Language of document : ECLI:EU:T:2009:205

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

17 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġina miċ-Ċina – Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 384/96”

Fil-Kawża T‑498/04,

Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd, stabbilita f’Jiande City (iċ-Ċina), irrappreżentata inizjalment minn D. Horovitz, avukat, u B. Hartnett, barrister, sussegwentement minn D. Horovitz,

rikorrenti,

sostnuta mill-

Assoċjazzjoni tal-Utenti u tad-Distributuri tal-Agrokimiċi fl-Ewropa (Audace), irrappreżentata minn J. Flynn, QC, u D. Scannell, barrister,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch, avukat,

konvenut,

sostnut mill-

Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Righini u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004, tal-24 ta’ Settembru 2004, li jimponi dazju anti‑dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 333M, 11.12.2008, p. 19–70 (MT)), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz, President tal-Awla, I. Labucka (Relatur) u M. Prek, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10 p. 45), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”), jipprovdi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping, ir-regoli li jirrigwardaw il-metodu tad-determinazzjoni tal-ammont magħruf bħala l-“valur normali”. B’hekk, fil-paragrafu 1 tiegħu, huwa jistabbilixxi metodu prinċipali, li jgħid li “[i]l-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur”.

2        L-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jipprovdi regola partikolari għall-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq. Din id-dispożizzjoni tipprovdi dan li ġej:

“a)       Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli […]

b)       Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet m[…]ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ukrajna, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli […] [stabbiliti] fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.

ċ)       Pretensjoni [talba] skond […] [id-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt] (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

–        id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

–        id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

–        l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur [ikkawżati] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

–        id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti,

u

–        il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

Għandu jiġi stabilit jekk il-produttur jilħaqx il-kriterja msemmija hawn fuq fi żmien tliet xhur mill-bidu ta’ l-investigazzjoni, wara konsultazzjoni speċifika tal-Kumitat Konsultattivi u wara li l-industrija tal-Komunità tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Din id-deċiżjoni għandha tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha.”

3        L-Artikolu 11(5) tar-regolament bażiku jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament rigward proċeduri u t-twettieq ta’ investigazzjonijiet, ħlief dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ limiti ta’ żmien, jgħoddu għal kull reviżjoni li titwettaq skond il-paragrafi 2, 3 u 4 [tal-istess artikolu] […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Ir-rikorrenti, Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd, hija kumpannija kkostitwita skont id-dritt Ċiniż, ikkwotata fil-borża ta’ Shanghai. Il-glyphosate huwa wieħed mill-prodotti ewlenin mmanifatturati u mibjugħa mir-rikorrenti fis-suq Ċiniż u fis-suq dinji. Dan huwa erbiċida kimiku bażiku użat ħafna mill-bdiewa fid-dinja kollha.

5        Fi Frar 1998, permezz tar-Regolament (KE) Nru 368/98 (ĠU L 47, p.1), il-Kunsill stabbilixxa miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“RPĊ”). Dan ir-regolament ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1086/2000 (ĠU L 124, p. 1) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 163/2002 (ĠU L 30, p. 1).

6        Fit-18 ta’ Novembru 2002, wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż tal-iskadenza imminenti ta’ miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw mir-RPĊ (ĠU C 120, p. 3), il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Glyphosate [European Glyphosate Association (EGA)] għar-reviżjoni ta’ dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku. Fil-15 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni ppublikat avviż ta’ ftuħ kemm ta’ reviżjoni interim u ta’ reviżjoni abbażi tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glyphosate li joriġinaw mir-RPĊ, skont l-Artikolu 11(2) u (3) tar-regolament bażiku (ĠU C 36, p. 18).

7        Fl-4 ta’ April 2003, wara l-ftuħ tal-investigazzjoni, ir-rikorrenti tat lill-Kummissjoni l-kwestjonarju komplet intiż għall-produtturi li jitolbu l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem “SES”), fejn talbitha tirrikonoxxi li kellha SES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, fit-30 ta’ April 2003, r-rikorrenti ssottomettiet ukoll il-kwestjonarju komplet intiż għall-produtturi-esportaturi tal-glyphosate fir-RPĊ.

8        Sussegwentement, ir-rikorrenti rrispondiet numru ta’ talbiet tal-Kummissjoni għal iktar informazzjoni u rreaġixxiet għall-osservazzjonijiet tal-EGA, li fihom din opponiet l-għoti ta’ SES lir-rikorrenti. Barra minn hekk, mit-2 sal-4 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni għamlet żjara ta’ verifika fis-sit tar-rikorrenti.

9        Fil-5 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-intenzjoni tagħha li tirrifjuta t-talba ta’ għoti ta’ SES (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003”). Fis-16 u fit-23 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din il-komunikazzjoni.

10      B’ittra tas-6 ta’ April 2004, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-għoti ta’ SES lir-rikorrenti.

11      Fis-7 ta’ April 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kellha l-intenzjoni tipproponi miżuri antidumping definittivi. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din il-komunikazzjoni fid-19 ta’ April 2004.

12      Fl-24 ta’ Settembru 2004, fuq proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1683/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-RPĊ (ĠU L 333M, p. 19–70 (MT), iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Għal dak li jirrigwarda t-talba għall-għoti ta’ SES ippreżentata mir-rikorrenti, il-premessi 13 sa 15 tar-regolament ikkontestat jipprovdu:

“13) Minkejja li l-maġġoranza ta’ l-ishma tal-kumpannija kienu proprjetà ta’ persuni privati, minħabba t-tixrid wiesgħa ta’ l-ishma mhux fil-proprjetà ta’ l-Istat, flimkien mal-fatt li l-Istat kien bla dubju sid ta’ l-akbar blokk ta’ ishma, il-kumpannija nstabet li kienet taħt il-kontroll ta’ l-Istat. Barra minn hekk, il-bord tad-diretturi fil-fatt inħatar mill-azzjonisti ta’ l-Istat u l-maġġoranza tad-diretturi tal-bord kienu jew uffiċjali ta’ l-Istat jew uffiċjali ta’ intrapriżi proprjetà ta’ l-Istat. Għalhekk, ġie stabbilit li l-kumpannija kienet taħt kontroll u influwenza sinjifikanti mill-Istat.

14)       Barra minn hekk, ġie stabbilit li l-gvern tar-RPĊ wera fada [ta] liċ-China Chamber of Commerce Metals, Minerals & Chemicals Importers and Exporters (CCCMC) bid-dritt li jiffirma kuntratti u jivverifika l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni għall-ikklerjar tad-dwana. Din is-sistema inkludiet l-istabbilment ta’ prezz minimu għal esportazzjonijiet ta’ glyphosate u ħalliet lis-CCCMC biex tagħmel veto fuq esportazzjonijiet li ma jirrispettawx dawn il-prezzijiet.

15)      Konsegwentament, wara li l-Kumitat Konsultattiv ġie kkonsultat, ġie deċiż li l-[SES] ma jingħatax li[r-rikorrenti] minħabba li l-kumpannija ma ssodisfatx il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.”

13      Skont il-premessa 17 tar-regolament ikkontestat:

“F’dan ir-rigward, ġie stabbilit li [r-rikorrenti] kienet soġġetta għal kontroll sinjifikanti mill-Istat fir-rigward ta’ l-istabbilment tal-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet tagħha tal-prodott konċernat […]”

14      Peress li t-talba għall-għoti ta’ SES ġiet miċħuda, il-valur normali ġie stabbilit, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku, abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-produtturi ta’ pajjiż terż b’ekonomija tas-suq, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Brażil (premessi 23 sa 30 tar-regolament ikkontestat).

15      L-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jipprovdi:

“1. Qed jiġi impost dazju definittiv ta’ l-anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 2931 00 95 (Kodiċi TARIC 2931 00 95 82) u ex 3808 30 27 (Kodiċi TARIC 3808 30 27 19) li joriġinaw fir-[RPĊ].

[…]

4. Ir-rata ta’ dazju applikabbli għall-prezz nett li hu liberu fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafi 1 sa 3, għandha tkun 29,9 %.”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      B’talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-23 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-5 ta’ April 2005, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tat-13 ta’ Ġunju 2005, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizza dan l-intervent. B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-28 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni infurmat lill-Qorti tal-Prim’Istanza li hija rrinunċjat milli tippreżenta nota ta’ intervent, iżda li hija kienet sejra tieħu sehem fis-seduta.

18      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-25 ta’ April 2005, l-Assoċjazzjoni tal-Utenti u tad-Distributuri tal-Agrokimiċi fl-Ewropa (Audace) talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. B’digriet tat-8 ta’ Lulju 2005, il-President tal-Ewwel Awla awtorizza dan l-intervent. Huwa rriżerva d-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti u l-Kunsill. Il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mill-partijiet ġew mibgħuta lill-Audace.

19      L-Audace ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-15 ta’ Settembru 2005 u l-Kunsill ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwarha fis-6 ta’ Diċembru 2005.

20      B’ittri tat-2 u tal-15 ta’ Diċembru 2005, rispettivament, il-Kunsill u r-rikorrenti indikaw li rtiraw it-talbiet tagħhom ta’ trattament kunfidenzjali fir-rigward ta’ Audace. Konsegwentement, hija ġiet mogħtija kopja tad-dokumenti kunfidenzjali.

21      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, li għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

22      Peress li membru tal-Awla ma setax jipparteċipa, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ħatar Imħallef skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex jintlaħaq in-numru previst ta’ Mħallfin.

23      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tistieden lir-rikorrenti tirrispondi għal ċerti domandi u tipproduċi dokument. Ir-rikorrenti ssodisfatt din id-domanda fit-terminu previst.

24      Bl-eċċezzjoni tal-Audace li ma pparteċipatx fis-seduta, instemgħu l-argumenti u r-risposti tal-partijiet għad-domandi li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2008.

25      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      L-Audace titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż marbuta mal-intervent.

27      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

29      Ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjament, fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-punt 6 tal-Anness II tal-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-kummerċ tal-1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”) u tal-Artikolu 18(4) tar-regolament bażiku kif ukoll ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma kkunsidrawx b’mod xieraq investigazzjonijiet antidumping miftuħa fl-istess waqt kontriha f’terzi pajjiżi u ssostni, fir-replika, li r-rifjut li hija tingħata SES jirriżulta minn nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Komunità skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

30      Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv (ara l-punti 43 et seq iktar ’il quddiem), u fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet relatati mal-istruttura tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku u mal-oneru tal-prova dwar l-istabbilment ta’ SES, kif ukoll ta’ dawk dwar ir-raġunijiet għar-rifjut tal-għoti ta’ SES fil-kawża preżenti, għandu preliminarjament jiġi ppreċiżat il-kuntest u s-suġġett tal-kawża preżenti.

 Osservazzjonijiet preliminari

31      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jirrigwarda l-kalkolu tal-valur normali fil-każ ta’ importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq. Sal-emenda introdotta permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 905/98, tas-27 ta’ April 1998, li jemenda r-regolament bażiku, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 111), għall-pajjiżi kollha li ma għandhomx ekonomija tas-suq, il-valur normali dejjem ġie kkalkulat skont il-metodu msejjaħ tal-“pajjiż analogu”, jiġifieri abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq simili.

32      Madankollu mill-preambolu tar-Regolament Nru 905/98 jirriżulta li fl-1998 il-Kunsill kkunsidra li “r-riforma fir-Russja u fir-[RPĊ] [biddlet] l-ekonomiji tagħhom mill-qiegħ u wass[let] għall-ħolqien ta’ ditti li għalihom jipprevalu l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq” u li “b’riżultat ta’ dan iż-żewġ pajjiżi tbiegħdu miċ-ċirkostanzi ekonomiċi li spiraw l-użu tal-metodu tal-pajjiż analogu” (ir-raba’ premessa). Il-Kunsill konsegwentement ikkunsidra li “huwa xieraq illi tiġi riveduta l-prattika Komunitarja kontra dumping sabiex ikunu jistgħu jitqiesu l-kondizzjonijiet ekonomiċi mibdula” fiż-żewġ pajjiżi msemmija u li “huwa xieraq li jiġi speċifikat illi l-valur normali jista’ jiġi stabilit skond ir-regoli li japplikaw għall-pajjiżi b’ekonomija tas-suq fil-każijiet fejn jista’ jintwera li l-kondizzjonijiet tas-suq jipprevalu għal produttur jew iktar bla ħsara għal [li huma s-suġġett tal-] investigazzjoni li jkollha x’taqsam mal-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott interessat” (il-ħames premessa). Il-Kunsill ippreċiża, fl-aħħar nett, li “l-eżami dwar jekk jipprevalux il-kondizzjonijiet tas-suq jew le fuq il-bażi tal-pretensjonijiet [tat-talbiet] issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar bla ħsara għal [li huma s-suġġett tal-]investigazzjoni” (is-sitt premessa).

33      B’hekk, wara din l-emenda, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet li jirrigwardaw l-importazzjonijiet mir-RPĊ, il-valur normali huwa stabbilit skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, jekk ikun muri, abbażi ta’ talbiet issostanzjati kif xieraq minn produttur jew iktar li huma s-suġġett tal-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, illi jipprevalu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew għal dawn il-produtturi, fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat. Madankollu, jekk dan mhuwiex il-każ, japplika l-metodu tal-pajjiż analogu stabbilit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku.

