Language of document : ECLI:EU:C:2011:484

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Lulju 2011 (*)

“Regolament (KE) Nru 110/2008 – Indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż – Applikazzjoni ratione temporis – Trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika – Użu li jirriżulta f’sitwazzjoni li tista’ tippreġudika l-indikazzjoni ġeografika – Rifjut ta’ reġistrazzjoni jew invalidità ta’ tali trade mark – Applikabbiltà diretta ta’ regolament”

Fil-Kawżi magħquda C-4/10 u C-27/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-31 ta’ Diċembru 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, fil-5 u fit-18 ta’ Jannar 2010 rispettivament, fil-proċeduri mibdija mill-:

Bureau national interprofessionnel du Cognac,

fil-preżenza ta’:

Gust. Ranin Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A Tizzano, President ta’ Awla, M. Ilešič, E. Levits, M. Safjan u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Bureau national interprofessionnel du Cognac, minn P. Siitonen, asianajaja,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta u F. Bulst kif ukoll minn M. Vollkommer, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawżi jinqatgħu mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 16 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 9, p. 59), u kif ukoll l-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 01, p. 92).

2        Dawn it-talbiet ġew imressqa fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata mill-Bureau national interprofessionnel du Cognac (iktar ’il quddiem il-“BNIC”) fir-rigward tar-reġistrazzjoni fil-Finlandja, mill-Patentti- ja rekisterihallitus (Uffiċċju nazzjonali tal-privattivi u tar-reġistrazzjoni) ta’ żewġ trade marks figurattivi li jirrigwardaw xorb spirtuż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008

3        Skont it-tieni sentenza tal-erbatax-il premessa tar-Regolament Nru 110/2006, “[l]-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu reġistrati, billi x-xorb spirituż jiġi identifikat bħala oriġinarju ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra tax-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha”.

4        L-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament li jirrigwarda l-użu tal-lingwa fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni u fit-tikketti ta’ xorb spirituż, fil-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi:

“[…] l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III m’għandhomx ikunu tradotti fuq it-tikketta u lanqas fil-preżentazzjoni tax-xarba spirituża.”

5        L-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “Indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, indikazzjoni ġeografika għandha tkun indikazzjoni li tidentifika xarba spirituża bħala oriġinarja ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra ta’ dik ix-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha.

2.      L-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmijin fil-paragrafu 1 huma reġistrati fl-Anness III.

3.      L-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III ma jistgħux isiru ġeneriċi.

L-ismijiet li saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu reġistrati fl-Anness III.

[…]

4.      Ix-xorb spirituż li għandu indikazzjoni ġeografika reġistrata fl-Anness III għandu jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-fajl tekniku previst fl-Artikolu 17(1).”

6        L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, jipprevedi:

“[…] l-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III għandhom ikunu protetti kontra:

a)      kull użu kummerċjali dirett jew indirett fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni sakemm dawk il-prodotti jkunu komparabbli max-xarba spirituża reġistrata taħt dik l-indikazzjoni ġeografika jew sakemm it-tali użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata;

(b)      kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal “bħal”, “tip”, “stil”, “magħmul”, “togħma”; jew kwalunkwe terminu simili ieħor;

(ċ) kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott, li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

d)      kwalunkwe prattika oħra li tista’ tinganna lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.”

7        L-Artikolu 23(1) u (2) tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjoni bejn trade marks u indikazzjonijiet ġeografiċi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li jkollha fiha jew tikkonsisti minn indikazzjoni ġeografika reġistrata fl-Anness III għandha tiġi miċħuda jew invalidata jekk l-użu tagħha jkun iwassal għal kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 16.

2.      B’konsiderazzjoni dovuta għal-liġi Komunitarja, trade mark li l-użu tagħha jikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 16 li saret applikazzjoni għaliha, ġiet reġistrata, jew ġiet stabbilita bl-użu, jekk dik il-possibbiltà hi prevista mil-Leġiżlazzjoni konċernata, in bona fede fit-territorju tal-Komunità, kemm jekk qabel id-data tal-protezzjoni ta’ l-indikazzjoni ġeografika fil-pajjiż ta’ oriġini kif ukoll jekk qabel l-1 ta’ Jannar 1996, tista’ tibqa’ tintuża minkejja r-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika […].”

