Language of document : ECLI:EU:C:2014:2403

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-27 ta’ Novembru 2014 (1)

Kawża C‑497/13

Froukje F. Faber

vs

Autobedrijf Hazet Ochten BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Direttiva 1999/44/KE — Status tax-xerrej — Protezzjoni ġudizzjarja — Nuqqas ta’ konformità ta’ oġġetti — Dmir li l-bejjiegħ ikun informat — Oneru tal-prova”





1.        F’din il-kawża, il-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem “il-qorti tar-rinviju”) titlob deċiżjoni preliminari dwar żewġ settijiet ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw id-Direttiva 1999/44/KE, li tarmonizza regoli dwar ċerti aspetti ta’ kuntratti mal-konsumatur (2). L-ewwel sett essenzjalment huwa dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li qorti nazzjonali teżamina ex officio jekk parti li tixtri oġġetti tkunx konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44 u, jekk dan ikun il-każ, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu (3). It-tieni sett jirrigwarda d-dmir tal-konsumatur li jinforma lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità ta’ oġġetti kkunsinnati skont kuntratt irregolat bid-Direttiva 1999/44 u bl-oneru tal-prova dwar tali nuqqas ta’ konformità fi proċeduri sussegwenti.

2.        Dawn il-kwistjonijiet tqajmu f’tilwima bejn Froukje F. Faber u Autobedrijf Hazet Ochten BV (iktar ’il-quddiem “Hazet”) dwar kumpens għal dannu li rriżulta mill-allegat nuqqas ta’ konformità ta’ vettura użata mibjugħa minn Hazet lil F. Faber li ħadet in-nar.

 Id-Direttiva 1999/44

3.        Id-Direttiva 1999/44 tikkontribwixxi sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur stabbilit bl-Artikolu 169 TFUE (4). Hija tipprovdi għal armonizzazzjoni minima (5). Skont il-premessa 5 fil-preambolu “il-ħolqien ta’ sett komuni ta’ regoli minimi ta’ liġi tal-konsumaturi, li jkun validu rrispettivament minn fejn ikunu nxtraw l-oġġetti fi ħdan [l-Unjoni Ewropea], isaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur u jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu użu sħiħ mis-suq intern”. 

4.        Il-premessa 6 tidentifika n-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt bħala d-diffikultà ewlenija li konsumaturi jiltaqgħu magħha u s-sors ewlieni ta’ tilwim ma’ bejjiegħa. Il-premessa 7 telabora dwar il-prinċipju tal-konformità u tgħid li:

“[…] l-oġġetti għandhom, fuq kollox, jikkonformaw ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kontrattwali; billi l-prinċipju ta’ konformità mal-kuntratt jista’ jkun ikkunsidrat li [jkun] komuni għat-tradizzjonijiet nazzjonali legali differenti; billi f’ċerti tradizzjonijiet legali nazzjonali jista’ ma jkunx possibbli li wieħed jafda biss fuq dan il-prinċipju biex jiżgura livell minimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur; billi f’dawn it-tradizzjonijiet legali, b’mod partikolari, jistgħu jkunu bżonnjużi dispożizzjonijiet nazzjonali addizzjonali sabiex jiżguraw li l-konsumatur ikun protett f’każijiet fejn il-partijiet [ikunu] ftehmu fuq termini speċifċi kontrattwali jew fejn il-partijiet [ikunu] kkonkludew it-termini kontrattwali jew ftehim li direttament jew indirettament jirrinunzjaw jew jirrestrinġu d-drittijiet tal-konsumatur u li, [sakemm] dawn id-drittijiet jirriżultaw minn din id-Direttiva, ma [jkunux jorbtu] lill-konsumatur.”

5.        Skont il-premessa 8, sabiex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ konformità, “huwa bżonnjuż li tkun introdotta preżunzjoni [ribatibbli] ta’ konformità mal-kuntratt li jkopri l-aktar sitwazzjonijiet komuni; […] dik il-preżunzjoni ma tirrestrinġix il-prinċipju ta’ ħelsien tal-kuntratt […]”. Il-premessa 8 tkompli tgħid li, “fl-assenza ta’ termini kontrattwali speċifiċi, kif ukoll fejn tkun applikata l-klawsola minima ta’ protezzjoni, l-elementi msemmija f’din il-preżunzjoni jistgħu jintużaw sabiex jiddeterminaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; [i]l-kwalità u l-[prestazzjoni] li l-konsumaturi jistgħu jippretendu b’mod xieraq għandhom jiddependu inter alia fuq jekk l-oġġetti [jkunx] ġodda jew użati; [...] [jekk] l-elementi imsemmija fil-preżunzjoni [jkunux] kumulattivi; [...] jekk iċ-ċirkostanzi tal-każijiet [jirrendux] [xi] element partikolari [manifestament] mhux xieraq, l-elementi li jifdal tal-preżunzjoni għandhom madankollu jibqgħu japplikaw”.

6.        Il-premessa 19 tgħid li “l-Istati Membri għandhom jitħallew iwaqqfu perijodu li matulu l-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar kull nuqqas ta’ konformità; [...] l-Istati Membri jistgħu jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur billi ma jintroduċux din l-obbligazzjoni; [...] f’kull każ il-konsumaturi fil-Komunità għandhom ikollhom mill-inqas xahrejn li fihom jinfurmaw lill-bejjiegħ li jeżisti nuqqas ta’ konformità”.

7.        Skont il-premessa 22 “il-partijiet ma jistgħux, b’kunsens komuni, jirrestrinġu jew jirrinunzjaw id-drittijiet garantiti lill-konsumatur, peress li inkella l-protezzjoni legali offruta ma tkunx tista sseħħ […]”.

