Language of document : ECLI:EU:C:2012:117

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2012 (1)

Kawża C‑112/11

ebookers.com Deutschland

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände — Verbraucherzentrale Bundesverband eV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Köln (il-Ġermanja)]

“Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 — Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità — Kunċett ta’ ‘supplimenti tal-prezz fakultattivi’ — Prezz tal-assigurazzjoni għal kanċellament ipprovduta minn kumpannija tal-assigurazzjoni indipendenti, li jagħmel parti mill-prezz globali u li jiġi ffatturat lill-passiġġier flimkien mal-prezz tat-titjira”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz tad-digriet tat-2 ta’ Marzu 2011, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2011, l-Oberlandesgericht Köln (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Köln) (il-Ġermanja) għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (2).

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände — Verbraucherzentrale Bundesverband eV (il-“BVV”) (assoċjazzjoni ta’ uffiċċji tal-protezzjoni tal-konsumaturi) u l-kumpannija ebookers.com Deutschland (“ebookers.com”), li tbigħ vjaġġi bl-ajru mill-portal online tagħha tal-ivvjaġġar. Il-kawża kienet tikkonċerna l-prattika ta’ ebookers.com li tistabbilixxi minn qabel fuq is-sit internet tagħha s-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar.

3.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-prezz tal-assigurazzjoni għal kanċellament ta’ vjaġġ ipprovduta minn terz (f’dan il-każ kumpannija tal-assigurazzjoni) li madankollu tinħareġ b’rabta ma’ titjira u rriżervata flimkien ma’ din it-titjira minn fuq sit internet jikkostitwixxix “suppliment tal-prezz fakultattiv” fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, f’liema każ l-aċċettazzjoni ta’ dan il-prezz mill-klijent għandha tkun fuq bażi ta’ “opt-in”.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Il‑premessa 16 fil-preambolu tar‑Regolament Nru 1008/2008 hija fformulata kif ġej:

“Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji huma mħeġġin ukoll jindikaw il-prezz finali għas-servizzi ta’ l-ajru tagħhom minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità.”

5.        Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 2(18) tar-Regolament Nru 1008/2008 jiddefinixxi n-“nollijiet ta’ l-ajru” bħala:

“[…] il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra.”

6.        L-Artikolu 2(19) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi “rati ta’ l-ajru” bħala:

“[…] il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu għat-trasport ta’ merkanzija u l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra.”

7.        L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, jistipula dan li ġej:

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

(a)      in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

(b)      it-taxxi;

(ċ)      il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

(d)      ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

III – Il-fatti, il-proċeduri u d-domanda preliminari

8.        Ebookers.com tbigħ vjaġġi bl-ajru minn portal tal-ivvjaġġar online li hija topera.

9.        Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, meta waqt il-proċedura ta’ riżerva l-klijent jagħżel titjira speċifika, l-ispejjeż tiegħu jiġu elenkati fir-rokna tal-lemin fin-naħa ta’ fuq tal-paġna tal-internet, taħt l-intestatura “l-ispejjeż attwali tal-ivvjaġġar tiegħek”. Minbarra l-prezz tat-titjira, il-lista tinkludi wkoll ammont ta’ “taxxi u drittijiet” u t-taqsima ulterjuri “assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar”. Fl-aħħar jiġi indikat il-“prezz globali tal-ivvjaġġar”.

10.      Fin-naħa ta’ isfel tas-sit internet hemm avviż li jindika kif il-klijent għandu jipproċedi, permezz ta’ “opt-out”, jekk ma jixtieqx jieħu l-assigurazzjoni.

11.      Meta tiġi ffinalizzata r-riżerva, il-prezz totali jrid jitħallas mill-klijent lil ebookers.com, li mbagħad tħallas l-ispejjeż tat-titjira lill-kumpannija tal-ajru kkonċernata u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni lill-kumpannija tal-assigurazzjoni u tgħaddi t-taxxi u d-drittijiet. Il-kumpannija tal-assigurazzjoni hija legalment u ekonomikament distinta mill-kumpannija tal-ajru.