8        L-Anness III tal-istess regolament jirreferi għat-terminu “Cognac” li jikkostitwixxi deskrizzjoni ġeografika li tidentifika prodotti fil-kategorija Nru 4, jiġifieri, spirti tal-inbid, u li għandhom lil Franza bħala pajjiż tal-oriġini.

9        Skont l-Artikolu 30 tiegħu, ir-Regolament Nru 110/2008 daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Frar 2008.

 Ir-Regolament (KEE) Nru 1576/89

10      Ir-Regolament Nru 110/2008 abroga u ssostitwixxa lir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ xorb spirituż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 3 Vol. 9 p. 59), li kien fis-seħħ mill-15 Ġunju 1989. Fl-Anness II tiegħu, ir-Regolament Nru 1576/89 kien isemmi, fost id-denominazzjonijiet ġeografiċi protetti, id-denominazzjoni “Cognac”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 3378/94

11      Ir-Regolament (KE) Nru 3378/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jemenda r-Regolament Nru 1576/89 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 17 p. 91), daħħal fir-Regolament Nru 1576/89, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1996, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(a), li jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-persuni nteressati jkunu jistgħu jwaqqfu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim dwar aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, l-użu ġewwa l-Komunità ta’ deskrizzjoni ġeografika li tidentifika prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament għal prodotti li ma joriġinawx fil-post li għalih issir referenza fl-isem ġeografiku in kwestjoni, inklużi każijiet meta l-oriġini attwali tkun indikata jew meta d-deskrizzjoni ġeografika tingħata fi traduzzjoni jew tkun akkumpanjata b’espressjonijiet bħal “xorta”, “tip”, “stil”, “imitazzjoni”; jew oħrajn.”

 Id-Direttiva 89/104

12      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/104, dwar ir-raġunijiet għar-rifjut jew invalidità li jistgħu jopponu r-reġistrazzjoni ta’ trade marks, fil-paragrafi 1(g) u 2(a) tiegħu, jipprevedi:

“1.      Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:

[…]

(g)      trade marks li huma ta’ tali natura li jqarrqu l-pubbliku, per eżempju dwar in-natura, kwalità jew oriġini ġeografika ta’ l-merkanzija jew servizz;

[…]

2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi li trade mark ma’ tiġix irreġistrata jew, jekk irreġistrata, għandha tkun suġġetta li tiġi ddikjarata invalida u sakemm:

(a)      l-użu tat-trade mark jista’ jkun ipprojbit skond id-disposizzjonijiet tal-liġi barra l-liġi tat-trade marks ta’ l-Istat Membru konċernat jew tal-Komunità.”

13      Id-Direttiva 89/104 ġiet abrogata u ssostitwita mit-28 ta’ Novembru 2008 mid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25). Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 3(1)(g) u (2)(a) ma nbidlux.

 Il-Ftehim TRIPs

14      Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat fi Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) fih Artikolu 23, intitolat “Protezzjoni Addizzjonali għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għall-Inbejjed u Spirti”, jipprevedi s-segwenti:

“1. Kull Membru għandu jipprovdi l-mezzi legali għal partjiet interessati sabiex ma jitħallewx jużaw identifikazzjoni ġeografika għall-inbejjed bħala inbejjed li ma jiġux mill-post indikat fl-indikazzjoni ġeografika in kwistjoni jew l-identifikazzjoni għall-ispirti bħala spirti li ma jiġux mill-post indikat mill-indikazzzjoni ġeografika in kwistjoni, anki meta l-oriġini vera ta’ l-oġġetti hi indikata mill-indikazzjoni ġeografika wżata fit-traduzzjoni jew li jkollha magħha espressjonijiet bħal-‘tip’, ‘stil’, ‘imitazzjoni’, jew bħalhom

2.      […] Ir-reġistrazzjoni għat-trademark għall-inbejjed li għandhom jew li jikkonsistu f’indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-inbid jew l-ispirti li jkollhom fihom indikazzjoni ġeografika li tidentifika l-ispirti għandu tkun miċħuda jew issir mhux valida, ex officio jekk leġislazzjoni ta’ Membru jħalli dan jew fuq talba ta’ parti interessat, dwar l-inbid jew l-ispirti li ma għandhomx dan l-oriġini.”

