Language of document : ECLI:EU:C:2012:487

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Lulju 2012 (*)

“Trasport — Trasport bl-ajru — Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni — Regolament (KE) Nru 1008/2008 — Obbligu tal-bejjiegħ tal-vjaġġ bl-ajru li jiżgura li l-aċċettazzjoni mill-klijent tas-supplimenti tal-prezz fakultattivi ssir fuq bażi opt-in — Kunċett ta’ ‘supplimenti tal-prezz fakultattivi’ — Prezz ta’ assigurazzjoni għal kanċellament ta’ titjira pprovduta minn kumpannija tal-assigurazzjoni indipendenti, li jagħmel parti mill-prezz globali”

Fil-Kawża C‑112/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

ebookers.com Deutschland GmbH

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände — Verbraucherzentrale Bundesverband eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ebookers.com Deutschland GmbH, minn P. Plog u S. Zimprich, avukati,

–        għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände — Verbraucherzentrale Bundesverband eV, minn J. Hennig, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u K.-P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU 2008 L 293, p. 3).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ebookers.com Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “ebookers.com”), li tikkummerċjalizza vjaġġi bl-ajru permezz ta’ sit internet amministrat minnha stess, u l-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände — Verbraucherzentrale Bundesverband eV (Unjoni Federali tal-Konfederazzjonijiet u l-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“BVV”), dwar il-legalità tal-mod ta’ bejgħ ta’ dawn il-vjaġġi.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Fi kliem il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008:

“Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. [...]”

4        Il-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi n-“nollijiet ta’ l-ajru”, għall-finijiet tal-istess regolament, bħala li jfissru:

“il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra [...]”

5        Bl-istess mod, il-punt 19 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament jiddefinixxi r-“rati ta’ l-ajru”, għall-finijiet tal-istess regolament, bħala li jfissru:

“il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu għat-trasport ta’ merkanzija u l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra [...]”

6        Taħt it-titolu “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

(a)       in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

(b)       it-taxxi;

(ċ)       il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

(d)       ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (ċ) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        ebookers.com tikkummerċjalizza vjaġġi bl-ajru permezz ta’ sit tal-internet amministrat minnha stess. Meta klijent ikun għażel titjira partikolari fil-kuntest tal-proċess ta’ prenotazzjoni aċċessibbli minn dan is-sit, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-prenotazzjoni jidhru fir-rokna tal-lemin tan-naħa ta’ fuq tal-paġna tas-sit tal-internet ta’ ebookers.com, taħt it-titolu “l-ispejjeż attwali tal-ivvjaġġar tiegħek” (“Ihre aktuellen Reisekosten”). Dawn l-ispejjeż jinkludu, minbarra l-prezz proprju tat-titjira, ammont li jikkorrispondi għat-“taxxi u drittijiet” (“Steuern und Gebühren”), kif ukoll l-ispejjeż marbuta ma’ “assigurazzjoni għal kanċellament tal-ivvjaġġar” (“Versicherung Rücktrittskostenschutz”), ikkalkolati b’mod awtomatiku. It-total ta’ dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw il-“prezz globali tal-vjaġġ” (“Gesamtreisepreis”).

8        Fil-każ fejn il-prenotazzjoni ssir definittiva, il-klijent għandu jħallas somma waħda li tikkorrispondi għal dan il-prezz globali tal-vjaġġ lil ebookers.com. Din tal-aħħar tħallas il-prezz tal-biljett lit-trasportatur tal-ajru kkonċernat u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni għal kanċellament lil kumpannija tal-assigurazzjoni, li hija ġuridikament u ekonomikament indipendenti mit-trasportatur tal-ajru. Bl-istess mod, ebookers.com tgħaddi t-taxxi u d-drittijiet lill-benefiċjarji tagħhom. Fil-każ li l-klijent ma jkunx jixtieq jieħu l-assigurazzjoni għal kanċellament, hemm informazzjoni, fil-qiegħ tal-paġna tas-sit tal-internet, dwar il-proċedura li għandu jsegwi, li tikkonsisti f’għażla espliċita ta’ rifjut (“opt-out”).