12.      Il-BVV tqis li l-metodu ta’ riżerva minn fuq is-sit internet ta’ ebookers.com kif deskritt iktar ’il fuq jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 inkwantu l-aċċettazzjoni mill-klijent tal-offerta tas-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar issir permezz ta’ proċedura ta’ “opt-out”. F’kawża ppreżentata mill-BVV quddiem il-Landgericht Bonn (il-Qorti Reġjonali ta’ Bonn) din il-fehma ntlaqgħet.

13.      L-Oberlandesgericht Köln, li ntalbet tiddeċiedi dwar l-appell minn dik id-deċiżjoni, ippreżentat minn ebookers.com, hija tal-opinjoni li la mill-kliem u lanqas mill-oriġini tar-Regolament Nru 1008/2008 ma huwa ċar jekk l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament ikoprix is-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar bħal dik fil-kawża prinċipali.

14.      F’dan ir-rigward hija tindika li, minn naħa, skont il-formulazzjoni tiegħu stess, ir-Regolament Nru 1008/2008 jikkonċerna l-“operat ta’ servizzi ta’ l-ajru” u mhux l-offerti tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, l-offerta inkwistjoni fil-fatt ma toriġinax minn kumpannija tal-ajru iżda minn kumpannija tal-assigurazzjoni ekonomikament u legalment distinta.

15.      Min-naħa l-oħra, skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jista’ jiġi interpretat ukoll fis-sens li jkopri anki l-prezzijiet supplimentari kollha, inklużi dawk is-“supplimenti tal-prezz fakultattivi” għal servizzi offruti minn terzi bħalma huma kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar, liema servizzi jiġu offruti lill-passiġġier meta jirriżerva t-titjira tiegħu u b’rabta speċifika ma’ dik ir-riżerva.

16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“L-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 1008/2008], li jipprovdi li, [supplimenti tal-prezz fakultattivi] għandhom jiġu nnotifikati b’mod ċar, trasparenti u inekwivoku fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ riżerva u li għandhom jiġu aċċettati mill-klijenti fuq bażi ta’ ‘opt-in’, jinkludi wkoll il-prezzijiet, marbuta mal-vjaġġ, ta’ servizzi ta’ terzi (f’dan il-każ: il-fornitur ta’ assigurazzjoni għal kanċellament ta’ vvjaġġar), li l-bejjiegħ tal-vjaġġ bl-ajru jiffattura lill-passiġġier flimkien mal-prezz tat-titjira, bħala prezz globali?”

IV – Analiżi legali

17.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-ispejjeż, marbuta mal-vjaġġ, għas-servizzi pprovduti minn terzi, bħall-assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar inkwistjoni, li l-bejjiegħ tat-titjira jiffattura lill-klijent flimkien mal-prezz tat-titjira bħala parti mill-prezz globali, jikkostitwixxux “supplimenti tal-prezz fakultattivi” fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, f’liema każ l-aċċettazzjoni mill-klijent ta’ dak il-prezz jew b’mod iktar speċifiku tal-offerta tas-servizz ikkonċernat għandha tkun fuq bażi ta’ “opt-in”.

A –    Is-sottomissjonijiet ewlenin tal-partijiet

18.      F’din il-kawża, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn ebookers.com, mill-BVV, mill-Gvern ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Awstrija u tal-Finlandja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ebookers.com, il-BVV u l-Kummissjoni Ewropea kienu rrappreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Jannar 2012.

19.      Skont ebookers.com, għad-domanda magħmula għandha tingħata risposta negattiva, inkwantu l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jkoprix l-ispejjeż tas-servizzi li ma jagħmlux parti minn kuntratt ta’ servizz tal-ajru u li ma jiġux ipprovduti minn trasportaturi tal-ajru.

20.      Skont ebookers.com, din l-interpretazzjoni tirriżulta kemm mill-oriġini kif ukoll mill-kliem tar-Regolament Nru 1008/2008 — b’mod partikolari l-Artikolu 23(1) tiegħu — u hija konsistenti wkoll mal-għan ta’ dan ir-regolament, li ma huwiex intiż sabiex jirregola wkoll l-offerti li ma jagħmlux parti mir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn it-trasportaturi tal-ajru u l-klijenti.