15      L-Artikolu 24 tal-imsemmi Ftehim, fil-paragrafu 5 tiegħu, jispeċifika:

“Fejn trademark ġiet applikata jew reġistrata in bona fide, jew fejn id-drittijiet għat-trademark ġew akkwiżiti permezz ta’ bona fide jew:

a)       qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet f’dak il-Membru kif imsemmi f’Parti VI; jew

(b)       qabel li l-indikazzjoni ġeografika tiġi protetta fil-pajjiż ta’ l-oriġini tagħha;

il-miżuri adottati sabiex ikunu implementata din it-Taqsima ma għandhiex tkun ta’ preġudizzju l-eliġibbiltà għal jew il-validità tar-reġistrazzjoni tat-trademark, fuq il-bażi li dik it-trademark hija identika ma’, jew simili ma’, indikazzjoni ġeografika.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u għad-domandi preliminari

16      Gust. Ranin Oy, kumpannija rreġistrata skont id-dritt Finlandiż, fid-19 ta’ Diċembru 2001, ressqet talba quddiem il-Patentti- ja rekisterihallitus għar-reġistrazzjoni ta’ żewġ trade marks figurattivi fil-forma ta’ tikketta tal-flixkun. Għal “Konjakit” li jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, l-element figurattiv li kienet tikkonċerna t-talba kien fih il-kliem: “COGNAC L & P HIENOA KONJAKKIA Lignell & Piispanen Product of France 40 % Vol 500 ml”. Għall-“ispirti li fihom il-‘konjakki’” fl-imsemmija klassi 33, l-element figurattiv jinkludi fih il-kliem “KAHVI-KONJAKKI Cafe Cognac Likööri – Likör – Liqueur 21 % Vol Lignell & Piispanen 500 ml”.

17      Permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Jannar 2003, il-Patentti- ja rekisterihallitus, irreġistra ż-żewġ trade marks, l-ewwel waħda bin-Nru 226350 (Kawża C‑4/10) u t-tieni bin-Nru 226351 (Kawża C‑27/10).

18      Il-BNIC oppona għar-reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2004, il-Patentti- ja rekisterihallitus ċaħad l-oppożizzjoni mill-BNIC u kkonferma l-validità tat-trade mark irreġistrata bin-Nru 226350. Madankollu, bl-istess deċiżjoni, huwa laqa’ l-imsemmija oġġezzjoni inkwantu diretta kontra t-trade mark irreġistrata bin-Nru 226351 u annulla din ir-reġistrazzjoni.

20      Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007, il-Pattenti- ja rekisterihallituksen valituslautakunta (Bord tal-Appelli tal-Patentti- ja rekisterihallitus) ċaħad l-appell tal-BNIC u kkonferma d-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2004 li kkonfermat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Nru 226350. Huwa laqa’ wkoll l-appell ta’ Gust. Ranin Oy u annulla d-deċiżjoni li kienet annullat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Nru 226351.

21      Fil-kawżi quddiem il-Korkein hallinto-oikeus, il-BNIC, talab prinċipalment, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2007 jew, sussidjarjament, ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Patentti- ja rekisterihallitus biex jerġa’ jeżaminaha mill-ġdid.

22      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari, li huma identiċi fiż-żewġ Kawżi C‑4/10 u C‑27/10:

“1)      Ir-Regolament [Nru 110/2008] huwa applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark – applikazzjoni li saret fid-19 ta’ Diċembru 2001 u rreġistrata fil-31 ta’ Jannar 2003 – li fiha indikazzjoni ġeografika protetta minn dan ir-regolament?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għandha tiġi rrifjutata peress illi tikser l-Artikoli 16 u 23 tar-Regolament Nru 110/2008 trade mark li tinkludi b’mod partikolari indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta minn dan ir-regolament, jew it-terminu ġeneriku għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, u li ġiet irreġistrata għal spirti li f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-proċess ta’ produzzjoni u l-kontenut ta’ alkoħol, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni?

3)      Indipendentement mir-risposta għall-ewwel domanda, trade mark bħal dik deskritta fit-tieni domanda għandha tiġi kkunsidrata bħala ta’ natura li tqarraq il-pubbliku, pereżempju fir-rigward tan-natura, tal-kwalità jew tal-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva [89/104] li llum il-ġurnata ġiet ssostitwita bid-[Direttiva 2008/95]?