8.        Għall-għanijiet tad-Direttiva 1999/44 “konsumatur” tfisser “kull persuna [fiżika] li, fil-kuntratti koperti minn din id-Direttiva, [tkun qed taġixxi] għall-għanijiet li [ma jkunux] relatati mas-sengħa, negozju jew professjoni [tagħha]” (Artikolu 1(2)(a)); “bejjiegħ” tfisser “kull persuna [fiżika] jew [ġuridika] li, f’kuntratt, [tbigħ] oġġetti [għall]-konsum waqt l-eżerċizzju tas-sengħa, negozju jew professjoni [tagħha]” (Artikolu 1(2)(c)); u “oġġetti [għall]-konsum” tinkludi “kull oġġett tanġibbli mobbli” (Artikolu 1(2)(b)) (6).

9.        Skont l-Artikolu 2(1) “[i]l-bejjiegħ għandu [jikkunsinna] sa għand il-konsumatur oġġetti li [jkunu] f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ”. Skont l-Artikolu 2(2), oġġetti għall-konsum huma preżunti li jkunu f’konformità jekk ikunu:

“(a)      jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija mill-bejjiegħ u jippossjedu l-kwalitajiet ta’ l-oġġetti li l-bejjiegħ [ikun] wera lill-konsumatur bħala kampjun jew mudell;

(b)      tajbin għal kull skop partikolari li għalih [ikun] jeħtieġhom il-konsumatur u li [huwa jkun informa] lill-bejjiegħ dwarhom fil-ħin meta [jkun] ġie konkluż il-kuntratt u li l-bejjiegħ [ikun] aċċetta;

(c)      tajbin għall-għanijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti ta’ l-istess tip;

(d)      juru l-kwalità u l-[prestazzjoni] li huma normali f’oġġetti ta’ l-istess tip u li l-konsumatur jista’ jippretendi b’mod raġjonevoli, skond in-natura ta’ l-oġġetti u b’konsiderazzjoni mogħtija għal kull stqarrija pubblika dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-oġġetti dwarhom [magħmula] mill-bejjiegħ, il-produttur jew ir-rappreżentant tiegħu, partikolarment fir-riklamar jew fuq it-tikketta.”

10.      Skont l-Artikolu 2(3) “[g]ħandu jkun miftiehem li [ma jkunx hemm] nuqqas ta’ konformità għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu jekk, meta kien konkluż il-kuntratt, il-konsumatur kien konxju, jew ma setgħax ma kienx konxju b’mod raġjonevoli dwar, in-nuqqas ta’ konformità, jew jekk in-nuqqas ta’ konformità [oriġinax] fil-materjal fornut mill-konsumatur”.

11.      L-Artikolu 3(1) jipprovdi li l-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għal kull nuqqas ta’ konformità li tkun teżisti meta l-oġġetti kienu kkunsinnati. Il-kumplament tal-Artikolu 3 jistabbilixxi r-rimedji disponibbli għall-konsumatur. Dawn huma miġbura fil-qosor fl-Artikolu 3(2) kif ġej: tiswija jew tibdil sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas; tnaqqis xieraq fil-prezz; u l-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti.

12.      L-Artikolu 5, intitolat “Limiti ta’ żmien”, jgħid li:

“1.      Il-bejjiegħ għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta’ konformità [jsir] apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti [jkunu ġew ikkunsinnati lill]-konsumatur. Jekk, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, [i]d-drittijiet stipulati fl-Artikolu 3(2) [ikunu] soġġetti għal perijodu ta’ limitazzjoni, dak il-perjodu m’għandux jiskadi f’perijodu ta’ sentejn mill-[kunsinna] [(7)].

2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tiegħu, [i]l-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità f’perijodu ta’ xahrejn mid-data li fiha [jkun] induna [b’dan] in-nuqqas ta’ konformità.

[…]

3.      Jekk kemm-il darba ma jkunx ipprovat mod ieħor, kull nuqqas ta’ konformità li [jsir apparenti] fi żmien sitt xhur mill-[kunsinna] ta’ l-oġġetti għandu jkun preżunt li [jkun eżista] fil-ħin ta’ [kunsinna] sakemm din il-preżunzjoni [tkun] inkompatibbli man-natura ta’ l-oġġetti jew [man]-natura tan-nuqqas ta’ konformità.”

13.      L-Artikolu 8(2) (“Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”) jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew [iżommu] fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur” (8).

14.      Skont l-Artikolu 9, “L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex [jinformaw] lill-konsumatur dwar il-liġi nazzjonali li [tittrasponi] din id-Direttiva u għandhom jinkoraġġixxu, fejn xieraq, organizzazzjonijiet professjonali sabiex jinformaw lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom”.

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

15.      L-Artikolu 7:5(1) tal-Burgerlijk Wetboek (Kodiċi Ċivili tal-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem “BW”) jiddefinixxi bejgħ għall-konsum bħala “il-bejgħ ’li jirrigwarda proprjetà mobbli […] li jiġi konkluż minn bejjiegħ li jaġixxi fuq bażi kummerċjali u xerrej, persuna fiżika, li ma taġixxix fuq bażi kummerċjali”.

16.      Skont l-Artikolu 7:17(1) tal-BW, oġġetti kkunsinnati għandhom ikunu f’konformità mal-kuntratt.

17.      L-Artikolu 7:18(2) tal-BW, li ttraspona l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 fil-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, jipprovdi li:

“Fil-każ ta’ xiri għall-konsum ikun preżunt li l-oġġetti kkunsinnati ma jkunux f’konformità mal-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jibda jidher fi żmien sitt xhur wara l-kunsinna, sakemm in-natura tal-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta’ konformità jipprekludu dan.”