34      Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, mill-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kif ukoll mill-premessi ċċitati iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 905/98 jirriżulta li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta, f’sitwazzjoni bħal dik tal-każ preżenti, li jsir eżami każ b’każ, peress li r-RPĊ ma tistax tiġi kkunsidrata iktar bħala pajjiż li għandu ekonomija tas-suq. Il-valur normali ta’ prodott provenjenti mir-RPĊ b’hekk ma jistax jiġi stabbilit skont ir-regoli applikabbli għall-pajjiżi li jħaddnu ekonomija tas-suq ħlief “jekk huwa stabbilit […] illi jipprevalu l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew dawn il-produtturi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 52).

35      Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur-esportatur li jixtieq jibbenefika minn SES. Fil-fatt, l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jipprovdi li talba “trid […] jkun fiha biżżejjed evidenza”. B’hekk, mhijiex responsabbiltà tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jressqu l-provi li l-produttur-esportatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefika minn dan l-istatus. Minn naħa l-oħra, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandom jevalwaw jekk il-provi prodotti mill-produttur-esportatur humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kundizzjonijiet kollha imposti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huma sodisfatti (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, punti 53 u 54).

36      Minn dan jirriżulta li jekk ikun hemm dubju fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku humiex sodisfatti, għaliex b’mod partikolari, il-produttur-esportatur ikkonċernat ma forniex jew ma kienx f’pożizzjoni li jforni l-informazzjoni neċessarja jew għaliex ma kkoperax totalment fl-investigazzjoni, u għalhekk mhuwiex possibbli għall-istituzzjonijiet Komunitarji li jivverifikaw l-eżistenza jew le tal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, l-SES ma jistax jingħata.

37      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali ta’ natura legali u politika, li jirriżultaw fil-pajjiż kkonċernat, sabiex jiġi stabbilit jekk esportatur jistax jibbenefika mill-għoti ta’ SES, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq evalwazzjonijiet bħal dawn tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tar-rispett tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas tal-abbuż ta’ poter (ara s-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-kawża preżenti, il-partijiet qablu li l-SES ġie rrifjutat lir-rikorrenti biss għar-raġuni li ma kinitx stabbiliet li hija kienet issodisfat il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u, b’mod iktar partikolari, dik bil-għan li tiżgura li d-“deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra […] isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward”.

39      Fil-fatt, hekk kif sostniet ir-rikorrenti, mill-komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003 jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterji l-oħra, stabbiliti taħt it-tieni u l-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, kienu sodisfatti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ), tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda oġġezzjoni għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-inputs maġġuri li, skont din id-dispożizzjoni, għandhom “jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq”. Hija kkonkludiet li, meta kien possibbli li jiġu kkomparati l-prezzijiet tal-materja prima fornuta fis-suq lokali mal-materja prima importata, ġew innotati differenzi żgħar. Bl-istess mod, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill ammetta li r-rikorrenti ma kinitx ingħatat SES għar-raġuni li l-istituzzjonijiet kienu kkonkludew li hija ma kinitx uriet li d-deċiżjonijiet tagħha kienu ttieħdu mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat.

40      Jirriżulta li r-rikorrenti kienet ġiet informata fid-dettall bir-raġunijiet tar-rifjut tat-talba tagħha għal għoti ta’ SES u li, kuntrarjament għal dak li ssostni, in-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża fir-regolament ikkontestat dwar liema kriterji tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma kienux ġew sodisfatti ma għandux ikun ikkunsidrat bħala prova ta’ nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità minn naħa tal-istituzzjonijiet. Barra minn hekk, jirriżulta b’mod ċar mill-argumenti tar-rikorrenti li hija fehmet perfettament il-portata tar-rifjut tat-talba tal-għoti ta’ SES.

41      Hekk kif jirriżulta mir-regolament ikkontestat u kif il-Kunsill isostni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-konklużjoni tal-istituzzjonijiet li r-rikorrenti ma kinitx stabbiliet li hija ssodisfat il-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kien fondat, essenzjalment, minn naħa, fuq il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-kontroll tar-rikorrenti mill-Istat, kif ukoll fuq dawk li jirrigwardaw il-ħatra u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi tagħha (premessa 13 tar-regolament ikkontestat), u, min-naħa l-oħra, fuq il-konstatazzjoni ta’ verifika sinjifikattiva eżerċitat mill-Istat, permezz ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni u ta’ verifika ta’ kuntratti għall-esportazzjoni, għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni ta’ prodott ikkonċernat mir-rikorrenti (premessa 14 tar-regolament ikkontestat, spjegat fil-premessa 17 tal-istess regolament).

42      F’dan il-kuntest għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel motiv ibbażat essenzjalment fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku l-ewwel nett isostni li l-istituzzjonijiet ma eżaminawx jekk id-deċiżjonijiet tar-rikorrenti dwar il-prezzijiet, l-ispejjeż u l-inputs kinux adottati b’kunsiderazzjoni tas-sinjali tas-suq u jekk kinux mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat. Konsegwentement, dawn l-ilmenti jirrigwardaw prinċipalment ir-raġunijiet spjegati fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat u b’hekk huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati. L-ilmenti li għandhom l-għan li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar il-prezz tal-esportazzjoni għandhom jiġu trattati separatament aktar tard.

 Fuq l-ilmenti rigward l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontroll tar-rikorrenti mill-Istat kif ukoll dwar in-nomina u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi tagħha

43      Ir-rikorrenti ssostni li, sabiex jevalwa jekk hija operatx f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, il-Kunsill applika kriterju inkompatibbli mal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Hija tikkunsidra li hija pproduċiet provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet tagħha rigward il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs kienu deċiżi b’kunsiderazzjoni tas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda, mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat f’dan ir-rigward, u li dawn il-provi ma ġewx debitamet ikkunsidrati mill-Kunsill. Hija konsegwentement ssostni li l-konstatazzjonijiet li jidhru fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat, dwar is-sehem minoritarju tal-Istat u n-nomina u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi, anki kieku kienu konformi mad-dokumenti tal-fajl, fihom infushom ma jammontawx għal elementi li jippermettu li jiġi ġġustifikat ir-rifjut tal-għoti ta’ SES. Madankollu, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-preċiżjoni fattwali tal-evalwazzjoni tal-Kunsill, billi ssostni li din hija kontradetta mid-dokumenti tal-fajl amministrattiv.

44      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra opportun li dawn l-ilmenti jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

45      Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet totalment issodisfat ir-rekwiżit tal-oneru tal-prova meta, mill-bidu tal-investigazzjoni, ippreżentat provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha ttieħdu b’kunsiderazzjoni tas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda, mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat f’dan ir-rigward.

46      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-provi dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-akkwist tal-inputs tagħha. Hija ssostni b’mod partikolari li hija wriet li hija tinnegozja l-prezzijiet fuq livell ugwali filwaqt li tipprova tiżgura li dawn ikunu suffiċjenti sabiex ikopru l-infiq kollu tal-produzzjoni tal-kumpannija u tiżgura profitt raġonevoli u li, hekk kif il-Kummissjoni ammettiet fil-komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003, il-prezzijiet tal-materja prima ta’ oriġini nazzjonali u importati kienu kważi l-istess, b’hekk juru li hija kienet tforni ruħha b’materja prima fis-suq nazzjonali bi prezzijiet li jirriflettu dawk tas-suq.

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma indikax fir-regolament ikkontestat li l-Istat interferixxa b’mod sinjifikattiv fid-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha. Bl-istess mod, il-fajl tal-investigazzjoni ma jinkludix provi li jindikaw li d-deċiżjonijiet tar-rikorrenti li jirrigwardaw il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs ma kinux jikkunsidraw is-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat. Barra minn hekk hija ssostni li l-Kummissjoni eżaminat id-dokumenti tagħha li jirrigwardaw il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs waqt verifika fuq il-post, li hija ma wriet l-ebda tħassib fir-rigward tal-veraċità tagħhom u li dawn il-provi ma ġewx ikkontestati u lanqas irrifjutati fil-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet.

48      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kunsill, fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat, li “l-kumpannija kienet taħt kontroll u influwenza sinjifikanti mill-Istat”, ir-rikorrenti tikkunsidra li din hija insuffiċjenti fir-rigward tal-kriterju stabbilit taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u li din b’hekk ma tippermettix li tiġi rrifjutata t-talba ta’ għoti ta’ SES.

49      Hija ssostni li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jimponi li l-istituzzjonijiet Komunitarji jevalwaw jekk il-provi prodotti mill-produttur-esportatur humiex suffiċjenti sabiex juru li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha jieħdu inkunsiderazzjoni s-sinjali tas-suq u li ttieħdu mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat. B’hekk, in-nuqqas ta’ “interferenza sinjifikanti mill-Istat” għandha tkun evalwata b’mod oġġettiv, konkret u fuq il-bażi ta’ provi, “f’dan ir-rigward” ta’ kull aspett tad-deċiżjonijiet kummerċjali previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Fl-opinjoni tagħha, fid-dawl tat-tifsira tal-kelma “interferenza”, sitwazzjoni kemm fejn l-Istat ma jkunx involut fid-deċiżjonijiet kummerċjali, kemm jekk ikun involut fihom iżda ma jipprekludix li jiġu kkunsidrati s-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda, ma jammontawx għal “interferenza” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Ir-rikorrenti barra minn hekk issostni li din id-dispożizzjoni taċċetta sitwazzjoni ta’ interferenza mill-Istat sakemm din ma tkunx “sinjifikanti”.

50      Fuq dan il-punt, l-Audace żżid li, fil-lingwa Ingliża, il-kunċett ta’ “interferenza” (interference) jirreferi b’mod ċar għal “element ta’ interferenza, ta’ manipulazzjoni jew ta’ kontaminazzjoni effettiva”. Hija tindika li dan huwa każ ta’ “kunċett tranżittiv” u li l-Istat għandu jintervjeni “fi” (interfere with) deċiżjoni jew azzjoni speċifika, li għandha taqa’ f’waħda mill-kategoriji msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni fil-lingwi uffiċjali l-oħra jikkonfermaw din l-interpretazzjoni (“interferenza sinjifikanti” fil-verżjoni Franċiża u “Staatseingriffe” fil-verżjoni Ġermaniża). Skont l-Audace, wieħed ma jistax validament jikkompara dan il-kunċett mal-kunċetti ta’ “verifika” jew ta’ “influwenza” li huma “kunċetti intranżittivi”, peress li l-Istat jista’ jkollu ċerta influwenza madankollu mingħajr ma effettivament ibiddel id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet. Barra minn hekk, l-użu tal-frażi “f’dan ir-rigward” jorbot din l-interferenza ma’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs.

51      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti ssostni li mhuwiex il-kontroll li jikkostitwixxi l-kriterju previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku u konsegwentement tikkunsidra li s-sehem minoritarju tal-Istat mhuwiex fattur li jippermetti li jiġi dedott li ma kinitx ġiet sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li fl-ebda deċiżjoni ppublikata, ma ġie irrifjutat l-għoti ta’ SES lil kumpannija minħabba sehem minoritarju tal-Istat jew ta’ kumpanniji tal-Istat u li l-Kummissjoni stess kellha tikkunsidra fl-investigazzjoni li dan is-sehem ma jammontax għal xkiel għall-għoti ta’ SES, peress li, fil-każ kuntrarju, il-verifika fuq il-post li hija għamlet ma kinitx tagħmel sens.

52      Bl-istess mod, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar in-nomina u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi tagħha. Fir-rigward tal-allegata nomina tal-bord tad-diretturi mill-azzjonisti pubbliċi, hija ssostni li l-fatt li l-parti l-kbira tal-azzjonisti l-oħra ma jipparteċipawx fil-laqgħa ġenerali annwali ma jippermettix li jiġi konkluż li l-Istat jeżerċita interferenza sinjifikattiva fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha. Hija ssostni wkoll li l-membri tal-bord tad-diretturi ma jirrapreżentawx azzjonist partikolari u ma jinterferixxux fid-deċiżjonijiet tal-kumpannija fir-rigward tal-prezzijiet, l-infiq u l-inputs. Interferenza bħal din kienet tmur kontra kemm il-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji kummerċjali u kontra l-istatut ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti. Konsegwentment, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-preżenza fil-bord tad-diretturi tal-allegati uffiċjali tal-Istat jew tal-persuni provenjenti minn impriżi pubbliċi mhijiex fattur li fih nnifsu jippermetti li jiġi dedott li ma ġietx sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

53      Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni tal-Kunsill tfisser li, fil-prattika, minħabba sehem minoritarju tal-Istat, ħafna kumpannniji Ċiniżi b’responsabbiltà limitata moderni, kummerċjali u mmexxija tajjeb, ma jkunux f’pożizzjoni li juru li “l-kondizzjonijiet tas-suq jipprevalu għal produttur wieħed jew iktar bla ħsara għal [li huma s-suġġett tal-]investigazzjoni li jkollha x’taqsam mal-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott interessat” li jmur kontra l-għan imfittex bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 905/98. Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija eżempju ċar ta’ dan it-tip ta’ kumpannija, ġdida u effiċjenti, ikkwotata fil-borża u li topera mingħajr restrizzjonijiet fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq sabiex tkabbar il-profitti u l-valur tad-dividendi mqassma lill-azzjonisti. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-ishma kbar statali f’kumpanniji tal-Unjoni Ewropea jikkonfermaw il-fatt li s-sehem tal-Istat ma jimplikax li dan jintervjeni fid-deċiżjonijiet kummerċjali tal-kumpannija. Bl-istess mod, xi persuni li għandhom rabtiet mas-settur pubbliku huma involuti f’numru ta’ kumpanniji l-iktar kompetittivi tal-Unjoni.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li anki jekk is-sehem minoritarju tal-Istat ikun rilevanti, kif jallega l-Kunsill, dan mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika r-rifjut fil-kawża preżenti tat-talba tal-għoti ta’ SES, peress li l-provi li hija ppreżentat juru li l-azzjonisti ma intervjenewx fid-deċiżjonijiet tal-kumpannija fir-rigward tal-prezz, tal-infiq u tal-inputs u li s-sehem statali ma jipprekludihomx milli jikkunsidraw is-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda. Ir-rikorrenti ssostni li l-ebda waħda mill-osservazzjonijiet tagħha dwar is-“salvagwardji” li jipprekludu lill-Istat milli jintervjeni fid-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha ma ġiet analizzata jew irrifjutata mill-istituzzjonijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom. Dan l-approċċ jikkuntrasta mal-prassi ġenerali tal-istituzzjonijiet, li jevalwaw fid-dettall, anki fil-każ tal-kumpanniji totalment jew fil-parti l-kbira proprjetà tal-Istat, il-miżuri meħuda mill-kumpannija kkonċernata sabiex jipprevjenu l-interferenza tal-Istat fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

55      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-preċiżjoni fattwali tal-affermazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

56      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw l-istituzzjonijiet, li l-Istat ikun jipposjedi sehem minoritarju fil-kapital tagħha ma jippermettilux, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, li jikkontrollaha, peress li, hekk kif ġie stabbilit fil-investigazzjoni, il-liġijiet applikabbli u l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha fihom garanziji li jipprevjenu l-interferenza tal-azzjonisti pubbliċi fid-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha jew ta’ ġestjoni tal-kumpannija u jipprojbihom milli jiksru d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-kumpannija u tal-azzjonisti l-oħra. Barra minn hekk, hija ssostni li l-parteċipazzjoni ta’ wieħed mill-azzjonisti pubbliċi saret permezz ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali.