4)      Indipendentement mir-risposta għall-ewwel domanda, għandu jiġi kkunsidrat li ladarba Stat Membru, fuq il-bażi tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 89/104/KEE, ikun ipprovda li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata jew, jekk hija ġiet irreġistrata, għandha tiġi ddikjarata invalida billi u sa fejn l-użu ta’ din it-trade mark jista’ jkun ipprojbit taħt leġiżlazzjoni differenti minn dik fil-qasam tat-trade marks tal-Istat Membru kkonċernat jew tal-Komunità, r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata sa fejn din tkun tinkludi elementi li jiksru r-Regolament Nru 110/2008 u li fuq il-bażi tagħhom l-użu tagħha jista’ jkun ipprojbit?”

23      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2010, il-Kawżi C‑4/10 u C‑27/10 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

24      Bl-ewwel domanda tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwiex applikabbli għall-evalwazzjoni tal-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika protetta minn dan ir-regolament, meta r-reġistrazzjoni kienet magħmula qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

25      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-punt ta’ tluq tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jkun stabbilit għal data qabel dik tal-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief meta, bħala eċċezzjoni, l-għan mixtieq jeżiġi dan u l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 119 u dik tat-22 ta’ Diċembru 2010, Bavaria, C‑120/08, p. I‑13393, punt 40).

26      F’dan ir-rigward, ir-regoli tad-dritt materjali tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fis-sens li jkopru biss sitwazzjonijiet li jkunu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura ġenerali tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom (ara b’mod partikolari, is-sentenzi Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119, Bavaria, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u dik tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni C‑369/09 P, C‑74/00 P u C‑75/00 P, p. I‑0000, punt 98).

27      Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha jew tikkonsisti minn indikazzjoni ġeografika rreġistrata fl-Anness III għandha tiġi miċħuda jew invalidata jekk l-użu tagħha jkun iwassal għal kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.

28      Din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll b’mod ċar, minbarra l-opportunità li tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark, li tinvalida, għall-istess raġunijiet, trade mark li ġiet diġà rreġistrata qabel, mingħajr ma r-riferiment għaż-żmien jagħmel xi limitazzjoni dwar id-data li fiha r-reġistrazzjoni tat-trade mark tkun seħħet. Kif ġie indikat mill-Gvern Franċiż u dak Portugiż u kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, minn dan il-kliem jirriżulta li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008 huwa intiż li japplika għal trade marks irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

29      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-regola stabbilita fl-Artikolu 23(2) ta’ dan l-istess regolament.

30      Din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti, fil-fatt, bħala deroga, l-użu kontinwu ta’ trade mark meta dan jikkostitwixxi sitwazzjoni kkontemplata fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, sakemm din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata jew miksuba f’data qabel id-dħul fis-seħħ tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jew dik tal-1 ta’ Jannar 1996. Kif sostnew il-Gvern Taljan u dak tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, minn din ir-regola għandu jiġi dedott li, ħlief għal trade marks użati fil-limiti taż-żmien tad-deroga espressament prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 110/2008, it-trade marks irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament jistgħu jkunu invalidati taħt il-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 23.

31      Minn dan isegwi li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal trade marks irreġistrati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

32      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali applikazzjoni ratione temporis mar-rispett tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi rrilevat li l-protezzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 110/2008 għall-indikazzjonijiet ġeografiċi hija estensjoni ta’ dak li diġà huwa ggarantit mir-Regolament Nru 3378/94, li daħħal l-Artikolu 11(a) fir-Regolament Nru 1576/89 b’effett mill-1 Jannar 1996.

33      Skont il-paragrafu 1 tal- Artikolu 11(a), l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippermettu lill-partijiet interessati, biex jipprevjenu, skont l-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim TRIPs, l-użu fil-Komunità ta’ indikazzjoni ġeografika għal prodotti li ma joriġinawx fil-post indikat bl-imsemmija indikazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 23(2) ta’ dan il-Ftehim jipprovdi li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha jew li tikkonsisti minn indikazzjoni ġeografika li tidentifika x-xorb spirituż li għandha tiġi rrifjutata jew invalidata, fir-rigward tax-xorb spirituż li ma għandux din l-oriġini, filwaqt li l-Artikolu 24(5) tal-imsemmi Ftehim jipprevedi deroga għall-benefiċċju ta’ trade marks irreġistrati jew akkwistati bona fide qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim innifsu jew qabel ma l-indikazzjoni ġeografika ma ġiet protetta.