18.      Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Artikolu 7:18(2) tal-BW, huwa x-xerrej li għandu jasserixxi (u li jipprova, f’każ ta’ tilwima) li l-oġġetti ma humiex f’konformità mal-kuntratt u li n-nuqqas ta’ konformità kien sar apparenti fi żmien sitt xhur mill-kunsinna. Sussegwentement huwa l-bejjiegħ li għandu jasserixxi u jipprova li, meta kienu kkunsinnati, l-oġġetti kienu fil-fatt f’konformità mal-kuntratt.

19.      L-Artikolu 7:23(1) tal-BW jipprovdi:

“Ix-xerrej ma jkunx jista’ jibbaża ruħu iktar fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt tal-oġġetti kkunsinnati, jekk ma jkunx ta avviż dwaru lill-bejjiegħ fil-perijodu debitu wara li jkun skopra jew kellu raġonevolment jiskopri n-nuqqas. Iżda jekk ikun jidher li l-oġġetti jkunu nieqsa minn karatteristika li skont il-bejjiegħ huma kellhom, jew jekk in-nuqqas ta’ konformità jirrigwarda fatti li l-bejjiegħ kien jaf bihom jew kellu jkun jaf bihom, iżda li huwa ma żvelax, in-notifika jkollha sussegwentement issir fiż-żmien debitu wara s-sejba. Fil-każ ta’ bejgħ għall-konsum, in-notifika għandha ssir fiż-żmien debitu wara s-sejba, fejn notifika f’perijodu ta’ xahrejn wara s-sejba tkun saret f’waqtha.”

20.      Skont il-qorti tar-rinviju, ix-xerrej għandu jinforma lill-bejjiegħ li dak li jkun ġie kkunsinnat ma jkunx f’konformità mal-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 7:17 tal-BW. Dan ma huwiex meħtieġ li jsir bil-miktub; komunikazzjoni bil-fomm tista’ tkun biżżejjed. Hemm ġurisprudenza stabbilita tal-Hoge Raad (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) li tipprovdi li, meta l-bejjiegħ ikun ġab id-difiża li ma tkunx ingħatat informazzjoni f’waqtha (li hija d-deskrizzjoni fit-tielet sentenza tal-Artikolu 7:23(1) tal-kundizzjoni ratione temporis fir-rigward ta’ xiri għall-konsum), l-obbligu jaqa’ fuq ix-xerrej li jasserixxi u, meta jkun meħtieġ, jipprova li huwa jkun ilmenta f’waqtu u b’mod li l-bejjiegħ seta’ sar jaf.

21.      Il-qorti tar-rinviju fissret li, meta l-bejjiegħ jiġi informat tard wisq, ix-xerrej jitlef id-drittijiet kollha li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ konformità.

22.      Jekk ix-xerrej ikunx informa jew le lill-bejjiegħ fiż-żmien debitu (li hija d-deskrizzjoni fl-ewwel u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 7:23(1) tal-kundizzjoni ratione temporis ġeneralment applikabbli fir-rigward ta’ xiri) jiddependi (skont il-ġurisprudenza tal-Hoge Raad) minn jekk huwa (i) wettaqx investigazzjoni li setgħet raġonevolment tkun mistennija minnu fiċ-ċirkustanzi sabiex jiddetermina l-konformità tal-oġġetti kkunsinnati, u (ii) informax lill-bejjiegħ fiż-żmien debitu wara li kien sab (jew, permezz ta’ investigazzjoni bħal dik, kellu jsib) in-nuqqas ta’ konformità. It-tul ta’ żmien disponibbli għall-investigazzjoni msemmija fi (i) jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ, inkluż, inter alia, in-natura tad-difett u kemm kien magħruf, kif sar magħruf u l-esperjenza esperta tax-xerrej. Tista’ tkun meħtieġa investigazzjoni minn espert. Dwar it-tul tal-perijodu msemmi fi (ii), fil-każ ta’ bejgħ mhux għall-konsum, fid-dawl tal-interessi kollha kkonċernati u jitqiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għalhekk ma jkun japplika ebda perijodu fiss. Fil-każ ta’ bejgħ għall-konsum, jekk hux żmien tajjeb li l-bejjiegħ ikun informat f’iktar minn xahrejn wara s-sejba jiddependi mill-fatti u miċ-ċirkustanzi tal-każ.

23.      Minkejja li (bl-eċċezzjoni tal-aħħar sentenza) l-Artikolu 7:23(1) tal-BW japplika kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-bejgħ mhux għall-konsum, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li din id-dispożizzjoni timplementa l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44.

24.      Skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-parti l-kbira tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ma jitqisux li huma regoli ta’ ordni pubbliku.

25.      Skont l-Artikolu 22 tal-Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering (Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; iktar ’il quddiem “Rv”), imħallef jista’ fiċ-ċirkustanzi kollha u f’kull stadju tal-proċedura jitlob lil waħda mill-partijiet jew lit-tnejn sabiex jagħtu iktar spjegazzjoni tal-pożizzjonijiet tagħhom. Skont l-Artikolu 23 Rv, l-imħallef jiddeċiedi dwar dak kollu li l-partijiet ikunu ressqu jew talbu u, skont l-Artikolu 24 Rv, abbażi tal-fatti, iċ-ċirkustanzi u r-raġunijiet li fuqhom il-partijiet jibbażaw l-ilment(i) tagħhom. L-Artikolu 149 Rv fil-prinċipju jipprekludi mħallef milli jqis il-fatti, ħlief fatti magħrufa sewwa, li ma jkunux inklużi fis-sottomissjonijiet tal-partijiet.

