Language of document : ECLI:EU:C:2008:742

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali

Mazák

ippreżentati fit-18 ta’ Diċembru 2008 (1)

Kawża C‑303/07

Aberdeen Property Fininvest Alpha Oy

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)]

“Libertà ta’ stabbiliment – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-kumpanniji – Eżenzjoni tad-dividendi mqassma lil kumpannija parent stabbilita fit-territorju nazzjonali – Taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru ieħor – Sitwazzjoni paragunabbli”






1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Korkein hallinto-oikeus (Qorti Amministrattiva Suprema) (il-Finlandja). Id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE, 48 KE, 56 KE, 58 KE.

2.        Il-qorti tar-rinviju tħoss li l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli tat-Trattat KE tista’ sservi ta’ għajnuna biex tiddeċiedi fuq it-talba tal-kumpannija Aberdeen Property Fininvest Alpha Oy (iktar ’il quddiem “Alpha”) għall-annullament tad-deċiżjoni preliminari tal-Keskusverolautakunta (Kummissjoni ċentrali tat-taxxa) tal-25 ta’ Jannar 2006, li biha din tal-aħħar ikkonstatat li Alpha kellha, għas-snin 2005 u 2006, tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li qassmet lill-kumpannija parent Aberdeen Property Nordic Fund I SICAV (iktar ’il quddiem “Nordic Fund SICAV”) li kienet twaqqfet bħala kumpannija ta’ investiment b’kapital azzjonarju varjabbli (iktar ’il quddiem “kumpannija ta’ tip SICAV”) taħt il-liġi tal-Lussemburgu.

3.        Id-dubju tal-qorti tar-rinviju jirriżulta mill-fatt illi, skont il-liġi nazzjonali, li kieku Alpha tqassam dividend lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża bħal kumpannija ta’ tip SICAV jew lil kumpannija pubblika nazzjonali oħra ekwivalenti, dan id-dividend ma jkunx suġġett għat-taxxa u ma jkunx taxxabbli f’ras il-għajn.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

Id-Direttiva 90/435

4.        L-għan tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (2), huwa li jiġu eżentati d-dividendi u t-tqassim tal-profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji parent tagħhom mit-taxxi f’ras il-għajn u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fuq livell ta’ kumpannija parent (3).

5.        Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħha, “kumpannija ta’ Stat Membru” tfisser kull kumpannija li tissodisfa tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, li kumpannija tieħu waħda mill-għamliet elenkati fil-lista fl-Anness tad-Direttiva 90/435. It-tieni nett, hija kkunsidrata, skont il-liġijiet tat-taxxa ta’ Stat Membru, bħala residenti f’dan l-Istat u, skont it-termini ta’ ftehim dwar ħelsien mit-taxxa doppja konkluż ma’ Stat terz, ma tkunx ikkunsidrata bħala residenti barra mill-Komunità Ewropea għal għanijiet tat-taxxa. It-tielet nett, il-kumpannija tkun suġġetta, mingħajr il-possibbiltà tal-għażla jew li tiġi eżentata minnhom, għal waħda mit-taxxi msemmija fl-Artikolu 2(1)(ċ) jew għal kull taxxa oħra li tista’ tiddaħħal minflok it-taxxi msemmija f’dan l-artikolu.

6.         Fir-rigward tal-Lussemburgu, l-anness tad-Direttiva 90/435 jelenka l-kumpanniji “‘société anonyme’, ‘société en commandite par actions’, ‘société à responsabilité limitée’, ‘société coopérative’, ‘société coopérative organisée comme une société anonyme’, ‘association d’assurances mutuelles’, ‘association d’épargne-pension’, ‘entreprise de nature commerċiale, industrielle ou minière de l’Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public’, u l-kumpanniji l-oħra kkostitwiti skont il-liġijiet tal-Lussemburgu bla ħsara għat-taxxa tal-Lussemburgu tal-korporazzjonijiet” (4). Fir-rigward tal-Lussemburgu, it-tielet kundizzjoni hija sodisfatta meta l-kumpannija tkun suġġetta għal taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul

7.        Skont l-Artikolu 9 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (5), kull persuna ġuridika barranija hija suġġetta, b’titolu parzjali, għal taxxa fuq id-dħul, jiġifieri fuq id-dħul riċevut fil-Finlandja.