21.      Il-BVV, il-Gvern ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Awstrija u tal-Finlandja u l-Kummissjoni Ewropea, li huma tal-fehma opposta, unanimament jissuġġerixxu li d-domanda magħmula għandha tingħata risposta pożittiva.

22.      Sabiex jappoġġjaw is-suġġeriment tagħhom, b’modi ta’ argumentazzjoni li jvarjaw xi ftit, dawn il-partijiet jirreferu b’mod partikolari għall-għan li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1008/2008, hekk kif jirriżulta mill-premessi 15 u 16 tal-preambolu tar-Regolament, li huwa dak li tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi u li l-klijenti jkunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi tal-ajru bejn linja tal-ajru u oħra. Fl-opinjoni tagħhom, huwa ċar, b’mod partikolari mill-Artikolu 2(18) u l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li dan ma japplikax biss għat-trasportaturi tal-ajru u għas-servizzi tagħhom iżda anki għall-aġenti, l-intermedjarji u, b’mod iktar ġenerali, għal terzi u għas-servizzi offruti minnhom b’rabta mas-servizzi tal-ajru jew il-bejgħ ta’ biljetti.

23.      Għaldaqstant, dawn il-partijiet jaqblu li l-ispejjeż tal-assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu bħala supplimenti tal-prezz fakultattivi fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, bil-konsegwenza li, b’mod partikolari, l-aċċettazzjoni ta’ dan il-prezz mill-klijent fuq il-paġna tal-internet ta’ ebookers.com meta jirriżerva titjira għandha tkun fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ “opt-in”.

B –    Evalwazzjoni

24.      Sabiex jiġi stabbilit jekk il-kunċett ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi” fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandux jinftiehem bħala li jkopri wkoll l-ispejjeż li jirriżultaw għas-servizzi bħall-assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, liema servizzi jiġu pprovduti minn parti oħra li ma tkunx it-trasportatur tal-ajru, jeħtieġ li jiġi analizzat bir-reqqa l-kontenut u l-għan ta’ dan l-artikolu u, b’mod partikolari, id-diversi prezzijiet u komponenti tal-prezz li jirreferi għalihom.

25.      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward jidhirli, fuq livell iktar ġenerali, li l-għan tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, bħalma jirriżulta b’mod ċar mill-intestatura u l-kontenut tiegħu, huwa dak li jiżgura l-informazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet għas-servizzi tal-ajru u għaldaqstant, bħalma osservaw ġustament diversi partijiet f’dawn il-proċeduri, li jaqdi l-għan ġenerali li jipproteġi lill-klijenti jew lill-konsumaturi tas-servizzi tal-ajru.

26.      Sussegwentement, fuq livell iktar speċifiku, jidher li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 huwa bbażat fuq distinzjoni bejn żewġ kategoriji ewlenin tal-prezzijiet u l-komponenti tagħhom. Jeżistu rekwiżiti differenti li jikkorrispondu għal dawn iż-żewġ kategoriji u dawn għandhom għanijiet speċifiċi f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni relatata mal-ispejjeż tas-servizzi tal-ajru u l-protezzjoni tal-klijent jew tal-konsumatur.

27.      L-ewwel nett, il-qofol tal-kunċett tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 huwa dak tal-“prezz finali” li jikkonsisti fil-prezz tat-titjira jew ir-rata ta’ trasport bl-ajru tal-merkanzija applikabbli — kif iddefinit b’mod ġenerali fl-Artikolu 2(18) u 2(19) rispettivament ta’ dan ir-regolament — flimkien mat-taxxi u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u d-drittijiet applikabbli kollha.

28.      Skont din id-dispożizzjoni, il-prezz finali li għandu jitħallas mill-klijent għas-servizzi tal-ajru għandu jkun indikat dejjem, flimkien mal-komponenti tiegħu, kif speċifikat sussegwentement f’din id-dispożizzjoni.

29.      Bħalma jirriżulta b’mod ċar mill-premessa 16 tal-preambolu tar-Regolament Nru 1008/2008, dik ir-regola hija maħsuba sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi tal-ajru bejn linja tal-ajru u oħra.

