pożizzjoni Komuni tipprevedi, b'mod partikolari, il-proroga ta' l-iffriżar ta' fondi u ta' assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi ta' persuni, gruppi, impriżi u entitatjiet indikati fil-lista stabbilità mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà 1267 (1999) u 1333 (2000).

32     Fis-27 ta' Mejju 2002, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 881/2002, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban u li jħassar ir-Regolament Nru 467/2001 (ĠU L 139 p. 9, iktar 'il quddiem ir-"regolament ikkontestat").

33     Skond il-premessa 4 ta' dan ir-Regolament, il-miżuri previsti, b'mod partikolari mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1390 (2000) "jaqgħu taħt l-għan tat-Trattat u, għalhekk, notament bl-iskop li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni, leġiżlazzjoni tal-Komunità hi neċessarja biex jiġu implementati d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà sa fejn hu kkonċernat it-territorju tal-Komunità".

34     L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jiddefinixxi "l-fondi" u "l-friża [l-iffriżar]" ta' fondi bi kliem essenzjalment identiċi, għal dawk ta' l-Artikolu 1 tar-Regolament Nu 467/2001. Barra minn hekk, huwa jiddefinixxi t-tifsira ta' "riżorsi ekonomiċi".

35     Skond l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat:

"1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma ta', jew fil-pusses ta', persuna [fiżika] jew ġuridika jew entità nominata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda [fondi ma għandhom jkunu] disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta', persuna [fiżika] jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I.

3.      L-ebda riżors ekonomiku m'għandu jkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil, jew għall-benefiċċju ta', persuna [fiżika] jew ġuridika, grupp jew entità nominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u mniżżla fl-Anness I, biex dik il-persuna, dak il-grupp jew dik l-entità tkun tista' tikseb fondi, merkanzija jew servizzi". 

36     Skond l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat:

"1.      Il-parteċipazzjoni, bil-ħsieb u bl-intenzjoni, f’attivitajiet, li l-oġġett jew l-effet tagħhom hu, direttament jew indirettament, li jiġi maħrub l-Artikolu 2 jew li jiġu nkoraġġuti l-operazzjonijiet msejħa fl-Artikolu 3, għandha tkun ipprojbita.

2.      Kull informazzjoni li turi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma, jew kienu, maħruba għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u, direttament jew permezz ta’ dawn l-awtoritajiet kompeteni, lill-Kummissjoni.

37     Skond l-Artikolu 7(2) tar-regolament ikkontestat, "[m]ingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet ta’ l-Istati Membri skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni għandha żżomm il-kuntatti kollha neċessarji mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet għall-iskop ta’ implementazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament".

38     L-Anness I tar-regolament ikkontestat jinkludi lista ta' persuni, entitatjiet u gruppi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar tal-fondi impost permezz ta' l-Artikolu 2. Din il-lista tinkludi b'mod partikolari, l-isem tar-rikorrent b'din l-annotazzjoni li ġejja:

"Bin Muhammad, Ayadi Chafiq (magħruf ukoll bħala Ayadi Shafiq, Ben Muhammad; magħruf ukoll bħala Ayadi Chafik, Ben Muhammad; magħruf ukoll bħala Aiadi, Ben Muhammad; magħruf ukoll bħala Aiady, Ben Muhammad), Helene Meyer Ring 10-1415-80809, Munich, il-Ġermanja; 129 Park Road, Londra NW8, ir-Renju Unit; 28 Chaussee De Lille, Mouscron, il-Belġju; Darvingasse 1/2/58-60, Vienna, l-Awstrija; Tuneżija; imwieled il-21.1.1963, Safais (Sfax), Tuneżija"

39     Fl-20 ta' Diċembru 2002, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1452 (2000), intiża sabiex tiffaċilita r-rispett ta' l-obbligi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-paragrafu 1 ta' din ir-Riżoluzzjoni jipprevedi ċertu numru ta' derogi u ta' eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi imposti mir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999) 1333 (2000) u 1390 (2002), li jistgħu jingħataw għal motivi umanitarji mill-Istati, bir-riżerva ta' awtorizzazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

40     Fis-17 ta' Jannar 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1455 (2003), li hija intiża sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002). Skond il-paragrafu 2 tar-Riżoluzzjoni 1455 (2003), dawn il-miżuri ser jerġgħu jkunu msaħħa fi żmien 12-il xahar jew qabel jekk ikun hemm bżonn.

41     Peress illi azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex tiġi implementata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002), il-Kunsill, fis-27 ta' Frar 2003 adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/140/PESK [PBSK], dwar eċċezzjonijiet għall-miżuri restrittivi imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402 (ĠU L 53, p. 62) L-Artikolu 1 ta' din il-Pożizzjoni Komuni jipprevedi li, meta tkun qed timplementa l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, il-Komunità Ewropea għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-eċċezzjonijiet awtorizzati mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1452 (2002).

42     Fis-27 ta' Marzu 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 561/2003, li jemenda, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-eċċezzjonijiet għall-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi, ir-regolament ikkontestat. Fil-premessa 4 ta' dan ir-Regolament, il-Kunsill jindika li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni r-Riżoluzzjoni 1452 (2002) hemm bżonn li jkunu aġġustati l-miżuri imposti mill-Komunità.

43     Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 561/2003:

"L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit fir-Regolament (KE) Nru. 881/2002:

"Artikolu 2a

1.      L-Artikolu 2 mhux se japplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi fejn:

a)      xi awtorità kompetenti ta' l-Istati Membri, kif imniżżla fl-Anness II, iddeterminat, fuq talba magħmula minn persuna [fiżika jew ġuridka] konċernata, li dawn il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma:

i)      neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta' oġġetti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums ta' l-assikurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi;

ii)      maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' miżati xierqa professjonali u għar-rimbors ta' spejjeż li saru għad-dispożizzjoni ta' servizzi legali;

iii)      maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' miżati jew ta' servizzi biex jibqgħu jinżammu l-fondi ffriżati u r-riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

iv)      neċessarji għal spejjeż straordinarji; u

b)      determinazzjoni bħal din ġiet innotifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

c)      i)     fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(i), (ii) jew (iii), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma oġġezzjonax għad-determinazzjoni fi żmien 48 siegħa min-notifikazzjoni; jew

ii)      fil-każ ta' determinazzjoni taħt punt (a)(iv), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet approva d-determinazzjoni.

2.      Kull persuna li tixtieq tibbenefika mid-dispożizzjonijiet imsemmija f'paragrafu 1 għandha tindirizza t-talba tagħha lill-awtorità kompetenti rilevanti ta' l-Istat Membru kif imniżżel fl-Anness II.

L-awtorità kompetenti elenkata fl-Anness II għandha tinnotifika mill-ewwel bil-miktub kemm lill-persuna li għamlet it-talba, kif ukoll lil kull persuna, korp jew entita' magħrufa li huma direttament konċernati, jekk it-talba ntlaqgħetx.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma wkoll lil Stati Membri oħra jekk it-talba għal eċċezzjoni bħal din intlaqgħetx.

3.      Il-fondi maħruġa u trasferiti ġol-Komunità stess sabiex jintlaħqu l-ispejjeż jew li huma rikonoxxuti bis-saħħa ta' dan l-Artikolu mhux se jkunu suġġetti għal iktar miżuri restrittivi skond l-Artikolu 2.

[…]"

44     Fid-19 ta' Mejju 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 866/2003, li jemenda għat-tmintax-il darba r-regolament ikkontestat. Skond l-Artikolu 1 u l-paragrafu 5 ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament, l-Anness I tar-regolament ikkontestat huwa emendat fis-sens li l-annotazzjoni li tipprevedi r-rikorrent (ara l-punt 38 hawn fuq) hija ssostitwita b'din l-annotazzjoni li ġejja: "

"Ayadi Shafiq Ben Mohamed Ben Mohamed (magħruf ukoll bħala (a) Bin Muhammad, Ayadi Chafiq (b) Ayadi Chafik, Ben Muhammad (ċ) Aiadi, Ben Muhammad (d) Aiady, Ben Muhammad (e) Ayadi Shafig Ben Mohamed (f) Ben Mohamed, Ayadi Chafig (g) Abou El Baraa), (a) Helene Meyer Ring 10-1415-80809, Munich, il-Ġermanja (b) 129 Park Road, NW8, Londra, l-Ingilterra (ċ) 28 Chaussée De Lille, Moscron, il-Belġju (d) Darvingasse 1/2/58-60, Vjenna, l-Awstrija; data tat-twelid: il-21 ta' Marzu 1963; post tat-twelid: Sfaqes, it-Tuneżija; nazzjonalità: Tuneżin, Bosnjan, Awstrijak; passaport Nru: E 423362 mogħti f'Islamabad fil-15 ta' Mejju 1988; identifikazzjoni nazzjonali Nru: 1292931; informazzjoni oħra: isem ommu huwa Medina Abid; attwalment jinsab fl-Irlanda".

45     Fit-30 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 180/2004, li jemenda għad-disa' u għoxrin darba r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 28, p. 15). Skond l-Artikolu 1 u l-paragrafu 4 ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament, l-Anness I tar-regolament ikkontestat huwa emendat fis-sens li l-annotazzjoni li tipprevedi r-rikorrent (ara l-punt 38 hawn fuq) hija ssostitwita b'din l-annotazzjoni li ġejja:

"Ayadi Shafiq Ben Mohamed Ben Mohamed (alias (a) Bin Muhammad, Ayadi Chafiq, (b) Ayadi Chafik, Ben Muhammad, (ċ) Aiadi, Ben Muhammad, (d) Aiady, Ben Muhammad, (e) Ayadi Shafig Ben Mohamed, (f) Ben Mohamed, Ayadi Chafig, (ġ) Abou El Baraa), (a) Helene Meyer Ring 10-1415-80809, Munich, Ġermanja, (b) 129 Park Road, NW8, Londra, Ingilterra, (ċ) 28 Chaussée De Lille, Mouscron, Belgju. Data tat-twelid: 21 ta' Marzu 1963. Post tat-twelid: Sfax, Tuneżija. Nazzjonalità: (a) Tuneżin, (b) Bosnjan. Nru tal-passaport: E 423362 imwassla fi 15 ta' Mejju 1988. Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 1292931. Informazzjoni oħra: isem ommu hija Medina Abid; qiegħed attwalment fl-Irlanda."

46     Fit-30 ta' Jannar 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1526(2004), li hija intiża, min-naħa, sabiex ittejjeb l-implementazzjoni tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267(1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333(2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390(2002) u, min-naħa l-oħra, sabiex issaħħaħ is-setgħa tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Skond il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), dawn il-miżuri ser jiġu mtejba fi żmien 18-il xahar jew qabel, jekk dan ikun neċessarju.

47     Skond il-paragrafu 18 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà "jħeġġeġ ħafna lill-Istati kollha jinfurmaw, safejn ikun possibbli, lill-persuni u lill-entitajiet imniżżla fil-lista tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] bil-miżuri meħuda kontrihom, bid-Direttivi tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u bir-Riżoluzzjoni 1452 (2002)".

48     Fid-29 ta' Lulju 2005, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 1617 (2005). Din tipprevedi, b'mod partikolari, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri imposti mill-paragrafu 4(b) tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390(2002). Skond il-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1617 (2005), dawn il-miżuri ser jiġi eżaminati mill-ġdid fi żmien 17-il xahar jew qabel, jekk dan ikun neċessarju, sabiex dawn jiġu msaħħa eventwalment.