34      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi kkunsidrat li mill-1 ta’ Jannar 1996, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 3378/94, ir-regoli ta’ protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi taħt il-Ftehim TRIPs kienu ġew inkorporati fid-dritt tal-Unjoni, anki jekk is-setgħa li jiddefinixxu l-miżuri ta’ implementazzjoni tħalliet f’idejn l-Istati Membri.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008, li jipprovdi li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika protetta hija rrifjutata jew invalidata jekk l-użu tagħha jkun iwassal għal kwalunkwe waħda mill-każijiet ta’ użu abbużiv imsemmijin fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, sempliċement jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ regola li diġà qiegħda fis-seħħ fid-dritt tal-UE, filwaqt li l-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu jżomm id-derogi temporanji li diġà ġew irrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

36      Minn dan isegwi li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tippreġudikax il-prinċipji ta’ ċertezza legali u lanqas dak tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati.

37      Għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ir-Regolament Nru 110/2008 huwa applikabbli għall-evalwazzjoni tal-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika protetta mill-imsemmi regolament, meta r-reġistrazzjoni kienet magħmula qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tieni domanda

38      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 16 u 23 tar-Regolament Nru 110/2008 jopponux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tinkludi b’mod partikolari indikazzjoni ġeografika tal-oriġini protetta, jew terminu ġeneriku li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni ta’ din tal-aħħar, għal xorb spirtuż li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ użu tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni.

39      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 16 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 110/2008

40      Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li, skont l-Artikolu 249(2) TFUE, ir-regolament għandu portata ġenerali u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, minħabba n-natura stess tiegħu u tal-funzjoni tiegħu fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, jipproduċi effetti immedjati u xierqa sabiex jagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola, 34/73, Ġabra p. 981, punt 8, u tas-17 ta’ Settembru 2002 Muñoz u Superior Fruiticola, C‑253/00, Ġabra p. I‑7289, punt 27).

41      Il-formulazzjoni ċara u mingħajr kundizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008, li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika rreġistrata fl-Anness III għandha tiġi miċħuda jew invalidata jekk l-użu tagħha jkun iwassal għal kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, jimponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali il-kompetenza li jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark meta din tkun użata f’dawn il-kundizzjonijiet.

42      Ċertament, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 110/2008 jipprovdi għal deroga limitata fir-rigward ta’ trade marks irreġistrati jew miksuba in bona fide qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jew qabel l-1 ta’ Jannar 1996.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-terminu “Cognac”, inkluż fit-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom hija l-oriġini tal-kawżi prinċipali, jinsab kemm fl-Anness III tar-Regolament Nru 110/2008 kif ukoll fl-Anness II tar-Regolament Nru 1576/89 bħala indikazzjoni ġeografika li tidentifika xarba spirituża li toriġina fi Franza. Irrispettivament mill-protezzjoni li jgawdi skont id-dritt Franċiż, it-terminu “Cognac” huwa protett bħala indikazzjoni ġeografika fid-dritt tal-Unjoni mill-15 ta’ Ġunju 1989, meta r-Regolament Nru 1576/89 daħal fis-seħħ.

44      Din il-konstatazzjoni hija biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-trade marks inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li, skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, ġew irreġistrati fil-31 ta’ Jannar 2003, ma jistgħux jibbenefikaw mid-deroga taħt l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 110/2008.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tat-tieni domanda hi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008, jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika u ma tibbenefikax mid-deroga ratione temporis prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, meta l-użu ta’ din il-marka joħloq waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008

46      L-Artikolu 16(a) sa (d) tar-Regolament Nru 110/2008 jipprovdi każijiet varji li fihom il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott hija akkumpanjata minn riferiment espliċitu jew impliċitu għal indikazzjoni ġeografika taħt kundizzjonijiet li jistgħu jqarrqu bil-pubbliku, jew għallinqas, li joħolqu fl-essenza tagħhom assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott, jew li jippermettu lill-operatur jibbenefika indebitament mir-reputazzjoni ta’ din l-indikazzjoni ġeografika.