30.      Għal dan l-għan, sabiex ikun jista’ jsir paragun effettiv tal-prezzijiet, għandu jiġi żgurat li l-prezzijiet finali li jkunu se jiġu indikati jkunu jirrigwardaw servizz (tal-ajru) simili u jkunu jinkludu, sa fejn ikun possibbli, komponenti tal-prezz simili. Huwa għalhekk li t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tiddefinixxi l-komponenti tal-prezz, bħall-ħlasijiet u d-drittijiet, li għandhom jiġu inklużi fil-prezz finali li għandu jiġi indikat dejjem, bħala dawk li “ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni”.

31.      B’dan il-mod, il-klijent jiġi informat dwar l-ispejjeż reali ta’ titjira minn A sa B ma’ linja tal-ajru partikolari taħt kundizzjonijiet normali, u jkun jista’ jqabbel dan il-prezz mal-prezz reali tal-istess titjira operata minn linja tal-ajru oħra jew offruta minn aġenti jew bejjiegħa tal-biljetti oħra.

32.      It-tieni nett, u b’kuntrast ma’ dan, is-“supplimenti tal-prezz fakultattivi” li għalihom tirreferi l-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jistgħux jitqiesu, bħalma osservat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, parti mill-“prezz finali” għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni (3) u lanqas parti mill-istess prezz tat-titjira bħala wieħed mill-komponenti tiegħu.

33.      Dawn is-supplimenti huma deskritti bħala “fakultattivi”: għaldaqstant, skont it-tifsira tagħhom, dawn huma prezzijiet jew spejjeż li, għall-kuntrarju tal-prezz tat-titjira u ta’ komponenti oħra tal-prezz iċċitati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, ma humiex inevitabbli f’każ li tkun se tittieħed titjira partikolari u għalhekk jikkonċernaw “elementi addizzjonali” relatati mas-servizz tal-ajru nnifsu li l-klijent jista’ jagħżel jew le li jaċċetta. Huwa proprju minħabba din il-possibbiltà ta’ għażla — li ma teżistix għall-prezz tat-titjira jew għat-taxxi u l-ħlasijiet — li tali prezzijiet supplimentari jistgħu jkunu suġġetti, bħala regola ġenerali, għal proċedura ta’ “opt-in” jew “opt-out”.

34.      Għall-kuntrarju, kieku tali supplimenti tal-prezz fakultattivi kellhom jitqiesu bħala parti mill-prezz finali li għandu jkun indikat dejjem għall-finijiet tal-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-prezzijiet finali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jkunu jistgħu jirreferu għal servizzi jew pakketti ta’ servizzi differenti ħafna minn xulxin, u fil-fatt jiġi ppreġudikat il-paragun bejn id-diversi prezzijiet tas-servizzi tal-ajru tad-diversi linji tal-ajru.

35.      Huwa wkoll għal din ir-raġuni li, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni Ewropea ssuġġerixxiet, id-dispożizzjoni tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 dwar is-supplimenti tal-prezz fakultattivi tat-tip inkwistjoni fil-kawża ineżami ma taqdix l-għan iċċitat fil-premessa 16 tal-preambolu ta’ dak ir-regolament, jiġifieri dak li tiżgura l-paragun effettiv tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru.

36.      Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rekwiżit distint u speċifiku f’dak li jirrigwarda s-supplimenti tal-prezz fakultattivi, jiġifieri li tali prezzijiet għandhom jiġu nnotifikati b’mod ċar, trasparenti u inekwivoku fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ riżerva, u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent — jew, iktar preċiżament, tal-offerta li għaliha jkun se jitħallas is-suppliment tal-prezz — għandha tkun fuq bażi ta’ “opt-in”.

37.      Din ir-regola hija evidentement maħsuba sabiex taqdi għan speċifiku u — f’dak li jirrigwarda l-paragun tal-prezzijiet — għan addizzjonali ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward tal-prezzijiet għas-servizzi tal-ajru, jiġifieri dak li tevita li l-konsumaturi jiġu influwenzati waqt li jkunu qegħdin jirriżervaw titjira — peress li l-komponent tal-prezz fakultattiv u l-offerta sottostanti jkunu installati minn qabel awtomatikament fil-proċedura ta’ riżerva — li jixtru u jħallsu għal servizzi addizzjonali li ma humiex inevitabbli jew ma humiex neċessarji sabiex tittieħed it-titjira maħsuba, sakemm huma ma jagħżlux attivament u espressament li jaċċettaw tali offerti addizzjonali u l-prezzijiet li jridu jħallsu għalihom.

