Language of document : ECLI:EU:T:2014:113

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

12 ta’ Marzu 2014 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi adottati kontra s-Sirja — Iffriżar ta’ fondi — Iskrizzjoni ta’ individwu fil-lista ta’ persuni kkonċernati — Rabtiet personali mal-membri tar-reġim — Drittijiet tad-difiża — Smigħ xieraq — Obbligu ta’ motivazzjoni — Oneru tal-prova — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Proporzjonalità — Dritt għall-proprjetà — Dritt għall-ħajja privata”

Fil-Kawża T‑202/12,

Bouchra Al Assad, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentata minn G. Karouni u C. Dumont, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn G. Étienne u M.-M. Joséphidès, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali, fl-ewwel lok, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/172/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 87, p. 103), fit-tieni lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU L 330, p. 21), fit-tielet lok, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 111, p. 1, Rettifika ĠU L 127, p. 27), u, fir-raba’ lok, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, G. Berardis (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Bouchra Al Assad, hija ċittadina Sirjana, oħt il-President tar-Repubblika Għarbija Sirjana, Bashar Al Assad, u mart, u sussegwentement armla, ta’ membru ieħor tal-Gvern Sirjan Asif Shawkat.

2        Fid-9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11).

3        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul fi, jew it-tranżitu minn ġewwa, it-territorju tagħhom tal-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u l-persuni assoċjati magħhom, inklużi fil-lista tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni.

4        L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273 jistabbilixxi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti fuq il-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u l-entitajiet assoċjati magħhom, għandhom jiġu ffriżati. Il-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar huma ddefiniti f’paragrafi oħra tal-istess artikolu.

5        Skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2011/273, il-Kunsill stabbilixxa l-lista ta’ persuni kkonċernati.

6        Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/273, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1). L-Artikolu 4(1) ta’ dan tal-aħħar jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u organi enumerati fl-Anness II.

7        Id-Deċiżjoni 2011/273 ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56).

8        L-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni 2011/782 jikkorrispondu rispettivament għall-Artikolu 3(1) u għall-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273, biż-żieda li l-miżuri restrittivi hemm stabbiliti japplikaw ukoll għal persuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi adottati mir-reġim jew li jsostnu li dan tal-aħħar.

9        Ir-Regolament Nru 442/2011 ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1).

10      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/172/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU L 87, p. 103), l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/782, minħabba s-segwenti raġuni:

“Oħt Bashar al Assad, u mart Asif Shawkat, Deputat Kap tal-Persunal għas-Sigurtà u t-Tkixxif. Minħabba r-relazzjoni personali mill-qrib u r-relazzjoni finanzjarja intrinsika mal-President Sirjan Bashar Al Assad u persuni oħra fil-qalba tar-reġim Sirjan, hija tibbenefika mir-reġim Sirjan u hija assoċjata miegħu.”

11      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 266/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 87, p. 45), l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012, għall-istess raġuni riprodotta fil-punt 10 iktar ʼil fuq.

12      Fl-24 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/782, kif implimentata bid-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni 2012/172, u r-Regolament Nru 36/2012, kif implimentat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 266/2012 (ĠU C 88, p. 9, iktar ʼil quddiem l-“Avviż tal-24 ta’ Marzu 2012”).

13      Skont dan l-avviż, il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jressqu quddiem il-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom ikun ġie inkluż fil-listi annessi mal-istrumenti msemmija fil-punt 12 iktar ʼil fuq, billi jehmżu magħha dokumenti ta’ sostenn.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ippreżentat din il-kawża, intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2012/172, sa fejn din tikkonċernaha.

15      Fir-replika, ir-rikorrenti kkonfermat din it-talba għal annullament.

16      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti, fid-dawl tal-fatt li l-Kunsill fil-frattemp adotta d-Deċiżjoni 2012/739/PESK, tad-29 ta’ Novembru 2012, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/782/PESK (ĠU L 330, p. 21), talbet li t-talba għall-annullament tagħha tiġi estiża bil-għan li tkun tkopri mhux biss id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, iżda wkoll id-Deċiżjoni 2012/739, li l-Anness tagħha kien jinkludi, fil-punt 71, isimha, għall-istess raġuni riprodotta fil-punt 10 iktar ʼil fuq (iktar ʼil quddiem it-“talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2012/739”).

17      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2013, il-Kunsill iddikjara li ma għandux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar it-talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2012/739.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

19      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid sabiex tadatta t-talbiet tagħha bil-għan li r-rikors tagħha għal annullament ikun jirrigwarda wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 363/2013, tat-22 ta’ April 2013, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 (ĠU L 111, p. 1, Rettifika ĠU 2013 L 127, p. 27), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 147, p. 14), sa fejn dawn l-istrumenti, li magħhom hemm annessi listi li jinkludu isimha, jaffettwaw is-sitwazzjoni tagħha (iktar ʼil quddiem, rispettivament, it-“talba li tirrigwarda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013” u t-“talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2013/255”).