26.      Fi proċeduri fl-appell, imħallef jista’ jiddeċiedi biss dwar talbiet magħmula mill-partijiet. Madankollu, huwa jista’ japplika ex officio regoli ta’ ordni pubbliku. Il-partijiet jistgħu jissottomettu fatti ġodda iżda biss fl-ewwel sett tagħhom ta’ osservazzjonijiet bil-miktub fl-appell.

27.      Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega ulterjorment li, minkejja l-irwol passiv tiegħu fil-proċeduri ċivili, imħallef tal-Pajjiżi l-Baxxi jeħtieġlu jiddeċiedi liema regoli legali japplikaw għal sett partikolari ta’ fatti u għandu ċerti mezzi oħra disponibbli għalih sabiex jiċċara litigazzjoni, bħad-dritt li jitlob lill-partijiet għal informazzjoni addizzjonali.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

28.      Fis-27 ta’ Mejju 2008, F. Faber xtrat vettura użata mingħand Hazet li għaliha ħallset EUR 7 002. Il-vettura kienet ikkunsinnata lilha dak il-jum stess. It-termini kuntrattwali kienu stabbiliti f’“Koopovereenkomst particulier” standard (iktar ’il quddiem “Kuntratt ta’ Bejgħ Privat”), komplet, inter alia, bl-isem u bl-indirizz ta’ F. Faber, bid-dettalji tal-vettura mixtrija minnha, bil-kundizzjonijiet relattivi għax-xiri (“mingħajr ebda garanzija”), bil-prezz u bil-firem ta’ F. Faber u ta’ rappreżentant ta’ Hazet.

29.      Fis-26 ta’ Settembru 2008, F. Faber kienet qed issuq il-vettura għal appuntament ta’ negozju. Bintha kienet ukoll fil-vettura. Il-vettura ħadet in-nar u nħarqet kompletament. Dawn is-servizzi ta’ emerġenza ordnaw li l-vettura tinġibed u tittieħed fil-garaxx ta’ Hazet sabiex tinżamm fiż-żgur hemmhekk. F. Faber tissottometti li hija għamlet kuntatt bit-telefon ma’ Hazet waqt li hija u bintha, it-tnejn passiġġieri fit-trakk tal-irmunkar, kienu fi triqthom għal għand Hazet fil-jum tal-ħruq. Hazet tiċħad li f’dak l-istadju F. Faber semmiet xi ħaġa dwar x’setgħet kienet il-kawża tal-ħruq jew x’kellha x’taqsam Hazet. Fuq talba ta’ Hazet, il-vettura nġarret għand Autodemontagebedrijf Reuvers (iktar ’il quddiem “Reuvers”) fejn kellha tinżamm skont liġijiet ambjentali applikabbli.

30.      Kmieni fl-2009, Hazet ikkuntattjat lil F. Faber bit-telefon dwar ir-rovina u qaltilha li hija kienet għadha qed tistenna r-rapport tekniku tal-pulizija dwar il-ħruq.

31.      Fis-16 ta’ Frar 2009, F. Faber talbet lill-pulizija għar-rapport tekniku iżda l-pulizija wieġbuha fis-26 ta’ Frar 2009 li ma kien tħejja ebda rapport.

32.      Ir-rovina ġiet żarmata fit-8 ta’ Mejju 2009 minn Reuvers, li kienet informat lil Hazet b’messaġġ elettroniku jumejn qabel bl-intenzjoni tagħha li tagħmel hekk jekk ma jkun hemm ebda istruzzjoni għall-kuntrarju (9).

33.      B’ittra tal-11 ta’ Mejju 2009, F. Faber informat lil Hazet li hija kienet ser iżżommha responsabbli għad-dannu (li jammonta għal EUR 10 828.55) li hija kienet sostniet minħabba n-nar, ammont li kien jinkludi l-prezz tax-xiri tal-vettura, laptop, apparat fotografiku, ġakketta tal-ġilda oħra, ġakketta, strument tan-navigazzjoni u ritratt fuq kanvas maħsub għal klijent li hija kienet fi triqtha sabiex tiltaqa’ miegħu meta l-vettura ħadet in-nar. Hija ddikjarat ukoll li kienet sostniet dannu psikoloġiku.

34.      Kmieni f’Lulju 2009, F. Faber talbet li min kien qed jaġġusta t-telf, Extenso, sabiex tagħmel investigazzjoni teknika dwar il-kawża tan-nar. Fis-7 ta’ Lulju 2009, Extenso wieġbet li dan kien impossibbli minħabba li l-vettura kienet diġà ġiet żarmata u, għalhekk, ma kinitx iktar disponibbli għal investigazzjoni.

35.      Hazet ċaħdet ir-responsabbiltà u rrifjutat li tħallas id-danni. Hija argumentat, inter alia, li F. Faber kienet naqset milli tikkonforma mal-Artikolu 7:23(1) BW peress li informatha tard wisq dwar l-allegat nuqqas ta’ konformità u li hija kienet stenniet disa’ xhur qabel ma ordnat investigazzjoni teknika.