47      Il-protezzjoni hekk mogħtija mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq bir-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri, kif jirriżulta mill-erbatax-il premessa ta’ dan ir-regolament, li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ xorb spirituż bħala li joriġina f’territorju ddeterminat meta kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra ta’ dan ix-xorb tista’ tiġi attribwita essenzjalment għal din l-oriġini ġeografika.

48      Konkretament, l-ambitu ta’ din il-protezzjoni għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 110/2008, li jipprovdi li jistgħu jiġu rreġistrati fl-Anness III tiegħu bħala prodotti ta’ indikazzjoni ġeografika biss dak ix-xorb spirituż li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-fajl tekniku sottomess, skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, mill-Istat Membru lill-Kummissjoni meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni kkonċernata.

49      Il-kwistjoni ta’ jekk xarba spirituża partikolari tikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet għal indikazzjoni ġeografika protetta hija kwistjoni ta’ fatt li taqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li għandha tiġi stabbilita qabel l-eżami ta’ applikazzjoni eventwali tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008.

50      It-tieni domanda li saret mill-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod speċifiku għas-sitwazzjoni li fiha saret ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tinkludi indikazzjoni ġeografika, jew it-terminu ġeneriku li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti għal din l-indikazzjoni. Għaldaqstant, abbażi ta’ din il-premessa għandu jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju jekk din is-sitwazzjoni tistax tinkwadra ruħha f’dawk imsemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008.

51      Preliminarjament, peress li din id-domanda tirreferi għal trade mark li fiha t-terminu ġeneriku li jikkorrispondi għal indikazzjoni ġeografika protetta u t-traduzzjoni tagħha, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3 tar-Regolament Nru 110/2008, l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III tiegħu ma jistgħux isiru ġeneriċi. Bil-maqlub, it-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu jiddikjara li l-ismijiet li saru ġeneriċi ma jistgħux jiġu rreġistrati f’dak l-Anness III. Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, ma jistax jiġi argumentat li l-denominazzjoni “Cognac”, irreġistrata fl-istess Anness III, saret ġenerika.

52      Għandu jingħad ukoll li skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 110/2008, l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-imsemmi Anness III, bħall-indikazzjoni “Cognac”, ma jistgħux jiġu tradotti fuq it-tikketta u lanqas fil-preżentazzjoni tax-xarba spirituża.

53      Fir-rigward tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(a) jirreferi b’mod partikolari għall-użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ indikazzjoni ġeografika għall-prodotti mhux koperti bir-reġistrazzjoni sakemm dawk il-prodotti huma komparabbli max-xarba spirituża rreġistrata.

54      Fl-ipoteżi msemmija fit-tieni domanda preliminari, li l-prodotti mhux koperti bl-indikazzjoni ġeografika huma xorb spirituż, jidher leġittimu li jiġi kkunsidrat li jista’ jirrigwarda prodotti komparabbli max-xarba spirituża rreġistrata taħt din l-indikazzjoni ġeografika. Fil-fatt, ix-xorb spirituż, irrispettivament mill-kategoriji differenti li jkunu miġburin fih, ikopri xorb li jippreżentaw karatteristiċi oġġettivament komuni u li jaqblu, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, ma’ okkażjonijiet ta’ konsum prinċipalment identiċi. Barra minn hekk, ħafna drabi huwa mqassam mill-istess distributuri u suġġetti għal regoli simili ta’ kummerċjalizzazzjoni.

55      Minn dan isegwi li, f’tali każ, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għall-xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet li jikkorrispondu għal użu kummerċjali dirett ta’ indikazzjoni ġeografika għall-prodotti simili għax-xarba irreġistrata taħt din l-indikazzjoni, iżda mhux koperti minnha skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008.

56      Għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “evokazzjoni”, imsemmija fl-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 u li għalih rreferiet id-deċiżjoni tar-rinviju fil-Kawża C‑4/10, huwa utli li jitfakkar li dan il-kunċett ikopri ipoteżi fejn it-terminu użat biex jindika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ikollu xbieha li tiskatta f’moħħu, tal-prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta (sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del fomaggio Gorgonzola, C‑87/97, Ġabra p. I‑1301, punt 25 u dik tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑132/05, Ġabra p. I‑957, punt 44).