57      It-tieni nett, hekk kif stabbiliet ir-rikorrenti fl-investigazzjoni, il-membri tal-bord tad-diretturi tagħha mhumiex nominati mill-Istat, kuntrarjament għal dak li jindika l-Kunsill fir-regolament ikkontestat, iżda huma eletti mil-laqgħa ġenerali. Hekk kif spjegat ukoll, ir-rikorrenti u l-azzjonisti tagħha huma “protetti” kontra interferenza bħal din mil-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji, mill-istatut tagħha u mir-regoli ta’ kwotazzjoni tal-borża ta’ Shanghai.

58      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kunsill li “l-maġġoranza tad-diretturi tal-bord kienu jew uffiċjali ta’ l-Istat jew uffiċjali ta’ intrapriżi proprjetà ta’ l-Istat”. F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija stabbiliet, minn naħa, li l-ebda wieħed mill-amministraturi jew diretturi tagħha ma kienu uffiċjali tal-Istat u li l-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji kummerċjali, riprodotta fl-istatut tagħha, tipprojbixxi lill-uffiċjali tal-Istat milli jokkupaw funzjonijiet ta’ amministratur, ta’ awditur jew ta’ direttur ta’ kumpannija u, min-naħa l-oħra, li żewġ amministraturi biss (minn total ta’ disgħa) kienu diretturi ta’ kumpanniji proprjetà tal-Istat, fil-każ preżenti żewġ kumpanniji azzjonisti tar-rikorrenti. B’replika għall-argumenti mressqa mill-Kunsill fir-risposta, ir-rikorrenti ssostni li huwa żball li jiġi kkunsidrat li l-amministraturi tagħha huma marbuta mal-Istat abbażi biss tal-fatt li huma kienu impjegati minnha jew għaliex kienu professuri ta’ università, li jammontaw għal stabbilimenti ta’ tagħlim pubbliku.

59      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti u l-Audace jikkontestaw l-argumenti mressqa mill-Kunsill fil-proċeduri sabiex jiġġustifika l-approċċ tiegħu.

60      B’hekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tal-Kunsill li l-provi li jippermettu li jiġi eżaminat jekk it-“transazzjonijiet” tar-rikorrenti humiex imwettqa b’kunsiderazzjoni tas-sinjali tas-suq ma għandhom l-ebda rilevanza għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-interferenza mill-Istat, ir-rikorrenti ssostni li jirriżulta mill-ġurisprudenza u mill-prattika tal-istituzzjonijiet stess li kull inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) jammonta għal kundizzjoni li tikkonċerna sett wieħed ta’ ċirkustanzi peress li għandhom jiġu eżaminati flimkien. Il-ħames inċiżi ta’ dan l-artikolu jirrigwardaw ħames aspetti prinċipali tal-karatteristiċi essenzjali li għandu jkollhom impriżi li joperaw f’sistema ta’ ekonomija tas-suq. Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel inċiż, hija titratta l-mod li bih l-entità kkonċernata tadotta d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha u hija intiża sabiex tevalwa jekk dawn id-deċiżjonijiet humiex meħuda “mill-impriża u għall-każijiet” jew jekk humiex “vizzjati” minn kunsiderazzjonijiet oħra li jipprevalu f’sistemi li mhumiex ta’ ekonomiji tas-suq. Ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, jekk fil-kawża preżenti l-istituzzjonijiet jirrikonoxxu li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha “isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda” u li “n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq”, hemm preżunzjoni li dawn id-deċiżjonijiet huma wkoll meħuda “mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward”, u dan l-iktar peress li l-proċess ma fih l-ebda prova li tistabbilixxi l-kuntrarju u li l-kundizzjonijiet li jidhru fir-raba’ inċiżi l-oħra tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huma totalment sodisfatti.

61      L-Audace ssostni wkoll li l-għan tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huwa li jiġu stabbiliti kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit jekk l-impriżi kkonċernati għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod bħall-kumpanniji ta’ ekonomija tas-suq, sabiex jiġi stabbilit il-valur normali tal-prodotti. Dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa importanti għal din l-evalwazzjoni hija l-kwistjoni jekk id-deċiżjonijiet ta’ dawn il-kumpanniji humiex meħuda skont is-suq. B’hekk, skont l-Audace, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jivverifikaw jekk l-influwenza tal-Istat għandhiex bħala effett li “tikkontamina d-deċiżjonijiet rilevanti” b’mod li ma jkunux suġġetti għal-liġijiet tas-suq. L-Audace tikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-Kunsill mhijiex kompatibbli ma’ dan l-għan.

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Kunsill li mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-Istat intervjeniex f’deċiżjonijiet kummerċjali partikolari, għaliex “r-RPĊ hija dejjem pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, li fih biss li kumpanniji joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq”, ir-rikorrenti ssostni li fl-1998 il-Kunsill stess irrikonoxxa formalment l-evoluzzjoni sostanzjali tal-ekonomija Ċiniża, li tiġġustifika l-emenda tal-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, jirriżulta mill-prattika deċiżjonali tal-istituzzjonijiet li l-għoti ta’ SES għal impriżi stabbiliti fir-RPĊ mhijiex daqstant eċċezzjonali. Fuq dan il-punt, l-Audace żżid li l-għan tal-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku huwa li l-esportaturi Ċiniżi kwalifikati jkollhom il-possibbiltà, anki jekk ikunu ftit, sabiex juru każ b’każ, li huma suġġetti għal-liġijiet tal-ekonomija tas-suq, peress li r-RPĊ hija membru tad-WTO. L-approċċ segwit mill-Kunsill jidher li jiżnatura dan il-proċess u jippreġudika r-risposta li għandha tingħata.

63      Fit-tielet lok, fir-replika għall-argumenti tal-Kunsill dwar l-oneru tal-prova li huwa responsabbiltà tal-esportatur ikkonċernat u għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-limiti tas-setgħat tal-Kunsill ġew iddefiniti b’mod ċar mill-ġurisprudenza u ssostni, b’mod partikolari, li fost il-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, id-dritt tal-parti kkonċernata li turi l-perspettiva tagħha kif ukoll li d-deċiżjoni tkun motivata b’mod suffiċjenti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li fil-kawża preżenti, l-istituzzjonijiet ma kinux manifestement irrispettaw dawn l-obbligi u li konsegwentement l-evalwazzjoni tagħhom tal-fatti ma kinitx korretta.

64      Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fir-risposta, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku ma għandux jiġi interpretat strettament u li l-approċċ tal-istituzzjonijiet għandu jkun flessibbli u miftuħ għall-possibbiltà li dejjem iktar kumpanniji jissodisfaw il-kriterji ta’ SES. Fil-fatt, hija ssostni li din id-dispożizzjoni tammonta għal “eċċezzjoni għall-eċċezzjoni”, jiġifieri eċċezzjoni għall-metodu ta’ pajjiż analogu, li, skont ir-regolament bażiku u l-Ftehim antidumping, huwa hu stess eċċezzjoni għall-metodu prinċipali tad-determinazzjoni tal-valur normali. Barra minn hekk, skont il-Protokoll ta’ adeżjoni tar-RPĊ fid-WTO, anness mad-deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, tal-10 ta’ Novembru 2001 (WT/L/432 tat-23 ta’ Novembru 2001, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ adeżjoni tar-RPĊ fid-WTO”), din hija soluzzjoni provviżorja u tranżitorja.

65      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-argumenti tal-Kunsill li r-riferimenti għal-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji huma irrilevanti. Hija tikkunsidra li huma jmorru kontra l-isforzi li saru mir-RPĊ għad-determinazzjoni ta’ ekonomija tas-suq u li huma kontradittorji għar-raġunijiet tal-introduzzjoni ta’ SES fir-regolament bażiku. Barra minn hekk, hija ssostni li din il-leġiżlazzjoni saret reċentement u applikat regoli simili għal dawk fis-seħħ fl-ekonomiji moderni prinċipali, inklużi dawk ta’ Stati Membri varji tal-Komunità.

66      Il-Kunsill isostni li l-interpretazzjoni li r-rikorrenti u l-Audace jagħmlu tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku hija żbaljata u li l-istituzzjonijiet użaw il-metodu tajjeb fil-kawża preżenti. Huwa jsostni, b’mod partikolari, li jirriżulta mill-ġurisprudenza, li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku huwa eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst fl-Artikolu 2(7)(a) tiegħu u li konsegwentement, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Barra minn hekk, huwa jfakkar li l-oneru tal-prova li dawn il-kriterji kollha huma sodisfatti jaqa’ fuq il-produttur ikkonċernat u li l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ SES.

67      Il-Kunsill jikkunsidra li “interferenza sinjifikanti mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku ma teħtieġx li istituzzjonijiet jeżaminaw jekk l-Istat intervjeniex f’deċiżjonijiet kummerċjali partikolari, jekk l-Istat stess jieħux deċiżjonijiet bħal dawn jew jekk jevita li dawn jittieħdu. Ikun suffiċjenti li jiġi stabbilit li l-Istat jeżerċita kontroll sinjifikattiv fuq l-esportatur fir-RPĊ.

68      F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li r-RPĊ hija pajjiż li ma għandhiex ekonomija tas-suq, li fiha xi kumpanniji biss joperaw fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Huwa konsegwentement jikkunsidra li sabiex jiġi stabbilit li l-Istat jintervjeni fid-deċiżjonijiet kummerċjali, huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li l-Istat jieħu sehem sinjifikattiv fil-proċedura kollha tat-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-kumpannija. Din l-interferenza tista’ tieħu forom differenti, inkluż is-sehem fil-laqgħat tal-azzjonisti u tal-bord tad-diretturi.

69      Fil-fatt, fl-opinjoni tal-Kunsill, jekk l-Istat jikkontrolla kumpannija, huwa jintervjeni wkoll fid-deċiżjonijiet tagħha, anki jekk ma “jinterferixiex” fid-deċiżjonijiet kummerċjali jew jekk ma “jimmanipulhomx” jew ma “jikkontaminahomx”, kif issostni l-Audace. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet tal-kumpannija jkunu deċiżjonijiet tal-Istat meħuda taħt il-kontroll ġenerali li huwa jeżerċita u li neċessarjament ikunu deċiżjonijiet tat-tip bħal dawk li jidhru fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. B’hekk, skont il-Kunsill, jekk iż-żamma ta’ ishma mill-Istat tissarraf f’kontroll tal-Istat, din twassal ukoll għal interferenza mill-Istat, li bħala definizzjoni hija sinjifikattiva.

70      Il-Kunsill isostni li, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, l-interferenza mill-Istat u l-prezzijiet għall-kundizzjonijiet tas-suq huma żewġ kwistjonijiet differenti u l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ SES ma għandhomx biss bħala għan li jiġi vverifikat li l-prezzijiet u l-infiq jirriflettu l-valuri tas-suq. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “u” fil-kliem tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, esportatur għandu juri żewġ fatti distinti, l-ewwel nett, li d-deċiżjonijiet tiegħu ttieħdu b’kunsiderazzjoni tas-sinjali tas-suq u, it-tieni nett, li d-deċiżjonijiet tiegħu ttieħdu mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat. Il-Kunsill konsegwentement isostni li l-provi dwar il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet speċifiċi huma irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar l-influwenza tal-Istat u ma jindirizzax l-iżviluppi li r-rikorrenti esprimiet dwar din il-kwistjoni fir-rikors.

71      Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li jekk il-provi relatati ma deċiżjonijiet kummerċjali partikolari kienu meħtieġa, dan jagħmel prattikament impossibbli għall-esportatur li juri li l-ewwel kriterju huwa sodisfatt. Konsegwentement, bħala regola, huwa suffiċjenti li l-esportatur juri li, b’mod ġenerali, mhuwiex ikkontrollat mill-Istat u li huwa jopera mingħajr ma jiffaċċja influwenza sinjifikattiva mill-Istat, għaliex dan ikun jindika li l-Istat ma jinterferixxix fid-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu.