8.        Id-dħul miksub fil-Finlandja huwa elenkat fl-Artikolu 10 ta’ din il-liġi. Il-lista tinkludi, fost l-oħrajn, id-dividendi mqassma minn kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, minn kooperattiva jew minn kull kumpannija Finlandiża oħra.

9.        L-Artikolu 20 tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq jistabbilixxi lista ta’ kumpanniji li huma eżenti mit-taxxa fuq id-dħul. Fost il-kumpanniji msemmija hemm ukoll il-fondi ta’ investiment.

Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul u l-patrimonju taxxabbli b’titolu parzjali

10.      Skont l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul u l-patrimonju taxxabbli b’titolu parzjali (6), id-dividendi mqassma minn kumpannija Finlandiża lill-persuna taxxabbli b’titolu parzjali huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn, ħlief meta l-benefiċjarju tad-dividend ikun kumpannija residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Europea li jkollha direttament mhux inqas minn 20 % tal-kapital fil-kumpannija li qassmet id-dividend, u, fl-istess ħin, ikun wieħed mill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435.

Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-attività ekonomika

11.      L-Artikolu 6a tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-attività ekonomika (7) jipprovdi li d-dividendi riċevuti minn persuna ġuridika stabbilita fil-Finlandja mhumiex, ġeneralment, dħul taxxabbli. Min-naħa l-oħra, id-dividendi riċevuti minn persuna fiżika jikkostitwixxu dħul taxxabbli.

II – Il-kuntest fattwali

12.      Alpha hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża mhux ikkwotata li twaqqfet f’Awwissu tal-2005. Peress li hija kellha ssir sussidjarja għal 100 % ta’ Nordic Fund SICAV, imwaqqfa bħala kumpannija tat-tip SICAV taħt il-liġi tal-Lussemburgu, hija ressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Keskusverolautakunta dwar l-obbligu tagħha li tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li hi tqassam lil Nordic Fund SICAV.

13.      Alpha tirreferi għall-Artikoli 43 KE u 56 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital. Minn dawn l-artikoli, mill-perspettiva fiskali, sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod. Alpha, li tħallas id-dividendi lil kumpannija mwaqqfa fi Stat Membru ieħor tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ kumpannija nazzjonali li tħallas id-dividendi lil azzjonist nazzjonali. Li kieku Alpha għaddiet dividend lil kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Finlandiża simili għal kumpannija ta’ tip SICAV li teżerċita attività ta’ investiment fil-proprjetà immobbli, jew lil kumpannija ekwivalenti nazzjonali oħra, dak id-dividend ma jkunx dħul taxxabbli skont il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-attività ekonomika jew il-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul. B’hekk jirriżulta li ma għandhiex tinġabar it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma minn Alpha lil Nordic Fund SICAV.

14.      Il-Keskusverolautakunta ddeċidiet fid-deċiżjoni preliminari tal-25 ta’ Jannar 2006 li Alpha kellha tiġbor it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li hi qassmet lil Nordic Fund SICAV. Din id-deċiżjoni tirreferi għal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li tgħid li kumpannija barranija trid tħallas it-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja, u għal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul u l-patrimonju taxxabbli b’titolu parzjali, li tgħid li d-dividendi mqassma minn kumpannija Finlandiża lill-persuna taxxabbli b’titolu parzjali huma suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn, ħlief fis-sitwazzjoni meta l-benefiċjarju tad-dividend huwa kumpannija residenti fi Stat Membru li jkollha direttament mhux inqas minn 20 % tal-kapital fil-kumpannija li qassmet id-dividend, u, fl-istess ħin, tkun waħda mill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435. Peress li kumpannija ta’ tip SICAV ma tinsabx fil-lista annessa mad-Direttiva 90/435, u li hija, fil-Lussemburgu, totalment eżenti mit-taxxa fuq d-dħul, Nordic Fund SICAV ma tistax titqies li hija kumpannija fis-sens tad-Direttiva 90/435, u d-dividendi, li tagħhom hija l-benefiċarja, ma jistgħux jiġu eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn.