49     Fis-17 ta' Jannar 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 76/2006, li jemenda għall-wieħed u s-sittin darba r-Regolament Nru 881/2002 (ĠU L 12, p. 7). Skond l-Artikolu 1 u l-paragrafu 8 ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament, l-Anness I tar-regolament ikkontestat huwa emendat fis-sens li l-annotazzjoni li tipprevedi r-rikorrent (ara l-punt 45 hawn fuq) hija ssostitwita b'din l-annotazzjoni li ġejja:

"Shafiq Ben Mohamed Ben Mohamed Al-Ayadi [alias a) Bin Muhammad, Ayadi Chafiq, b) Ayadi Chafik, Ben Muhammad, c) Aiadi, Ben Muhammad, d) Aiady, Ben Muhammad, e) Ayadi Shafig Ben Mohamed, f) Ben Mohamed, Ayadi Chafig, g) Abou El Baraa). Indirizzi: a) Helene Meyer Ring 10-1415-80809, Munich, il-Ġermanja, b) 129 Park Road, NW8, London, l-Ingilterra, c) 28 Chaussée de Lille, Mouscron, il-Belġju, d) Street of Provare 20, Sarajevo, Bosnija u Herzegovina (l-aħħar indirizz irreġistrat f'Bosnija u Herzegovina). Data tat-twelid: a) 21 ta' Marzu 1963, b) 21 ta' Jannar 1963. Post tat-twelid: Sfax, Tuneżija. Nazzjonalità: (a) Tuneżin, (b) Bosnjan. Nru tal-passaport: E 423362 mogħti f'Islamabad fil-15 ta' Mejju 1988, b) 0841438 (passaport ta' Bosnija u Herzegovina maħruġ fit-30 ta' Diċembru 1998, li jiskadi fit-30 ta' Diċembru 2003. Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: 1292931. Informazzjoni addizzjonali: a) l-indirizz tiegħu fil-Belġju huwa kaxxa postali, b) isem missieru: Mohamed; isem ommu; Medina Abid; c) jgħix f'Dublin, l-Irlanda."

 Proċedura

50     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta' Awwissu 2002, C. Ayadi ressaq, kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni, rikors għall-annullament parzjali tar-regolament ikkontestat.

51     Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti ta' Prim'Istanza fil-25 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din l-eċċezzjoni fit-18 ta' Diċembru 2002. Permezz ta' digriet tat-3 ta' Frar 2003, il-Qorti ta' Prim'Istanza (It-Tieni Awla) ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli peress li huwa kien imressaq kontra l-Kummissjoni u kkundannat lir-rikorrent ibati l-ispejjeż relatati ma' din il-parti tar-rikors.

52     Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti ta' Prim'Istanza fit-13 ta' Novembru 2002, C Ayadi ppreżenta talba għal għajnuna legali. Permezz ta' digriet tat-3 ta' Frar 2003, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċieda li C.Ayadi seta' jibbenefika mill-għajnuna legali bla ħlas.

53     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Jannar 2003, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq talab li jintervjeni f'dawn il-proċedimenti in sostenn tal-konvenuta. Permezz tad-digriet tas-7 ta' Frar 2003, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' dan l-intervent. L-intervenjent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fit-terminu mogħti.

54     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-24 ta' Lulju 2003, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni f'dawn il-proċedimenti in sostenn tal-konvenuta. Permezz tad-digriet tat-22 ta' Ottubru 2003, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' dan l-intervent skond l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

55     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali

56     Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, li kien eżonerat, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu fis-seduta tal-25 ta' Ottubru 2005.

 It-talbiet tal-partijiet

57     Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tannulla l-Artikolu 2 u, safejn dan jikkonċerna l-Artikolu 2, l-Artikolu 4 tar-regolament ikkontestat;

–       sussidjarjament, tannulla l-annotazzjoni tar-rikorrent fl-Anness I tar-regolament ikkontestat;

–       tordna li l-Kunsill ibati l-ispejjeż.

58     Waqt is-seduta, ir-rikorrent ippreċiża li r-rikors tiegħu kien indirizzat kontra r-regolament ikkontestat biss safejn dan kien jikkonċernah direttament u individwalment, u l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet nota ta' dan fil-verbal tas-seduta.

59     Il-Kunsill, sostnut mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni, talab lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Il-fatti

60     Ir-rikorrent jiddikjara li huwa ċittadin Tuneżin u li jirrisjedi l-Irlanda mill-1997, mal-mara tiegħu, ukoll ta' nazzjonalità Tuneżina, u maż-żewġt itfal minuri tagħhom, it-tnejn li huma ta' nazzjonalità Irlandiża. Il-kontijiet bankarji tiegħu fl-Irlanda u r-Renju Unit kienu ġew iffriżati fuq talba ta' dawn iż-żewġt Istati Membri. Ir-rikorrent, li jirrikonoxxi l-fatt li kien indikat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala persuna assoċjata ma' Usama bin Laden, jikkontesta l-mertu ta' din l-indikazzjoni iżda jammetti li din il-kontestazzjoni mhijiex is-suġġett ta' dan ir-rikors.

 Id-Dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

61     Fis-sottomissjonijiet tiegħu ta' l-intervent, ir-Renju Unit josserva li l-assi tar-rikorrent kienu ġew ffriżati skond ir-Regolament Nru 467/2001. Ir-regolament ikkontestat llimita li jżomm l-iffriżar ta' l-assi tiegħu, għalhekk, mingħajr ma jbiddel, b'mod sostanzjali, il-pożizzjoni legali tar-rikorrent, fis-sens tal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9). F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju Unit isostni li r-rikorrent kellu jikkontesta r-Regolament Nru 467/2001 u li dan ir-rikors, imressaq kontra r-regolament ikkontestat, ġie mressaq barra mit-terminu previst u, għaldaqstant, huwa inammissibbli.

62     Waqt is-seduta, ir-rikorrent sostna li l-effetti tar-Regolament Nru 467/2001 kienu strettament limitati fiż-żmien, bħar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-Regolament jimplementa (ara l-punt 18 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, l-effetti temporali tar-regolament ikkontestat huma illimitati, bħar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà li jimplementa, u li jipprevedi sempliċiment possibbiltà ta' reviżjoni wara tnax-il xħar (ara l-punt 30 hawn fuq). L-adozzjoni tar-regolament ikkontestat b'hekk jinvolvi bidla fundamentali fil-pożizzjoni legali tar-rikorrent.

63     Il-Kunsill ma xtaqtx jadotta pożizzjoni fuq din il-kwistjoni fis-seduta. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qablet mal-pożizzjoni tar-Renju Unit. Skond hi, in-natura temporali tar-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà mhijiex fattur rilevanti sabiex tiddistingwi r-Regolament Nru 467/2001 mir-regolament ikkontestat, peress li dawn ir-Riżoluzzjonijiet kollha jipprevedu mekkaniżmu ta' reviżjoni ta' l-applikabbiltà tagħhom wara tnax-il xhar. Il-fatt li r-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq bażi ġuridika differenti minn dik tar-Regolament Nru 467/2001 mhuwiex iktar rilevanti, peress li, skond il-Kummissjoni, dan ma jinvolvix bidla fil-pożizzjoni legali tar-rikorrent.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

64     Skond l-Artikolu 40(4) ta' l-Istat tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jsostnu biss it-talbiet ta' waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

65     Issa, fit-talbiet tiegħu, il-Kunsill ma qajjimx l-eċċezzjoni ta' l-inammissibbiltà

66     Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni ma jistgħux għaldaqstant iqajmu tali eċċezzjoni ta' inammissibbiltà u l-Qorti tal-Prim'Istanza mhijiex obbligata teżamina r-raġunijiet invokati f'dan ir-rigward (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 22).

67     Madankollu, hija ġurisprudenza konstanti li, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, din ta' l-aħħar tista', f'kull waqt u ex officio, teżamina l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, inklużi dawk invokati mill-intervenjenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' April 2005, Sniace vs Il-Kummissjoni, T-88/01, Ġabra p. II-1165, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68     F'dan il-każ, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà invokata mill-intervenjenti tqajjem kwistjoni ta' ordni pubbliku, għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tar-rikors (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-298/00P, Ġabra p. I‑4087, punt 35). Għalhekk, hija tista' tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

69     Għalkemm ir-Renju Unit invoka, in sostenn ta' din l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar 'il fuq, din hija essenzjalment ibbażata fuq il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-atti konfermattivi.

70     Skond din il-ġurisprudenza, rikors għal annullament imressaq kontra att purament konfermattiv ta' att preċedenti mhux ikkontestat fit-termini huwa inammissibbli (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 1988, Irish Cement vs Il-Kummissjoni 166/86 u 220/86, Ġabra p. 6473, punt 16 u tal-11 ta' Jannar 1996, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni, C-480/93 P, Ġabra C‑480/93p. I‑1, punt 14). Att huwa purament konfermattiv ta' att preċedenti jekk ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel ma' dan u jekk ma jkunx ġie ppreċedut minn eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tad-destinatarju ta' dan l-att preċedenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, Ġabra p. 585, punt 14 u digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C-521/03, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 47; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 1997, IPK vs Il-Kummissjoni, T-331/94, Ġabra p. II‑1665, punt 24 u digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Mejju 1998, BEUC vs IL-Kummissjoni, T-84/97, Ġabra p. II‑795, punt 52).

71     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat huwa att ġdid meta mqabbel mar-Regolament Nru 467/2001 u li kien ġie ppreċedut minn eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tal-persuni inklużi, bħal fil-każ tar-rikorrent, fil-listi annessi ma' dawn ir-Regolamenti.

72     Mandankollu, kemm it-titolu kif ukoll il-preambolu u d-dispożizzjonijiet sostantivi ta' dawn iż-żewġ Regolamenti jvarjaw b’mod sinjifikattiv u dan huwa suffiċjenti sabiex jiġi eskluż l-argument li wieħed huwa purament konfermattiv ta' l-ieħor. B'hekk, id-definizzjoni ta' "fondi" li tinsab fl-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat ma tikkorrispondix eżattament mad-definizzjoni ta' "fondi" li tinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 467/2001 u l-ewwel wieħed jipprevedi, barra l-iffriżar tal-fondi, dak tar-"riżorsi ekonomiċi" li mhuwiex previst fit-tieni wieħed.

73     Sussegwentement, ir-Regolament Nru 467/2001 kien ġie adottat sabiex tiġi implementata fil-Komunità r-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà, skond il-Pożizzjoni Komuni 2001/154, filwaqt li r-regolament ikkontestat kien intiż għall-implementazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), skond il-Pożizzjoni Komuni 2002/402.

74     Ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 għandhom bla dubju elementi ġodda meta mqabbla mar-Riżoluzzjoni 1333(2000), u dawk ta' l-ewwel kienu ġew ippreċeduti minn eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni pprovduta minn dawk tat-tieni. Għaldaqstant, dan jgħodd neċessarjament ukoll għar-Regolament kkontestat meta mqabbel mar-Regolament Nru 467/2001.

75     B'hekk skond il-premessi 3 u 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) "tirranġa l-iskop tas-sanzjonijiet dwar l-iffriżar ta' fondi" imposti mir-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u " "[g]ħalhekk, għandhom jiġu adottati, skond ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002), il-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, skond il-premessi 2 u 3 tar-Regolament kkontestat, " [i]l-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda, fost affarijiet oħra, […] li l-għan tal-friża ta’ fondi […] għand[u] jiġ[i] aġġustat" u li għaldaqstant, "leġislazzjoni tal-Komunità hi neċessarja".

76     B'mod partikolari, skond il-paragrafu 23 tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), il-miżuri previsti minn din kellhom jiġu applikati matul tnax-il xhar u, fl-aħħar ta' dan il-perijodu, il-Kunsill tas-Sigurtà kellu jiddetermina jekk it-Taliban kienx konformi u jiddeċiedi, konsegwentament, jekk dawn il-miżuri kellhomx jiġu pprorogati għal perijodu ġdid taħt l-istess kundizzjonijiet. Ir-Riżoluzzjoni 1390 (2002) fiha għalhekk element ġdid u importanti meta mqabbla mar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), peress li hija testendi b'mod kunsiderevoli l-kamp ta' applikazzjoni ratione temporis.