9        Il-BVV tqis li dan il-metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ vjaġġi bl-ajru jmur kontra l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 u teżiġi li, fl-ambitu tal-proċess ta’ prenotazzjoni ta’ titjiriet disponibbli fuq is-sit tal-internet tagħha, ebookers.com ma tibqax tipprovdi ħruġ, b’mod awtomatiku, ta’ assigurazzjoni għal kanċellament. Fit-28 ta’ Diċembru 2009, il-BVV ressqet talba f’dan is-sens quddiem il-Landgericht Bonn, li ddeċidiet li tilqa’ b’mod sħiħ din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Lulju 2010.

10      Fil-kuntest tal-appell minn din id-deċiżjoni ppreżentat minn ebookers.com fit-23 ta’ Awwissu 2010, l-Oberlandesgericht Köln tistaqsi dwar jekk l-offerta ta’ ebookers.com inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Peress li qieset li s-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u la l-kliem u lanqas l-istruttura ta’ din tal-aħħar ma jindikaw b’mod inekwivoku jekk din hijiex applikabbli għal din il-kwistjoni, l-istess qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 1008/2008], li jipprovdi li, [supplimenti tal-prezz fakultattivi] għandhom jiġu nnotifikati b’mod ċar, trasparenti u inekwivoku fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ riżerva u li għandhom jiġu aċċettati mill-klijenti fuq bażi ta’ ‘opt-in’, jinkludi wkoll il-prezzijiet, marbuta mal-vjaġġ, ta’ servizzi ta’ terzi (f’dan il-każ: il-fornitur ta’ assigurazzjoni għal kanċellament ta’ vvjaġġar), li l-bejjiegħ tal-vjaġġ bl-ajru jiffattura lill-passiġġier flimkien mal-prezz tat-titjira, bħala prezz globali?”

 Fuq id-domanda preliminari

11      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi”, previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-prezzijiet, marbuta mal-vjaġġ bl-ajru, ta’ servizzi, bħall-assigurazzjoni għal kanċellament ta’ titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprovduti minn parti oħra li ma tkunx it-trasportatur tal-ajru u ffatturati lill-klijent mill-bejjiegħ ta’ dan il-vjaġġ flimkien man-noll tat-titjira, taħt il-forma ta’ prezz globali.

12      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-1 ta’ Marzu 2007, Schouten, C‑34/05, Ġabra p. I‑1687, punt 25, u tat-3 ta’ Diċembru 2009, Yaesu Europe, C‑433/08, Ġabra p. I‑11487, punt 24).

13      Hekk kif jirriżulta b’mod ċar kemm mit-titolu kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ajru u, għalhekk, tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-klijent li jirrikorri għal dawn is-servizzi.

14      B’mod partikolari, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tipprevedi s-“supplimenti tal-prezz fakultattivi”, li ma humiex inevitabbli, b’mod kuntrarju għan-noll tal-ajru jew għar-rata tal-ajru u għal elementi oħra li jikkostitwixxu l-prezz definittiv tat-titjira msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament. Dawn is-supplimenti tal-prezz fakultattivi huma għalhekk marbuta ma’ servizz li, filwaqt li jissuplimentaw is-servizz tal-ajru nnifsu, la huma obbligatorji u lanqas indispensabbli għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanzija, tant li l-klijent jagħżel jekk għandux jaċċettahom jew jirrifjutahom. Huwa proprju minħabba l-fatt li l-klijent huwa f’pożizzjoni li jagħmel din l-għażla li tali supplimenti tal-prezz għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u inekwivoku fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni, u li dawn għandhom ikunu s-suġġett ta’ aċċettazzjoni minnu fuq il-bażi opt-in, skont kif previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-istess regolament.

15      Dan ir-rekwiżit speċifiku għas-supplimenti tal-prezz fakultattivi, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, huwa intiż sabiex jipprekludi li l-klijent ta’ servizzi tal-ajru jiġi inċitat, fil-kuntest ta’ proċess ta’ prenotazzjoni ta’ titjira, sabiex jixtri servizzi addizzjonali għat-titjira nnifisha, li ma humiex inevitabbli u indispensabbli għall-finijiet ta’ din it-titjira, sakemm dan ma jagħżilx espressament li jixtri dawn is-servizzi addizzjonali u li jħallas is-suppliment tal-prezz marbut magħhom.