15.      Ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital, ma jipprekludux, skont il-Keskusverolautakunta, l-applikazzjoni tal-liġi Finlandiża ċċitata iktar ’il fuq għaliex is-sitwazzjoni ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża u dik ta’ kumpannija ta’ tip SICAV mhumiex paragunabbli. Il-Keskusverolautakunta tara tliet differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ kumpanniji. L-ewwel nett, il-kapital soċjali ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża huwa miżmum, jiġifieri li matul il-perijodu ta’ attività, il-kumpannija, b’mod ġenerali, ma tistax tirrifondih lill-azzjonisti. It-tieni nett, id-dħul ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża huwa taxxabli fil-Finlandja. It-tielet nett, kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża hija kumpannija għall-finijiet tad-Direttiva 90/435 filwaqt li dan mhuwiex minnu fil-każ ta’ kumpannija ta’ tip SICAV.

16.      Alpha talbet lil Korkein hallinto-oikeus l-annullament tad-deċiżjoni tal-Keslusverolautakunta. Hija tirreferi, mill-ġdid, għall-Artikoli 43 KE u 56 KE u tafferma li l-argument, li jsostni li s-sitwazzjoni ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata Finlandiża u dik ta’ kumpannija ta’ tip SICAV mhumiex paragunabbli, huwa infondat.

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      Il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 43 KE u 48 KE, kif ukoll l-Artikoli 56 KE u 58 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-libertaijiet fundamentali ggarantiti minnhom, kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew fondi ta’ investiment stabbiliti skont id-dritt Finlandiż u kumpannija ta’ tip SICAV stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu għandhom jitqiesu li huma paragunabbli minkejja li d-dritt Finlandiż ma jirrikonoxxix il-forma ta’ kumpannija li taqbel preċiżament ma’ kumpannija ta’ tip SICAV u fid-dawl tal-fatt li l-kumpannija ta’ tip SICAV, kumpannija stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu, mhijiex imniżżla fil-lista ta’ kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/435/KEE, li magħha hija konformi l-liġi Finlandiża dwar it-taxxa miżmuma f’ras il-għajn applikabbli f’din il-kawża, u fid-dawl tal-fatt li l-kumpannija ta’ tip SICAV hija eżenti mit-taxxa fuq id-dħul b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali interna tal-Lussemburgu? F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kontra l-artikoli ċċitati aktar ’il fuq tat-Trattat KE li kumpannija tat-tip SICAV residenti fil-Lussemburgu, benefiċjarja ta’ dividend, ma tkunx eżenti mit-taxxa miżmuma f’ras il-għajn fil-Finlandja fuq id-dividend riċevut”?

18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Finlandiż, Taljan, u Ċiprijott, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-Gvern Finlandiż jipproponi li d-domanda mitluba tingħata risposta li ma tmurx kontra l-Artikoli 43 KE u 48 KE, u lanqas kontra l-Artikoli 56 KE u 58KE, li kumpannija ta’ tip SICAV residenti fil-Lussemburgu ma tkunx eżentata mit-taxxa miżmuma f’ras il-għajn fil-Finlandja fuq id-dividend riċevut. Il-Gvern Taljan huwa, sostanzjalment, tal-istess ħsieb. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ċiprijott u l-Kummissjoni jqisu li kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew fondi ta’ investiment stabbiliti skont id-dritt Finlandiż u kumpannija ta’ tip SICAV stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu għandhom jitqiesu li huma paragunabbli minkejja li d-dritt Finlandiż ma jirrikonoxxix il-forma ta’ kumpannija li taqbel preċiżament ma’ kumpannija ta’ tip SICAV, u b’hekk imur kontra t-Trattat li kumpannija ta’ tip SICAV residenti fil-Lussemburgu ma tkunx eżentata mit-taxxa miżmuma f’ras il-għajn fil-Finlandja fuq id-dividend riċevut.

19.      Alpha, il-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta, mitluba minn Alpha, li saret fit-13 ta’ Novembre 2008. Ir-rappreżentanti ta’ dawn tal-aħħar ma ppreżentawx osservazzjonijiet bil-miktub imma jaqsmu, fil-parti l-kbira, l-istess ħsibijiet tal-Gvern Ċiprijott u tal-Kummissjoni.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet

A –    Osservazzjonijiet preliminari

20.      Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-fatt, jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE, kif ukoll 56 KE u 58 KE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal fil-każ preżenti, fejn id-dividendi mqassma minn kumpannija mwaqqfa fil-Finlandja lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata jew għal fondi ta’ investiment ma jikkostitwixxux dħul taxxabbli, filwaqt li d-dividendi mqassma lil kumpannija ta’ tip SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż, li fil-Lussemburgu huma eżentati integralment mit-taxxa fuq id-dħul, jikkostitwixxu dħul taxxabbli u huma ntaxxati f’ras il-għajn.