36.      Fis-26 ta’ Ottubru 2010, F. Faber ressqet azzjoni quddiem ir-Rechtbank te Arnhem (iktar ’il quddiem “ir-Rechtbank”) fejn talbet kumpens mingħand Hazet, flimkien ma’ interessi legali u spejjeż extraġudizzjarji, għad-dannu sostnut. Hija sostniet li l-vettura ma kinitx konformi mal-Kuntratt ta’ Bejgħ Privat u li Hazet kienet, għalhekk, kisret l-Artikolu 7:17 BW. F. Faber ma sostnietx speċifikament li hija kienet konsumatur.

37.      Hazet ikkontestat din it-talba u żiedet li F. Faber kienet informatha bl-allegat nuqqas ta’ konformità tard wisq u, għalhekk, skont l-Artikolu 7:23(1) BW, kienet tilfet id-dritt tagħha għad-danni.

38.      Fis-27 ta’ April 2011, ir-Rechtbank ċaħdet it-talbiet ta’ F. Faber u laqgħet l-argumenti ta’ Hazet ibbażati fuq l-Artikolu 7:23(1) BW: l-ewwel kuntatt bejn il-partijiet kien kmieni fl-2009 u, għalhekk, iktar minn tliet xhur wara l-ħruq (li huwa deskritt bħala l-waqt meta nstab li kien hemm nuqqas ta’ konformità). F. Faber ma kienet ressqet ebda ċirkustanza speċjali li setgħet tiġġustifika dan id-dewmien. Ir-Rechtbank ma ħaditx pożizzjoni dwar jekk il-komunikazzjoni ta’ F. Faber ma’ Hazet kinitx ċara biżżejjed matul il-konversazzjoni bit-telefon dak inhar tan-nar u fi kmieni tal-2009 sabiex tikkostitwixxi avviż validu lill-bejjiegħ jew dwar jekk ix-xiri tagħha kienx xiri għall-konsum skont it-tifsira tal-Artikolu 7:23(1) BW.

39.      Fis-26 ta’ Lulju 2011, F. Faber appellat kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-proċeduri fl-appell F. Faber reġgħet ma sostnietx li kienet iffirmat il-Kuntratt ta’ Bejgħ Privat fil-kapaċità tagħha ta’ konsumatur. Hija lanqas appellat din il-parti tas-sentenza tar-Rechtbank. Il-qorti tar-rinviju ma tqisx li huwa possibbli li tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt abbażi tal-informazzjoni li hemm fil-fajl.

40.      F. Faber kienet assistita minn avukat fil-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.

41.      F’dan l-isfond il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja għal gwida dwar id-domandi li ġejjin:

“1.      Il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu, kemm minħabba l-prinċipju ta’ effettività, kemm minħabba l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni, kif ukoll minħabba dispożizzjonijiet jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni, li teżamina ex officio jekk, f’kuntratt, ix-xerrej huwiex konsumatur fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 1999/44?

2.      Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta affermattiva, din tapplika wkoll jekk il-fajl tal-proċess ma jinkludix punti ta’ fatt (jew jinkludi punti ta’ fatt insuffiċjenti jew kontradittorji) li jippermettu li tiġi stabbilita l-kwalità tax-xerrej?

3.      Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta affermattiva, din tapplika wkoll fi proċeduri ta’ appell li fihom ix-xerrej ma jikkontestax id-deċiżjoni tal-ewwel qorti li ma għamlitx (ex officio) dan l-eżami fid-deċiżjoni tagħha u li ma eżaminatx espressament fiha iktar ’il quddiem jekk ix-xerrej jistax jiġi kklassifikat bħala konsumatur?

4.      (Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 5 ta’) Id-Direttiva 1999/44 għandha tiġi kkunsidrata bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jaqgħu taħt l-ordni pubbliku fl-ordinament ġuridiku intern?

5.      Il-prinċipju ta’ effettività, jew il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni jew minn dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni, jipprekludi lid-dritt Olandiż fejn huwa jimponi fuq ix-xerrej konsumatur obbligu li jinvoka u oneru tal-prova li jirrigwarda l-obbligu li jinfoma (fi żmien xieraq) lill-bejjiegħ bid-difett preżuppost tal-oġġett ikkunsinnat?

6.      Il-prinċipju ta’ effettività jew il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li huwa intiż mid-Direttiva 1999/44 fl-Unjoni, jew minn dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet legali oħra tal-Unjoni, jipprekludi lid-dritt Olandiż fejn huwa jimponi fuq ix-xerrej konsumatur li jinvoka jew li jipproduċi prova li dan l-oġġett ma huwiex konformi u li dan in-nuqqas ta’ konformità mmanifesta ruħu fis-sitt xhur tal-kunsinna? Xi jfissru t-termini ‘kull nuqqas ta’ konformità li titfaċċa’ li jinsabu fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 u, b’mod partikolari, sa fejn ix-xerrej-konsumatur għandu jinvoka fatti u ċirkustanzi li jikkonċernaw (ir-raġuni ta’) in-nuqqas ta’ konformità? Huwa biżżejjed li x-xerrej-konsumatur jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, juri li l-oġġett mixtri ma jiffunzjonax (sew) jew għandu wkoll jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, juri liema nuqqas tal-oġġett mibjugħ huwa r-raġuni (kien ir-raġuni) li tispjega li dan ma jiffunzjonax (sew)? Huwa biżżejjed li x-xerrej-konsumatur jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, juri li l-oġġett mixtri ma jiffunzjonax (sew) jew għandu wkoll jallega u, f’każ ta’ kontestazzjoni mmotivata, jipproduċi prova dwar liema nuqqas tal-oġġett mibjugħ huwa (kien) ir-raġuni li tispejga li dan ma jiffunzjonax (sew)?

7.      L-assistenza ta’ avukat li għamlet użu minnu F. Faber fiż-żewġ istanzi ta’ dawn il-proċeduri għandha effett fuq ir-risposta għad-domandi preċedenti?”