77     B'hekk, għall-kuntrarju ta' dak allegat mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrent kienet tbiddlet b'mod sinjifikattiv mir-Riżoluzzjoni 1390 (2002), mill-Pożizzjoni Komuni 2002/402 u mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, permezz ta' dawn l-atti, fil-fatt, il-fondi tar-rikorrent baqgħu ffriżati anki wara l-iskadenza tal-perijodu ta' tnax-il xhar previst mill-paragrafu 23 tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000), filwaqt li, kieku l-imsemmija atti ma ġewx adottati, l-obbligu impost fuq l-Istati Membri kollha ta' l-ONU li jiffriżaw il-fondi tar-rikorrent, kien awtomatikament jispiċċa meta kien jiskadi l-perijodu in kwistjoni u l-atti Komunitarji li jimplementaw din ir-Riżoluzzjoni ma kienux ikunu applikabbli.

78     Barra minn hekk, jekk huwa veru li, skond il-paragrafu 1 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li "jżomm" il-miżuri imposti mir-Riżoluzzjoni 1333 (2000), huwa wara eżami mill-ġdid tagħhom, kif kien diġà ppreveda l-paragrafu 23 ta' din ir-Riżoluzzjoni u hekk kif jikkonferma l-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002), li l-miżuri li huwa jipprevedi jerġgħu jiġu "eżaminati mill-ġdid" wara tnax-il xhar.

79     Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 467/2001 kien ġie adottat fuq l-unika bażi ġuridika ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, fi żmien meta l-miżuri in kwistjoni kienu intiżi sabiex jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiż terz, fil-waqt li r-regolament ikkontestat kien ġie adottat fuq il-bażi ġuridika ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE, fi żmien meta ma kienx hemm iktar konnessjoni bejn dawn il-miżuri u t-territorju jew ir-reġim li jmexxi pajjiż terz. Għall-kuntrarju ta' dak sostnut mill-Kummissjoni fis-seduta, din il-bidla tal-bażi ġuridika ta' l-atti in kwistjoni, li saret fir-rigward ta' l-iżvilupp tas-sitwazzjoni internazzjonali li fil-kuntest tagħha s-sanzjonijiet iddekretati mill-Kunsill tas-Sigurtà u implementati mill-Komunità, ġew suċċessivament imniżżla, tikkostitwixxi verament element ġdid u timplika eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tar-rikorrent. Minn dan tirriżulta bidla tal-pożizzjoni legali ta' dan, li tippermettilu b'mod partikolari li jinvoka raġunijiet u argumenti ta' dritt kompletament differenti in sostenn tar-rikors tiegħu għall-annullament (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Settembru 2005, Yusuf et Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-306/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra u taħt appell, iktar 'il quddiem is-"sentenza Yusuf", punti 108 sa 124 u punti 125 sa 170 u Kadi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T 315/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra u taħt appell, iktar 'il quddiem is-"sentenza Kadi", punti 87 sa 135).

80     Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

81     Rigward il-kundizzjonijiet oħra ta' ammissibbiltà tar-rikors, għandu jiġi osservat, ex officio, li, safejn ir-rikorrent huwa msemmi fl-Anness I tar-regolament ikkontestat, dan huwa kkonċernat direttament u individwalment, skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, minn dan l-att, anki jekk għandu bla dubju portata ġenerali (ara f'dan is-sens, is-sentenza Yusuf, punt 186). Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli.

2.     Fuq il-fond

82     In sostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment, tliet raġunijiet ibbażati, l-ewwel waħda fuq l-inkompetenza tal-Kunsill li jadotta l-Artikoli 2 u 4 tar-regolament ikkontestat (iktar 'il quddiem id-"dispożizzjoniet ikkontestati") kif ukoll abbuż ta' poter, it-tieni fuq ksur tal-prinċipji fundamentali ta' sussidjarjetà, ta' proporzjonalità u ta' ħarsien tad-drittijiet umani u t-tielet fuq ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta' kompetenza kif ukoll fuq abbuż ta' poter

 L-argumenti tal-partijiet

83     Skond ir-rikorrent, l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jatgħux lill-Kunsill il-poter li jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati, peress li l-Gvern tat-Taliban ta' l-Afganistan kien waqa' qabel l-adozzjoni tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu jawtorizzaw biss l-adozzjoni ta' miżuri intiżi sabiex jinterrompu jew inaqqsu "ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma' xi pajjiż terz wieħed jew iktar". Għall-kuntrarju tar-Regolament Nru 467/2001, li kien jipprevedi sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Afganistan, ir-regolament ikkontestat jipprevedi biss l-assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta' Al-Qaida u t-Taliban. Dawn ta' l-aħħar mhumiex pajjiż terz u ma jikkostitwixxux il-Gvern ta' xi parti ta' l-Afganistan.

84     Rigward l-Artikolu 308 KE, ir-rikorrent isostni li dan ma jagħtix lill-Kunsill il-poter li jordna lill-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet ekonomiċi kontra individwi, bi ksur tad-drittijiet fundamentali ta' dawn. Tali poter ma jieħux in kunsiderazzjoni l-limiti imposti fuqu, b'mod restrittiv, mill-Artikoli 60 KE u 301 KE.

85     L-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu, għaldaqstant, ukoll abbuż tal-poteri mogħtija lill-Kunsill mill-Artikoli 60 KE u 301 KE.

86     Il-Kunsill jopponi l-argumenti tar-rikorrent billi jagħmel riferiment għas-sentenzi Yusuf u Kadi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

87     Il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet, fis-sentenzi Yusuf u Kadi (punti 107 sa 170) u Kadi (punti 87 sa 135), fuq il-kompetenza tal-Komunità skond l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE li tadotta dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fir-regolament ikkontestat, li jipprevedu sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra persuni, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, mingħajr ma tiġi stabbilita konnessjoni ma' pajjiż terz, għall-kuntrarju ta' dak li kien jipprevedi r-Regolament Nru 467/2001.

88     F'dak iż-żmien, kif irrikonoxxa espressament ir-rikorrent fis-seduta bi tweġiba għal domanda tal-Qorti ta' Prim'Istanza, kienet ingħatat risposta eżawrjenti għall-argumenti sostanzjalment identiċi invokati mill-partijiet, rigward din il-kwistjoni, fil-kuntest ta' dan ir-rikors (ara, fir-rigward ta' l-argumenti analogi invokati mill-partijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Yusuf, il-punti 80 sa 106 ta' din is-sentenza u fir-rigward ta' l-argumenti analogi invokati mill-partijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kadi, il-punti 64 sa 86 ta' din is-sentenza).

89     Skond ir-raġunament tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li "ġustament l-istituzzjonijiet u r-Renju Unit [sostnew] li l-Kunsill kien kompetenti li jadotta r-regolament ikkontestat, li jimplementa fil-Komunità s-sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji previsti mill-Pożijonijiet Komuni 2002/402, fuq il-bażi ta' l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE flimkien" (sentenzi Yusuf, punt 170 u Kadi, punt 135).

90     Għaldaqstant, minħabba raġunijiet identiċi, essenzjalment, ma' dawk indikati fis-sentenzi Yusuf u Kadi, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrent ibbażati fuq in-nuqqas ta' kompetenza tal-Komunità (ara, rigward il-fakultà tal-qorti Komunitarja li tagħti r-raġunijiet ta' sentenza billi tagħmel riferiment għal sentenza preċedenti li tittratta kwistjonijiet essenzjalment identiċi, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Ottubru 2005, Crailsheimer Volksbank, C-299/04, Ġabra p. I-9273, punti 47 sa 49).

91     Rigward l-ilment ibbażat fuq abbuż ta' poter, li huwa l-uniku li jiddistingwixxi din il-kawża minn dawk li taw lok għas-sentenzi Yusuf u Kadi, dan għandu jiġi miċħud ukoll peress li dan tressaq biss bħala konsegwenza ta' l-ilmenti l-oħra tar-rikorrent dwar il-kompetenza.

92     Għaldaqstant, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji fundamentali ta' sussidjarjetà, ta' proporzjonalità u ta' ħarsien tad-drittijiet umani

 L-argumenti tal-partijiet

93     Fl-ewwel parti tar-raġuni, ir-rikorrent isostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta' sussidjarjetà peress li huma jimponu fuq l-Istati Membri li jadottaw, taħt l-obbligi tagħhom skond id-dritt Komunitarju, miżuri li, skond id-dritt internazzjonali, jaqgħu taħt il-libertà ta' għażla tagħhom.

94     F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-Artikoli 25 u 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, interpretati fid-dawl tal-prinċipji ta' din l-organizzazzjoni u b'mod partikolari tal-prinċipju ta' sovranità ugwali ta' l-Istati Membri, imniżżel fl-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmija Karta, ma jimponux fuq l-Istati Membri ta' l-ONU li japplikaw miżuri bħal dawk li l-Kunsill tas-Sigurtà "jit[olbuhom]" jieħdu. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu l-mod ta' kif huma jridu jirrispondu għal din it-talba.

95     Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Kunsill, li l-paragrafi 8(c) u 17 tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà jorbtu l-membri ta' l-ONU u, konsegwentement, l-istituzzjonijiet Komunitarji, tmur kontra r-regoli fundamentali tad-dritt internazzjonali u, b'mod partikolari kontra l-artikoli 7, 8, 17, 22, 23 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta' Diċembru 1948, fejn hija tippermetti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet jobbliga l-membri tan-Nazzjonijiet Uniti jiċħdu r-riżorsi finanzjarji kollha ta' individu indikat minnu, mingħajr mal-parti kkonċernata jkollha dritt li tkun taf ir-raġunijiet ta' din il-miżura u lanqas l-elementi li fuqhom din hija bbażata, u mingħajr ma jkollha aċċess għal korp indipendenti jew ġudizzjarju li jista' jiddeċiedi fuq il-mertu tagħha.

96     Barra minn hekk, anki jekk ir-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà jorbtu l-Istati Membri, il-Kunsill ma spjegax il-għala huwa stess kellu jaġixxi minflokhom f'dan il-każ.

97     Fit-tieni parti tar-raġuni, ir-rikorrent isostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta' proporzjonalità, safejn huma jkollhom bħala effett li jċaħħdu individwu mid-dħul kollhu u minn kull għajnuna soċjali u, fl-aħħar nett, minn kull mezz ta' għejxien għalih u għall-familja tiegħu. Tali miżuri mhumiex indispensabbli, anki sabiex tiċħad lill-Usama bin Laden mir-riżorsi.

98     Fit-tielet parti tar-raġuni, ir-rikorrent isostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru d-drittijiet fundamentali tiegħu, b'mod partikolari d-dritt ta' aċċess għall-beni tiegħu rrikonoxxut mill-Artikolu 1 ta' l-ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB"), u d-dritt għal rimedju ġudizzjarju rrikonoxxut mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Il-konsegwenza ta' dawn il-miżuri, li skond hu, jmorru kontra t-tradizzjonijiet kostituzzjonali ta' l-Istati Membri, hija li r-rikorrent ikollu jisraq biex jibqa' jgħix u dan jikkostitwixxi wkoll trattament degradanti pprojbit mill-Artikolu 3 tal-KEDB u ċaħda li tiġi rrispettata d-dinjità tiegħu bi ksur ta' l-Artikolu 8 tal-KEDB.