21.      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt Komunitarju (8) u jastjenu minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (9).

22.      Ir-regoli fiskali tal-Istati Membri dwar il-kumpanniji parent u s-sussidjarji fi Stati Membri oħra huma influwenzati mid-Direttiva 90/435. B’hekk mill-mument tat-traspożizzjoni tagħha fil-Finlandja, it-taxxa f’ras il-għajn ma tinġabarx fuq dividend mogħti lil kumpannija residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkollha direttament mhux inqas minn 20 % tal-kapital fil-kumpannija li qassmet id-dividend, u, fl-istess ħin, tkun waħda mill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435.

23.      Ċertament, dan mhux il-każ tal-kumpannija Nordic Fund SICAV li tissodisfa l-kundizzjoni tal-volum ta’ partiċipazzjoni fil-kumpannija li tqassam id-dividend, imma li ma tagħmilx parti mill-kumpanniji taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435, għaliex mhijiex imsemmija fl-anness tad-Direttiva 90/435 u hija integralment eżentata mit-taxxa fuq id-dħul fil-Lussemburgu. Madanakollu ma jistax jiġi konkluż li din il-kumpannija ma tistax tinvoka l-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat.

24.      Għal din ir-raġuni hemm bżonn li din is-sitwazzjoni tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjoniet rilevanti tat-Trattat.

25.      Imma liema huma d-dispożizzjoniet rilevanti f’dan il-każ? Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tolqot kemm il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll il-moviment liberu tal-kapital. Il-Kummissjoni minn naħa, u l-Gvern Finlandiż u Ċiprijott, min-naħa l-oħra, huma tal-istess fehma dwar liema bażi għandha tiġi eżaminata f’dan il-każ.

26.      Skont il-każ konkret, huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-libertà ta’ stabbiliment jew fuq il-moviment liberu tal-kapital. Il-kriterju deċisiv jinsab, skont il-ġurisprudenza, f’partiċipazzjoni li tagħti lill-kumpannija parent influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija sussidjarja u jippermettilha tiddetermina l-attivitajiet tagħha (10).

27.      Kif joħroġ mid-deċiżjoni tar-rinviju, Alpha hija sussidjarja għal 100 % ta’ Nordic Fund SICAV. B’hekk joħroġ ċar li Nordic Fund SICAV teżerċita influwenza sostanzjali fuq it-tmexxija ta’ Alpha. Dan ifisser li l-kawża prinċipali taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment u għaldaqstant jien ser infittex ir-risposta għad-domanda magħmula fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

28.      Għandi madankollu ngħid, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, li l-għażla ta’ liema dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ma għandha l-ebda inċidenza prattika. Ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE għandu jkun l-istess. L-argumenti dwar il-possibbiltà ta’ paragun tas-sitwazzjoni ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata jew fondi ta’ investiment stabbiliti skont id-dritt Finlandiż u dik ta’ kumpannija ta’ tip SICAV stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu, jistgħu jintużaw kemm għal-libertà ta’ stabbiliment u kemm għall-moviment liberu tal-kapital.

B –    Libertà ta’ stabbiliment u sitwazzjoni paragunabbli

29.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi, fir-rigward tal-kumpanniji li huma stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat jew it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità (11), id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija; huwa paċifiku li Nordic Fund SICAV qegħda tuża l-libertà ta’ stabbiliment billi twettaq l-attivitajiet tagħha fil-Finlandja permezz tal-kumpannija Finlandiża Alpha li tagħha hija l-unika azzjonarja.

30.      Huwa paċifiku wkoll li l-leġiżlazzjoni Finlandiża toħloq trattament differenti għad-dividendi mqassma mill-kumpannija Finlandiża. Id-dividendi mqassma lil kumpannija mwaqqfa fil-Finlandja, hi ta’ liema forma hi, u dan sabiex tiġi evitata taxxa fuqhom fi stadji suċċessivi, mhumiex dħul taxxabbli, filwaqt li d-dividendi mqassma lil kumpannija stabbilita barra mill-pajjiż jikkostitwixxu dħul taxxabli f’ras il-għajn, ħlief għal kumpannija residenti fi Stat Membru tal-Unjoni li għandha direttament mhux inqas minn 20 % tal-kapital fil-kumpannija li qassmet id-dividend, u, fl-istess ħin, tkun waħda mill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/435. B’hekk it-trattament differenti jirrigwarda l-kumpanniji mwaqqfa fil-Finlandja u l-kumpanniji stabbiliti barra l-pajjiż li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435 u huwa bbażat fuq is-sede tal-kumpannija.