20      Fit-30 ta’ Lulju 2013 ukoll, ir-rikorrenti talbet li tippreżenta offerti ġodda ta’ provi marbuta mal-mewt ta’ żewġha u mal-fatt li hija kienet ittrasferiet ruħha lejn l-Emirati Għarab Magħquda, flimkien mat-tfal tagħha, li jattendu l-iskola hemmhekk (iktar ʼil quddiem l-“offerti ġodda ta’ provi”).

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Awwissu 2013, l-offerti l-ġodda ta’ provi ġew inseriti fil-proċess.

22      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill iddikjara li ma għandux osservazzjonijiet x’jagħmel dwar it-talba li tirrigwarda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u dwar it-talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2013/255.

23      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill essenzjalment sostna li l-offerti l-ġodda ta’ provi ma kellhom l-ebda effett fuq l-eżitu ta’ din il-kawża, peress li l-mewt tal-konjuġi tar-rikorrenti u l-fatt li t-tfal tagħha jmorru l-iskola fl-Emirati Għarab Magħquda ma jbiddlux ir-rabtiet tagħha mar-reġim Sirjan. Barra minn hekk, il-Kunsill enfasizza li d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma kinux jipprovaw li hija kienet telqet mis-Sirja.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013. B’mod partikolari, ir-rikorrenti kkonfermat li r-rikors promotur kien jirrigwarda d-Deċiżjoni 2012/172, li bis-saħħa tagħha isimha ġie inkluż fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/782. Ittieħdet nota ta’ din id-dikjarazzjoni fil-minuti tas-seduta.

25      F’dik l-istess okkażjoni, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kunsill sabiex jipproduċi l-prova ta’ komunikazzjoni individwali lir-rikorrenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013.

26      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2013, il-Kunsill ipproduċa l-prova tal-fatt, minn naħa, li huwa kien ikkomunika individwalment lil wieħed mir-rappreżentanti tar-rikorrenti f’din il-kawża bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u r-rettifika tiegħu permezz ta’ ittra rreġistrata tat-13 ta’ Mejju 2013, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi rappreżentant kien irċieva din l-ittra fis-17 ta’ Mejju 2013. L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-prova prodotta mill-Kunsill ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2013.

27      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti talbet is-sospensjoni tal-proċedura, bil-għan li tkun tista’ tressaq quddiem il-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha.

28      Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, wara li sema’ lill-Kunsill, ċaħad it-talba għal sospensjoni, u, min-naħa l-oħra, iddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

29      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2012/739, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tannulla d-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

30      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal adattament tat-talbiet

31      Ir-rikorrenti talbet sabiex tiġi estiża l-portata tar-rikors tagħha għal annullament bil-għan li dan tal-aħħar ikun jirrigwarda wkoll id-Deċiżjoni 2012/739, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 u d-Deċiżjoni 2013/255.

 Fuq it-talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2012/739 u t-talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2013/255

32      Hemm lok li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 16 u 19 iktar ʼil fuq, wara l-preżentata tar-rikors, minn naħa, id-Deċiżjoni 2011/782, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, tħassret u ġiet issostitwita bid-Deċiżjoni 2012/739 u, min-naħa l-oħra, peress li din tal-aħħar ma baqgħetx applikabbli, ġiet adottata d-Deċiżjoni 2013/255. L-isem tar-rikorrenti huwa inkluż fil-listi li jikkostitwixxu l-Anness I tad-Deċiżjoni 2012/739 u tad-Deċiżjoni 2013/255, għall-istess raġuni li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni 2012/172, li hija riprodotta fil-punt 10 iktar ʼil fuq.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-att ikkontestat inizjalment jiġi, fil-mori tal-kawża, issostitwit b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, dan tal-aħħar għandu jitqies li huwa element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. F’dan is-sens ma jistax jiġi aċċettat li istituzzjoni jew korp tal-Unjoni Ewropea tista’, sabiex taffaċċja l-kritika li tinsab f’rikors dirett kontra wieħed minn dawn l-atti, tadatta dan l-att jew tissostitwixxih b’ieħor u tinvoka, fil-mori tal-kawża, din l-emenda jew din is-sostituzzjoni sabiex tkun tista’ ċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li twessa’ t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att ulterjuri jew li tippreżenta talbiet u motivi supplimentari kontrih (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 8, u tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Mejju 2013, Al Matri vs Il-Kunsill, T‑200/11, punt 80).

34      Hemm lok li tiġi ammessa l-ammissibbiltà tat-talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2012/739 u tat-talba li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2013/255. Fil-fatt, fid-dawl tad-dati tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, id-29 ta’ Novembru 2012 u l-31 ta’ Mejju 2013 rispettivament, ta’ dawn id-deċiżjonijiet, li skonthom ir-rikorrenti għandha tibqa’ suġġetta għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, l-imsemmija talbiet, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar u fit-30 ta’ Lulju 2013, bilfors tressqu fit-terminu għall-preżentata tar-rikors applikabbli għal kull waħda mid-deċiżjonijiet inkwistjoni.