42.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Belġju, tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Hazet, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tal-11 ta’ Settembru 2014.

 Evalwazzjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

43.      F’tilwima privata bħal din inkwistjoni, l-ebda parti ma tista’ tibbaża fuq l-effett dirett tad-Direttiva 1999/44. Iżda qorti nazzjonali li tisma’ kawża bħal din jeħtiġilha, “fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretaha, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan [finali] ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha” (10). F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 1999/44 sabiex tassistiha tapplika l-Artikoli 7:18(2) u 7:23(1) BW.

44.      Id-domandi preliminari jqumu fil-kuntest ta’ proċeduri fil-qorti li bdiet F. Faber, xerrejja ta’ vettura użata, li qed titlob rimedji għal dannu mill-bejjiegħa, Hazet. Din tal-aħħar tibbaża fuq dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali (li parti waħda minnha tapplika ġeneralment għal xiri u parti oħra għal bejgħ għall-konsum) sabiex tiddefendi l-azzjoni, billi ssostni li F. Faber tilfet id-dritt tagħha li titlob rimedji minħabba li kienet informatha tard wisq bl-allegat nuqqas ta’ konformità.

45.      Jidher li d-domanda dwar l-istatus ta’ F. Faber bħala konsumatur ma qamitx fl-ewwel istanza minħabba li r-Rechtbank ħadet il-pożizzjoni li, f’kull każ, hija kienet informat lil Hazet tard wisq u, b’hekk, kienet tilfet id-dritt tagħha li titlob danni. Lanqas F. Faber innifisha, meta ressqet talba bbażata fuq dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali, li apparentement tapplika għat-tipi kollha ta’ bejgħ (Artikolu 7:17(1) BW), ma qalet li kienet konsumatur.

46.      Fit-trattament tal-appell ta’ F. Faber, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa rilevanti jkun magħruf jekk hija kinitx konsumatur jew le minħabba li dan jiddetermina liema liġi tapplika (inkluża l-aħħar sentenza tal-Artikolu 7:23(1) BW). Iżda minħabba li r-Rechtbank ma sabet xejn dwar dan, l-Artikoli 24 u 149 Rv u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw appelli ma jħallux lill-qorti tar-rinviju teżamina ex officio din il-kwistjoni. F’appell, hija tista’ tagħmel dan biss meta l-liġijiet rilevanti jkunu ta’ ordni pubbliku u, skont il-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ għal liġi (nazzjonali) ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

47.      F’dan l-isfond, id-Domandi 1 u 4 jikkonċernaw jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li qorti nazzjonali teżamina ex officio jekk xerrej ikunx konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44 u, għalhekk, jekk din id-direttiva għandhiex tingħata effett. (Fil-fatt, il-qorti nazzjonali jkollha l-ewwel tqis il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva qabel tkun tista’ tagħti effett, b’mod partikolari, l-Artikolu 5 (11), billi tinterpreta l-liġi nazzjonali applikabbli b’mod li tkun f’konformità ma’ din id-dispożizzjoni.) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fil-kuntest tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (l-iktar dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (12)), l-applikazzjoni tal-prinċipju li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli ta’ proċedura, ikomplu japplikaw regoli nazzjonali suġġetti għall-konformità mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (13). F’dan il-każ, jidhirli li d-Domandi 1 sa 3 jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività u jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iktar fil-qasam ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, tapplikax b’analoġija; filwaqt li d-Domanda 4 tista’ tkun interpretata bħala li hija iktar dwar il-prinċipju ta’ ekwivalenza. Jekk hemm rekwiżit li jiġi eżaminat ex officio jekk xerrej ikunx konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44, il-qorti tar-rinviju sussegwentement titlob gwida, fid-Domandi 2 u 3, dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-qorti nazzjonali jkollha dan l-obbligu.

48.      Madankollu, id-Domanda 4 tista’ wkoll tkun interpretata (b’mod wiesa’) bħala li qed tistaqsi jekk, fil-każ li l-qorti tar-rinviju tiddetermina li F. Faber kienet konsumatur u ssib li hija informat f’waqtu lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 7:23(1) BW), din il-qorti għandhiex sussegwentement ex officio tapplika l-oneru tal-prova tal-Artikolu 7:18(2) BW li jimplementa l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44. Jiena se nindirizza wkoll dan l-aspett tad-Domanda 4.

49.      Meta, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44, Stat Membru jeżiġi li l-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ b’nuqqas ta’ konformità fi żmien xahrejn sabiex jibbenefika mid-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44, id-Domanda 5 essenzjalment tistaqsi kif għandu jiġi stabbilit jekk il-konsumatur ikunx aġixxa f’waqtu. Id-Domanda 6 tiffoka fuq l-Artikolu 5(3) u fuq l-oneru tal-prova li japplika sabiex ikun stabbilit jekk in-nuqqas ta’ konformità (u, għalhekk, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ) ikunx jeżisti jew le. Jien ser inqis dawn iż-żewġ domandi separatament. Id-domanda 7 għandha tqis separatament.

50.      Qabel ma nagħmel hekk, l-ewwel ser nikkummenta fil-qosor dwar il-kuntest li fih saru d-Domandi 1 sa 4 u 7.

51.      Jien ma naqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-eżami ex officio tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44 huma inammissibbli. Il-bażi tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija li ebda waħda mill-partijiet fit-tilwima ewlenija ma tidher li tiddubita mill-istatus ta’ konsumatur ta’ F. Faber u li dawn id-domandi huma, għalhekk, purament ipotetiċi.