72      Barra minn hekk, il-Kunsill jikkontesta l-eżistenza ta’ prattika stabbilita li l-istituzzjonijiet jevalwaw fid-dettall il-miżuri meħuda mill-esportatur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni sabiex jipprevjenu l-interferenza mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, il-Kunsill jikkunsidra li r-rikorrenti ma wrietx fl-investigazzjoni li hija kienet ikkunsidrat miżuri sabiex tipprevjeni interferenza mill-Istat. Huwa jsostni li miżuri li jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward ikunu pereżempju miżuri relatati mal-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi (li l-membri tiegħu ma jkunu la uffiċjali u lanqas persuni li għandhom rabtiet mal-Istat) jew miżuri dwar ir-regoli tal-vot (li jimpedixxu l-iffurmar ta’ minorità li tibblokka għall-azzjonist pubbliku, li jippermetti lill-maġġoranza tal-azzjonisti mhux pubbliċi li jikkontrollaw il-kumpannija). Issa, l-unika miżura li għaliha tirreferi r-rikorrenti hija l-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji li mhijiex miżura meħuda mir-rikorrenti. Fil-fatt, fl-opinjoni tal-Kunsill, jekk il-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji biss setgħet tippermettilha tipprevjeni l-interferenza mill-Istat, il-kumpanniji kollha kkontrollati mill-Istat setgħu, taħt liġi bħal din, jitolbu l-għoti ta’ SES, li jkollu bħala effett li prattikament jagħmel l-evalwazzjoni ta’ dan mingħajr skop.

73      Fir-rigward tal-paragun tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma’ dik ta’ kumpannija ta’ pajjiż b’ekonomija tas-suq, il-Kunsill isostni li hija ma tikkunsidrax il-fatt li r-RPĊ hija pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u li, f’dan il-kuntest, l-impriżi kkontrollati mill-Istat bħala definizzjoni ma joperawx fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

74      Il-Kunsill iżid li l-fatt li l-parteċipazzjoni tal-Istat għall-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet kollha hija suffiċjenti sabiex tammonta għal “interferenza”, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, jiddependi fuq ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ. Fil-kawża preżenti, l-istituzzjonijiet kienu kkonkludew li r-raġunijiet għal rifjut imsemmija fir-regolament ikkontestat, “kkunsidrati flimkien”, kienu suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li r-rikorrenti ma kinitx uriet li hija topera mingħajr interferenza tal-Istat.

75      Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-raġunijiet imsemmija fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat huma kkonfermati mill-fajl amministrattiv.

76      L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li l-konklużjoni tal-istituzzjonijiet, li għalkemm ma għandux il-maġġoranza tal-ishma, l-Istat jikkontrolla lir-rikorrenti, hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-qsim tal-ishma. Fil-fatt, il-pussess tal-ishma mill-Istat (40.98 %) huwa ikkonċentrat ħafna, billi huwa maqsum bejn tlett entitajiet pubbliċi biss, filwaqt li l-azzjonisti privati (59.02 %) huma mifruxa iktar, biex b’hekk l-azzjonisti pubbliċi jkunu jistgħu jikkontrollaw il-laqgħat tal-azzjonisti. Barra minn hekk, il-qsim inugwali tal-azzjonisti pubbliċi meta mqabbla mal-azzjonisti privati jippermetti lill-Istat jikkontrolla l-kumpannija huwa kkonfermat bil-mod kif l-ishma kienu rrapreżentati fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li saret fil-perijodu tal-investigazzjoni, li fiha 90 % tal-ishma rappreżentati kienu proprjetà tal-Istat jew ta’ impriżi pubbliċi.

77      It-tieni nett, il-Kunsill isostni li, peress li l-membri tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti ġew eletti fil-laqgħat tal-azzjonisti, li, kif jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq, huma kkontrollati mill-azzjonisti pubbliċi, huma de facto dawn tal-aħħar li nnominaw il-bord tad-diretturi.

78      It-tielet nett, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi, il-Kunsill isostni li jirriżulta b’mod ċar minn tabella li r-rikorrenti forniet fl-ittra tal-10 ta’ Settembru 2003, bħala risposta għal talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni, li tnejn biss mid-disa’ membri tal-bord tad-diretturi ma kellhom l-ebda rabta mal-Istat. L-oħrajn kollha kienu impjegati mill-impriżi jew mill-istabbilimenti pubbliċi jew ikkontrollati mill-Istat. Issa, f’pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jiġi assunt li l-Istat jikkontrolla l-attivitajiet kollha ekonomiċi u li b’hekk ikun diffiċli li wieħed jikkonċepixxi kif l-impjegati ta’ entitajiet pubbliċi jew ikkontrollati mill-Istat jistgħu ma jkunux suġġetti għall-influwenza ta’ min iħaddimhom, jiġifieri l-Istat, u li ma jaġixxux bl-istess mod bħal uffiċjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      Għandu jitfakkar li fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill kkonstata li:

“Minkejja li l-maġġoranza ta’ l-ishma tal-kumpannija kienu proprjetà ta’ persuni privati, minħabba t-tixrid wiesgħa ta’ l-ishma mhux fil-proprjetà ta’ l-Istat, flimkien mal-fatt li l-Istat kien bla dubju sid ta’ l-akbar blokk ta’ ishma, il-kumpannija nstabet li kienet taħt il-kontroll ta’ l-Istat. Barra minn hekk, il-bord tad-diretturi fil-fatt inħatar mill-azzjonisti ta’ l-Istat u l-maġġoranza tad-diretturi tal-bord kienu jew uffiċjali ta’ l-Istat jew uffiċjali ta’ intrapriżi proprjetà ta’ l-Istat. Għalhekk, ġie stabbilit li l-kumpannija kienet taħt kontroll u influwenza sinjifikanti mill-Istat.”

80      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tidher li qed tissuġġerixxi (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), l-istituzzjonijiet bl-ebda mod ma sostnew, la fir-regolament ikkontestat u lanqas fl-investigazzjoni, li l-Istat kien direttament implikat fid-deċiżjonijiet ta’ tmexxija tagħha ta’ kuljum, li l-azzjonisti pubbliċi jippreġudikaw id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-kumpannija u tal-azzjonisti l-oħra jew li l-mod li permezz tiegħu l-Istat kien akkwista s-sehem tiegħu kien inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Apparti l-affermazzjonijiet dwar il-bord tad-diretturi tar-rikorrenti, huma llimitaw ruħhom li jikkonstataw l-eżistenza tal-kontroll statali abbażi tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-qsim tal-ishma tar-rikorrenti, mingħajr riferiment b’mod partikolari għall-kwistjoni dwar jekk dan il-kontroll kienx jew setax ikun eżerċitat fil-prattika. Issa, ir-rikorrenti ma kkontestax l-affermazzjoni tal-Kunsill li l-laqgħat tal-azzjonisti, inklużi dawk li jiddeċiedu dwar il-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi, kienu kkontrollati mill-azzjonisti pubbliċi.

81      B’hekk għandu jiġi eżaminat jekk il-konstatazzjoni ta’ kontroll bħal dan tal-Istat jippermettix li jiġi ġġustifikat ir-rifjut tal-għoti ta’ SES.

82      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-“kontroll” jew l-“influwenza” mill-Istat ma jammontax għal kundizzjoni prevista espliċitament mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. B’hekk għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostni l-Kunsill, il-kontroll mill-Istat, kif ġie kkonstatat fil-kawża preżenti, neċessarjament jimplikax l-eżistenza ta’ “interferenza sinjifikanti” minn naħa tiegħu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

83      Għandu jitfakkar li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jeżiġi li, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn SES, il-produttur-esportatur ikkonċernat għandu b’mod partikolari jippreżenta provi suffiċjenti li “id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu pereżempjul-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward”.

84      Jirriżulta b’mod ċar mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-eżistenza jew le ta’ interferenza sinjifikattiva mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-mod kif jittieħdu d-“deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra”. Fil-fatt, hija teżiġi min-naħa tal-produttur-esportatur ikkonċernat li juri li d-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu, minn naħa, “bi tweġiba għas-sinjali tas-suq” u, min-naħa l-oħra, “mingħajr interferenza sinjifikanti mill-Istat”. Barra minn hekk, l-użu tal-kliem “f’dan ir-rigward” jikkonferma r-rabta bejn id-deċiżjonijiet rilevanti u l-interferenza mill-Istat. Konsegwentement, imġiba tal-Istat li ma tkunx ta’ tip li tinfluwenza dawn id-deċiżjonijiet ma tammontax għal “interferenza sinjifikanti” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

85      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, tal-għan tagħha u tal-kuntest tagħha, il-kunċett ta’ “interferenza sinjifikanti mill-Istat” ma jistax jitqabbel ma’ kull interferenza fuq l-attivitajiet ta’ impriża jew ma’ kull implikazzjoni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet tagħha, iżda għandu jinftihem bħala azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li hija ta’ tip li tagħmel id-deċiżjonijiet tagħha inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

86      Fil-fatt, l-użu stess tal-frażi “interferenza sinjifikanti” hija xhieda tal-volontà tal-leġiżlatur Komunitarju li jħalli ċertu livell ta’ influwenza tal-Istat fuq l-attivitajiet ta’ impriża jew ta’ implikazzjoni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet tagħha li jkunu nieqsa minn kwalunkwe effett dwar il-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs.

87      Għandu jingħad ukoll li, skont il-kliem tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku, il-kundizzjonijiet stabbiliti taħt l-ewwel sal-ħames inċiż tal-Artikolu 2 (7)(ċ) huma intiżi sabiex jidentifikaw il-produtturi, li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping, li għalihom “l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq […] rigward il-fabbrikazzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili interessat” [Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku; ara wkoll il-ħames premessa tar-Regolament Nru 905/98] u li “jopera[w] skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq” [Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku]. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti taħt l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku tippresupponi d-disponibbiltà ta’ ċerta informazzjoni, bħall-prezzijiet imħallsa jew li għandom jitħallsu, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ “li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ” u li jirreferu prinċipalment għall-prodott li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni (Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku). Huwa f’dan il-kuntest li l-kriterji previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku jeħtieġu li l-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw minn SES joperaw skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u li l-prezzijiet, l-infiq u l-kotba bażiċi ta’ kontabbiltà jkunu affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il‑Kunsill, T‑255/01, Ġabra p. II‑4741, punt 41).

88      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni inkwistjoni għandha l-għan li tivverifika jekk id-deċiżjonijiet rilevanti tal-produtturi-esportaturi kkonċernati humiex iggwidati minn kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali, speċifiċi għal impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jew jekk humiex jiġu mxekkla minn kunsiderazzjonijiet oħra, speċifiċi għall-ekonomiji tal-Istat.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ġustament sostna li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Istati msemmija mill-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan l-istess regolament mhumiex ikkunsidrati bħala Stati li għandhom ekonomija tas-suq, u dan minkejja r-riformi li saru fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, punti 51 u 52). Din hija evalwazzjoni mil-leġiżlatur Komunitarju tas-sitwazzjoni ekonomika, ġuridika u politika f’dawn il-pajjiżi terzi, li hija espressament rikonoxxuta fl-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku u li tiġġustifika t-trattament speċifiku riżervat għall-importazzjonijiet provenjenti minn dawn l-Istati għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-valur normali. Konsegwentement għandu jiġi preżunt, li l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi joperaw f’dawn il-pajjiżi mhumiex paragunabbli, sakemm ippruvat mod ieħor, ma’ dawk li japplikaw fil-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq.

90      B’hekk, b’mod iktar partikolari, fil-kuntest ta’ pajjiż nieqes minn ekonomija tas-suq, il-fatt li kumpannija stabbilita f’dan il-pajjiż tkun ikkontrollata mill-Istat jista’ jqajjem dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar jeċċedix ir-rwol ta’ azzjonist normali li jirrispetta r-regoli tas-suq u jekk l-amministrazzjoni tal-kumpannija hijiex suffiċjentement indipendenti mill-Istat, sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet indipendenti għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet, l-infiq u l-inputs, u bħala risposta għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, li jgħid li “isiru” id-deċiżjonijiet tal-impriżi, li l-leġiżlatur Komunitarju eżiġa speċifikament li l-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-impriża kkonċernata jkunu liberi minn kull interferenza sinjifikattiva mill-Istat. B’hekk, hija trid turi li d-deċiżjonijiet tagħha li jikkonċernaw il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs jittieħdu b’mod awtonomu, huma ggwidati minn kunsiderazzjonijiet tipiċi ta’ ekonomija tas-suq, jiġifieri b’mod partikolari mit-tkabbir tal-profitt, u li mhumiex influwenzati minn kunsiderazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Issa, it-teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomi u motivati minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali huwa, bħala regola, karatteristika speċifika tas-settur privat u, konsegwentement, huwa leġittimu għall-istituzzjonijiet Komunitarji, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom li huma jgawdu f’dan il-qasam, li jikkunsidraw, fl-eżami tagħhom tal-provi mressqa mill-esportatur ikkonċernat, taċ-ċirkustanza li impriża kkonċernata hija kkontrollata mill-Istat.