99     Rigward, b'mod iktar partikolari, il-ksur allegat tad-dritt ta' aċċess għall-beni tiegħu, ir-rikorrent irrikonoxxa, fis-seduta, li dan għandu jiġi evalwat biss fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ bħalissa, skond kif kien deċiż fis-sentenzi Yusuf (punt 289) u Kadi (punt 236) u li għalhekk kellhom jittieħedu in kunsiderazzjoni l-possibbiltajiet espliċiti ta' eżenzjonijiet u ta' derogi rigward l-iffriżar tal-fondi previsti mir-Regolament Nru 561/2003, adottat wara li tressaq dan ir-rikors.

100   Rigward dan, ir-rikorrent ammetta li l-awtoritajiet Irlandiżi tawh allokazzjonijiet soċjali neċessarji għall-ispejjeż bażiċi tiegħu, b'mod li huwa mhuwiex miċħud minn kull riżors jew mezz ta' għejxien. Madankollu, ir-regolament ikkontestat, anki fil-verżjoni tiegħu introdotta mir-Regolament Nru 561/2003, ma jippermettilux li jibbenefika minn benefiċċji soċjali oħra, jipprekludulu li jkollu eżistenza normali u jirrenduh kompletament dipendenti fuq l-Istat Irlandiż għall-għejxien tiegħu. Ir-rikorrent, b'mod iktar partikolari, sostna li l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat ma jippermettilu jeżerċita ebda attività professjonali, bħala impjegat jew għal rasu. B'hekk, huwa kien ġie miċħud l-għotja ta' liċenza ta' xufier ta' taxi. F'kull każ, huwa impossibbli għalih li jikri karozza jew li jiġi mħallas mill-klijenti, peress li dan jikkonstitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tiegħu ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

101   Rigward, b'mod partikolari, il-ksur allegat tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju, ir-rikorrent irrikonoxxa, fis-seduta, li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat, f'dan il-każ, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn huwa jirrigwarda, b'mod inċidentali, ir-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens, hekk kif ġie deċiż fis-sentenzi Yusuf (punti 276 et seq) u Kadi (punti 225 et seq).

102   Madankollu, ir-rikorrent sostna li l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenzi Yusuf (b'mod partikolari fil-punti 289 u 290) u Kadi (b'mod partikolari fil-punti 289 u 290), ma setgħux jiġu trasposti f'dan il-każ. Minn naħa, l-iffriżar tal-fondi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura kawtelatorja temporanja, għall-kuntrarju ta' dak li ġie deċiż f'dawn iż-żewġ sentenzi, iżda bħala konfiska vera. Min-naħa l-oħra, ma jeżistix mekkaniżmu effettiv ta' eżami mill-ġdid tal-miżuri individwali ta' l-iffriżar tal-fondi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà, b'tali mod li hemm riskju li l-assi tiegħu jibqgħu ffriżati għal bqija ta' ħajtu. Rigward dan, ir-rikorrent isostni li huwa għal xejn prova jipperswadi l-Kunsill tas-Sigurtà sabiex ibiddel il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tiegħu. Għalhekk, huwa indirizza żewġ talbiet, fil-5 ta' Frar u fid-19 ta' Mejju 2004, lill-awtoritajiet Irlandiżi, sabiex dawn jgħinuh jitneħħa mil-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Ottubru 2005, dawn l-awtoritajiet kienu informawh li l-fajl tiegħu kien għadu taħt eżami mingħajr ma tawh x'jifhem li huma ser jieħdu xi passi favur tiegħu.

103   Il-Kunsill, sostnut mill-intervenjenti, jopponi l-argumenti tar-rikorrent billi jirriferi għas-sentenzi Yusuf u Kadi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

104   Qabel kollox, għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti tar-raġuni u wara t-tieni u t-tielet partijiet flimkien. Fil-fatt, il-verifika ta' ksur eventwali tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent mir-regolament ikkontestat tinkludi neċċessarjament evalwazzjoni tar-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità minn dan l-att fir-rigward ta' l-għan li jrid jintlaħaq (konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ta' P. Leger ippreżentati fit-22 ta' Novembru 2005 fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-317/04, Il-Parlament vs Il-Kunsill, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 107).

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

105   Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, anki jekk l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE jiġġustifikaw il-prinċipju li l-kompetenza sabiex jiġu adottati miżuri bħal dawk fil-kawża prinċipali hija tal-Komunità (kwistjoni li hija s-suġġett ta' l-ewwel raġuni), jibqa' l-fatt li l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw liema miżuri partikolari jeħtieġu l-implementazzjoni ta' Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà. Meta adotta r-regolament ikkontestat, il-Kunsill ippreġudika l-libertà tagħhom li jagħżlu u kiser il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

106   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' sussidjarjetà ddikjarat fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5 KE jistabbilixxi li f'oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, il-Komunità għandha taġixxi skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà biss, jekk u sakemm l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti ta' l-azzjoni proposta, jiġu milħuqa aħjar mill-Komunità.

107   Skond ġurisprudenza ferm stabbilita, il-qorti Komunitarja tistħarreġ il-legalità ta' l-atti Komunitarji fir-rigward ta' dan il-prinċipju ġenerali [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Diċembru 2000, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 177 sa 185 u ta' l-14 ta' April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 58; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T-65/98, Ġabra p. II‑4653, punti 197 u 198].

108   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis, madankollu, li dan il-prinċipju ġenerali ma jistax jiġi invokat fil-qasam ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, anki jekk dan ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità (ara, rigward dan, il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 60 KE).

109   Fil-fatt, rigward l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiżi terzi, dawn id-dispożizzjonijiet stess jipprevedu intervent tal-Komunità meta l-azzjoni ta' din hija "kkunsidrata meħtieġa" minn pożizzjoni komuni jew minn azzjoni komuni adottati skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni (PBSK).

110   Fil-qasam ta' l-appplikazzjoni ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE, it-Trattat KE jagħti għalhekk lill-Unjoni s-setgħa li tiddetermina jekk azzjoni Komunitarja hijiex neċessarja. Tali determinazzjoni tirriżulta mill-eżerċizzju ta' setgħa diskrezzjonali ta' l-Unjoni. Hija teskludi d-dritt għall-persuni li jikkontestaw, fir-rigward tal-prinċipju ta' sussidjarjetà mniżżel fil-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 5 KE, il-legalità ta' l-azzjoni sussegwentement eżercitata mill-Komunità skond il-pożizzjoni komuni jew l-azzjoni komuni PBSK ta' l-Unjoni.

111   Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet il-fatt, fis-sentenzi Yusuf (punti 158 et seq) u Kadi (punti 122 et seq), li l-qasam ta' applikazzjoni ta' l-Artikoli 60 KE u 301 KE seta' jitwessa', permezz ta' rikors għall-bażi ġuridika addizzjonali ta' l-Artikolu 308 KE, għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji kontra persuni, fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, mingħajr ma jiġi stabbilit ebda konnessjoni ma' pajjiż terz, jirriżulta neċessarjament li l-legalità tal-miżuri Komunitarji adottati minħabba f'dan, skond Pożizzjoni Komuni PBSK ta' l-Unjoni, ma tistax tiġi kkontestata minn persuni fir-rigward tal-prinċipju ta' sussidjarjetà.

112   F'kull każ, anki jekk il-prinċipju ta' sussidjarjetà huwa applikabbli f'ċirkustanzi bħal dawk f'dan il-każ, huwa evidenti li l-implementazzjoni uniformi fl-Istati Membri ta' Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, li jimponu ruħhom fuq il-membri kollha ta' l-ONU mingħajr distinzjoni, tista' tinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju milli fuq livell nazzjonali.

113   Fl-aħħar nett, rigward l-ilment li l-Kunsill ippreġudika l-libertà ta' għażla ta' l-Istati Membri, il-Kunsill, ġustament, jenfasizza li l-Pożizzjoni Komuni 2002/402 tesprimi l-evalwazzjoni unamina ta' l-Istati, jiġifieri li azzjoni Komunitarja kienet neċessarja sabiex jiġi implementat l-iffriżar ta' fondi deċiż mill-Kunsil tas-Sigurtà. Kif josserva r-Renju Unit, peress li l-Istati Membri stess għażlu li jikkonformaw ruħhom ma' l-obbligi tagħhom taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti permezz ta' att Komunitarju, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li ppreġudika l-libertà tagħhom ta' għażla meta kkonforma ruħu mar-rieda tagħhom.

114   Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni raġuni, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' propozjonalità u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem

115   Bl-eċċezzjoni tal-punt ta' dritt speċifu li ser ikun eżaminat fil-punt 156 hawn taħt, il-Qorti tal-Prim'Istanza diġà ddeċidiet, fis-sentenzi Yusuf (punti 226 sa 346) u Kadi (punti 176 sa 291), fuq il-punti kollha tad-dritt li qajmu l-partijiet fil-kuntest tat-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni raġuni ta' dan ir-rikors.

116   F'dak iż-żmien, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstat, b'mod partikolari, dan li ġej:

–       għal dak li jikkonċerna d-dritt internazzjonali, l-obbligi ta' l-Istati Membri ta' l-ONU taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jipprevalu fuq kull obbligu ta' liġi nazzjonali jew ta' dritt internazzjonali konvenzjonali ieħor, inkluż, għal dawk fosthom li huma membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, fuq l-obbligi tagħhom taħt il-KEDB u, għal dawk fosthom li huma wkoll Membri tal-Komunità, fuq l-obbligi tagħhom taħt it-Trattat KE;

–       din is-supremazija testendi għad-deċiżjonijiet li jinsabu f'Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, skond l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenzi Yusuf, punt 234 u Kadi, Punt 184);

–       għalkemm hija mhijiex membru tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Komunità għandha tiġi meqjusa bħala li hija marbuta bl-obbligi li jirriżultaw mill-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-istess mod kif huma marbuta l-Istati Membri tagħha, bis-saħħa ta' l-istess Trattat li jistabbilixxiha (sentenzi Yusuf, punt 243 u Kadi, Punt 193);

–       minn naħa, il-Komunità ma tistax tikser l-obbligi li l-Istati Membri tagħha għandhom bis-saħħa tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u lanqas tostakola t-twettiq tagħhom u, min-naħa l-oħra, li hija obbligata, bis-saħħa ta' l-istess Trattat li permezz tiegħu hija ġiet stabbilita, li tadotta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tippermetti lill-Istat Membri tagħha jikkonformaw rwieħhom ma' dawn l-obbligi (sentenzi Yusuf, punt 254 u Kadi, punt 204);

–       konsegwentement, l-argumenti invokati kontra r-regolament ikkontestat u bbażati, minn naħa fuq l-awtonomija tas-sistema legali Komunitarja meta mqabbla mas-sistema legali stabbilita min-Nazzjonijiet Uniti, u min-naħa l-oħra, fuq in-neċessità ta' traspożizzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri, skond id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u mal-prinċipji fundamentali ta' din il-liġi, għandhom jiġu mwarrba (sentenzi Yusuf, punt 258 u Kadi, punt 208);

–       ir-regolament ikkontestat, adottat fid-dawl tal-Pożizzjoni Komuni 2002/402, jikkostitwixxi l-implementazzjoni, fuq livell komunitarju, ta' l-obbligu li l-Istati Membri għandhom, bħala Membri ta' l-ONU, li jimplementaw, skond il-każ permezz ta' att komunitarju, is-sanzjonijiet kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u l-persuni, gruppi, impriżi u entitjatiet oħra assoċjati, li ġew deċiżi u wara rinfurzati permezz ta' diversi Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenzi Yusuf, punt 264 u Kadi, punt 213);

–       f'dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet Komunitarji aġixxew taħt kompetenza limitata, b'tali mod li huma ma kellhom ebda marġni ta' evalwazzjoni awtonoma (sentenzi Yusuf, punt 265 u Kadi punt 214);