52.      Huwa stabbilit sew li hemm preżunzjoni ta’ rilevanza fir-rigward ta’ domandi ta’ interpretazzjoni rrinvijati minn qorti nazzjonali fil-kuntesti fattwali u leġiżlattivi li hija tiddefinixxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni preliminari biss meta jkun jidher b’mod verament manifest li d-domandi magħmula ma jkollhom ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi (14).

53.      F’din il-kawża, il-kwistjoni quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex min huwa konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44. Lanqas ma huwa l-kompitu ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi jekk il-qorti tar-rinviju (u qabilha r-Rechtbank) kellhiex jew le biżżejjed fatti disponibbli sabiex tiddeċiedi dwar l-istatus ta’ F. Faber (15). Id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja hija pjuttost dwar il-pożizzjoni skont id-dritt tal-Unjoni dwar l-eżami ex officio tal-istatus ta’ xerrej f’ċirkustanzi fejn il-liġi nazzjonali tkun tidher li tipprekludi eżami bħal dan. Għalhekk id-domandi preliminari huma rilevanti u mhux ipotetiċi għall-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Għalhekk nipproponi risposta għalihom kollha.

54.      Minkejja l-fatt li jiena nqis li l-kwistjonijiet dwar eżami ex officio huma ammissibbli, nammetti li kont xi ftit sorpriża, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet addizzjonali mogħtija mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-seduta dwar l-irwol tal-imħallef skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, bil-fatt li (apparti kull raġuni għaliex F. Faber ma bbażatx espressament fuq l-istatus tagħha ta’ konsumatur) ir-Rechtbank ma eżaminatx l-istatus tagħha u l-qorti tar-rinviju tqis li hija ma tistax tagħmel hekk. F. Faber ibbażat, fl-ewwel istanza u fl-appell, fuq dispożizzjonijiet tal-BW li japplikaw kemm għal bejgħ għall-konsum, kif ukoll għal bejgħ ieħor, u (għall-inqas parzjalment) jidhru li jimplementaw id-Direttiva 1999/44. Hazet ibbażat fuq dispożizzjoni li l-aħħar sentenza tagħha tapplika speċifikament għal bejgħ għall-konsum u l-bqija ġeneralment għal kull bejgħ u li timplementa l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44. Barra dan, waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma li huwa l-kompitu tal-qrati li jistabbilixxu l-liġi applikabbli, sabiex jiddeterminaw jekk liġi nazzjonali tittrasponix liġi tal-Unjoni u sabiex jinterpretaw id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ dan, madankollu, fin-nuqqas li ftehim iktar ċar tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan it-tħassib ma huwiex bażi suffiċjenti sabiex id-Domandi 1 sa 4 u 7 ikunu ddikjarati inammissibbli.

55.      Fl-aħħar nett, għal raġunijiet ta’ kompletezza, inżid li, inter alia, mill-premessi 8 u 16 tad-Direttiva 1999/44 isegwi li l-għażla fl-Artikolu 1(3) l-Istati Membri li għandhom li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “oġġetti [għall]-konsum” oġġetti użati mibjugħa f’ċerti tipi ta’ bejgħ b’irkant pubbliku u l-għażla fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) sabiex iqassru ż-żmien tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ fir-rigward ta’ oġġetti użati, li d-Direttiva 1999/44 tapplika fil-prinċipju għal oġġetti bħal dawk.

 Id-domandi 1 sa 4 u 7

56.      Id-Direttiva 1999/44 tiggarantixxi drittijiet għal konsumaturi, b’mod partikolari rimedji għal nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti kkunsinnati mill-bejjiegħ. Madankollu, hija ma tipprovdi xejn dwar jekk qrati nazzjonali għandhomx iqajmu ex officio jekk id-Direttiva 1999/44 u l-protezzjoni li hija toffri japplikawx għal tilwima quddiemhom.

57.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni ta’ regoli ta’ proċedura, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jorganizzaw is-sistema ġudizzjarja tagħhom (il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali) (16). Is-sempliċi fatt tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ma jfissirx li liġi proċedurali nazzjonali għandha dejjem tiġi skartata sabiex jingħata effett lid-dritt tal-Unjoni (17). Madankollu, l-eżerċizzju tal-Istati Membri ta’ din il-kompetenza huwa suġġett għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, li huma parti mid-dritt tal-Unjoni (18) u indirettament jiggarantixxu l-osservanza tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

58.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li d-dritt nazzjonali jittratta talbiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni b’mod mhux inqas favorevoli minn dawk ibbażati fuq dritt nazzjonali (19). F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tqis l-għan u l-karatteristiċi essenzjali tal-azzjonijiet domestiċi allegatament simili (20). Applikazzjoni partikolari ta’ dan il-prinċipju, li jinsab ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jinvolvi direttivi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, hija li, meta d-dritt nazzjonali jeżiġi eżami ex officio ta’ regola ta’ dritt nazzjonali, f’dan il-każ l-istess għandu japplika għar-regola ekwivalenti tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, “[m]eta, bis-saħħa ta’ liġi domestika, qrati jew tribunali jkollhom iqajmu ex officio punti ta’ liġi bbażati fuq regola domestika vinkolanti li ma jkunux tqajmu mill-partijiet, isegwi li obbligu bħal dan jeżisti wkoll meta jkollhom x’jaqsmu regoli vinkolanti (tal-Unjoni)” jew “jekk liġi domestika tagħti lil qrati u tribunali diskrezzjoni sabiex japplikaw ex officio regoli vinkolanti ta’ dritt” (21).