91      Madankollu, il-kontroll statali, hekk kif ikkonstatat fil-kawża preżenti, fih innifsu mhuwiex inkompatibbli mat-teħid tad-deċiżjonijiet kummerċjali mill-impriża kkonċernata skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u ma jfissirx b’mod partikolari li d-deċiżjonijiet tagħha dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs huma ggwidati minn kunsiderazzjonijiet esterni għal impriża li topera f’kundizzjonijiet bħal dawn.

92      Issa, l-approċċ li ħa l-Kunsill fil-proċeduri u li jirriżulta mill-premessa 13 tar-regolament ikkontestat, li jikkompara l-kontroll statali ma’ “interferenza sinjifikanti mill-Istat” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, iwassal sabiex jeskludi, bħala regola, il-kumpanniji kkontrollati mill-Istat mill-benefiċċju ta’ SES, indipendentement mill-kuntest fattwali, ġuridiku u ekonomiku konkret li fih huma joperaw u, b’mod iktar partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk ippreżentawx provi suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li l-Istat ma jeċċedix ir-rwol ta’ azzjonist normali f’pajjiż li għandu ekonomija tas-suq, li d-deċiżjonijiet tal-impriża jsiru b’mod awtonomu u indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet li huma speċifiċi għall-awtoritajiet pubbliċi u li dawn id-deċiżjonijiet kienu b’hekk iggwidati esklużivament minn kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali, speċifiċi għal impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

93      F’dan il-kuntest għandu jingħad b’mod partikolari li, l-affermazzjonijiet tal-Kunsill dwar in-nomina u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti ma jippermettux, fid-dawl tal-kontenut tal-proċess, li jpoġġu fid-dubju l-fatt li l-kontroll li l-Istat jeżerċita fis-soċjetà jibqa’, hekk kif ir-rikorrenti ssostni, fil-limiti tal-mekkaniżmi normali tas-suq.

94      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tan-nomina tal-bord tad-diretturi, jirriżulta mill-kontenut tal-proċess li l-Istat jew l-organizzazzjonijiet pubbliċi ma għandhomx il-possibbiltà li jinnominaw direttament amministratur wieħed jew iktar. Fil-fatt, hekk kif ir-rikorrenti stabbiliet fit-talba għall-għoti ta’ SES, taħt l-istatut tagħha, il-membri tal-bord tad-diretturi huma eletti mil-laqgħa ġenerali. Barra minn hekk, dan bl-ebda mod mhuwa kkontestat mill-istituzzjonijiet u għal kuntrarju jirriżulta mill-kontenut tal-proċess kif ukoll mill-argumenti tal-Kunsill li l-affermazzjoni li saret fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat tikkonċerna preċiżament il-fatt li, minħabba t-tixrid kbir tal-ishma privati, li jippermetti lill-azzjonisti pubbliċi jikkontrollaw il-laqgħat ġenerali, fil-prattiki dawn jiddeċiedu l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi. Issa, din iċ-ċirkustanza biss ma tippermettix li jiġi kkonstatat li l-azzjonisti pubbliċi jinstabu f’pożizzjoni oħra jew jaġixxu b’mod differenti minn azzjonist privat minoritarju li, minħabba t-tixrid tal-maġġoranza tal-ishma, fil-fatt ikollu kontroll tal-laqgħat tal-azzjonisti. Konsegwentement, ma tammontax għal raġuni ta’ rifjut tal-għoti tal-SES lir-rikorrenti.

95      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi, għandu jingħad li, fid-dawl tal-kontenut tal-proċess u tal-argumenti tal-Kunsill, l-affermazzjonijiet dwar l-eżistenza tar-rabtiet bejn il-maġġoranza fil-bord tad-diretturi u l-Istat huma bbażati fuq is-sempliċi fatt li r-rikorrenti hija kkontrollata mill-Istat. Fil-fatt, filwaqt li l-istituzzjonijiet ma qajmu l-ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ tnejn minn disa’ amministraturi, huma kkritikaw tliet amministraturi oħra li kienu impjegati (fir-rigward tad-“direttur ġenerali” u tal-“viċi-direttur ġenerali”) jew marbuta permezz ta’ kuntratt ta’ għoti ta’ servizzi (fir-rigward tal-president tal-bord tad-diretturi) mar-rikorrenti, minkejja li din kienet ikkontrollata mill-Istat. Issa, din iċ-ċirkustanza biss ma tistax tkun ikkunsidrata bħala inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u tippermetti biss li jitressqu, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra tal-affiljazzjoni tagħhom mal-Istat, id-deċiżjonijiet ta’ dawn l-amministraturi fi ħdan il-bord tad-diretturi huma ggwidati minn kunsiderazzjonijiet li huma speċifiċi għall-awtoritajiet pubbliċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-amministraturi l-oħra, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment li l-maġġoranza tal-bord tad-diretturi għandhom rabtiet mal-Istat li jkunu inkompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq.

96      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat ma fihom l-ebda element li jippermetti li mill-bidu jiġi ġġustifikat ir-rifjut tal-għoti ta’ SES fil-kawża preżenti. B’mod partikolari, il-konklużjoni tal-Kunsill li r-rikorrenti hija suggetta “għal interferenza u għal kontroll sinjifikanti mill-Istat”, fid-dawl tal-kontenut tal-proċess, twassal biss sabiex tafferma l-eżistenza ta’ kontroll statali tar-rikorrenti.

97      B’hekk, peress li l-kriterju tal-kontroll statali ma jidhirx espliċitament fost il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-approċċ tal-Kunsill huwa inkompatibbli mas-sistema li huwa stess stabbilixxa meta introduċa, taħt ir-Regolament Nru 905/98, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) fir-regolament bażiku, li huwa bbażat fuq l-eżami każ b’każ, mill-istituzzjonijiet Komunitarji, ta’ karattru suffiċjenti jew le tal-provi fornuti mill-produtturi-esportaturi li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping u li jixtiequ jibbenefikaw minn SES.

98      Konsegwentement għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ġustament ssostni li r-raġunijiet kkunsidrati fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat juru li, sabiex jiġi evalwat il-karattru suffiċjenti jew le tal-provi li hija kienet ipproduċiet, l-istituzzjonijiet applikaw kriterju li mhuwiex previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Fil-fatt, għalkemm il-kontroll tal-Istat fuq impriża huwa element li jista’ eventwalment jiġi kkunsidrat, waħdu mhuwiex suffiċjenti, sabiex juri l-eżistenza ta’ “interferenza sinjifikanti mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

99      Ċertament, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur-esportatur li jixtieq jibbenefika minn SES. Madankollu, għandu jiġi osservat li fil-każ preżenti, ir-rikorrenti forniet lill-Kummissjoni provi differenti li juru li hija ssodisfat il-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiz tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Dawn il- provi madankollu kienu kkunsidrati bħala irrilevanti minħabba assimilazzjoni tal-kontroll statali għall-“interferenza sinjifikanti mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

100    B’hekk, ir-rikorrenti forniet il-provi, li kienu ġew mitluba wkoll mill-Kummissjoni stess fil-kwestjonarju tagħha intiż għall-produtturi li kienu qed jitolbu SES u li kienu jirrigwardaw id-deċiżjonijiet meħuda fil-perijodu ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-prezzijiet u tal-infiq, in-negozjati tal-kuntratti, il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet, l-ambjent regolatorju (fil-qasam tal-prezz, tad-distribuzzjoni u tal-liċenji għall-esportazzjoni) u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni fi ħdan il-kumpannija. F’dan ir-rigward għandu jingħad li l-Kunsill ma jikkontestax l-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni eżaminat id-dokumenti tagħha dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs fil-verifika fuq il-post u ma għamlet l-ebda riżerva fir-rigward tal-veraċità tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill irrikonoxxa speċifikament, fil-proċeduri, li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu kkunsidraw li l- provi dwar id-deċiżjonijiet kummerċjali partikolari ma kinux rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kinitx sodisfatta u, b’mod partikolari, dwar jekk id-deċiżjonijiet kinux ġew adottati mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat.

101    Bl-istess mod, la l-kliem tar-regolament ikkontestat u lanqas id-dokumenti fl-atti tal-investigazzjoni ma jippermettu li jiġi stabbilit li l-istituzzjonijiet ikkunsidraw provi prodotti mir-rikorrenti fit-talba għall-għoti ta’ SES, u ripetuti diversi drabi fl-investigazzjoni, fir-rigward tal-garanziji eżistenti fl-istatut tagħha, fil-Liġi Ċiniża tal-kumpanniji u fir-regoli ta’ kwotazzjoni tal-borża ta’ Shanghai, sabiex jiġi evalwat b’liema mod dawn il-garanziji jammontaw għal provi suffiċjenti sabiex juru li d-deċiżjonijiet tar-rikorrenti dwar il-prezzijiet, l-infiq u l-inputs kienu ttieħdu mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat. L-istess jirriżulta mill-elementi dwar l-imġiba tal-azzjonisti pubbliċi u privati fil-votazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u tal-provi dwar l-oriġini tas-sehem statali. B’mod partikolari, fil-parti intitolata “Interferenza mill-Istat” tal-komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003, dawn il-provi mhumiex indirizzati. L-istess jirriżulta għal dak li jirrigwarda l-ittra, tas-6 ta’ April 2004, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta l-għoti ta’ SES lir-rikorrenti.

102    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat ma jippermettux li tiġi ġġustifikata l-konklużjoni tal-Kunsill, ibbażata fuq il-premessa 15 ta’ dan ir-regolament, li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

103    Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex ikkontestati mill-argumenti tal-Kunsill ibbażati fuq il-fatt li, skont il-ġurisprudenza, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’każ bħal dak tal-kawża preżenti.

104    Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq mhumiex ibbażati fuq evalwazzjoni tas-sitwazzjonijiet fattwali ta’ natura legali u politika, li jirriżultaw minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet f’dan il-qasam, iżda jirriżultaw mid-determinazzjoni tal-portata tar-regoli rilevanti tad-dritt, stabbiliti mill-Kunsill. Issa, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tagħha, il-qorti Komunitarja teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-applikazzjoni tajba mill-istituzzjonijiet tar-regoli tad-dritt rilevanti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-7 ta’ Novembru 2007 Il-Ġermanja vs Il-Kumissjoni, T‑374/04, Ġabra p. II‑4431, punt 81).

105    Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li, permezz tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku u, b’mod partikolari, billi jiġu pprovduti kriterji preċiżi għall-għoti ta’ SES, il-Kunsill illimita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, bil-għan, barra minn hekk, li jiġu kkunsidrati l-“kondizzjonijiet ekonomiċi mibdula” fiċ-Ċina (il-ħames premessa tar-Regolament Nru 905/98). B’hekk, l-evalwazzjoni tiegħu taħt din id-dispożizzjoni għandha ssir fil-limiti ta’ dawn ir-regoli tad-dritt u l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan il-qasam ma jwassalx sabiex jagħmel kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ SES li jmorru lil hinn minn dawk li huma stabbiliti taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

106    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta l-istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-rispett tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi għandu importanza iktar fundamentali u li, fost dawn il-garanziji, hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-kawża inkwistjoni, id-dritt tal-parti kkonċernata li turi l-perspettiva tagħha kif ukoll li d-deċiżjoni tkun motivata b’mod suffiċjenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2006, Shandong Reipu Biochemicals vs Il‑Kunsill, T‑413/03, Ġabra p. II‑2243, punt 63). Konsegwentement, f’każ bħal dak preżenti, jekk il-qorti Komunitarja ma tistax tintervjeni fl-evalwazzjoni riżervata għall-awtoritajiet Komunitarji, hija madankollu għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-eżami li l-istituzzjonijiet huma marbuta li jagħmlu għall-finijiet tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku, huma kkunsidraw l-elementi kollha rilevanti mressqa mill-produttur-esportatur u li huma evalwawhom bid-diliġenza kollha meħtieġa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Shandong Reipu Biochemicals vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Issa, kif intqal iktar ’il fuq, interpretazzjoni żbaljata tar-regoli tad-dritt applikabbli fil-kawża preżenti wasslet sabiex l-istituzzjonijiet jinjoraw l-provi rilevanti mressqa mir-rikorrenti.

107    Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Kunsill ġustament sostna li l-metodu ta’ determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku huwa eċċezzjoni għall-metodu speċifiku previst għal dan il-għan fl-Artikolu 2(7)(a) peress li dan tal-aħħar kien, bħala regola, applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq u b’hekk għandu jiġi interpretat strettament (sentenzi Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il‑Kunsill, punt 87 iktar ’il fuq, punt 39, u Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, punt 50). Madankollu, dan ma għandux jivvalida l-approċċ tal-Kunsill li jassimila, bħala regola, il-kontroll statali, kif intqal fil-premessa 13 tar-regolament ikkontestat, mal-“interferenza sinjifikanti mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ), u dan mingħajr kunsiderazzjoni tal-provi dwar il-kuntest fattwali, ġuridiku u ekonomiku konkret li fih ir-rikorrenti topera. Dan l-approċċ fil-fatt iwassal, hekk kif ġie kkonstatat, għal kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ SES li jmorru lil hinn minn dawk li huma stabbiliti taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

108    Fl-aħħar nett, mhemmx lok li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza tippronunċja ruħha fuq il-kwistjoni dwar jekk il-provi li hija pproduċiet kinux suffiċjenti jew le sabiex jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku kienet sodisfatta, peress li din l-evalwazzjoni hija riżervata għall-istituzzjonijiet Komunitarji. Hekk kif ġustament sostna l-Kunsill, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jevalwaw, każ b’każ, jekk il-provi prodotti mill-produttur-esportatur humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-kundizzjonijiet imposti bl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku huma sodisfatti u għall-qorti Komunitarja li tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex vvizzjata bi żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq, punti 52 u 53). B’hekk mhijiex responsabbiltà tal-Qorti tal-Prim’Istanza li twettaq eżami bħal dan minflok l-istituzzjonijiet inkwistjoni.