–       f'dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, l-affermazzjoni ta' kompetenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex teżamina b'mod inċidentali l-legalità ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħal din skond il-livell ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali kif huma rrikonoxxuti fis-sistema legali Komunitarja ma tistax għaldaqstant tiġi ġġustifikata la fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali u lanqas fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju (sentenzi Yusuf, punt 272 u Kadi punt 221);

–       ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni ma jaqawx għalhekk fil-prinċipju taħt l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim'Istanza u li din mhijiex awtorizzata li tikkontesta, anki b' mod inċidentali, il-legalità tagħhom fir-rigward tad-dritt komunitarju; għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza hija obbligata, b'kull mezz possibbli, li tinterpreta u li tapplika dan id-dritt b'mod li huwa kompatibbli ma' l-obbligi ta' l-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (sentenzi Yusuf, punt 276 u Kadi punt 225);

–       il-Qorti tal-Prim'Istanza hija, madankollu, awtorizzata teżamina, b'mod inċidentali, il-legalità tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni fir-rigward tal-jus cogens, intiż bħala kwistjoni ta' ordni pubbliku internazzjonali li hija imposta fuq dawk kollha li huma suġġetti għad-dritt internazzjonali, inklużi l-istanzi ta' l-ONU, u li ma tistax issir deroga minnha (sentenzi Yusuf, punt 277 u Kadi punt 226);

–       l-iffriżar tal-fondi previst mir-regolament ikkontestat la jikser id-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati li jiddisponu mill-beni tagħhom u lanqas il-prinċipju ġenerali ta' proporzjonalità skond il-livell ta' ħarsien universali tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jirriżulta mill-jus cogens (sentenzi Yusuf, punt 288 u Kadi punt 289);

–       peress li r-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà ma jipprevedux dritt għal smigħ tal-partijiet ikkonċernati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet qabel ma jitniżżlu fil-lista kkontestata u li ebda regola perentorja li tirriżulta mill-ordni pubbliku internazzjonali ma tidher li teżiġi tali smigħ fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-argumenti bbażati fuq il-ksur allegat ta' tali dritt għandhom jiġi miċħuda (sentenzi Yusuf, punti 306, 307 u 321 u Kadi, punti 261 u 268);

–       b'mod partikolari, f'dawn iċ-ċirkustanzi, fejn hemm in kwistjoni miżura kawtelatorja li tillimita d-disponibbiltà tal-beni tal-partijiet ikkonċernati, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta' dawn ma jeħtieġx li l-fatti u l-elementi ta' prova mressqa kontrihom ikunu mgħarrfa lilhom, ladarba l-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu jidhirlu li motivi li jikkonċernaw is-sigurtà tal-Komunità internazzjonali jimpedixxu dan (sentenzi Yusuf, punt 320 u Kadi punt 274);

–       l-istituzzjonijiet komunitarji ma kinux obbligati jisimgħu lill-partijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat (sentenza Yusuf, punt 329) jew fil-kuntest ta' adozzjoni tiegħu u l-implementazzjoni tiegħu (sentenza Kadi, punt 259);

–       fil-kuntest ta' dan ir-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza teżerċita eżami komplut fuq il-legalità ta' dan ir-Regolament kemm fir-rigward tar-rispett, mill-istituzzjonijiet Komunitarji, tar-regoli ta' kompetenza kif ukoll tar-regoli ta' legalità esterna u tar-rekwiżit proċedurali essenzjali li huma imposti fuq azzjoni tagħhom.Il-Qorti tal-Prim'Istanza teżamina wkoll il-legalità tar-regolament ikkontestat fir-rigward tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-Regolament suppost qed jimplementa, b'mod partikolari min-naħa ta' l-adegwatezza, formali u materjali, tal-koerenza interna u ta' proporzjonalità ta' l-ewwel fir-rigward tat-tieni. Il-Qorti tal-Prim'Istanza teżamina wkoll il-legalità tar-regolament ikkontestat u, indirettament, il-legalità tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni, fir-rigward tar-regoli superjuri tad-dritt internazzjonali li jirriżultaw mill-jus cogens, b'mod partikolari r-regoli perentorji intiżi għall-ħarsien universali tad-drittijiet tal-bniedem (sentenzi Yusuf, punti 334, 335 u 337 u Kadi, punti 279, 280 u 282);

–       min-naħa l-oħra, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha teżamina indirettament il-konformità tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà in kwistjoni fihom infushom mad-drittijiet fundamentali kif huma mħarsa mis-sistema legali komunitarja. Iktar u iktar, mhijiex il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tivverifika n-nuqqas ta' evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u ta' l-elementi ta' prova li l-Kunsill ressaq sabiex isostni l-miżuri li huwa ħa, u lanqas, bl-eċċezzjoni tal-kuntest ristrett definit fil-punt preċedenti, li teżamina indirettament l-adegwatezza u l-proporzjonalità ta' dawn il-miżuri (sentenzi Yusuf, punti 338 u 339 u Kadi, punti 283 u 284);

–       f'din il-miżura, il-partijiet ikkonċernati m'għandhom ebda rimedju ġudizzjarju, peress li l-Kunsill tas-Sigurtà ma deherlux opportun jistabbilixxi qorti internazzjonali indipendenti inkarigata li tiddeċiedi, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, dwar ir-rikorsi intiżi kontra d-deċiżjonijiet individwali meħuda mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet (sentenzi Yusuf, punt 340 u Kadi, punt 285);

–       għalhekk il-lakuna kkonstatata fil-punt preċedenti fil-ħarsien ġudizzjarju tar-rikorrenti mhijiex fiha nfisha kuntrarja għall-jus cogens peress li: a) id-dritt ta' l-aċċess għall-qrati mhuwiex assolut; b) f'dan il-każ, ir-restrizzjoni tad-dritt ta' aċċess tal-partijiet ikkonċernati għal qorti, li tirriżulta mill-immunità minn proċeduri legali, li minnha jibbenefikaw fil-prinċipju, fis-sistema legali nazzjonali ta' l-Istati Membri, ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet għandha tkun inerenti ma' dan id-dritt; ċ) tali restrizzjoni hija ġġustifikata kemm min-natura tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill tas-Sigurtà huwa mwassal jieħu taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll mill-għan leġittimu li jrid jintlaħaq; u d) fin-nuqqas ta' qorti internazzjonali kompetenti sabiex teżamina l-legalità ta' l-atti tal-Kunsill tas-Sigurtà, it-twaqqif ta' korp bħal mhuwa l-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-possibbiltà, prevista mit-testi, li f'kull mument issir talba lilu sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid ta' kull każ individwali, permezz ta' mekkaniżmu formalment stabbilit, li jinvolvi l-gvernijiet ikkonċerati, jikkostitwixxi mezz ieħor raġonevoli sabiex jiġu mħarsa b'mod adegwat id-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati kif huma rrikonoxxuti mill-jus cogens (sentenzi Yusuf, punti 341 sa 345 u Kadi, punti 286 sa 290);

–       konsegwentement, l-argumenti invokati kontra r-regolament ikkontestat u bbażati fuq l-allegat ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandhom jiġu miċħuda (sentenzi Yusuf, punt 346 u Kadi, punt 291).

117   Hekk kif ammetta r-rikorrent fis-seduta, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrispondietu b'mod eżawrjenti, waqt l-eżami tagħha tal-kawżi Yusuf u Kadi, għall-argumenti ta' dritt essenzjalment identiċi invokati fil-każ mill-partijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, fil-kuntest tat-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni raġuni (ara, rigward l-argumenti analogi invokati mill-partijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Yusuf, il-punti 190 sa 225 ta' din is-sentenza u, rigward l-argumenti analogi invokati mill-partijiet fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kadi, il-punti 138 sa 175 ta' din is-sentenza). Għalhekk, dan jgħodd ukoll, b'mod partikolari, għall-argumenti tar-rikorrent rigward in-natura allegatament mhux vinkolanti għall-Istati Membri tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà (punt 94 hawn fuq), għan-nuqqas ta' kompatibbilità allegata tar-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni mar-regoli fundamentali tad-dritt internazzjonali dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem (punt 95 hawn fuq) u l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-KEDB (punt 98 hawn fuq), b'mod partikolari taħt l-aspett ta' proporzjonalità (punt 97 hawn fuq) u d-dritt għal rimedju ġudizzjaraju effettiv (punt 101 hawn fuq).

118   Madankollu, għandu jingħad ukoll dan li ġej, bi tweġiba għall-argumenti iktar speċifiċi magħmula mir-rikorrent fis-seduta u li jikkonċernaw, minn naħa, in-nuqqas ta' effettività ta' eżenzjonijiet u d-derogi ta' l-iffriżar tal-fondi previsti mir-Regolament Nru 561/2003, b'mod partikolari, għal dak li hu l-eżerċiżżju ta' attività professjonali (punti 99 u 100 hawn fuq) u, min-naħa l-oħra, l-invalidità, f'dan il-każ, tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenzi Yusuf u Kadi, rigward il-kompatibbiltà mal-jus cogens tal-lakuna kkontestata fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet ikkonċernati (punti 101 u 102 hawn fuq).

119   L-ewwel nett, rigward in-nuqqas ta' effettività ta' eżenzjonijiet u d-derogi ta' l-iffriżar tal-fondi, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 2(a) tar-regolament ikkontestat, imdaħħal f'dan ir-Regolament mir-Regolament Nru 561/2003, adottat wara r-Riżoluzzjoni 1452(2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà, jipprevedi, barra derogi u eżenzjoniet oħra, li, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, u j jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jopponiex espressament dan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiddikjaraw l-iffriżar tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi inapplikabbli għall-fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma jqisu li huma "neċessarji biex ikunu koperti spejjeż bażiċi, inkluż il-ħlas ta' oġġetti ta' l-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums ta' l-assikurazzjoni, u l-ispejjeż għas-servizzi pubbliċi" (ara l-punt 43 hawn fuq). L-użu tal-kelma "inkluż", meħuda mill-kliem tar-Riżoluzzjoni 1452 (2002), jindika li la din ir-Riżoluzzjoni u lanqas ir-Regolament Nru 561/2003 ma jniżżlu b'mod restrittiv jew eżawrjenti l-"[i]spejjeż bażiċi" li jistgħu jiġu eżentati mill-iffriżar tal-fondi. Id-determinazzjoni tat-tip ta' spejjeż li jistgħu jaqgħu taħt din il-kwalifikazzjoni, għaldaqstant, titħalla, fil-biċċa l-kbira, għall-evalwazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, responsabbli għall-implementazzjoni tar-regolament ikkontestat, taħt is-sorveljanza tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-fondi neċessarji għal kwalunkwe "spiża straordinarja" jistgħu llum il-ġurnata jiġu ddelegati permezz ta' awtorizzazzjoni espressa tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

120   Huwa kostanti li, skond dawn id-dispożizzjonijiet, l-Irlanda talbet u kisbet il-kunsens tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, f'Awwissu 2003, sabiex l-allokazzjonijiet ta' għajnuna soċjali jkunu jistgħu jitħallsu lir-rikorrent ħalli huwa jkun jista' jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu. F'Diċembru 2003, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet awtorizza l-Irlanda żżid l-ammont ta' l-allokazzjonijiet hekk imħallsa lir-rikorrent, fid-dawl taż-żidiet fil-baġit nazzjonali ta' l-Irlanda. B'hekk, jirriżulta li l-iffriżar tal-fondi mhux biss m'għandux bħala għan jew bħala effett li jissuġġetta r-rikorrent għal xi trattament inuman jew degradanti, iżda jieħu in kunsiderazzjoni, safejn hu possibbli, il-bżonnijiet bażiċi tiegħu u tad-drittijiet funamdentali tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Yusuf, punti 291 u 312 u Kadi, punt 240 u 265).

