Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze (Ir-Repubblika Ċeka) fis-7 ta’ Awwissu 2014 – Ernst Georg Radlinger u Helena Radlingerová vs FINWAY a.s.

(Kawża C-377/14)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Krajský soud v Praze

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ernst Georg Radlinger, Helena Radlingerová

Konvenuta: FINWAY a.s.

Domandi preliminari

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE 1 , tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (iktar ʼil quddiem id-“Direttiva 93/13”) u l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2008/48/KE2 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (iktar ʼil quddiem id-“Direttiva 2008/48”), jew dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, jipprekludu:

il-kunċett ta’ Liġi Nru°182/2006 dwar l-insolvenza u l-mezzi ta’ riżoluzzjoni tagħha (liġi dwar l-insolvenza), kif emendata bil-Liġi Nru 185/2013 (iktar ʼil quddiem il-“Liġi dwar l-insolvenza”), li jippermetti lill-qorti teżamina l-eżistenza, l-ammont jew il-klassifikazzjoni tad-djun, li jirriżultaw mir-relazzjonijiet ta’ konsum, unikament abbażi ta’ rikors inċidentali ppreżentat mir-rappreżentant ġudizzjarju, kreditur jew (skont il-limitazzjonijiet iċċitati iktar ʼil fuq) id-debitur (konsumatur)?

id-dispożizzjonijiet li, fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-proċedura ta’ insolvenza, jillimitaw id-dritt tad-debitur (konsumatur), li jikkonsisti f’talba għal stħarriġ ġudizzjarju tad-djun iddikjarat mill-kredituri (fornituri ta’ oġġetti jew servizzi), għall-każijiet biss fejn ir-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ insolvenza tal-konsumatur ġiet approvata fil-forma ta’ tnaqqis tad-dejn – u dan unikament għal dak li jirrigwarda djun li ma għandhomx garanzija – u fejn, fil-preżenza ta’ dejn rikonoxxut b’titolu eżekuttiv permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, l-ilmenti ta’ debitur huma barra minn hekk limitati għall-possibbiltà unika li jiġi invokat it-tmiem jew il-preskrizzjoni ta’ dejn, kif jipprovdu r-regoli li jissemmew fl-Artikolu 192(3) u fl-Artikolu 410(2) u (3) tal-Liġi dwar l-insolvenza?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-qorti għandha, fil-proċedura dwar l-eżami ta’ dejn li jirriżulta minn ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, tieħu inkunsiderazzjoni ex officio, anki fl-assenza ta’ ilmenti mqajjma mill-konsumatur, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ informazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu għall-konsum skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 u minn dan tiddeduċi l-konsegwenzi, previsti mid-dritt nazzjonali, li jieħdu l-forma ta’ nullità tal-klawżoli kuntrattwali?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda:

Id-dispożizzjonijiet tad-direttivi applikati iktar ʼfuq għandhom effett dirett u l-applikazzjoni diretta tagħhom hija jew ma hijiex eskluża minħabba l-fatt li, meta bdiet l-azzjoni inċidentali ex officio (jew meta sar eżami ta’ dejn li huwa pprojbit mid-dritt nazzjonali minħabba f’kontestazzjoni li ma għandha l-ebda effett tad-debitur konsumatur), il-qorti indaħħlet fir-relazzjoni orizzontali bejn il-konsumatur u l-fornitur tal-oġġetti jew ta’ servizzi?

Liema somma tirrappreżenta l-“ammont totali ta’ kreditu” fis-sens tal-Artikolu 10(2)(d) tad-Direttiva 2008/48 u liema somom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “l-ammonti ta’ ġbid ta’ kreditu” meta tiġi kkalkolata r-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena (iktar ʼil quddiem “RIPS”) skont il-formula msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2008/48, peress li l-ftehim ta’ kreditu jwiegħed formalment il-ħlas ta’ somma speċifika, pero’ fl-istess ħin jistipula li, hekk kif jitħallas id-dejn, l-ammont ta’ djun tal-istituzzjoni ta’ kreditu bħala spejjeż għall-faċilità ta’ kreditu u bħala l-ewwel pagament (fil-każ ineżami, il-pagamenti sussegwenti) ser, sa ċertu punt, jitnaqqas mis-somma mwiegħda, hekk li l-ammont miżmum b’dan il-mod qatt ma huwa ser ikun fil-verità mħallas lill-konsumatur, jew fil-kont bankarju tiegħu, u jibqa’ fi kwalunkwe mument għad-dispożizzjoni tal-kreditur? L-inklużjoni ta’ dan l-ammont, li ma huwiex fil-verità mħallas, għandu impatt fuq il-kalkolu tar-RIPS?

Minkejja r-risposta għad-domandi preċedenti:

Sabiex tiġi evalwata n-natura sproporzjonata tal-kumpens stipulat, fis-sens tal-punt 1(e) fl-Anness tad-Direttiva 93/13, huwa xieraq li jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli penali kollha previsti fil-ftehim, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kreditur jinsistix effettivament fuq l-eżekuzzjoni kompleta tagħhom u jekk, fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali, xi wħud minnhom jistgħux jiġu kkunsidrati invalidi, jew jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss l-ammont totali tas-sanzjonijiet effettivament applikati jew li jistgħu jiġu applikati?

Fil-każ ta’ konstatazzjoni tan-natura abużiva tal-penalitajiet kuntrattwali, huwa xieraq li ma jiġux applikati kull waħda mis-sanzjonijiet speċifiċi – liema sanzjonijiet, meta kkunsidrati flimkien biss, wasslu lill-qorti sabiex tiddeċidi li l-ammont tal-kumpens kien ta’ natura sproporzjonata fis-sens tal-punt 1(e) tal-Anness tad-Direttiva 93/13, – jew biss xi wħud minnhom (u f’dan il-każ, skont liema kriterju dan għandu jiġi deċiż)?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

2 ĠU L 133, p. 66.