 Fuq it-talba li tirrigwarda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013

35      Kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ʼil fuq, kien permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 266/2012 li isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012.

36      Madankollu, huwa stabbilit li r-rikors promotur fil-kawża odjerna ma kienx jirrigwarda r-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 266/2012.

37      Huwa stabbilit ukoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 jemenda r-Regolament Nru 36/2012.

38      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 iktar ʼil fuq jirriżulta li talba għal adattament tat-talbiet hija maħsuba sabiex tippermetti lir-rikorrent li jemenda l-portata tar-rikors tiegħu meta l-att ikkontestat inizjalment ikun ġie, fil-mori tal-kawża, issostitwit jew emendat permezz ta’ att ieħor.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba li tirrigwarda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 363/2013 hija inammissibbli, minħabba li r-rikorrenti testendi s-suġġett tar-rikors tagħha għal att li hija kienet naqset li tikkontesta fir-rikors, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk din it-talba tressqitx fit-terminu għall-preżentata tar-rikors.

40      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti għandha dritt tippreżenta rikors kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, li tinkludi isimha fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/782, id-Deċiżjoni 2012/739 u d-Deċiżjoni 2013/255, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien bħala, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Fuq il-mertu

41      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba’ motivi bbażati:

–        l-ewwel wieħed fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

–        it-tieni wieħed fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        it-tielet wieħed fuq l-assenza ta’ prova ta’ rabta suffiċjenti bejnha u s-sitwazzjoni li tat lok għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

–        ir-raba’ wieħed fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-ħajja privata.

42      Jeħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok it-tieni motiv, sussegwentement l-ewwel wieħed, imbagħad it-tielet u fl-aħħar ir-raba’ motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

43      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jippreċiżawx ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, qies li hija kellha tiġi ssuġġettata għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja. Il-motivazzjoni pprovduta fl-imsemmija deċiżjonijiet hija vaga u ġenerali u sempliċement issemmi r-rabtiet personali u familjari tagħha, minflok tipproduċi elementi oġġettivi li jippermettu l-konklużjoni li hija pparteċipat f’aġir li l-qraba tagħha huma responsabbli għalih.

44      Barra minn hekk, ma ġiet ikkomunikata l-ebda motivazzjoni addizzjonali lir-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

45      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

46      Qabel xejn, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni, stabbilit b’dan il-mod, jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li ma jistgħux isiru derogi minnu ħlief fil-każ ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, il-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess waqt bħall-att li jikkawża preġudizzju, fejn l-assenza tagħha ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-persuna kkonċernata tieħu konjizzjoni tal-motivi tal-att matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 80).

47      Għaldaqstant, sakemm il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ma tkunx prekluża minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew mal-mod kif jitmexxew ir-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, il-Kunsill huwa obbligat li jagħti lil persuna jew entità suġġetta għall-miżuri restrittivi r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li minħabba fihom huwa jikkunsidra li dawn għandhom jiġu adottati. Għalhekk, huwa għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom hija bbażata l-ġustifikazzjoni legali tal-miżuri kkonċernati u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh sabiex jadotta dawn il-miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

48      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (sentenzi Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 53 u 54, u Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 82).

49      F’dan il-każ, il-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill għall-iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja dejjem kienet din li ġejja:

“Oħt Bashar al Assad, u mart Asif Shawkat, Deputat Kap tal-Persunal għas-Sigurtà u t-Tkixxif. Minħabba r-relazzjoni mill-qrib u r-relazzjoni finanzjarja intrinsika mal-President Sirjan Bashar Al Assad u persuni oħra fil-qalba tar-reġim Sirjan, hija tibbenefika mir-reġim Sirjan u hija assoċjata miegħu.”

50      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-qari ta’ din il-motivazzjoni ppermetta lir-rikorrenti li tifhem li isimha ġie inkluż fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja minħabba r-rabtiet personali u familjari tagħha.

51      Il-konferma tal-fatt li r-rikorrenti fehmet sewwa li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq dawn ir-rabtiet tinsab fiċ-ċirkustanza li, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija invokat motiv, it-tielet wieħed, li jikkontesta preċiżament il-possibbiltà li l-Kunsill jadotta miżuri restrittivi fil-konfront tagħha sempliċement abbażi ta’ tali rabtiet.

52      Barra minn hekk, peress li r-raġunijiet tal-għażla tal-Kunsill ġew indikati b’mod ċar fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Qorti Ġenerali tinsab f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tagħhom.

53      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 181 u Il-Kunsill vs Bamba, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 60).

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li l-fondatezza tal-motivazzjoni pprovduta mill-Kunsill fir-rigward tar-rikorrenti għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ prova ta’ rabta suffiċjenti bejn ir-rikorrenti u s-sitwazzjoni li tat lok għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra s-Sirja.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

55      Ir-rikorrenti ssostni li isimha ġie inkluż fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, li huma ta’ natura kriminali, mingħajr ma ġiet informata minn qabel bir-raġunijiet għal din l-iskrizzjoni u mingħajr ma ngħatat id-dritt għal smigħ f’dan ir-rigward. In-neċessità li dawn il-miżuri jipproduċu effett ta’ sorpriża ma kinitx tostakola l-iffissar ta’ seduta qabel l-adozzjoni tagħhom.