121   Għall-bqija, għandu ċertament jiġi rrikonoxxut li l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, ħlief għall-eżenzjonijiet u għad-derogi previsti fl-Artikolu 2(a) tar-regolament ikkontestat, jikkostitwixxi miżura partikolarment drastika fir-rigward tiegħu, li tista' anki timpedixxilu li jgħix ħajja soċjali normali u li tirrendih kompletament dipendenti fuq l-għajnuna soċjali mogħtija mill-awtoritajiet Irlandiżi.

122   Mandankollu għandu jiġi mfakkar li din il-miżura tikkostitwixxi aspett tas-sanzjonijiet deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà kontra Usama bin Laden, in-netwerk Al-Qaida kif ukoll it-Taliban u persuni oħra, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati oħra, b'mod partikolari sabiex tiġi evitata r-ripetizzjoni ta' attakki terroristiċi bħal dawk mwettqa fl-Istati Uniti fl-11 ta' Settembru 2001 (sentenzi Yusuf, punti 295 u 297 u Kadi, punti 244 u 246).

123   Kull miżura ta' sanzjoni ta' dan it-tip tinkludi, mid-definizzjoni tagħha stess, effetti li jaffettwaw id-drittijiet tal-proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta' l-attivitajiet professjonali, li jippreġudikaw il-partijiet li mhuma bl-ebda mod responsabbli għas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Lulju 1996, Bosphorus, C-84/95, Ġabra p.I‑3953, punt 22). L-importanza ta' l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tipprevedi dawn is-sanzjonijiet hija mandankollu ta' natura li tiġġustifika tali konsegwenzi negattivi u anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (senteza Bosphorus, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

124   Fis-sentenza Bosphurus, punt 123 iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qbid ta' inġenju ta' l-ajru li jappartieni lil persuna li kellha s-sede tagħha fir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja, iżda li tatu b'kera lil operatur ekonomiku estern "innoċenti" u in bona fede, mhuwiex inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt Komunitarju, fid-dawl ta' l-għan ta' interess ġenerali fundamentali għall-Komunità internazzjonali li jikkonsisti f'li jwaqqaf l-istat ta' gwerra fir-reġjun u l-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju fir-Repubblika tal-Bosnija-Ħerzegovina. Fis-sentenza Bosphorus vs Irlande tat-30 ta' Ġunju 2005 (Nru 45036/98, li għadha ma ġietx ippubblika fil-Ġabra ta' sentenzi u deċiżjonijiet), il-Qorti Ewropea u tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset, hija wkoll, li l-qbid ta' l-inġenju ta' l-ajru in kwistjoni ma kienx kiser il-KEBD (punt 167), b'mod partikolari, fid-dawl tan-natura ta' l-interferenza kkontestata u ta' l-interess ġenerali li wasslu għall-qbid u s-sistema tas-sanzjonijiet (punt 166).

125   Iktar u iktar għandu jiġi deċiż, f'dan il-każ, li l-iffriżar tal-fondi, ta' l-assi finanzjarji u tar-riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni identifikati mill-Kunsill tas-Sigurtà bħala assoċjati ma' Usama bin Laden, man-netwerk Al-Qaida u t-Taliban mhuwiex inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tal-persuna umana li jirriżultaw mill-jus cogens, fid-dawl ta' l-għan ta' interess ġenerali fundamentali għall-Komunità li jikkonsisti fil-ġlieda, b'kull mezz, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali li jirriżultaw mill-atti tat-terroriżmu (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Yusuf, punt 298 u Kadi, punt 247).

126   Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-regolament ikkontestat u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-Regolament jimplementa ma jipprekludux lir-rikorrent milli jgħix ħajja personali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi. B'hekk, skond l-interpretazzjoni li l-Kunsill ta fis-seduta, u li għandha tiġi approvata, l-użu għall-finijiet strettament personali tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati, bħal dar ta' abitazzjoni jew karozza, mhuwiex ipprojbit minn dawn l-atti. Dan jgħodd ukoll, a fortiori, għal dak li jikkonċerna l-beni ta' konsum ta' kuljum.

127   Għandu jiġi approvat ukoll l-argument sostnut mill-Kunsill fis-seduta, li r-regolament ikkontestat u r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li dan ir-Regolament jimplementa, ma jipprekludux lir-rikorrent milli jeżerċita attività personali bħala impjegat jew għal rasu, għall-kuntrarju ta' dak li hu qiegħed jallega, iżda jaffettwaw essenzjalment id-dħul li jdaħħal minn tali attività.

128   L-ewwel nett, fil-fatt, ebda dispożizzjoni ta' dawn l-atti ma tipprevedi espressament l-eżerċizzju ta' tali attività, kemm sabiex tipprojbixxiha kif ukoll biex tirregolha.

129   It-tieni nett, l-atti in kwistjoni ma jipprevedux projbizzjoni, bħala tali, ta' l-akkwist ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi mill-partijiet ikkonċernati, iżda huma limitati sabiex jippreskrivu l-iffriżar ta' dawn il-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi u li jimpedixxu l-implementazzjoni tagħhom għad-dispożizzjoni jew l-użu tagħhom għal benefiċċju tagħhom, jekk dan mhuwiex għal finijiet strettament personali hekk kif intqal fil-punt 126 hawn fuq. Konsegwentement, mhuwiex eżattament l-eżerċizzju ta' attività professjonali bħala impjegat jew għal rasu li huwa rregolat minn dawn l-atti iżda l-ġbir liberu tad-dħul ta' din l-attività.

130   It-tielet nett, l-Artikolu 2(a) tar-regolament ikkontestat jippermetti li l-Artikolu 2 ta' l-imsemmi Regolament ma jkunx applikabbli, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni, għal kull tip ta' fondi jew ta' riżorsi ekonomiċi neċessarji, inklużi, għaldaqstant, ir-riżorsi ekonomiċi neċessarji għall-eżerċizzju ta' attività professjonali bħala impjegat jew għal rasu u l-fondi mħallsa jew li għandhom jitħallsu fil-kuntest ta' din attività. Għalkemm l-Artikolu 2(a) jikkostitwixxi dispożizzjoni derogatorja għal dik ta' l-Artikolu 2, dan ma jistax jiġi interpretat b'mod restrittiv fir-rigward ta' l-għan ta' ordni umanitarju evidentement imfittex.

131   B'hekk, f'dan il-każ, kemm l-għotja ta' liċenza ta' xufier ta' taxi lir-rikorrent u l-kiri minnu ta' karozza, bħala "riżorsi ekonomiċi", kif ukoll id-dħul professjonali li jirriżulta minn attività ta' xufier, bħala "fondi", jistgħu, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta' deroga mill-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent, f'dan il-każ taħt il-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti minn waħda mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri elenkati fl-Anness II tar-regolament ikkontestat jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

132   Mandankollu, kif osserva l-Kunsill fis-seduta, huma dawn l-awtoritajiet nazzjonali, li huma fl-aħjar pożizzjoni li jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ, li għandhom l-ewwel nett, jistabbilixxu jekk tali deroga tistax tingħata u wara dan li jassiguraw il-kontroll tagħha u l-implemetazzjoni tagħha, fir-rigward ta' l-iffriżar tal-fondi tal-parti kkonċernata. B'hekk, f'dan il-każ, jista' jaqa' fuq l-imsemmija awtoritajiet li jimplementaw il-kontrolli intiżi għall-verifika, jiġifieri li d-dħul professjonali miġbura mir-rikorrent fl-eżerċizzju ta' l-attività tiegħu ta' xufier ta' taxi ma jaqbżux il-limitu ta' dak li huwa deċiż li huwa neċessarju għall-ispejjeż bażiċi tiegħu. Min-naħa l-oħra, ċaħda eventwali ta' għotja ta' liċenzja ta' xufier ta' taxi tar-rikorrent, deċiża mill-imsemmija awtoritajiet mingħajr rigward għall-bżonnijiet tiegħu, bażiċi jew straordinarji, u mingħajr konsultazzjoni mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet, twassal a priori għal interpretazzjoni jew applikazzjoni żbaljata tar-regolament ikkontestat.

133   F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li titqiegħed in kwistjoni l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenzi Yusuf u Kadi fir-rigward ta' l-argumenti iktar speċifiċi magħmula mir-rikorrent li jikkonċernaw in-nuqqas ta' effettività ta' l-eżenzjonijiet jew tad-derogi mill-iffriżar ta' fondi previsti mir-Regolament Nru 561/2003.

134   It-tieni nett, rigward l-invalidità, f'dan il-każ, tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza, fis-sentenzi Yusuf u Kadi, rigward il-kompatibblità mal-jus cogens tal-lakuna kkontestata fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet ikkonċernati, ir-rikorrent jallega, minn naħa, in-natura kawtelatorja ta' l-iffriżar tal-fondi tiegħu u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta' effettività tal-mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tal-miżuri individwali ta' iffriżar tal-fondi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà u implementati mir-regolament ikkontestat.

135   Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, in-natura allegatament kawtelatorja ta' l-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fis-sentenzi Yusuf (punt 299) u Kadi (punt 248), li l-iffriżar tal-fondi hija miżura kawtelatorja li, b'differenza ta' konfiska, ma teffettwax is-sustanza stess tad-dritt għal proprjetà tal-partijiet ikkonċernati fuq l-assi finanzjarji tagħhom, iżda biss l-użu tagħhom. Fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta' tali miżura mal-jus cogens, safejn hija mhijiex suġġetta għal stħarriġ gudizzjarju, il-Qorti tal-Prim'Istanza tat wkoll importanza sinjifikattiva lill-fatt li, mhux biss dawn ma jipprevedux miżuri ta' żmien ta' applikazzjoni illimitat jew indeterminat, iżda r-Riżoluzzjonijiet suċċessivament adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà dejjem ipprevedew mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tal-possibbilità li dawn il-miżuri jinżammu wara li jkun għadda terminu ta' 12 jew 18-il xahar jew iktar (sentenzi Yusuf, punt 344 u Kadi, punt 289).

136   Ir-rikorrent ma ressaq ebda element jew argument li jista' jikkontesta l-mertu ta' dawn l-evalwazzjonijiet f'dan il-każ partikolari. Għall-kuntrarju, l-imsemmija evalwazzjonijiet ġew sadattant imsaħħa mill-fatt li, bħall-erba' Riżoluzzjonijiet preċedenti (ara l-punti 18, 30, 40 u 46 iktar 'il fuq) ir-Riżoluzzjoni 1617 (2005), adottata fid-29 ta' Lulju 2005, ipprevediet mill-ġdid mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid "fi 17-il xhar jew wara" fit-terminu massimu ta' 18-il xhar previst mir-Riżoluzzjoni preċedenti 1526(2004) (ara l-punt 48 hawn fuq).

137   It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-effetività tal-mekkaniżmu ta' eżami mill-ġdid tal-miżuri individwali ta' l-iffriżar tal-fondi deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà u implementati mir-regolament ikkontestat, għandu jiġi mfakkar, barra mill-kontestazzjonijiet miġbura fil-punt 116 hawn fuq, li, fis-sentenzi Yusuf (punti 309 et seq) u Kadi (punti 262 et seq), li l-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li l-partijiet ikkonċernati setgħu jirrikorru għall-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz ta' l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, sabiex jiksbu kemm it-tneħħija tagħhom minn fuq il-lista ta' persuni intiżi mis-sanzjonijiet, kif ukoll deroga mill-iffriżar tal-fondi.