57      Iktar preċiżament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan jista’ jiġri wkoll fil-każ ta’ prodotti li jkollhom analoġiji viżwali u denominazzjonijiet ta’ bejgħ li jkollhom xebh fonetiku u viżwali (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola, punt 27, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 46).

58      Jidher li huwa leġittimu li jiġu trasposti dawn l-evalwazzjonijiet għall-ipoteżi, prevista mit-tieni domanda preliminari, li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha għall-xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni. L-użu ta’ trade mark li fiha l-element “Cognac” għal xarb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti jista’ għalhekk jiġi kkwalifikat bħala tal-“evokazzjoni” taħt l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008.

59      Għandu jingħad ukoll li skont din id-dispożizzjoni, ir-riferiment għall-oriġini vera tal-prodott jew l-użu tal-indikazzjoni ġeografika fit-traduzzjoni jew akkumpanjata minn espressjoni bħal “bħal”, “tip”, “stil”, “magħmul”, “togħma”; jew kwalunkwe terminu simili ieħor, ma jbiddilx din il-kwalifika.

60      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li huwa utli, hija kellha wkoll, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(c) u (d) tar-Regolament Nru 110/2008, tevalwa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-użu ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni huwa tali li joħloq impressjoni żbaljata dwar l-oriġini ta’ dan ix-xorb u jista’ jinganna lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

61      Ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tieni domanda hija li sitwazzjoni bħal dik imsemmija f’din id-domanda, jiġifieri li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni, taqa’ taħt sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(a) u (b) tar-Regolament Nru 110/2008, mingħajr preġudizzju għal kull applikazzjoni eventwali tar-regoli l-oħra f’dan l-Artikolu 16.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

62      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(g) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi kkunsidrata li x’aktarx tqarraq bil-pubbliku trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu ġeneriku li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni.

63      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 89/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li, ladarba Stat Membru ikun ippreveda, bl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li trade mark għandha tiġi ddikjarata invalida jekk, u sa fejn, tmur kontra leġiżlazzjoni barranija tad-dritt tat-trade marks, hemm lok li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 110/2008 tiġi rrifjutata.

64      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn iż-żewġ domandi.

65      Fil-fatt, mill-imsemmija risposta jirriżulta li, minn naħa, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew it-terminu ġeneriku li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni, taqa’, xorta, taħt sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(a) u (b) tar-Regolament Nru 110/2008, u li, minn naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, abbażi tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008, jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni ta’ tali trade mark.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-applikabbiltà diretta ta’ regolament teħtieġ li d-dħul fis-seħħ tiegħu u l-applikazzjoni tiegħu favur jew kontra dawk suġġetti għad-dritt, iseħħu mingħajr l-ebda miżura ta’ implementazzjoni fid-dritt nazzjonali, peress li r-rispett bir-reqqa ta’ dan id-dmir huwa kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni simultanja u uniformi tar-regolamenti madwar l-Unjoni Ewropea kollha (sentenza Variola, punt 10). Ir-Regolament Nru 110/2008 għandu għalhekk jiġi applikat b’mod indipendenti mir-regoli li jiżguraw traspożizzjoni tad-Direttiva 89/104 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, huwa applikabbli għall-evalwazzjoni tal-validità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika protetta mill-imsemmi regolament, meta r-reġistrazzjoni kienet magħmula qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

2)      L-Artikoli 23 u 16 tar-Regolament Nru 110/2008 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fuq il-bażi tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 110/2008, jirrifjutaw jew jinvalidaw ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika protetta u li ma tibbenefikax mid-deroga ratione temporis prevista fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, meta l-użu ta’ din it-trade mark joħloq waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament;

–        sitwazzjoni bħal dik imsemmija fit-tieni domanda preliminari, jiġifieri dik tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal xorb spirituż li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet rikjesti minn din l-indikazzjoni, taqa’ taħt sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(a) u (b) tar-Regolament Nru 110/2008, mingħajr preġudizzju għal kull applikazzjoni eventwali tar-regoli l-oħra f’dan l-Artikolu 16.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.