Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fl-10 ta’ Mejju 2017 – Ibrahima Diallo vs État belge

(Kawża C-246/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ibrahima Diallo

Konvenut: État belge

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li d-deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni tad-dritt ta’ residenza għandha tittieħed u tiġi nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur jew fis-sens li jippermetti li d-deċiżjoni tittieħed f’dan it-terminu iżda li tiġi nnotifikata sussegwentement? Fil-każ li d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi nnotifikata sussegwentement, f’liema terminu għandha ssir tali notifika?

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu, mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja 2 u mal-Artikoli 7, 20, 21 u 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li d-deċiżjoni adottata fuq din il-bażi għandha biss tittieħed fit-terminu ta’ sitt xhur li huwa jipprevedi, mingħajr ma jeżisti l-ebda terminu għan-notifika tagħha, u lanqas l-ebda effett fuq id-dritt ta’ residenza fil-każ fejn in-notifika ssir wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu?

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ residenza tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li awtorità nazzjonali jkollha mill-ġdid għad-dispożizzjoni tagħha, wara l-annullament ta’ deċiżjoni dwar id-dritt iċċitat iktar ’il fuq, it-terminu kollu ta’ sitt xhur li hija kellha bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema terminu jkun għad għandha l-awtorità nazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta r-rikonoxximent tad-dritt inkwistjoni?

L-Artikoli 5, 10 u 31 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, moqrija flimkien mal-Artikoli 8 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, mal-Artikoli 7, 24, 41 u 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni u mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huma kompatibbli ma’ ġurisprudenza u ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikoli 39/2(2), 40, 40a, 42 u 43 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-dħul fit-territorju, l-istabbiliment, ir-residenza u t-tneħħija ta’ barranin, u l-Artikolu 52(4) tad-digriet irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 dwar id-dħul fit-territorju, l-istabbiliment, ir-residenza u t-tneħħija ta’ barranin, li jwasslu għal sitwazzjoni fejn sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mogħtija mill-Conseil du contentieux des étrangers, ikollha effett interruttiv u mhux sospensiv tat-terminu mandatorju ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE, mill-Artikolu 42 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u mill-Artikolu 52 tad-digriet irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981?

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri tirrikjedi li tkun tirriżulta konsegwenza fil-każ li jinqabeż it-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10(1) tiegħu u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema għandha tkun tali konsegwenza? L-istess Direttiva 2004/38/KE tirrikjedi jew tippermetti li l-konsegwenza fil-każ li jinqabeż dan it-terminu tkun l-għoti awtomatiku tal-permezz ta’ residenza mitlub mingħajr ma jkun ġie kkonstatat jekk l-applikant jissodisfax effettivament il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mid-dritt ta’ residenza li jkun qed jitlob?

____________

1     Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.