138   Fuq il-bażi tal-miżuri previsti mill-paragrafu 4(b), tar-Riżoluzzjoni 1267 (1999), mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) u mniżżla mill-ġdid fil-paragrafu 1 tar-Riżoluzzjoni 1526 (2004) u tar-Riżoluzzjoni 1617 (2005), il-Kumitat tas-Sanzjonijiet huwa fil-fatt inkarigat li jaġġorna, b'mod regolari, il-lista tal-persuni u entitajiet li l-fondi tagħhom għandhom jiġu ffriżati skond l-imsemmija Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

139   F'dak li jikkonċerna, b'mod partikolari, talba għall-eżami mill-ġdid ta' każ individwali, sabiex il-parti kkonċernata titneħħa minn fuq il-lista tal-persuni intiżi mis-sanzjonijiet, id-"direttivi li jirregolaw l-iżvolġiment tax-xogħolijiet tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet]" (iktar 'il quddiem id-direttivi") adottati fis-7 ta' Novembru 2002 u emendati fl-10 ta' April 2003 u rriveduti (mingħajr emendi sostanzjali) fil-21 ta' Diċembru 2005, jipprevedu dan li ġej, fis-sezzjoni 8 tagħhom, intitolata "Tneħħija mil-lista":

" a) Bla ħsara għall-proċeduri disponibbli, persuna, grupp, impriża u/jew entità li jidhru fuq il-lista sommarja tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] jistgħu jressqu quddiem il-gvern tal-pajjiż li fih huma jirrisjedu u/jew li tiegħu huma ċittadini talba ta' eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom. Ir-rikorrent għandu jiġġustifika t-talba tiegħu għat-tħassir tiegħu minn fuq il-lista, jipprovdi kull informazzjoni relevanti u jitlob is-sostenn tal-gvern.

b) Il-gvern li quddiemu tressqet din it-talba (il-"gvern mitlub") għandu jeżamina l-informazzjoni rilevanti kollha, imbagħad għandu jikkuntattja bilateralment lill-gvern li inizjalment ippropona l-inklużjoni fil-lista [il-gvern li ppropona l-inklużjoni] sabiex jitolbu informazzjoni addizzjonali u jikkonsultah fuq it-talba għat-tħassir.

c) Il-gvern li talab tali inklużjoni jista' wkoll jitlob informazzjoni kumplimentari lill-pajjiż ta' residenza tar-rikorrent jew li tiegħu huwa ċittadin. Il-gvern mitlub u l-gvern li ppropona l-inklużjoni jista', skond kif ikun meħtieġ, jikkonsulta mal-President tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] matul dawn il-konsultazzjonijiet bilaterali.

d) jekk, wara li jkun eżamina l-informazzjoni addizzjonali, il-gvern mitlub ikun jixtieq jippermetti li ssir talba għat-tħassir minn fuq il-lista, huwa għandu jipprova jikkonvinċi lill-gvern li ppropona l-inklużjoni li jippreżenta, waħdu jew ma' gvernijiet oħra, talba għal tħassir lill-Kumitat. Fil-kuntest tal-proċedura ta' kunsens taċitu, il-gvern mitlub jista' jippreżenta talba għal tħassir lill-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] mingħajr ma din ikollha magħha talba tal-gvern li ppropona l-inklużjoni.

e) Il-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' konsensus. Jekk il-membri ma jaslux għal ftehim fuq kwistjoni partikolari, il-President jibda konsultazzjonijiet ġodda sabiex jiffavorixxu l-kunsensus. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, ma jintlaħaq ebda kunsensus, il-kwistjoni tista' tiġi mressqa quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà. Minħabba n-natura speċifika ta' l-informazzjoni, il-President jista' jħeġġeġ li jsiru skambji bilaterali bejn l-Istati Membri kkonċeranti sabiex tiġi ċċarata l-kwistjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni."

140   Il-Qorti tal-Prim'Istanza digà kkonstatat li, permezz ta' l-adozzjoni ta' dawn id-direttivi, il-Kunsill tas-Sigurtà kellu jieħu in kunsiderazzjoni, safejn hu possibbli, id-drittijiet fundamentali tal-persuni mniżżla fuq il-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b'mod partikolari tad-dritt għal difiża (sentenzi Yusuf, punt 312 u Kadi, punt 265). L-importanza li l-Kunsill tas-Sigurtà jagħti lir-rispett ta' dawn id-drittijiet jirriżulta, barra minn dan, b'mod ċar mir-Riżoluzzjoni tiegħu 1526 (2004). Skond il-paragrafu 18 ta' din ir-Riżoluzzjoni 1526 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà "jħeġġeġ ħafna lill-Istati kollha jinfurmaw, safejn ikun possibbli, lill-persuni u lill-entitajiet imniżżla fuq il-lista tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] bil-miżuri meħuda [kontrihom], bid-Direttivi tal-[Kumitat tas-Sanzjonijiet] u bir-Riżoluzzjoni 1452 (2002)".

141   Jekk huwa veru li l-proċedura deskritta iktar 'il fuq ma tagħtix direttament lill-partijiet ikkonċernati stess id-dritt li jinstemgħu mill-imsemmi Kumitat, li huwa l-unika awtorità kompetenti sabiex jieħu deċiżjoni, fuq talba ta' Stat, fir-rigward ta' l-eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom b'mod li huma jiddependu, essenzjalment, fuq il-protezzjoni diplomatika li l-Istati jagħtu liċ-ċittadini tagħhom, tali restrizzjoni għad-dritt li wieħed jinstema', ma tistax madankollu titqies bħala inammissibbli fir-rigward tar-regoli perentorji ta' l-ordinament pubbliku internazzjonali. Għall-kuntrarju, f'dak li jikkonċerna l-kontestazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjonijiet li jordnaw l-iffriżar tal-fondi ta' individwi jew entitajiet issuspettati li kkontribwixxu għal finanzjament tat-terrożimu internazzjonali, adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà, permezz tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tiegħu, taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq il-bażi ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet reġjonali, huwa normali li d-dritt tal-partijiet konċernati li jinstemgħu jkun irregolat fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva b'diversi livelli, li fiha l-awtoritajiet nazzjonali indikati fl-Anness II tar-regolament ikkontestat għandhom rwol essenzjali (sentenzi Yusuf, punti 314 u 315 u Kadi, punti 267 u 268; ara wkoll, b'anoloġija, d-digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-2 ta' Awwissu 2000, "Invest" Import und Export et Invest commerce vs Il-Kummissjoni, T189/00 R, Ġabra p. II‑2993).

142   Għalkemm il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jieħu deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' kunsens, l-effettività tal-proċedura tat-talba ta' tħassir hija ggarantita, minn naħa, mid-diversi mekkaniżmi formali ta' konsultazzjoni proprji li jiffavorixxu dan il-kunsens, previsti fis-sezzjoni 8(b) sa (e), tad-direttivi, u, min-naħa l-oħra, mill-obbligu ta' l-Istati Membri kollha ta' l-ONU, inklużi dawk li huma membri ta' dan il-kumitat, li jaġixxu in bona fede fil-kuntest ta' din il-proċedura, skond il-prinċipju ġenerali ta' dritt internazzjonali li kull trattat fis-seħħ jorbot lill-partijiet u għandu jiġi eżegwit minnhom in bona fede (pacta sunt servanda), imniżżel fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna fuq il-liġi tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit-23 ta' Mejju 1969. Għandu jiġi enfasizzat, f'dan ir-rigward, li d-direttivi japplikaw għall-Istati Membri kollha ta' l-ONU taħt l-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom, skond ir-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà. B'mod partikolari, jirriżulta mill-paragrafu 9 tar-Riżoluzzjoni 1267(1999), mill-paragrafu 19 tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) u mill-paragrafu 7 tar-Riżoluzzjoni 1390 (2002) li l-Istati kollha għandhom jikkooperaw kompletament mal-Kumitat tas-Sanzjonijiet fl-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari billi jagħtuh informazzjoni li tista' tkun neċessarja taħt l-imsemmija Riżoluzzjonijiet.

143   Għal dak li jikkonċerna, b'mod iktar partikolari, il-gvern mitlub, li huwa dak li saritlu t-talba ta' tħassir u li huwa, għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-pajjiż ta' residenza jew ta' ċittadinanza tal-parti kkonċernata, l-effettività ta' din il-proċedura ta' tħassir hija wkoll iggarantita mill-obbligu tiegħu taħt is-sezzjoni 8(b) tad-direttivi, li jeżamina l-informazzjoni rilevanti kollha mogħtija mill-parti kkonċernata u li mbagħad jikkuntattja bilateralment lill-gvern li ppropona l-inklużjoni.

144   F'dan il-kuntest, għandu jingħad li l-obbligi partikolari jiġu imposti fuq l-Istati Membri tal-Komunità meta titressaqilhom talba ta' tħassir.

145   Fil-fatt, peress li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet, permezz tad-direttivi tiegħu, interpreta r-Riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà bħala li jagħtu lill-partijiet ikkonċernati d-dritt li jissottomettu talba għal eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom lill-gvern tal-pajjiż li fih huma jirrisjedu jew li tiegħu huma ċittadini, sabiex jiksbu t-tħassir tagħhom mil-lista kkontestata (ara l-punti 138 u 139 hawn fuq), ir-regolament ikkontestat għandu jiġi interpretat u applikat fl-istess sens, jiġifieri li jikkostitwixxi l-implementazzjoni ta' l-imsemmija Riżoluzzjonijiet fil-Komunità (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Yusuf, punt 276 u Kadi, punt 225). Għaldaqstant, dan id-dritt għandu jiġi meqjus bħala dritt iggarantit mhux biss mill-imsemmija direttivi, iżda wkoll mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

146   Minn dan jirriżulta li, kemm fil-kuntest ta' l-eżami ta' tali talba kif ukoll fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet u l-passi bejn l-Istati li jistgħu jirriżultaw taħt is-sezzjoni 8 tad-direttivi, l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 6 UE, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-partijiet ikkonċernati, hekk kif huma ggarantiti mill-KEDB u hekk kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, peress li r-rispett ta' dawn id-drittijiet fundamentali ma jidhrux li jostakolaw it-twettiq ta' l-obbligi tagħhom skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, għall-kuntrarju, is-sentenzi Yusuf, punt 240 u Kadi, punt 190).

147   Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jassiguraw, safejn hu possibbli, li l-partijiet ikkonċernati jkunu f'pożizzjoni li jsostnu l-argument tagħhom quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest ta' talba ta' eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom. Barra minn hekk, id-diskrezzjoni li għandha tingħata lil dawn l-awtoritajiet, f'dan il-kuntest, għandha tiġi eżerċitata b'mod li jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod xieraq, id-diffikultajiet li jistgħu jkollhom il-partijiet ikkonċernati sabiex ikunu jistgħu jiksbu protezzjoni effettiva tad-drittijiet tagħhom, fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika u tan-natura speċifika tal-miżuri intiżi għalihom.

148   B'hekk, l-Istati Membri ma jistgħu jirrifjutaw li jiftħu l-proċedura ta' eżami mill-ġdid prevista mid-direttivi għar-raġuni biss li l-partijiet ikkonċernati mhumiex f'pożizzjoni li jipprovdu informazzjoni preċiża u rilevanti in sostenn tat-talba tagħhom, peress li huma ma setgħux ikunu jafu, minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom, ir-raġunijiet speċifiċi li ġġustifikaw l-inkluzjoni tagħhom fil-lista kkontestata jew tal-provi li fuqhom huma bbażati dawn ir-raġunijiet.

149   Bl-istess b'mod, rigward il-fatt, imsemmi fil-punt 141 hawn fuq, li l-individwi m'għandhomx id-dritt li jinstemgħu personalment mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, b'mod li huma jiddependu, essenzjalment, fuq il-protezzjoni diplomatika li l-Istati jagħtu liċ-ċittadini tagħhom, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-każ tal-partijiet ikkonċernati huwa ppreżentat mingħajr dewmien u b'mod leali u imparzjali quddiem l-imsemmi Kumitat, fir-rigward ta' l-eżami mill-ġdid tiegħu, jekk dan jidher oġġettivament iġġustifikat fir-rigward ta' l-informazzjoni rilevanti mogħtija.