109    Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li dawn l-ilmenti għandhom jintlaqgħu.

 Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti

110    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar l-iffissar tal-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni ma jippermettix li jkun fondat ir-rifjut li jingħatalha SES. Minn naħa, hija essenzjalment issostni li l-bejgħ għall-esportazzjoni mhuwiex rilevanti għall-eżami tat-talba għal SES u li l-Kunsill b’hekk għamel interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-Kunsill għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti hija vvizzjata bi żball manifest.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku

–       L-argumenti tal-partijiet

111    Ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-proċedura tal-approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża li tirrapreżenta lill-importaturi u l-esportaturi tal-metalli, tal-minerali u tal-prodotti kimiċi (iktar ’il quddiem is-“CCCMC”) tikkonċerna l-prezzijiet għall-esportazzjoni u mhux il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern Ċiniż, hija ma għandhiex tkun bażi valida sabiex tiġi rrifjutata lilha l-għoti ta’ SES. L-evalwazzjoni fis-sens kuntrarju tal-Kunsill ġejja, fl-opinjoni tagħha, minn interpretazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku li hija inkompatibbli mal-istruttura ġenerali tal-Ftehim antidumping, tal-Protokoll ta’ adeżjoni tar-RPĊ fid-WTO u tar-regolament bażiku.

112    Hija ssostni f’dan ir-rigward li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku kif ukoll l-Artikolu 15 tal-Protokoll ta’ adeżjoni tar-RPĊ fid-WTO jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-valur normali u huma bbażati fuq il-kunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern Ċiniż. Il-prezzijiet għall-esportazzjoni min-naħa l-oħra jammontaw għal kunċett differenti fil-kuntest tar-regolament bażiku li huwa rregolat minn regoli differenti. Ir-rikorrenti tikkunsidra li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-preambolu tar-Regolament Nru 905/98, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq) u mill-prattika stabbilita tal-istituzzjonijiet li, sabiex jevalwaw jekk teżistix “interferenza sinjifikanti mill-Istat”, dejjem jikkunsidraw id-deċiżjonijiet rigward il-prezzijiet tas-suq intern inkwistjoni, u mhux il-prezzijiet għall-esportazzjoni.

113    Il-Kunsill isostni li huwa irrilevanti li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kuntratti mis-CCCMC tikkonċerna biss proċeduri ta’ esportazzjoni. Huwa jikkunsidra li r-rikorrenti tfixkel il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ SES mad-determinazzjoni ta’ valur normali u l-kalkolu tal-prezz għall-esportazzjoni f’każ li jingħata SES. Issa, sabiex jingħata SES, l-esportatur għandu jipproduċi provi suffiċjenti li ma hemm l-ebda interferenza mill-Istat fir-rigward tal-prezzijiet u tal-bejgħ tal-impriża. Din il-kundizzjoni ma tkunx sodisfatta jekk l-Istat jintervjeni fir-rigward tal-prezzijiet għall-esportazzjoni. Il-Kunsill, barra minn hekk, isostni li fis-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il‑Kunsill, punt 34 iktar ’il fuq (punti 94 sa 109), il-Qorti tal-Prim’Istanza ffokat b’mod partikolari fuq il-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar il-prezzijiet għall-esportazzjoni kkontrollati mill-Istat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

114    Filwaqt li r-rikorrenti sostniet b’mod ġust li l-Artikolu 2(7) tar-regolament bażiku jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali, li, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, jammonta għal kunċett differenti minn dak tal-prezzijiet għall-esportazzjoni, minn dan ma jsewgwix li l-imġiba tal-produtturi-esportaturi kkonċernati fir-rigward tal-prezzijiet għall-esportazzjoni hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku.

115    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tissuġġeta d-determinazzjoni tal-valur normali skont ir-regoli stabbiliti taħt l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-regolament bażiku għall-kundizzjoni li l-produttur ikkonċernat juri li huwa jopera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Issa, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li l-“kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq” għandhom jikkonċernaw esklużivament l-attivitajiet domestiċi tal-produttur inkwistjoni. Għall-kuntrarju, wieħed ma jistax jiċħad li n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni u, b’mod partikolari, il-libertà li jiġu nnegozjati l-prezzijiet għall-esportazzjoni jammontaw għal karatteristiċi speċifiċi għal ekonomija tas-suq.

116    It-teżi tar-rikorrenti madankollu ma ssib l-ebda appoġġ mill-kliem tal-ħames inċiżi tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku li jindikaw liema provi għandhom jiġu prodotti mill-produttur sabiex huwa jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jopera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Fil-fatt, ma jirriżulta minn l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet li huma jirreferu esklużivament għall-attivitajiet domestiċi tal-produtturi kkonċernati. B’mod partikolari, ir-riferiment għal “deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet” ma kienx suġġett għal xi riżerva li d-deċiżjonijiet kellhom jikkonċernaw biss is-suq domestiku tal-produttur.

117    Fir-rigward tal-punt 15(a) tal-Protokoll ta’ adeżjoni tar-RPĊ fid-WTO, invokat mir-rikorrenti, dan jirreferi wkoll għall-kriterju tal-“kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq” għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-bejgħ tal-prodott simili, mingħajr ma jindika li qed jirreferi esklużivament għall-bejgħ fis-suq lokali.

118    Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxitx li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq”, użat kemm fir-regolament bażiku u fil-Protokoll ta’ adeżjoni tar-RPĊ fid-WTO, ma jikkonċernax il-prezzijiet għall-esportazzjoni. Konsegwentement, ir-restrizzjonijiet eventwali għal-libertà li jiġu stabbiliti l-prezzijiet għall-esportazzjoni jistgħu leġittimament ikunu l-bażi għar-rifjut tal-għoti ta’ SES u l-istituzzjonijiet b’hekk ma wettqux żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

119    Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li, fl-osservazzjonijiet tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrenti stess ammettiet ir-rilevanza tal-analiżi tal-bejgħ għall-esportazzjoni fil-kuntest tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Hija fil-fatt affermat li jekk l-Istat jipprekludi l-esportazzjonijiet minħabba prezz baxx wisq, il-Kummissjoni għandha tikkunsidrah fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interferenza sinjifikattiva mill-Istat, filwaqt li madankollu ssostni li dan ma kienx il-każ għal dak li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat.

120    B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti

–       L-argumenti tal-partijiet

121    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li hija wriet li l-prezzijiet tagħha għall-esportazzjoni kienu liberament ffissati fuq il-bażi biss tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali u mingħajr ebda interferenza tal-Istat. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mis-CCCMC hija vvizzjata bi żball manifest.

122    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreferi għall-provi u għall-ispjegazzjonijiet, fornuti lill-Kummissjoni u mbagħad eżaminati minnha fil-verifika fuq il-post, li kienu għamluha possibbli li jiġi stabbilit li d-deċiżjonijiet tagħha dwar il-prezzijiet kienu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali u ma kinux la imposti u lanqas ikkontrollati mill-Istat. Hija stabbiliet b’mod partikolari, li l-ebda awtorizzazzjoni ma kienet neċessarja sabiex tbigħ il-prodott ikkonċernat fis-suq lokali jew mondjali u li l-ebda kontroll tal-prezzijiet ma rriżulta mill-azzjoni tal-organizzazzjonijiet statali.

123    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-CCCMC, ir-rikorrenti kienet spjegat li din ma kienet la gwidata u lanqas ikkontrollata mill-Istat, iżda kienet organizzazzjoni mhux governattiva, stabbilita mill-membri tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li l-fajl tal-investigazzjoni fih provi li jistabbilixxu li l-prezz indikattiv mhuwiex iffissat mis-CCCMC, iżda mill-produtturi Ċiniżi tal-glyphosate stess, u li ma kienx prezz minimu għall-esportazzjoni vinkolanti, iżda prezz indikattiv. B’hekk, peress li l-ebda “rispett” ta’ dan il-prezz ma kien mitlub, il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni tammonta għal sempliċi formalità.

124    Iktar speċifikament, ir-rikorrenti kienet spjegat li l-produtturi Ċiniżi tal-glyphosate qablu bejniethom dwar in-neċessità ta’ prezz indikattiv għall-esportazzjoni (guided export pricing) sabiex jimminimizzaw ir-riskji ta’ investigazzjoni antidumping fuq is-swieq esterni. Ir-rwol tas-CCCMC f’dan ir-rigward kien dak li tiffaċilita din il-koordinazzjoni u li tforni s-servizzi ta’ segretarjat. B’hekk, ir-rikorrenti tindika li l-elementi ta’ bażi għall-prezz indikattiv tas-sena segwenti kienu provenjenti minn produtturi Ċiniżi, li kienu jippreżentaw lis-CCCMC is-suġġerimenti individwali tagħhom. Madankollu, il-prezzijiet effettivi għall-esportazzjoni kienu ġew deċiżi minn kull produttur fuq il-bażi tan-negozjati li saru b’mod ugwali mal-klijenti. Kopja tal-kuntratt għall-esportazzjoni rilevanti ġiet imbagħad ippreżentata lis-CCCMC, li r-rwol tagħha kien li ddaħħal l-elementi ta’ kuntratt f’bażi ta’ data u li l-kuntratt jiġi ffirmat mingħajr ma jsir intervent fuq il-prezzijiet għall-esportazzjoni. L-informazzjoni miġbura mis-CCCMC kienet intużat sabiex il-produtturi Ċiniżi tal-glyphosate jiġu infurmati f’intervali regolari dwar il-prezzijiet għall-esportazzjoni, f’forma globali u mhux kunfidenzjali. Skont ir-rikorrenti, l-esportatur wera lill-awtoritajiet doganali l-kuntratt approvat mis-CCCMC, u b’riżultat ta’ dan dawn bdew l-iżdoganament.

125    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li hija stabbiliet li l-kuntratti kollha tagħha għall-esportazzjoni fil-perijodu tal-investigazzjoni kienu ġew approvati mis-CCCMC, kien x’kien il-prezz u, b’hekk, li l-allegat prezz minimu għall-esportazzjoni ma kienx vinkolanti, u ċertament mhux f’dak li jikkonċernaha. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal serje ta’ provi li hija pproduċiet fl-investigazzjoni u li ġew ivverifikati mill-Kummissjoni fil-verifika fuq il-post, bħal kopji ta’ kuntratti u tal-fatturi għall-esportazzjoni jew il-listi kompluti tal-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u lejn swieq oħra fil-perijodu ta’ investigazzjoni, bid-dokumenti kollha juru l-prezzjiet, inkluż il-prezz medju tal-unità tal-bejgħ għall-esportazzjoni, li kien iktar baxx mill-prezz indikattiv. Hija pprovdiet ukoll ċertifikat tas-CCCMC li jinkludi l-konferma li din kienet awtorizzat il-kuntratti kollha għall-esportazzjoni tal-glyphosate tar-rikorrenti fil-perijodu ta’ investigazzjoni.

126    Ir-rikorrenti żżid li l-istituzzjonijiet ma kkunsidrawx xi argumenti u xi provi li hija ressqet fi stadji differenti tal-investigazzjoni, filwaqt li użaw l-istess motivazzjoni fir-rigward tar-rwol tas-CCCMC fis-sottomissjonijiet varji tagħhom u fir-regolament ikkontestat. Billi għamlu dan, huma naqsu mill-istandards ta’ investigazzjoni, ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità, kif ukoll mill-obbligu li jipproċedu b’eżami diliġenti, u kisru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

127    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Kunsill, ibbażat fuq il-fatt li żewġ produtturi biss tal-glyphosate fir-RPĊ talbu l-għoti ta’ SES, jammonta għal “spekulazzjoni pura” u huwa “inammissibbli”. Fi kwalunkwe każ, hija tosserva li, fir-realtà, numru ta’ esportaturi Ċiniżi ġew mhedda mill-offensiva li saret kontrihom minn Monsanto fil-kuntest tal-investigazzjonijiet antidumping li saru fl-istess żmien fid-dinja kollha u kienu jippreferu jevitaw li jonfqu iktar flus sabiex jiddefendu lilhom infushom fis-suq tal-Unjoni. L-Audace tinsisti wkoll speċifikament fuq dan il-punt, billi tirrileva li dan l-argument tal-Kunsill juri li huwa għandu attitudni superfiċjali u ppreġudikata dwar l-evalwazzjoni li għandu jagħmel fil-kawża preżenti.

128    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, fis-sitwazzjoni fejn l-evalwazzjoni tal-Kunsill tirreferi għal sitwazzjoni li fiha s-CCCMC tista’ tirrifjuta li tapprova kuntratt għall-esportazzjoni minħabba l-prezz, din il-possibbiltà ma tiġġustifikax ir-rifjut tat-talba għall-għoti ta’ SES, fid-dawl tal-prattika li hija stabbiliet u tan-nuqqas ta’ dimostrazzjoni effettiva ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni. Fil-fatt, dritt ta’ veto mingħajr ma attwalment isir użu minn dan id-dritt ma jammontx għal interferenza tal-Istat u anqas interferenza sinjifikattiva ta’ dan. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li ġie muri li l-mekkaniżmu inkwistjoni ma kienx maħsub sabiex jippermetti interferenza bħal din.