31.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat bosta drabi, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti tal-kumpannija sussidjarja, billi tipprojbixxi kull diskriminazzjoni, anki minima, ibbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji (12).

32.      It-trattament differenti ma jikkostitwixxix waħdu d-diskriminazzjoni. Kif joħroġ b’mod ċar mil-ġurisprudenza, diskriminazzjoni tista’ tikkonsisti biss fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (13). Id-domanda preliminari trid issir f’dan is-sens.

33.       Jien tal-fehma li r-risposta għad-domanda dwar jekk kumpannija parent imwaqqfa fil-Finlandja, jew aħjar, kumpannija parent ta’ tip “kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata” jew “fondi ta’ investiment” stabbilita skont id-dritt Finlandiż hijiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ kumpannija ta’ tip SICAV stabbilita skont id-dritt tal-Lussemburgu, toħroġ mis-sentenza Denkavit Internationaal u Denkavit France (14).

34.      Jiena ma naħsibx, bil-kontra tal-Gvern Finlandiż u Taljan, li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza ma għandhomx japplikaw għas-sentenza preżenti. Jiena naħseb li l-argument li jgħid li l-fatti fis-sentenza Denkavit Internationaal u Denkavit France, iċċitata iktar ’il fuq, ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 90/435 u, għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħatx tuża d-direttiva biex tinterpreta s-sistema, huwa bla bażi. Fid-deċiżjoni msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat l-effetti tad-dispożizzjonijiet tal-Trattat u tgħid li dawn ma jitilfux l-effett tagħhom minħabba l-influwenza ta’ direttiva. L-interpretazzjoni ta’ direttiva ma twassalx biex ixxejjen l-interpretazzjoni tat-Trattat.

35.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-punt 24 tas-sentenza Amurta (15), li jgħid li, fir-rigward tal-azzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk, u safejn, għandha tiġi evitata t-taxxa doppja ekonomika tal-profitti mqassma u li jdaħħlu, għal dan il-għan, proċeduri intiżi sabiex jipprevjenu jew inaqqsu din it-taxxa doppja ekonomika. Madankollu, dan il-fatt waħdieni ma jfissirx li l-Istati Membri jistgħu jimponu miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat.

36.      Hekk kif naċċettaw li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti f’din is-sentenza jistgħu japplikaw għall-każ odjern, aħna nistgħu nippruvaw nirrispondu għad-domanda tagħna fil-punt 38 ta’ din id-deċiżjoni, li jgħid illi mill-mument li Stat Membru jimponi t-taxxa fuq id-dħul mhux biss fuq l-azzjonisti residenti, iżda wkoll fuq azzjonisti mhux residenti, fuq id-dividendi li huma jirċievu mingħand kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-imsemmija azzjonisti mhux residenti għandha toqrob dik tal-azzjonisti residenti.

37.      B’hekk, il-kumpanniji parent imwaqqfa fil-Finlandja u l-kumpanniji parent stabbiliti barra l-pajjiż huma f’sitwazzjoni paragunabbli għaliex, fiż-żewġ każijiet, huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja. F’dan ir-rigward, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li kumpanniji parent stabbiliti barra l-pajjiż, ikunu ta’ liema forma jkunu, huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Finlandiża tipprevedi l-eżenzjoni tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji mwaqqfa fil-Finlandja u, skont id-Direttiva 90/435, imqassma biss lil xi wħud mill-kumpanniji parent stabbiliti barra l-pajjiż, jiġifieri, dawk il-kumpanniji parent stabbiliti barra l-pajjiż li jaqgħu taħt id-Direttiva 90/435. Il-parti l-oħra tal-kumpanniji parent stabbiliti barra l-pajjiż, jiġifieri dawk li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, huma suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn.

38.       Kif joħroġ ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzija, sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni, il-possibbiltà ta’ paragun ta’ sitwazzjoni Komunitarja ma’ sitwazzjoni purament interna għandha tiġi eżaminata skont l-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti (16).