38.      Fl-opinjoni tiegħi, peress li dan huwa l-għan deċiżiv tad-dispożizzjoni dwar “is-supplimenti tal-prezz fakultattivi” tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandu jiġi konkluż li dan il-kunċett huwa intiż ukoll sabiex ikopri l-prezz ta’ servizz bħas-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar bħal dak inkwistjoni kemm-il darba dan jiġi offrut u rriżervat b’rabta ma’ titjira bil-mod deskritt mill-qorti tar-rinviju.

39.      Bħalma diversi partijiet ġustament osservaw, kieku din il-protezzjoni kellha tiddependi fuq jekk is-servizz u l-prezz fakultattivi offruti matul il-proċedura ta’ riżerva ta’ titjira joriġinawx minn kumpannija tal-ajru jew minn kumpannija legalment distinta, jew fuq jekk dak is-servizz jagħmilx strettament parti minn kuntratt tas-servizzi tal-ajru jew le, dan ikun jidher li jmur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni li tipproteġi lill-konsumatur jew lill-klijent.

40.      Jista’ jiġi argumentat ukoll, bħalma tagħmel essenzjalment il-Kummissjoni Ewropea, li fil-kuntest tar-riżerva ta’ vjaġġi bl-ajru, huwa partikolarment fil-każijiet fejn is-servizzi u l-prezzijiet jiġu offruti lill-passiġġier u jistgħu jiġu rriżervati minnu, liema servizzi u prezzijiet ma humiex strettament u tipikament relatati mat-teħid ta’ titjira fiha nnifisha, li l-aċċettazzjoni ta’ dawn is-servizzi u l-prezzijiet għandha tkun suġġetta, mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-klijent, għall-aċċettazzjoni espliċita permezz ta’ proċedura ta’ “opt-in”.

41.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-punt deċiżiv fir-rigward tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma huwiex il-fatt li s-suppliment tal-prezz ikkonċernat joriġina minn kumpannija tal-ajru jew aġenzija relatata magħha jew il-fatt li dan jitħallas, stricto sensu, inkambju għal servizzi tal-ajru, iżda pjuttost il-fatt li s-servizz fakultattiv u l-prezz tiegħu jiġu offruti b’rabta ma’ servizz tal-ajru/titjira u jistgħu jiġu rriżervati fl-istess proċedura bħal dik tas-servizz/titjira.

42.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-opinjoni ta’ ebookers.com, din l-interpretazzjoni ma hijiex inkonsistenti mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1008/2008.

43.      F’dan ir-rigward, wieħed għandu jżomm f’moħħu, l-ewwel nett, li skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, is-suġġett ta’ dan ir-regolament, minbarra li huwa ddefinit b’riferiment għat-trasportaturi tal-ajru (skont dik id-dispożizzjoni, ir-regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji u d-dritt tagħhom li joperaw servizzi tal-ajru intra-Komunitarji), jinkludi wkoll, f’termini iktar ġenerali, “l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji”.

44.      Barra minn hekk, għalkemm bħalma osserva ġustament il-Gvern Finlandiż, l-Artikolu 2(18) tar-Regolament Nru 1008/2008 jikkonċerna d-definizzjoni ta’ “nollijiet ta’ l-ajru” u l-komponenti tal-prezz li jagħmlu parti mill-istruttura tal-ispejjeż tagħhom u għaldaqstant ma huwiex direttament rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett distint ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi” — kif ġie argumentat iktar ’il fuq — ta’ min jinnota li l-paragrafu 18 jagħmel riferiment ukoll għal prezzijiet u spejjeż li fil-fatt joriġinaw minn u jiġu kkreditati lil persuni oħra li ma jkunux huma stess trasportaturi tal-ajru, bħal aġenzija jew servizzi anċillari oħra.