129    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li l-formalitajiet li għandhom jitwettqu f’każ ta’ esportazzjoni mhumiex rari, anki fl-Unjoni. Pereżempju, liċenzja ta’ esportazzjoni tkun obbligatorja għall-prodotti tal-ikel fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Hija ssostni li l-gvernijiet jintervjenu kostantament, kemm fil-livell mikroekonomiku kif ukoll f’dak makroekonomiku, fl-ekonomija tal-pajjiżi kollha b’ekonomija tas-suq u l-impożizzjoni tad-dazji antidumping ikun eżempju klassiku ta’ interferenza bħal din sabiex tiġi protetta l-industrija lokali. Id-differenza bejn sistema ta’ ekonomija tas-suq u sistema oħra b’hekk twassal għall-introduzzjoni ta’ kunċett ta’ livell (“sinjifikanti”) f’dik ta’ “interferenza mill-Istat”.

130    Il-Kunsill essenzjalment isostni li kien hemm fis-seħħ sistema ta’ kontroll effettiva ħafna, li kienet immexxija mill-Istat permezz tas-CCCMC u tal-awtoritajiet doganali u li b’hekk kienet tammonta għal interferenza tal-Gvern tar-RPĊ fl-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prezz realment iffissat mir-rikorrenti u, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li s-CCCMC approvat kuntratti li fihom il-prezz kien inferjuri għall-“prezz minimu”, huwa irrilevanti.

131    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva li, fir-risposta tagħha għal talba tal-Kummissjoni għal iktar informazzjoni, ir-rikorrenti spjegat li fi ħdan is-CCCMC, kien jeżisti grupp ta’ koordinazzjoni tal-esportaturi tal-glyphosate li kienu jiltaqgħu sabiex jiffissaw il-“prezz minimu” xieraq tal-bejgħ għall-esportazzjoni. Il-parti l-kbira tal-esportazzjoni kienet issir b’prezzijiet ogħla minn dan il-“prezz minimu”, li kien jibqa’ l-istess għal sentejn. Skont ir-rikorrenti, il-kuntratti kollha għall-esportazzjoni kellhom ikunu sottoposti għas-CCCMC, li tivverifika l-prezzijiet tal-bejgħ u tara jekk il-prezz tal-bejgħ fil-kuntratt kienx ogħla mill-“prezz minimu”. Il-Gvern tar-RPĊ ordna lill-awtoritajiet doganali Ċiniżi sabiex ma jawtorizzawx l-esportazzjonijiet ħlief jekk il-kuntratt kien approvat mis-CCCMC.

132    Il-Kunsill josserva li, f’ittra sussegwenti, ir-rikorrenti indikat li hija esprimiet ruħha ħażin meta użat l-espressjoni “prezz minimu” u li l-kompitu tas-CCCMC kien jikkonsisti biss f’li tivverifika l-prezz tal-kuntratt. Il-Kunsill madankollu isostni li, meta jingħad li s-CCCMC approvat kuntratti fejn il-prezz kien iktar baxx mill-“prezz minimu”, ir-rikorrenti qatt ma sostniet li s-CCCMC ma kelliex dritt tirrifjuta li tapprova kuntratt li l-prezz tiegħu kien iktar baxx mill-“prezz minimu”. Issa, skont il-Kunsill, jekk din ma kellhiex dan id-dritt, is-sistema kollha ta’ approvazzjoni ma setgħetx tissodisfa l-għan li għaliha ġiet stabbilita, jiġifieri li tiggarantixxi li l-iffissar tal-prezz tal-esportazzjonijiet tal-glyphosate provenjenti mir-RPĊ ma jipprovokax il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet antidumping f’pajjiżi oħra.

133    Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li s-CCCMC ma kinitx immexxija jew ikkontrollata mill-Istat u li l-“prezz minimu” ma kienx stabbilit mis-CCCMC, iżda mill-produtturi Ċiniżi tal-glyphosate stess, il-Kunsill jikkunsidra li dan huwa kontradett mill-kliem ta’ parti mill-ktejjeb informattiv tas-CCCMC, li jaqra hekk:

“Il-bejgħ bi prezz baxx iwassal għal telf kbir għall-gvern, għall-industrija u għad-ditti u jwassal lill-industrija u lid-ditti kkonċernati sabiex isibu ruħhom f’kawżi antidumping f’pajjiżi oħra. Sabiex tinżamm sistema b’saħħitha ta’ esportazzjonijiet u li tipproteġi l-interessi tal-industrija, il-gvern introduċa miżuri li jagħtu lis-CCCMC id-dritt li jiġu ffirmati kuntratti u li jiġu vverifikati l-prezzijiet għall-esportazzjoni bil-għan tal-iżdoganament” (l-enfażi tal-Kunsill tħalla barra).

134    Barra minn hekk, skont il-Kunsill, jekk il-prezz kien apparentement iffissat mill-produtturi kollha tal-glyphosate, dan fir-realtà kien sar mill-Istat, peress li l-parti l-kbira tal-produtturi kienu impriżi pubbliċi jew impriżi kkontrollati mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva li, minn 39 produttur tal-glyphosate fir-RPĊ, li għalihom tirreferi t-talba għal reviżjoni, tnejn biss talbu l-għoti ta’ SES. Il-Kunsill ikkonkluda li s-37 produttur ieħor ikkonkludew huma stess li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu SES, li jfisser li kienu l-proprjetà tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat.

135    Il-Kunsill isostni li, peress li l-awtoritajiet doganali jawtorizzaw l-esportazzjonijiet biss jekk il-kuntratt kien ġie approvat mis-CCCMC, din tal-aħħar kienet f’pożizzjoni li topponi kull esportazzjoni li ma tirrispettax il-“prezz minimu”. Fl-opinjoni tiegħu, dan verament ġiegħel lill-esportaturi, inkluż lir-rikorrenti, jirrispettaw il-“prezz minimu”, anki jekk is-CCCMC kienet xi drabi approvat ukoll tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni li għalihom il-prezz għall-esportazzjoni kien inferjuri għal dak il-prezz.

136    Fl-aħħar nett, bħala risposta għall-argumenti tar-rikorrenti li l-formalitajiet li kellhom jiġu sodisfatti f’każ ta’ esportazzjoni ma kinux rari, il-Kunsill isostni li l-interferenza mill-Istat f’ekonomija tas-suq, fejn il-kumpanniji kollha joperaw, bħala regola, skont il-kriterji tas-suq, anki jekk huma l-proprjetà sħiħa tal-Istat, ma jistgħux jiġu kkomparati ma’ dawk ippratikati f’pajjiż li ma għandux dan it-tip ta’ ekonomija fejn kumpannija li hija kkontrollata mill-Istat ma toperax taħt il-kriterji tas-suq. Barra minn hekk, id-determinazzjoni ta’ qafas ġenerali bħal dan li fih il-kumpanniji joperaw, anki jekk ikollu effett fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanniji, inklużi fuq il-prezz, ma jammontax għal, fl-opinjoni tal-Kunsill, interferenza mill-Istat fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

137    Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li hekk kif intqal iktar ’il fuq, ir-restrizzjonijiet eventwali għal-libertà li jiġu ffissati l-prezzijiet għall-esportazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti taħt l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku humiex sodisfatti. B’hekk, hija r-rikorrenti li għandha tipprova b’mod partikolari li l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni kien konformi mal-imġiba ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li hija kienet libera li tiddeċiedi prezzijiet għall-esportazzjoni, skont kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali u mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat.

138    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, fit-talba għall-għoti ta’ SES, bħala risposta għad-domandi magħmula mill-Kummissjoni fil-kwestjonarju intiż għall-produtturi li jixtiequ jiksbu l-imsemmi status, ir-rikorrenti tindika essenzjalment, li hija kellha d-drittijiet kollha neċessarji għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet, li l-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni kien jirriżulta minn negozjati bbażati fuq parametri kummerċjali u li l-Istat bl-ebda mod ma intervjena sabiex jiffissa l-prezzijiet, il-kwantitajiet, il-kundizzjonijiet u l-metodi tal-bejgħ. Hija ppreżentat ukoll l-evidenza dokumentarja mitluba mill-Kummissjoni, fosthom lista ta’ bejgħ li sar lejn il-Komunità fil-perijodu ta’ investigazzjoni u lista li tindika l-kwantitajiet mensili ta’ bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat kif ukoll il-medja mensili tal-prezzijiet tal-bejgħ għall-esportazzjoni għall-perijodu ta’ investigazzjoni.

139    Hekk kif jirriżulta mir-regolament ikkontestat (premessa 14, spjegata mill-premessa 17) u kif sostna l-Kunsill fil-proċeduri, l-istituzzjonijiet madankollu kkunsidraw li, permezz tal-mekkanżimu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mis-CCCMC, li għalih kienet inġibdet l-attenzjoni tagħhom minn min ressaq l-ilment, l-Istat għandu kontroll sinjifikattiv fuq ir-rikorrenti għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat, b’mod inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Barra minn hekk, fil-komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni tafferma li dan il-mekkaniżmu kellu jkun ikkunsidrat bħala “interferenza sinjifikanti mill-Istat fid-deċiżjonijiet tal-esportaturi tal-glyphosate”. Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-istituzzjonijiet ma kkontestawx id-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-rikorrenti u huma ma attribwixxewx lir-rikorrenti xi nuqqas ta’ kooperazzjoni jew nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika l-eżistenza jew le tal-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni.

140    Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tal-mekkaniżmu kkonċernat, peress li hija stess fl-investigazzjoni forniet informazzjoni dwar il-funzjonament tiegħu. Hija madankollu ssostni li essenzjalment hija stabbiliet li dan il-mekkaniżmu ma kienx inkompatibbli mal-kundizzjoni msemmija taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. Għalhekk hemm lok għall-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tivverifika jekk, fid-dawl tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti fl-investigazzjoni, l-istituzzjonijiet setgħux jikkunsidraw, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni, li r-raġuni dwar il-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mis-CCCMC tippermetti li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma kinitx stabbiliet li hija kienet issodisfat din il-kundizzjoni.

141    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrelevat li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet li r-rikorrenti għamlet fl-ittri tagħha tal-24 ta’ Ġunju u tal-4 ta’ Lulju 2003, bħala risposta għal talba għal iktar informazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal għoti ta’ SES, u mill-osservazzjonijiet li hija ppreżentat, fis-16 u fit-23 ta’ Diċembru 2003, fuq il-komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003 tal-Kummissjoni, li s-sistema inkwistjoni ġiet stabbilita fuq inizjattiva tal-produtturi tal-glyphosate, membri tas-CCCMC, li hija organizzazzjoni mhux governattiva, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjonijiet antidumping u li jipproteġu lilhom infushom kontra l-ilmenti f’dan ir-rigward. Huwa minn din il-perspettiva li l-Gvern introduċa miżuri li jagħtu lis-CCCMC id-dritt li tapprova l-kuntratti u tivverifika l-prezzijiet għall-esportazzjoni bil-għan tal-iżdoganament. Id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan is-sens huma appoġġjati mill-kontenut tal-ktejjeb tas-CCCMC li t-traduzzjonijiet tiegħu ġew ipprovduti mir-rikorrenti, fl-anness għall-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2003, u mill-EGA, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Novembru 2003. B’hekk, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċeduri doganali, l-awtoritajiet doganali jivverifikaw jekk il-kuntratt għall-esportazzjoni kienx ġie debitament approvat mis-CCCMC, iżda ma kinux jeżaminaw il-prezz stipulat fil-kuntratt inkwistjoni.

142    Fit-tieni lok, jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess imsemmija iktar ’il fuq li l-prezz kien ġie stabbilit mill-membri stess tal-grupp tal-produtturi tal-glyphosate. Id-dikjarazzjonijiet li r-rikorrenti ppreżentat f’dan ir-rigward huma sostnuti minn dokument tas-CCCMC, tad-29 ta’ Diċembru 2001, mogħti lill-Kummissjoni matul il-verifika tagħha fuq il-post tar-rikorrenti u ripetut mir-rikorrenti fl-anness għall-osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta’ Diċembru 2003, li minnu jirriżulta li t-tnaqqis tal-prezz ta’ riferiment kien ir-riżultat ta’ “vot” tal-esportaturi kkonċernati.

143    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ppreżentat serje ta’ provi ta’ natura li juru li l-prezz inkwistjoni ma kienx vinkolanti fil-perijodu ta’ investigazzjoni u li hija kienet libera tiffissa l-prezzijiet għall-esportazzjoni għal livell iktar baxx.

144    B’hekk, anki jekk, fl-ewwel osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tas-CCCMC, fl-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti użat l-espressjoni “prezz minimu”, hija imbagħad indikat, fl-ittra tagħha tal-4 ta’ Lulju 2003, li r-rispett tal-prezz inkwistjoni ma kienx iggarantit la mill-Gvern, la mis-CCCMC, u lanqas mill-produtturi stess. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-rwol tas-CCCMC jikkonsisti biss f’li jiġi vverifikat il-prezz li jidher fil-kuntratt billi jiddaħħal f’bażi ta’ data għall-finijiet ta’ statistika u sabiex tagħti l-approvazzjoni tagħha meta dan ikun sar. Hija spjegat li l-approvazzjoni b’hekk ma tfissirx li s-CCCMC kienet approvat il-prezz, iżda li l-verifika kienet seħħet. Fir-rigward tal-awtoritajiet doganali, ir-rikorrenti ppreċiżat li huma jivverifikaw biss jekk l-approvazzjoni għall-kuntratt kinitx ingħatat. Id-dikjarazzjonijiet li l-prezz inkwistjoni ma kienx vinkolanti ġew sussegwenetment ripetuti mir-rikorrenti fl-ittri tagħha tas-16 u tat-23 ta’ Diċembru 2003.