56      Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kunsill naqas mill-obbligu tiegħu li jinnotifikaha bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħha, anki meta l-indirizz tagħha ma setax jiġi injorat. Il-pubblikazzjoni tal-Avviż tal-24 ta’ Marzu 2012 ma tathiex il-“possibbiltà konkreta” li tippreżenta osservazzjonijiet fuq l-iskrizzjoni tagħha. Fil-fatt, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid imsemmija minn dak l-avviż ma tippermettilhiex li ssostni b’mod utli l-opinjoni tagħha u ma tipprovdix garanziji suffiċjenti. Għaldaqstant, ftit jimporta li hija ma ressqitx talba f’dan is-sens.

57      Fl-aħħar, ir-rikorrenti tallega li hija ma setgħetx teżerċita d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li l-Kunsill ma kkomunikalhiex il-motivi li abbażi tagħhom hija ġiet issuġġettata għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja.

58      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

59      Jeħtieġ li jitfakkar li d-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva huwa stabbilit espressament fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali daqs it-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, punt 66).

60      Hemm lok ukoll li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u li barra minn hekk ġie affermat mill-ġdid permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, iktar ʼil quddiem is-“sentenza Kadi”, punt 335).

61      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna, b’mod partikolari, il-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata l-awtorità tal-Unjoni li tinkludi l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi adottati mill-imsemmija awtorità, timplika li din tal-aħħar hija obbligata tikkomunika dawn il-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, sa fejn huwa possibbli, jew fil-mument li fih din l-iskrizzjoni tiġi deċiża, jew, għall-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li din kienet deċiża, sabiex dawn id-destinatarji jkunu jistgħu jeżerċitaw, fit-termini previsti, id-dritt ta’ rikors tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 336).

62      Ir-rispett ta’ dan l-obbligu li l-imsemmija motivi jiġu kkomunikati huwa fil-fatt neċessarju kemm sabiex jippermetti lid-destinatarji tal-miżuri restrittivi jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li jiddeċiedu b’għarfien komplet tal-fatti jekk huwiex utli li l-każ jitressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15) kif ukoll sabiex iqiegħdu lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ tal-legalità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni, li hija għandha tagħmel bis-saħħa tat-Trattat (sentenza Kadi, punt 337).

63      Għaldaqstant, skont ir-rekwiżiti stabbiliti minn dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 21(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2011/782, l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2012/739 u l-Artikolu 30(2) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255 jipprevedu li l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna kkonċernata, inklużi r-raġunijiet għall-iskrizzjoni tagħha fil-lista, direttament, jekk l-indirizz tagħha jkun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, fejn din għandha tingħata l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat.

64      F’dan il-każ, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, ġie ppubblikat l-Avviż tal-24 ta’ Marzu 2012 li b’hekk ipprovda lir-rikorrenti bil-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet lill-Kunsill.

65      Il-fatt li din il-komunikazzjoni saret wara l-ewwel iskrizzjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jistax waħdu jitqies li huwa ksur tad-drittijiet tad-difiża.

66      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, tad-dritt għal smigħ fir-rigward ta’ miżuri restrittivi, ma jirrikjedix li l-awtoritajiet tal-Unjoni, qabel l-iskrizzjoni inizjali tal-isem tal-persuna jew ta’ entità fil-lista li timponi miżuri restrittivi, jikkomunikaw ir-raġunijiet għal din l-iskrizzjoni lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 338).

67      Fil-fatt, tali komunikazzjoni minn qabel tkun tali li tikkomprometti l-effikaċja tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi imposti mill-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 339).

68      Bil-għan li jilħqu l-għan tagħhom, tali miżuri għandhom, minn natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 340).

69      Għaldaqstant, il-Kunsill ma kienx obbligat li jisma’ lir-rikorrenti qabel l-ewwel iskrizzjoni tagħha fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja.

70      Madankollu, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739 u tad-Deċiżjoni 2013/255, li huma atti sussegwenti li żammew l-isem tar-rikorrenti fil-lista li tinkludi l-ismijiet tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi, ma jistax fil-prinċipju jiġi invokat b’mod validu l-argument tal-effett ta’ sorpriża tal-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 62).

71      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti, f’dan il-każ ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni diġà koperti minn dawn tal-aħħar jippreżumi li l-Kunsill ikun ipproduċa elementi ġodda fil-konfront ta’ dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 63).

72      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kunsill, meta żamm l-isem tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja, ma pproduċa l-ebda element ġdid, li ma kienx diġà ġie kkomunikat lir-rikorrenti wara l-iskrizzjoni inizjali tagħha.

73      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punt 63 iktar ʼil fuq, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà, fuq l-inizjattiva tagħha, li tinstema’ mill-Kunsill mingħajr ma jinħareġ invit espliċitu ġdid qabel l-adozzjoni ta’ kull att sussegwenti, fl-assenza ta’ elementi ġodda prodotti fil-konfront tagħha.

74      Madankollu, ir-rikorrenti ma għamlitx użu minn din il-possibbiltà.

75      Barra minn hekk, il-Kunsill, fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni 2012/739, ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739 u fir-Regolament Nru 36/2012, kif implimentati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1117/2012 (ĠU 2012, C 370, p. 6).

76      Bl-istess mod, fit-23 ta’ April 2013, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2012/739, kif implimentata bid-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/185/PESK, u mir-Regolament Nru 36/2012, kif implimentat bir-Regolament ta’ implimentazzjoni Nru 363/2013 (ĠU C 115, p. 5).

77      Il-kontenut ta’ dawn l-avviżi jikkorrispondi essenzjalment għal dak tal-Avviż tal-24 ta’ Marzu 2012.

78      F’tali ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni matul diversi xhur li tikkontesta l-elementi li jiġġustifikaw l-iskrizzjoni u ż-żamma tagħha fl-anness li jirrigwarda l-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi.

79      Fir-rigward tal-fatt li l-Kunsill ma kkonċediex seduta lir-rikorrenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li la l-leġiżlazzjoni inkwistjoni u lanqas il-prinċipju ġenerali tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża ma jagħtu lill-persuni kkonċernati d-dritt għal tali seduta (ara, bʼanaloġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, punt 93, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti lanqas ma pprovat tikkontesta d-dikjarazzjoni tal-Kunsill li huwa ma kellux l-indirizz tagħha fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att.

81      Fi kwalunkwe każ, jekk jiġi preżunt li l-Kunsill ma setax jinjora l-indirizz tar-rikorrenti, hemm lok li jiġi osservat, minn naħa, li l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172, għalkemm tinċidi fuq il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors, ma tiġġustifikax waħidha, l-annullament tal-atti inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda argument maħsub sabiex juri li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/172 irriżultat fi ksur tad-drittijiet tagħha li jiġġustifika l-annullament ta’ din tal-aħħar sa fejn din tikkonċernaha.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġew miksura la waqt l-iskrizzjoni tagħha u lanqas waqt iż-żamma tagħha fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja.

83      Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ prova ta’ rabta suffiċjenti bejn ir-rikorrenti u s-sitwazzjoni li tat lok għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja

84      Ir-rikorrenti tilmenta mill-fatt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jinkludux provi li juru l-eżistenza ta’ rabta bejn, minn naħa, il-persuna tagħha, l-aġir tagħha u l-attivitajiet tagħha, u min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-miżuri restrittivi kontra s-Sirja. Peress li r-rikorrenti hija mara tad-dar li ma teżerċita l-ebda funzjoni pubblika jew ekonomika, is-sempliċi eżistenza ta’ rabtiet personali jew familjari indikati fl-imsemmija deċiżjonijiet ma tiġġustifikax l-iskrizzjoni tagħha fil-listi ta’ persuni indirizzati minn dawn il-miżuri. Barra minn hekk hija tindika li fil-frattemp żewġha kien miet.

85      Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill ippreżuma indebitament mir-rabtiet personali u familjari tagħha li hija kienet tibbenefika mir-reġim Sirjan u li kienet assoċjata miegħu, meta huwa kellu jiskriviha fil-listi biss jekk huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu provi relatati ma’ aġir effettiv tagħha, li jistabbilixxu r-responsabbiltà personali tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2012, Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P). Barra minn hekk, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tillimita ruħha sabiex tivverifika l-verosimiljanza astratta tar-raġunijiet tal-Kunsill, iżda għandha taċċerta ruħha li dan tal-aħħar ibbaża ruħu fuq informazzjoni u provi preċiżi u konkreti, ħaġa li ma saritx f’dan il-każ. Dan huwa l-istess tip ta’ stħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita fir-rigward ta’ miżuri restrittivi kontra t-terroristi.

86      Fl-aħħar, ir-rikorrenti osservat li l-allegata assenza ta’ kull prova fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma tistax tiġi ssanata permezz tal-astratti ta’ siti tal-internet prodotti mill-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali bil-għan li juri li hija involuta fil-ħajja politika Sirjana. Fil-fatt, din hija informazzjoni ta’ natura purament spekulattiva.

87      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

88      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(1) tad-Deċiżjoni 2011/782, ir-restrizzjonijiet fil-qasam tad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi japplikaw mhux biss għall-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, iżda wkoll għall-persuni li jibbenefikaw mil-linji politiċi mmexxija mir-reġim jew li jappoġġjawh u għall-persuni marbuta magħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet huma riprodotti rispettivament fl-Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2012/739 u fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255.

89      Billi pproċeda b’dan il-mod, il-Kunsill kellu l-intenzjoni li juża l-preżunzjoni li l-persuni li r-rabtiet tagħhom ma’ membri tar-reġim Sirjan kienu pprovati huma meqjusa bħala li jibbenefikaw minn dan tal-aħħar jew li jappoġġjawh u għaldaqstant bħala assoċjati miegħu.

90      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kunsill ikkunsidra li hija “bbenefikat mir-reġim Sirjan u kienet assoċjata miegħu”, minħabba li hija kienet oħt il-President Bashar Al Assad, li kienet mart Asif Shawkat, viċi-kap kmandant responsabbli mis-sigurtà u mit-tfittxija, u li kellha relazzjonijiet mill-qrib mal-persuni ċentrali tar-reġim Sirjan.

91      Hemm lok li jiġi vverifikat jekk, billi pproċeda b’dan il-mod, il-Kunsill wettaqx żball ta’ liġi.

92      Qabel xejn, jeħtieġ li jitfakkar li, fir-rigward tal-miżuri restrittivi li jindirizzaw pajjiż terz, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kategoriji ta’ persuni fiżiċi li jistgħu jiġu ssuġġettati għalihom jinkludu lil dawk li r-rabta ta’ konnessjoni tagħhom mal-pajjiż terz inkwistjoni huwa ovvju, jiġifieri b’mod partikolari l-individwi li huma marbuta mal-mexxejja tal-imsemmi pajjiż. Għaldaqstant, tali kriterju jista’ jintuża, sakemm dan ikun ġie previst mill-atti li jinkludu l-miżuri restrittivi li huwa jirrigwarda u sakemm ikun jissodisfa l-għan ta’ dawn l-atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 68 u 69).

93      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija persuna manifestament marbuta mal-mexxejja tar-reġim Sirjan, minħabba r-rabta familjari tagħha mal-president ta’ dan il-pajjiż u, sakemm dan kien għadu ħaj, minħabba l-funzjonijiet eżerċitati mir-raġel tagħha.

94      Għall-kuntrarju, minn naħa, wara l-mewt ta’ dan tal-aħħar, il-Kunsill kellu jemenda d-Deċiżjoni 2012/739 f’dan is-sens u li jieħu inkunsiderazzjoni dan l-avveniment waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/255.

95      Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għal “persuni ċentrali oħra fir-reġim Sirjan” huwa dikjarazzjoni vaga wisq, li ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-iskrizzjoni u ż-żamma tar-rikorrenti fil-listi tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi.

96      Madankollu, is-sempliċi fatt li r-rikorrenti hija oħt Bashar Al Assad huwa suffiċjenti sabiex il-Kunsill ikun jista’ jqis li hija marbuta mal-mexxejja tas-Sirja fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 88 iktar ʼil fuq, iktar u iktar meta l-eżistenza f’dan il-pajjiż ta’ tradizzjoni ta’ amminsitrazzjoni familjari tal-poter hija fatt magħruf li l-Kunsill seta’ jieħu inkunsiderazzjoni.

97      Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi essenzjalment ir-rikorrenti, l-applikazzjoni għas-sitwazzjoni tagħha tal-preżunzjoni li hija tibbenefika mir-reġim Sirjan u hija assoċjata miegħu ma tmurx kontra t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq. Fil-fatt, f’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-rabta bejn Stat suġġett għal miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill u persuna fiżika li tifforma parti mill-familja ta’ mexxej ta’ impriża preżunta li hija assoċjata mal-gvern ta’ dak l-Istat ma kinitx suffiċjenti sabiex dik il-persuna tkun tista’ tintlaqat mill-imsemmija miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 63 sa 65). Madankollu hija ammettiet li jistgħu jiġu inklużi fil-kategoriji ta’ persuni fiżiċi li jistgħu jintlaqtu minn miżuri restrittivi mmirati, il-persuni li r-rabta ta’ konnessjoni tagħhom mal-pajjiż terz inkwistjoni huwa ovvju, jiġifieri l-mexxejja ta’ pajjiżi terzi u l-individwi li huma assoċjati ma’ dawn il-mexxejja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 68). Issa, huwa evidenti li r-rabta li teżisti f’dan il-każ bejn ir-rikorrenti u r-reġim Sirjan huwa sinjifikattivament iktar dirett u għaldaqstant ma għandux ikun suġġett għall-istess kritika li tqajmet mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq.

98      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-preżunzjoni li r-rikorrenti tibbenefika mir-reġim Sirjan u hija assoċjata miegħu użata mill-Kunsill hijiex proporzjonata mal-għan li hija ssegwi u jekk hijiex konfutabbli (juris tantum), peress li l-kwistjoni dwar jekk hija tippreżervax id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġiet eżaminata fil-kuntest tal-ewwel motiv.

99      Kif jirriżulta mill-premessi tad-Deċiżjoni 2011/273, il-Kunsill stabbilixxa miżuri restrittivi fil-konfront ta’ pajjiż terz, jiġifieri s-Sirja, b’reazzjoni għar-repressjoni vjolenti eżerċitata mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż kontra l-popolazzjoni ċivili. L-istess tħassib isejjes ukoll id-deċiżjonijiet ikkontestati, li ssostitwew id-Deċiżjoni 2011/273. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li għalkemm il-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu jirrigwardaw biss il-mexxejja tar-reġim Sirjan, l-għanijiet segwiti mill-Kunsill setgħu jinġabu fix-xejn, peress li dawn il-mexxejja setgħu faċilment jevitaw l-imsemmija miżuri permezz tal-qraba tagħhom. Fuq dan il-punt, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ pajjiż terz jista’ jinkludi mhux biss il-mexxejja tiegħu, iżda wkoll l-individwi li huma assoċjati magħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 43 u 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni inkwistjoni hija konfutabbli (juris tantum). Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 63 iktar ʼil fuq jirriżulta li l-Kunsill jagħti lill-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, il-possibbiltà li jippreżentaw quddiemu osservazzjonijiet u jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu jekk jiġu prodotti provi sostanzjali ġodda jew jekk jitressqu xi osservazzjonijiet. Għalhekk, il-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi jibqgħu liberi li jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni, billi juru li, minkejja r-rabtiet personali jew familjari tagħhom mal-mexxejja tar-reġim Sirjan, huma ma jibbenefikawx minn dan tal-aħħar u għalhekk ma humiex assoċjati miegħu, filwaqt li jinvokaw, b’mod partikolari, fatti u informazzjoni li huma biss jista’ jkollhom.

101    Għalkemm huwa veru li, skont il-ġurisprudenza, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tar-raġunijiet fil-konfront tal-persuna kkonċernata, u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza tal-fondatezza tal-imsemmija raġunijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, punt 121; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 37 u 107), għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt, invokat mill-Kunsill, li hija oħt Bashar Al Assad, iżda sempliċement tikkritika l-konsegwenzi li l-Kunsill jislet minnu, jiġifieri li hija tibbenefika mir-reġim Sirjan minħabba dan il-fatt u hija assoċjata miegħu.

102    Madankollu, ir-rikorrenti ma użatx il-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Kunsill bil-għan li tispjega għaliex ir-rabta familjari tagħha ma kinitx tippermetti l-ġustifikazzjoni għall-iskrizzjoni tagħha u lanqas ma ressqet quddiemu talba għal eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tagħha filwaqt li tipproduċi elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, minkejja r-relazzjoni tagħha ma’ Bashar Al Assad, hija ma kinitx tibbenefika mir-reġim Sirjan u ma hijiex assoċjata miegħu.

103    Quddiem il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ir-rikorrenti llimitat ruħha għal sempliċi dikjarazzjonijiet marbuta mal-allegat rwol tagħha ta’ mara tad-dar, li għalihom il-Kunsill wieġeb billi pproduċa, bħala eżempju, estratti mis-siti tal-internet ta’ ċerti medji li jagħmlu riferiment għar-rwol politiku tar-rikorrenti. Dawn l-estratti ma jagħtux prova tal-implikazzjoni diretta tar-rikorrenti fir-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, iżda sempliċement jikkonfermaw li l-Kunsill seta’ jippreżumi li hija kienet assoċjata mar-reġim.

104    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti pproduċiet l-offerti ta’ provi ġodda (ara l-punt 20 iktar ʼil fuq), li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-fatt li t-tfal tagħha issa jmorru l-iskola fl-Emirati Għarab Magħquda. Issa, din iċ-ċirkustanza, anki jekk jiġi assunt li tippermetti l-konklużjoni li r-rikorrenti telqet mis-Sirja, ma hijiex waħidha suffiċjenti, sabiex jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti inqatgħet mir-reġim Sirjan u għaldaqstant kellha taħrab mill-pajjiż. Fil-fatt, kif irrimarka l-Kunsill, l-eventwali tibdil ta’ residenza tar-rikorrenti jista’ jkun dovut għal numru ta’ raġunijiet differenti, bħad-degradazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà fis-Sirja.

105    Fit-tielet lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-użu tal-preżunzjoni, applikata mill-Kunsill, kien previst mid-deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punt 88 iktar ʼil quddiem) u li dan jippermetti li jiġu sodisfatti l-għanijiet tagħhom (ara l-punt 99 iktar ʼil fuq).

106    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt tal-proprjetà u tad-dritt għall-ħajja privata

107    Ir-rikorrenti ssostni li l-iskrizzjoni tagħha fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi kontra s-Sirja tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċit b’mod partikolari fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ prova ta’ kull aġir mhux xieraq min-naħa tagħha, din l-iskrizzjoni la kienet neċessarja u lanqas ma kienet tissodisfa l-għanijiet segwiti mill-imsemmija miżuri.

108    Skont ir-rikorrenti, l-iffriżar tal-fondi tagħha li jirriżulta mid-deċiżjonijiet ikkontestati jikser ukoll id-dritt tagħha għall-proprjetà, protett b’mod partikolari mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, peress li jipprekludiha milli tgawdi l-beni tagħha b’mod liberu, meta din il-limitazzjoni tad-dritt tagħha ma hijiex neċessarja jew adatta sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-Kunsill. Minkejja n-natura kawtelatorja tagħhom u minkejja li dawn japplikaw biss għar-riżorsi ekonomiċi li jinsabu fl-Unjoni, il-miżuri restrittivi li hija suġġetta għalihom iċaħduha mid-dritt tagħha għall-proprjetà, peress li ma jistax ikollha d-disponibbiltà fuqhom.

109    Għal raġunijiet identiċi, ir-restrizzjonijiet imposti mill-miżuri inkwistjoni fuq il-libertà tagħha li tivvjaġġa jiksru d-dritt tagħha għall-ħajja privata, rikonoxxut b’mod partikolari mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

110    Fl-aħħar, ir-rikorrenti tosserva li l-possibbiltajiet, previsti fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ta’ deroga minn dawn ir-restrizzjonijiet ma humiex suffiċjenti, peress li dawn jimplikaw talba addizzjonali li għandha titressaq a posteriori, wara li s-sustanza stess tad-drittijiet inkwistjoni tkun ġiet miksura, u li l-għoti ta’ dawn id-derogi tiddependi fuq l-għażla diskrezzjonali tal-Kunsill u tal-Istati Membri.

111    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

112    Jeħtieġ li jitfakkar li d-dritt għall-proprjetà jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u huwa sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fir-rigward tad-dritt għal rispett għall-ħajja privata, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirrikonoxxi d-dritt għal rispett għall-ħajja privata u tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2012, O. et, C‑356/11 u C‑357/11, punt 76).

113    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-drittijiet fundamentali ma għandhomx, fid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni assoluta, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadi, punt 355). Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan segwit, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, Ġabra p. I‑3953, punt 21, u tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, punt 121).

114    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu kapaċi li jilħqu l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑176/09, Ġabra p. I‑3727, punt 61, u Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122).

115    F’dan il-każ, l-iffriżar tal-fondi, tal-assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni identifikati bħala assoċjati mar-reġim Sirjan kif ukoll il-projbizzjoni tad-dħul tagħhom fit-territorju tal-Unjoni (iktar ʼil quddiem il-“miżuri inkwistjoni”) imposti permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jikkostitwixxu miżuri kawtelatorji li ma humiex maħsuba sabiex iċaħħdu lill-persuni kkonċernati mill-proprjetà tagħhom jew mid-dritt tagħhom għal rispett għall-ħajja privata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi, punt 358). Madankollu, il-miżuri inkwistjoni jinvolvu, b’mod inkontestabbli, restrizzjoni tal-użu tad-dritt għall-proprjetà u jaffettwaw il-ħajja privata tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 120).

116    Fir-rigward tan-natura adatta sabiex jitwettqu l-għanijiet segwiti tal-miżuri inkwistjoni, fid-dawl ta’ għan ta’ interess ġenerali li huwa wkoll fundamentali għall-komunità internazzjonali u għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, dawn tal-aħħar ma jistgħux, bħala tali, jitqiesu bħala inadegwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bosphorus, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 26; Kadi, punt 363, u Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 123).

117    Fir-rigward tan-natura neċessarja, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li miżuri alternattivi u inqas vinkolanti, bħal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew obbligu ta’ ġustifikazzjoni a posteriori tal-użu tal-fondi ttrasferiti, ma jippermettux b’mod daqstant effikaċi li jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri l-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq l-appoġġi tar-reġim Sirjan li jippersegwita l-popolazzjonijiet ċivili, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu evitati r-restrizzjonijiet imposti (ara, b’analoġija, is-sentenza Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 125).

118    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 19(3) sa (7) tad-Deċiżjoni 2011/782, l-Artikolu 25(3) sa (11) tad-Deċiżjoni 2012/739 u l-Artikolu 28(3) sa (11) tad-Deċiżjoni 2013/255 jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu tal-fondi ffriżati sabiex jintlaħqu ċerti bżonnijiet essenzjali jew jiġu sodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati.

119    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 18(6), id-Deċiżjoni 2011/782, l-Artikolu 24(6) tad-Deċiżjoni 2012/739 u l-Artikolu 27(6) tad-Deċiżjoni 2013/255, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza d-dħul fit-territorju tagħha b’mod partikolari minħabba raġunijiet urġenti ta’ natura umanitarja.

120    Fl-aħħar nett, iż-żamma tar-rikorrenti fil-listi annessi tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma tistax tiġi kklassifikata bħala sproporzjonata minħabba allegat karattru potenzjalment illimitat. Fil-fatt, din iż-żamma hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid perijodiku sabiex jiġi żgurat li l-persuni u l-entitajiet li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jidhru fil-lista inkwistjoni jitħassru mil-lista (ara, b’analoġija, is-sentenzi Kadi, punt 365 u Al-Aqsa vs Il-Kunsill u l-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 129).

121    Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tal-importanza primordjali tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili fis-Sirja u d-derogi previsti mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-restrizzjonijiet għad-dritt tal-proprjetà u għar-rispett għall-ħajja privata tar-rikorrenti kkawżati mid-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex sproporzjonati.

122    Għalhekk, hemm lok li jinċaħad dan il-motiv u konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

123    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bouchra Al Assad hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Berardis

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.