16      Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jikkorrispondi għal dak previst, b’mod ġenerali, fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi, fil-qasam tal-ħlasijiet supplimentari, fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, p. 64). Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-kummerċjant huwa obbligat, qabel ma l-konsumatur jintrabat b’offerta, li jikseb il-kunsens espress ta’ dan tal-aħħar għal kull ħlas supplimentari għar-remunerazzjoni miftiehma għall-obbligu kuntrattwali prinċipali tal-kummerċjant, filwaqt li dan il-kunsens ma jistax jiġi preżunt bl-użu ta’ għażliet awtomatiċi li l-konsumatur għandu jirrifjuta sabiex jevita dan il-ħlas supplimentari.

17      F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa kuntrarju għall-għan ta’ protezzjoni tal-klijent li rrikorra għal servizzi tal-ajru, imfittex mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li din il-protezzjoni tkun dipendenti fuq jekk is-servizz addizzjonali fakultattiv marbut mat-titjira nnifisha u s-suppliment tal-prezz marbut ma’ dan is-servizz, offruti fil-kuntest tal-proċess ta’ prenotazzjoni tal-istess titjira, joriġinawx mit-trasportatur tal-ajru jew minn parti oħra li ma tkunx it-trasportatur u li tkun ġuridikament u ekonomikament indipendenti minnu. Fil-fatt, li kieku tali protezzjoni setgħet tkun dipendenti fuq il-kwalità tal-fornitur tas-servizz addizzjonali billi tali protezzjoni tingħata biss jekk dan is-servizz jiġi pprovdut minn trasportatur tal-ajru, tali protezzjoni tkun tista’ faċilment tiġi evitata u, għalhekk, dan l-istess għan ikun ċertament ippreġudikat. Fi kwalunkwe każ, tali proċess huwa inkompatibbli mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/83.

18      Minn dan isegwi li, b’mod kuntrarju għal dak li ebookers.com issostni, għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, ma huwiex importanti li s-servizz addizzjonali fakultattiv u s-suppliment tal-prezz marbut miegħu huma offruti mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat jew minn fornitur marbut miegħu, iżda li dan is-servizz u l-prezz tiegħu huma offruti flimkien mat-titjira nnifisha fil-kuntest tal-proċess ta’ prenotazzjoni marbut magħha.

19      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’mod kuntrarju għal dak li ebookers.com issostni, din l-interpretazzjoni ma hijiex inkompatibbli mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1008/2008. Fil-fatt, minkejja li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa ddefinit b’riferiment għat-trasportaturi tal-ajru, peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-istess regolament jirregola l-liċenzji tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji u d-dritt tagħhom li joperaw servizzi tal-ajru intra-Komunitarji, jibqa’ xorta waħda l-fatt li dan l-għan jinkludi wkoll, fi kliem din id-dispożizzjoni, “l-ipprezzar tas-servizzi ta’ l-ajru intra-Komunitarji”. Bl-istess mod, mill-kliem tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-istess regolament, redatt f’termini ġenerali, kif ukoll mill-għan ta’ protezzjoni mfittex minnu, jirriżulta li, kif ikkonstatat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni previst minn din id-dispożizzjoni ma jistax ikun dipendenti fuq il-kwalità tal-fornitur tas-servizz addizzjonali fakultattiv marbut mat-titjira nnifisha.

20      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha hawn fuq premessi, għad-domanda mressqa għandha tingħata r-risposta li l-kunċett ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi”, previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-prezzijiet, marbuta mal-vjaġġ bl-ajru, ta’ servizzi, bħalma hija l-assigurazzjoni għal kanċellament ta’ titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprovduti minn parti li ma tkunx it-trasportatur tal-ajru u ffatturati lill-klijent mill-bejjiegħ ta’ dan il-vjaġġ flimkien man-noll tat-titjira, taħt il-forma ta’ prezz globali.

 Fuq l-ispejjeż

21      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “supplimenti tal-prezz fakultattivi”, previst fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-prezzijiet, marbuta mal-vjaġġ bl-ajru, ta’ servizzi, bħalma hija l-assigurazzjoni għal kanċellament ta’ titjira inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprovduti minn parti li ma tkunx it-trasportatur tal-ajru u ffatturati lill-klijent mill-bejjiegħ ta’ dan il-vjaġġ flimkien man-noll tat-titjira, taħt il-forma ta’ prezz globali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.