45.      Bl-istess mod, huwa espressament indikat li l-prezz finali li miegħu huwa relatat l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jinkludi komponenti tal-prezz li mhux neċessarjament jitħallsu inkambju għas-servizzi pprovduti mit-trasportaturi tal-ajru stess, u li fil-fatt joriġinaw minn terzi legalment distinti minn kumpannija tal-ajru, u għandhom jitħallsu lilhom: dawn il-komponenti jinkludu t-taxxi kif ukoll ħlasijiet bħalma huma l-ħlasijiet tal-ajruport jew il-ħlasijiet marbutin mas-sigurtà.

46.      Għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1008/2008 ċċitati iktar ’il fuq, jidhirli li għall-kuntrarju tal-pożizzjoni li ħadet ebookers.com, komponent tal-prezz jew tal-ispejjeż ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament sempliċement minħabba li jirriżulta minn, jew għandu jitħallas inkambju għal servizz ipprovdut minn terz legalment distint minn trasportatur tal-ajru, jew minħabba li ma jirriżultax direttament mit-twettiq tas-servizzi tal-ajru nfushom, kif iddefinit fl-Artikolu 2(4) tar-regolament iċċitat, iżda jkun sempliċement relatat ma’ tali servizzi.

47.      Fl-aħħar nett, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li b’mod ġenerali l-aċċettazzjoni permezz ta’ proċedura ta’ “opt-out” ma hijiex ipprojbita fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi ma jqajjimx dubji dwar l-interpretazzjoni li skontha, fil-kuntest tas-servizzi tal-ajru u l-prezzijiet tagħhom taħt ir-Regolament Nru 1008/2008, il-projbizzjoni tal-aċċettazzjoni permezz ta’ proċedura ta’ “opt-out” tapplika għal spejjeż bħal dawk għas-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar. Fl-opinjoni tiegħi, lanqas ma jista’ jiġi argumentat b’mod validu li tali interpretazzjoni tkun tikkostitwixxi diskriminazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra fis-settur tat-trasport (bħall-operaturi tas-servizz ferrovjarju) sempliċement għaliex, għall-inqas attwalment, għad ma hemmx protezzjoni komparabbli fir-rigward tar-riżerva ta’ biljetti u s-supplimenti tal-prezz fakultattivi.

48.      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, nipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi” fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti minn terzi — pereżempju, l-ispiża involuta fis-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali — meta s-servizz u l-prezz li għandu jiġi ffatturat għalih jiġu offruti flimkien ma’ titjira u jistgħu jiġu rriżervati fl-istess proċedura tat-titjira u meta dan il-prezz jiġi ffatturat lill-klijent mill-kumpannija li tbigħ it-titjira flimkien mal-prezz tat-titjira bħala parti minn prezz globali.

V –    Konklużjoni

49.      Għar-raġunijiet hawn fuq premessi, nipproponi li għad-domanda magħmula mill-Oberlandesgericht Köln (il-Ġermanja) tingħata r-risposta li ġejja:

–        Il-kunċett ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi” fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-ispejjeż ta’ servizzi pprovduti minn terzi — pereżempju, l-ispiża għas-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali — meta s-servizz u l-prezz li għandu jiġi ffatturat għalih jiġu offruti flimkien ma’ titjira u jistgħu jiġu rriżervat fl-istess proċedura tat-titjira u meta dak il-prezz jiġi ffatturat lill-klijent mill-kumpannija li tbigħ it-titjira flimkien mal-prezz tat-titjira bħala parti minn prezz globali.


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2—      ĠU 2008 L 293, p. 3.


3 —      Għandha ssir distinzjoni bejn il-“prezz finali” għall-finijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 u s-somma finali jew il-“prezz finali” li klijent jista’ jkollu jħallas fi tmiem il-proċedura ta’ riżerva, li fil-fatt jikkonsisti, bħal fil-kawża inkwistjoni, fil-prezz finali li għandu jitħallas għat-titjira jew għas-servizzi tal-ajru u l-prezz relatat ma’ dawn li għandu jitħallas għal servizzi oħra bħall-assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar.