Language of document : ECLI:EU:C:2012:772

Kawża C-152/11

Johann Odar

vs

Baxter Deutschland GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht München)

“Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78/KE — Projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u fuq diżabbiltà — Allowance ta’ tkeċċija — Pjan soċjali li jipprevedi t-tnaqqis tal-ammont tal-allowance ta’ tkeċċija mħallsa lill-ħaddiema b’diżabbiltà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2012

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domandi ġenerali jew ipotetiċi — Domanda li għandha natura astratta u hija purament ipotetika fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali — Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 3(1)(ċ))

3.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Tkeċċija ekonomika — Differenza fit-trattament oġġettivament iġġustifikata — Regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li tipprevedi metodu ta’ kalkolu tal-allowance ta’ tkeċċija differenti mill-metodu standard għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 54 sena li jkunu tkeċċew minħabba raġuni ekonomika, u li jwassal għall-ħlas, lilhom, ta’ allowance inferjuri — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2(2) u 6(1))

4.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà — Tkeċċija ekonomika — Regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li tipprevedi metodu ta’ kalkolu tal-allowance ta’ tkeċċija differenti mill-metodu standard għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 54 sena li jkunu tkeċċew minħabba raġuni ekonomika, u li jwassal għall-ħlas, lilhom, ta’ allowance inferjuri — Diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq id-diżabbiltà — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda fir-riskju li jġarrbu l-persuni li jbatu minn diżabbiltà — Qbiż tal-limitu neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali — Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24, 26, 28)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 31-34)

3.        L-Artikoli 2(6) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema li għandhom età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, li skont dan tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa hija inferjuri mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas nofs din tal-aħħar.

Fil-fatt, peress illi tali regoli għandhom bħala għan l-għoti ta’ kumpens għall-futur, il-protezzjoni ta’ ħaddiema iżgħar u l-għajnuna għall-inserzjoni professjonali mill-ġdid tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ tqassim ġust tal-mezzi finanzjarji limitati ta’ pjan soċjali, huwa possibbli li jiġu ġġustifikati, bħala deroga għall-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, tali differenzi fit-trattament sa fejn il-miżuri implementati biex jitwettqu dawn l-għanijiet huma xierqa u neċessarji u jekk ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu.

(ara l-punti 42, 43, 46, 54 u d-dispożittiv 1)

4.        L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli li jaqgħu taħt skema ta’ previdenza soċjali partikolari ta’ impriża li jipprevedu, għall-ħaddiema tagħha li għandhom età iktar minn 54 sena u li jitkeċċew minħabba raġuni ekonomika, li l-ammont tal-allowance li għaliha huma għandhom dritt jiġi kkalkolat skont l-ewwel data possibbli ta’ bidu tal-irtirar, kuntrarjament għall-metodu standard ta’ kalkolu, skont liema tali allowance hija bbażata b’mod partikolari fuq l-anzjanità fl-impriża, b’mod li l-allowance imħallsa hija inferjuri mill-allowance li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-metodu standard għalkemm hija tal-inqas ugwali għal nofs din tal-aħħar, u li jieħdu inkunsiderazzjoni, waqt l-implementazzjoni ta’ dan il-metodu l-ieħor ta’ kalkolu, il-possibbiltà li ħaddiem jirċievi pensjoni ta’ rtirar antiċipata mħallsa minħabba diżabbiltà.

Fil-fatt, jidher li r-regoli inkwistjoni, filwaqt li segwew għanijiet leġittimi, ma ħadux inkunsiderazzjoni kemm ir-riskju li jgħaddu minnu l-persuni li jbatu minn diżabbiltà serja kif ukoll il-fatt li dan ir-riskju jiżdied iktar ma dawn joqorbu lejn l-età tal-irtirar. Issa, dawn il-persuni għandhom bżonnijiet speċifiċi marbuta kemm mal-protezzjoni li titlob is-sitwazzjoni tagħhom kif ukoll man-neċessità li tiġi maħsuba l-possibbiltà ta’ aggravazzjoni eventwali tagħha. Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-persuni li jbatu minn diżabbiltà serja jiġu esposti għal bżonnijiet finanzjarji fissi marbuta mad-diżabbiltà tagħhom u/jew li, meta jixjieħu, dawn il-bżonnijiet finanzjarji jiżdiedu. Fin-nuqqas ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni, meta fil-ħlas ta’ allowance ta’ tkeċċija lil ħaddiem b’diżabbiltà serja jwasslu għal ammont inqas minn dak li jirċievi ħaddiem li ma għandux diżabbiltà, ir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bħala effett li jipproduċu ħsara eċċessiva għall-interessi leġittimi tal-ħaddiema b’diżabbiltà serja u jeċċedu għalhekk dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali mfittxija.

(ara l-punti 67-70, 72 u d-dispożittiv 2)