39.      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż, l-għan tal-eżenzjoni tad-dividendi huwa li tiġi evitata taxxa fuqhom fi stadju suċċessiv.

40.      F’dan l-istadju għandi nenfasizza illi skont l-Artikolu 6a tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-attività ekonomika, l-eżenzjoni ma tikkonċernax biss kumpanniji pubbliċi limitati imma wkoll kull persuna ġuridika mwaqqfa fil-Finlandja. Dan ifisser, b’mod ġenerali, illi l-eżenzjoni tad-dividendi mqassma lill-kumpanniji parent residenti hija intiża sabiex tipprevjeni l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi fuq il-profitti tal-kumpanniji sussidjarji li huma mqassma bħala dividendi lill-kumpanniji parent ta’ dawn tal-aħħar.

41.      Kif joħroġ b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif Stat Membru jiddeċiedi li jħares lir-residenti tiegħu mill-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, huwa għandu jestendi din il-miżura għal dawk li mhumiex residenti, safejn taxxa analoga li tolqot lil dawn il-persuni mhux residenti tirriżulta mill-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tagħha fuq dawn tal-aħħar (17).

42.      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-imsemmija leġiżlazzjoni Finlandiża toħloq trattament differenti fil-konfront ta’ kumpanniji parent li, fir-rigward tad-dividendi mqassma minn kumpanniji sussidjarji mwaqqfa fil-Finlandja, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Dan ifisser li din il-leġiżlazzjoni toħloq diskriminazzjoni fil-konfront ta’ kumpanniji parent imwaqqfa skont is-sede tagħhom, u tkun xi tkun il-forma tagħhom.

43.      Din il-konkulżjoni mhijiex imdgħajfa mill-fatt li kumpannija ta’ tip SICAV hija eżentata mit-taxxa fuq id-dħul skont l-applikazzjoni interna tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Lussemburgu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, trattament fiskali żvantaġġjuż li jikser libertà fundamentali ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ vantaġġi oħra fiskali, anki jekk jiġi preżunt li tali vantaġġi jeżistu (18).

V –    Konklużjoni

44.       Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, jiena nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

“L-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li d-dividendi mqassma minn kumpannija sussidjarja residenti lil kumpannija parent, tkun xi tkun il-forma tal-kumpannija parent, ma jkunx dħul taxxabli, filwaqt li d-dividendi mqassma lil kumpannija parent mhux residenti, li hija ta’ forma li mhijiex magħrufa taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja u li ma taqax taħt id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KE, tat-23 ta’ Ġunju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, jikkostitwixxu dħul taxxabbli li jkun suġġett għal taxxa f’ras il-għajn, anki jekk il-kumpannija parent mhux residenti tkun eżentata mit-taxxa fuq id-dħul fl-Istat tar-residenza tagħha.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”.


3 – L-għan tad-Direttiva 90/435 ġie deskritt fid-dettall mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet reċenti tagħha tal-kawża Les Vergers du Vieux Tauves (C-48/07).


4 – Fir-rigward tal-Lussemburgu, il-verżjoni preżenti tal-imsemmi anness toħroġ mid-Direttiva emendatorja tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3)


5 – Tuloverolaki (1535/1992).


6 – Laki rajoitetusti verovelvollisen tulon verottamisesta (627/1978).


7 – Laki elinkeinotulon verottamisesta (360/1968).


8 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05 Ġabra p. I-09569, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Awwissu 1995, Wielockx (C-80/94, Ġabra p. I-2493, punt 16); tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland (C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19), tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 37), tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 19) kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag (C-360/06, Ġabra p. I-7333, punt 17).


10– Ara s-sentenzi tal-13 ta’ April 2000, Baars (C-251/98, Ġabra p. I-2787, punti 21 u 22); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 37), tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 20), kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 69).


11 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint Gobain ZN (C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35); tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 20), tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 29), Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 20), tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 18), kif ukoll tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon (C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 15).


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, Ġabra p.273, punt 14); Saint-Gobain (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 35), Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 22).


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30); tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta (C-383/05, Ġabra p. I-2555, punt 18), tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink (C-182/06, Ġabra p. I-06705, punt 27), u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri Ltd (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punt 115).


14 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


15 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Metallgesellschaft et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 60); Oy AA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 38), u Papillon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 27).


17 – Ara s-sentenza Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 37).


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 61); u Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 75)