150   Għandu jingħad ukoll li, kif osservat il-Qorti tal-Prim'Istanza, bi qbil mal-gvern tar-Renju Unit, fis-sentenzi Yusuf (punt 317) u Kadi (punt 270), il-partijiet ikkonċernati għandhom il-possibbiltà li jitolbu rimedju ġudizzjarju bbażat fuq il-liġi nazzjonali ta' l-Istat tal-gvern mitlub, anki direttament fuq ir-regolament ikkontestat kif ukoll fuq ir-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà li huwa jimplementa, kontra rifjut abbużiv eventwali ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti li tressaq il-każ tagħhom, għal eżami mill-ġdid, quddiem il-Kumitat tas-Sanzjonijet u, b'mod iktar ġenerali, kontra kull ksur, mill-imsemmija awtorità nazzjonali, tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jitolbu l-eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom. Waqt is-seduta f'dan il-każ, il-Kunsill għalhekk irrefera, f'dan is-sens, għal deċiżjoni ta' qorti ta' Stat Membru li ordnat l-imsemmi Stat Membru li jitlob, b'mod urġenti, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet ineħħi l-ismijiet ta' żewġ persuni mil-lista kkontestata, taħt piena ta' ħlas ta' penalità kuljum [tribunal de première instance de Bruxelles (quatrième chambre), sentenza tal-11 ta' Frar 2005 fil-kawża Nabil Sayadi u Patricia Vinck c. État belge].

151   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Novembru 2005, Leffler, C-443/03, Ġabra p. I-9611, punti 49 u 50, u l-ġurisprudenza ċċitata), fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta' kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta' rimedji ġudizzjarji intiżi li jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet ta' l-individwi li jirriżultaw mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn il-modalitajiet ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw drittijiet li joriġinaw mill-ordinament ġuridiku nazzjonali (prinċipju ta' l-ekwivalenza) u li dawn m'għandhomx jirrendu r-rikors għad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku komunitarju pratikament impossibbli u eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività). Barra minn hekk, il-prinċipju ta' effettività għandu jwassal lill-qorti nazzjonali li tapplika l-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali biss safejn dawn ma jikkontestawx l-għanijiet u l-finalitajiet ta' l-att Komunitarju kkonċernat.

152   Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta' rikors li jallega ksur, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jitolbu l-eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom sabiex jiksbu t-tħassir tagħhom mil-lista kkontestata, hija l-qorti nazzjonali li għandha tapplika, fil-prinċipju, id-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tkun assigurata l-effikaċja tad-dritt Komunitarju u dan jista' jwassalha li, jekk ikun hemm bżonn, twarrab liġi nazzjonali li tkun ta' xkiel (ara s-sentenza Leffler, punt 151 iktar 'il fuq, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din hija regola li teskludi mill-istħarriġ ġudizzjarju r-rifjut ta' l-awtoritajiet nazzjonali li jaġixxu sabiex jassiguraw il-protezzjoni diplomatika taċ-ċittadini tagħhom.

153   F'dan il-kaz, ir-rikorrent sostna, waqt is-seduta, li l-awtoritajiet Irlandiżi kienu informawh, permezz ta' ittra ta' l-10 ta' Ottubru 2005, li t-talba tiegħu għat-tħassir mil-lista kkontestata, ippreżentata fil-5 ta' Frar 2004, kienet għadha taħt eżami minn dawn l-awtoritajiet. Minkejja li r-rikorrent għalhekk qiegħed in kwistjoni n-nuqqas ta' kooperazzjonali leali ta' l-awtoritajiet Irlandiżi fir-rigward tiegħu, huwa hu li għandu jagħmel użu, f'dan il-każ, mill-possibbiltajiet ta' rimedju ġudizzjarju bbażat fuq id-dritt nazzjonali li huwa kkontesta hawn fuq.

154   F'kull każ, tali nuqqas ta' kooperazzjoni, anki jekk dan huwa veru, bl-ebda mod ma jimplika li l-proċedura ta' tħassir prevista mid-direttivi mhijiex, fiha nfisha, effettiva (ara, b'analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Mejju 2003, Sison vs Il-Kunsill, T-47/03 R, Ġabra p. II‑2047, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155   F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jitqiegħdu in kwistjoni l-kunsiderazzjoniet tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenzi Yusuf u Kadi fir-rigward ta' l-argumenti iktar speċifiċi magħmula mir-rikorrent fis-seduta u li jikkonċernaw in-nuqqqas ta' kompatibbiltà allegata mal-jus cogens tal-lakuna kkontestata fil-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet ikkonċernati.

156   Fl-aħħar nett, minkejja li s-sentenzi Yusuf u Kadi ma jirrispondux għall-argument tar-rikorrent li l-Istati Membri ta' l-ONU mhumiex obbligati japplikaw il-miżuri bħal dawk li l-Kunsill tas-Sigurtà "jitlobhom" jieħdu, ir-Renju Unit, ġustament, isostni li l-Artikolu 39 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti jagħmel distinzjoni bejn ir-"rakkomandazzjonijiet", li m'għandhomx forza vinkolanti u d-"deċiżjonijiet" li għandhom forza vinkolanti. F'dan il-każ, is-sanzjonijiet previsti mill-paragrafu 8(c) tar-Riżoluzzjoni 1333 (2000) kienu ġew adottati minn "deċiżjoni". Bl-istess mod, fil-paragrafu 1 tar-Riżoluzzjoni 1390(2002), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jżomm il-miżuri "imposti" mill-imsemmija dispożizzjoni. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll.

157   Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni raġuni għandhom jiġu miċħuda. Għaldaqstant din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali

 L-agrumenti tal-partijiet

158   Ir-rikorrent isostni li l-Kunsill kiser rekwiżit proċedurali essenzjali meta ma tax b'mod adegwat ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni Komunitarja, iktar milli dik ta' leġiżlazzjoni nazzjonali, hija applikabbli f'dan il-każ. Ir-raġuni mniżżla f'dan ir-rigward fil-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, jiġifieri l-għan li "notament […] tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni", mhuwiex fondat fuq il-fatti.

159   Il-Kunsill u r-Renju Unit iqisu li din ir-raġuni hija konfuża ma' dik ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u jirreferu għall-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għal din l-aħħar raġuni. Minkejja li r-rikorrent isostni li r-regolament ikkontestat ma tax ir-raġunijiet li għalihom azzjoni Komunitarja kienet ġiet meqjusa xierqa u neċessarja, ir-Renju Unit isostni li dan huwa l-każ fid-dawl tal-premessi ta' l-imsemmi Regolament. Minkejja li r-rikorrent invoka, b'mod iktar speċifiku, nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward ta' l-għan allegat li tiġi evitata distorsjoni ta' kompetizzjoni, il-Kunsill isostni li l-motivazzjoni tar-Regolament għandha tiġi eżaminata b'mod globali u mhux billi teżamina frażi waħda minn paġna ta' premessi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

160   Permezz ta' din ir-raġuni, ir-rikorrent jallega nuqqas doppju ta' motivazzjoni.

161   L-ewwel nett, huwa jilmenta li l-Kunsill ma tax b'mod adegwat ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni Komunitarja, iktar milli dik ta' leġiżlazzjoni nazzjonali, hija applikabbli f'dan il-każ.

162   Għaldaqstant, dan l-ilment mhuwiex fondat li l-frażijiet iċċitati tar-regolament ikkontestat jirreferu, minn naħa, għall-Artikoli 60 KE 301 KE et 308 KE u, min-naħa l-oħra, għall-Pożizzjoni Komuni 2002/402. Jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fis-sentenzi Yusuf (punt 138) u Kadi (punt 102), li l-preambolu tar-regolament ikkontestat kien partikolarment xott fuq din il-kwistjoni, tali motivazzjoni hija madankollu suffiċjenti. Rigward ir-raġunijiet li għalihom kien ġie meqjus, f'din il-Pożizzjoni Komuni, li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja, dawn huma dawk ta' l-Unjoni u mhux dawk tal-Komunità. Għaldaqstant, ma kellhomx għalfejn jingħataw fl-att Komunitarju stess.

163   It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li fil-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, jiġifieri l-għan li "tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni", mhuwiex fondat fuq il-fatti.

164   Ċertament, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fis-sentenzi Yusuf (punti 141 u 150) u Kadi (punti 105 u 114) li l-affermazzjoni ta' riskju ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni, li skond il-preambolu tiegħu r-regolament ikkontestat kellu bħala għan li jimpedixxi, mhijiex konvinċenti u li għaldaqstant, il-miżuri in kwistjoni fil-każ preżenti ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-għan previst fl-Artikolu 3(1)(c) u (g) KE.

165   Mandankollu, hekk kif osserva ġustament il-Kunsill, il-motivazzjoni ta' Regolament għandu jiġi eżaminat b'mod globali. Skond il-ġurisprudenza, in-nuqqas ta' rekwiżit proċedurali li jikkostwixxi għal regolament il-fatt li waħda mill-premessi tar-Regolament fiha żball ta' fatt ma jistax madankollu jwassal għall-annullament tiegħu jekk il-premessi l-oħra tiegħu jipprovdu motivazzjoni suffiċjenti fiha nfisha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Ottubru 1987, Spanja vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni 119/86, Ġabra p. 4121, punt 51, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-21 ta' Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Ġabra p. II‑17, punt 160). Dan huwa l-każ hawnhekk.

166   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Kunsill, b'mod li jippermetti li dawk ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri adottati u sabiex il-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-osservazzjoni ta' l-obbligu tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss mill-kliem ta' l-att iżda wkoll fil-kuntest tagħha, kif ukoll skond ir-regoli ġuridiċi kollha dwar is-suġġett ikkonċernat. Meta, bħal fil-każ preżenti, att ikun iddestinat sabiex jiġi applikat b'mod ġenerali, il-motivazzjoni tista' tkun limitata sabiex tindika, min-naħa, is-sitwazzjoni sħiħa li waslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa jrid jilħaq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-10 ta' Jannar 2006, International Air Transport Association et, C-344/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 66 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167   F'dan il-każ, il-frażijiet iċċitati tar-regolament ikkontestat kif ukoll, b'mod partikolari, il-premessi 1 sa 7 tiegħu jissodisfaw kompletament dawn il-kriterji, kif jirriżulta mis-sentenzi Yusuf (punti 158 et seq) u Kadi (punti 122 et seq).

168   Barra minn hekk, minkejja li r-regolament ikkontestat jindika l-isem tar-rikorrent, fl-Anness I tiegħu, bħala suġġett ta' miżura individwali ta' ffriżar tal-fondi, dan huwa motivat biżżejjed permezz tar-riferiment, fl-Artikolu 2 tiegħu, għall-indikazzjoni korrispondenti magħmula mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

169   Minn dak li intqal qabel, jirriżulta li t-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda.

170   Peress li l-ebda waħda mir-raġunijiet invokati mir-rikorrent in sostenn tar-rikors tiegħu mhija fondata, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

171   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza għandha tbati l-ispejjez, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kunsill.

172   Mandankollu, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(4) l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta' u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent huwa kkundannat ibati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tal-Kunsill.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta' Lulju 2006

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Werrej

Kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Il-fatti

Id-Dritt

1. Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2. Fuq il-fond

Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta' kompetenza kif ukoll fuq abbuż ta' poter

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji fundamentali ta' sussidjarjetŕ, ta' proporzjonalitŕ u ta' ħarsien tad-drittijiet umani

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni raġuni, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalitŕ

– Fuq it-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni raġuni, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta' propozjonalitŕ u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem

Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali

L-agrumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.