145    Barra minn hekk, mill-fajl tal-investigazzjoni jirriżulta li fil-verifika fuq il-post, ir-rikorrenti forniet spjegazzjonijiet supplimentari fir-rigward tal-mekkaniżmu inkwistjoni u indikat li f’Diċembru 2001 kien ġie deċiż li jiġu approvati l-kuntratti kollha, anki jekk il-prezz kien iktar baxx mill-prezz ta’ riferiment, u li fl-2002 (perijodu ta’ investigazzjoni) is-CCCMC kienet approvat il-kuntratti kollha. Hija sostniet ukoll li meta fil-laqgħa li seħħet fi Frar 2003, is-sistema tal-prezz ta’ riferiment ġiet abbandunata, il-kuntratti kienu dejjem suġġett għall-proċedura ta’ approvazzjoni, sabiex is-CCCMC tiġbor informazzjoni ta’ statistika annwali. Dawn l-ispjegazzjonijiet ġew ukoll trażmessi lill-Kummissjoni fl-ittra tar-rikorrenti tat-23 ta’ Diċembru 2003.

146    Dawn id-dikjarazzjonijiet li l-prezz inkwistjoni ma kienx vinkolanti huma sostnuti minn dokumenti oħra li r-rikorrenti ppreżentat fl-investigazzjoni.

147    L-ewwel nett, hekk kif issostni r-rikorrenti, jirriżulta mill-kwestjonarju tal-Kummissjoni intiż għall-produtturi li jixtiequ jiksbu SES u mill-kwestjonarju intiż għall-produtturi esportaturi tal-glyphosate fir-RPĊ li, fil-perijodu ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti għamlet żewġ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ lejn il-Komunità u li, fiż-żewġ każijiet, il-prezz kien inqas mill-“prezz minimu”, li jirriżulta mid-dokument tas-CCCMC, tad-29 ta’ Diċembru 2001, trażmess lill-Kummissjoni fil-verifika tagħha fuq il-post.

148    It-tieni nett, fir-rigward tal-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni lejn pajjiżi oħra, ir-rikorrenti annettiet, mal-kwestjonarju intiż għall-produtturi-esportaturi tal-glyphosate fir-RPĊ, tabella li tindika b’mod partikolari l-kwantitajiet u l-ammont ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ. B’hekk jirriżulta li hekk kif sostniet ir-rikorrenti mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kunsill, li fir-rigward ta’ iktar minn 200 bejgħ li saru fil-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezz medju kien ukoll inferjuri għall-“prezz minimu”.

149    It-tielet nett, sabiex issostni d-dikjarazzjonijiet tagħha fil-verifika fuq il-post, fir-rigward tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kuntratti għall-esportazzjoni mis-CCCMC, ir-rikorrenti ppreżentat kuntratt ta’ bejgħ, tas-26 ta’ Novembru 2002, li jistipola prezz iktar baxx mill-“prezz minimu” u li jagħti l-approvazzjoni tas-CCCMC, kif ukoll il-fatturi relatati. Hekk kif tindika r-rikorrenti, fid-dokumentazzjoni fornuta lill-Kummissjoni f’din il-verifika kien hemm ukoll fatturi oħra tal-bejgħ għall-esportazzjoni li jistipolaw prezzijiet iktar baxxi mill-“prezz minimu”. Ir-rikorrenti ssostni, mingħajr ma tiġi kontradetta mill-Kunsill, li dawn id-dokumenti ġew ivverifikati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija forniet ukoll dokument tas-CCCMC, tad-29 ta’ Diċembru 2001 fejn kien ġie indikat li l-prezz setgħa jvarja skont it-tibdiliet tal-kundizzjonijiet tas-suq. Sussegwentement, fl-osservazzjonijiet tagħha tas-16 u tat-23 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrenti ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq dawn id-dokumenti li kienet tatha fil-verifika.

150    Fl-aħħar nett, fl-ittra tagħha tal-1 ta’ Ottubru 2003, ippreżentata bħala risposta għall-osservazzjonijiet tal-EGA fuq it-talba tagħha għall-għoti ta’ SES, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll dokument, tal-15 ta’ Settembru 2003, li fih is-CCCMC iddikjarat li hija tat l-approvazzjoni tagħha għall-kuntratti kollha tar-rikorrenti fl-2002 (perijodu ta’ investigazzjoni) u li l-prezz kien biss prezz ta’ riferiment. Dan id-dokument ġie trażmess ukoll lill-Kummissjoni fl-ittri tar-rikorrenti tas-16 u tat-23 ta’ Diċembru 2003.

151    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti msemmija iktar ’il fuq setgħu juru li l-mekkaniżmu inkwistjoni ma kienx ġie impost mill-Istat, li l-prezz kien ġie stabbilit mill-produtturi tal-glyphosate li kienu membri stess tas-CCCMC u li ma kienx wassal għal restrizzjoni effettiva għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet tar-rikorrenti għall-esportazzjoni. Konsegwentement, mingħajr ma jikkontestaw il-karattru probatorju jew suffiċjenti ta’ dawn id-dokumenti, l-istituzzjonijiet ma setgħux jikkonkludu, mingħajr ma jwettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni li, permezz tal-mekkaniżmu inkwistjoni, l-Istat kien eżerċita kontroll sinjifikattiv fuq il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u li dan il-mekkaniżmu jammonta għal “interferenza sinjifikanti mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

152    Issa, għandu jingħad li dawn il-provi u dawn id-dikjarazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-istituzzjonijiet.

153    B’hekk, minn naħa, jirriżulta mill-proċess li l-istituzzjonijiet qatt ma kkontestaw id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, li s-CCCMC kienet organizzazzjoni mhux governattiva u huma ma kkontestawx l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li kienu l-produtturi stess tal-glyphosate li kienu wara l-inizjattiva tad-determinazzjoni tas-sistema inkwistjoni, sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ investigazzjoni antidumping fuq is-swieq ta’ esportazzjoni u sabiex is-CCCMC tiġbor l-informazzjoni ta’ statistika. Barra minn hekk, jekk il-kliem tal-ktejjeb tas-CCCMC, li fuqu l-Kunsill jibbaża ruħu (ara l-punt 133 iċċitat iktar ’il fuq), jgħid li l-Gvern daħħal miżuri li wasslu għall-involviment tal-awtoritajiet doganali fil-mekkaniżmu kkonċernat, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, ma jikkontradixxix l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li dan il-mekkaniżmu ma ġiex impost mill-Istat u li l-prezz kien ġie stabbilit mill-produtturi tal-glyphosate li kienu membri stess tas-CCCMC.

154    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument imressaq mill-Kunsill fil-proċeduri, li l-fatt li minn 39 produttur ta’ glyphosate fir-RPĊ, tnejn biss talbu l-għoti ta’ SES ifisser li kienu proprjetà jew ikkontrollati mill-Istat u, konsegwentement, il-“prezz minimu” kien fir-realtà ffissat mill-Istat. Fil-fatt, l-allegazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom dawn is-37 produttur ma talbux l-għoti ta’ SES bl-ebda mod mhija ssostanzjata u, barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni bl-ebda mod ma tirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-istituzzjonijiet fl-investigazzjoni jew mir-regolament ikkontestat.

155    Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet ma kkontestawx il-karattru probatorju jew suffiċjenti tal-provi bil-għan li juru li r-rikorrenti kienet libera li tiffissa l-prezzijiet għall-esportazzjoni għal livell iktar baxx mill-“prezz minimu”, inkluż, b’mod partikolari, il-fatturi varji u l-kuntratti li hija ppreżentat, iżda huma llimitaw ruħhom li jagħmlu affermazzjonijiet ġenerali li l-prezzijiet għall-esportazzjoni kienu kkontrollati mill-Istat. Issa, kuntrarjament għal dak li l-Kunsill jidher li jsostni, il-provi li jirrigwardaw il-prezzijiet realment iffissati mir-rikorrenti huma rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. B’mod partikolari, mhuwiex possibbli li jingħad, mingħajr ma jitpoġġa fid-dubju l-karattru probatorju jew suffiċjenti ta’ dawn il-provi u hekk kif jagħmel il-Kunsill sabiex jiddefendi l-approċċ adottat fir-regolament ikkontestat, li sistema effettiva ħafna ta’ kontroll kienet fis-seħħ u li r-rikorrenti kienet fir-realtà mġiegħla tirrispetta l-“prezz minimu”.

156    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-uniku element li fuqu l-istituzzjonijiet ibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom kien il-possibbiltà stess għas-CCCMC li tirrifjuta li tapprova kuntratt għall-esportazzjoni u b’hekk li tipprojbixxi l-esportazzjonijiet li ma jirrispettawx il-“prezz minimu”, minħabba l-implikazzjoni tal-awtoritajiet doganali fis-sistema. Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-kliem tal-komunikazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2003, li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-possibbiltà għas-CCCMC li tipprojbixxi l-esportazzjonijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li hija timponi, jammonta fih innifsu f’“interferenza sinjifikanti mill-Istat” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, u dan indipendentement mill-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-prezz inkwistjoni kien indikattiv u l-mekkaniżmu kkonċernat kien ġie implementat sabiex inaqqas ir-riskju ta’ investigazzjonijiet antidumping fil-pajjiżi terzi kif ukoll sabiex jippermetti lis-CCCMC tiġbor informazzjoni ta’ statistika.

157    Madankollu, din iċ-ċirkustanza waħidha ma tippermettix, fid-dawl tal-provi msemmija iktar ’il fuq, li jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ għoti ta’ SES fil-każ preżenti. Fil-fatt għandu jiġi enfasizzat li sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti kinitx uriet li hija ssodisfat il-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku, ma jistgħux jiġu injorati provi ta’ tip li jistabbilixxu, minn naħa, li l-mekkaniżmu kkonċernat ma kien jinkludi ebda restrizzjoni effettiva għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet tagħha għall-esportazzjoni u, min-naħa l-oħra, li ma kienx intiż sabiex jippermetti interferenza statali fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha.

158    Konsegwentement għandu jiġu kkonstatat li, l-evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet dwar ir-rwol tas-CCCMC mhiex suffiċjenti, fid-dawl tal-provi ppreżentati mir-rikorrenti fl-investigazzjoni, sabiex tibbaża l-konklużjoni tagħha li hija ma stabbilixxitx li kienet tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku.

159    B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi milqugħ.

160    Fl-aħħar nett fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li, essenzjalment, sabiex tirbaħ il-kawża, ir-rikorrenti kellha turi li kienet il-konklużjoni ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ interferenza sinjifikattiva mill-Istat, bbażata fuq il-motivi kollha flimkien eżaminati iktar ’il fuq – u mhux fuq kull wieħed mill-motivi kkunsidrati separatament – li kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dawn il-motivi ma jistgħux, anki jekk meħuda flimkien, jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ għoti ta’ SES fil-każ preżenti. Fil-fatt jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, li, fl-analiżi tagħhom taċ-ċirkustanzi li fuqhom l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom sabiex jirrifjutaw l-għoti ta’ SES, huma ma kkunsidrawx l-provi kollha rilevanti li r-rikorrenti kienet ressqet sabiex turi li hija kienet ħadet id-deċiżjonijiet tagħha bi tweġiba għas-sinjali tas-suq u mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat f’dan ir-rigward. Konsegwentement, l-ebda waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk meħuda flimkien ma’ oħrajn, ma twassal għall-konklużjoni li r-rikorrenti ma kinitx stabbiliet li hija ssodisfat il-kundizzjoni stabbilita taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-regolament bażiku. B’hekk, li l-iżbalji kkonstatati iktar ’il fuq jivvizzjaw ukoll il-konklużjoni ġenerali tal-Kunsill.

161    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minħabba r-rifjut tat-talba għall-għoti ta’ SES, ippreżentata mir-rikorrenti, il-valur normali ġie stabbilit għal dak li jirrigwardaha, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-regolament bażiku, fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba mill-produtturi ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri r-Repubblika Federali tal-Brażil (premessi 23 sa 31 tar-regolament ikkontestat) u huwa b’mod partikolari fuq din il-bażi li ġie kkalkolat marġni ġenerali ta’ dumping għar-RPĊ kollha (premessi 36 sa 39 tar-regolament ikkontestat). Konsegwentement, ir-rifjut tal-għoti ta’ SES neċessarjament influwenza l-impożizzjoni tad-dazju antidumping definittiv għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti, taħt l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat.

162    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u jiġi annullat l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat sa fejn dan jirrigwarda r-rikorrenti, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

163    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 87(4), l-istituzzjonijiet li intervenjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jkun ikkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti u tal-Audace, skont it-talbiet tagħhom. Il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/2004, tal-24 ta’ Settembru 2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ glyphosate li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina huwa annullat, sa fejn dan jikkonċerna lil Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd.

2)      Il-Kunsill ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk ta’ Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group Co. Ltd u tal-Assoċjazzjoni tal-Utenti u tad-Distributuri tal-Agrokimiċi fl-Ewropa (Audace).

3)      Il-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

Czúcz

Labucka

Prek

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Ġunju 2009.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ilmenti rigward l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontroll tar-rikorrenti mill-Istat kif ukoll dwar in-nomina u l-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi tagħha

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ilmenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti

Fuq l-ilment ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-regolament bażiku

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill għal dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet għall-esportazzjoni tar-rikorrenti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.