59.      Il-prinċipju ta’ effettività jfisser li liġi nazzjonali ma għandhiex tagħmilha prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli sabiex ikunu eżerċitati drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (22). Meta tkun qed tiġi evalwata l-konformità ma’ dan il-prinċipju, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-irwol ta’ dispożizzjoni partikolari fi proċedura u l-iżvolġiment u l-partikolaritajiet speċjali ta’ din il-proċedura, meqjusa fit-totalità tagħhom, quddiem il-korpi nazzjonali; u li jitqiesu, meta jkun jixraq, il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġudizzjarja domestika, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u t-tmexxija xierqa tal-proċeduri (23).

60.      F’din il-kawża, id-dritt proċedurali nazzjonali jeżiġi lill-imħallfin li josservaw il-prinċipju ta’ awtonomija tal-parti. Huma għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq it-talbiet, l-argumenti u l-fatti mressqa mill-partijiet. Bl-eċċezzjoni ta’ fatti magħrufa sew, huma jistgħu jqisu biss dawk il-fatti li kienu jifformaw parti mis-sottomissjonijiet tal-partijiet. Qrati tal-appell jistgħu japplikaw ex officio biss regoli ta’ ordni pubbliku (24). Jiena diġà esprimejt id-dubji tiegħi dwar jekk id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi jipprekludix fil-fatt f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża lill-qrati nazzjonali milli jiddeterminaw jekk persuna bħal F. Faber hijiex konsumatur abbażi tal-informazzjoni legali u fattwali disponibbli għalihom (25). Madankollu, għall-fini ta’ din il-kawża, il-punt tat-tluq preżunt għandu jkun li dawn ir-regoli flimkien verament jipprekludu, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, qorti nazzjonali milli teżamina l-pożizzjoni ta’ xerrej bħal F. Faber. Min-naħa l-oħra, id-Domandi 1 sa 4 u 7 qatt ma kienu jitqajmu fil-kuntest ta’ din it-tilwima.

61.      Id-dritt tal-Unjoni, madankollu, jeżiġi li qorti f’ċirkustanzi bħal dawn inkwistjoni teżamina jekk F. Faber kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44 u, jekk fl-affermattiv, għal-liema kundizzjonijiet kienet suġġetta?

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet, abbażi b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ effettività, eżami ex officio ta’ dispożizzjonijiet individwali ta’ direttivi oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (26). Hija jidhirli li hija waslet għal din il-konklużjoni essenzjalment minħabba li l-leġiżlatur b’mod tipiku abbozza dawn id-direttivi fuq il-preżunzjoni li l-konsumatur huwa l-parti l-iktar dgħajfa, li ma jkunx jaf jew li jista’ ma jkunx jaf bid-drittijiet tiegħu u xort’oħra jista’ ma jibbenefikax mill-protezzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat din il-ġurisprudenza separatament minn kawżi li jinvolvu domandi simili fil-kuntest ta’ partijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni (27).

63.      Għalhekk, fir-rigward tad-Direttiva 93/13 (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li qrati nazzjonali jeżaminaw ex officio l-abbuż ta’ klawżola kuntrattwali meta jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-elementi legali u fattwali meħtieġa (29). Dan minħabba li d-Direttiva 93/13 hija “bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni” (30). Konsumatur jaċċetta kundizzjonijiet imħejjija minn bejjiegħ professjonali li fuqu ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza (31). Għalhekk, intervent pożittiv biss li ma jkollu ebda rabta mal-partijiet attwali fil-kuntratt jista’ jikkoreġi tali żbilanċ (32). B’riżultat ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, “protezzjoni effettiva tal-konsumatur tista’ tinkiseb biss jekk il-qorti nazzjonali tirrikonoxxi li hija għandha setgħa tevalwa ex officio kundizzjonijiet ta’ din ix-xorta” (33). Għall-istess raġunijiet, regola nazzjonali li tippreskrivi perijodu ta’ limitazzjoni sabiex kundizzjoni f’kuntratt tinstab li tkun inġusta hija prekluża (34). Madankollu, fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-prinċipju ta’ effettività ma jistax “[jasal] sabiex [jirrimedja] għal kollox il-passività totali min-naħa tal-konsumatur ikkonċernat” (35).

64.      Fil-fehma tiegħi, termini inġusti ta’ kuntratt huma essenzjalment termini li b’mod partikolari l-bejjiegħ ikun jaf bihom, li l-abbuż tagħhom huwa ma jkollux interess jiżvela iżda li jkollu interess jara li jkun infurzat, filwaqt li l-konsumatur sikwit ma jkunx jista’ jikkontestahom jew li ma jkunx informat b’mod sħiħ dwar il-karattru abbużiv tagħhom. B’riżultat ta’ dan, mingħajr intervent ta’ parti terza, il-protezzjoni legali kontra termini inġusti ta’ kuntratt tiddgħajjef b’mod gravi.

65.      Jista’ ma jkunx tant faċli li jiġi ġġustifikat ex officio intervent minn qorti nazzjonali fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet individwali ta’ direttivi oħra dwar protezzjoni tal-konsumatur. Għalhekk, l-Avukat Ġenerali Kokott kienet tal-fehma fi Duarte Hueros li, filwaqt li d-Direttivi 93/13 u 1999/44 it-tnejn huma marbuta mal-protezzjoni tal-konsumatur f’relazzjonijiet legali u huma intiżi li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, is-sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni tfittex li tikkumpensa għall-pożizzjoni inqas favorevoli ta’ konsumatur meta jikkonkludi kuntratt (Direttiva 93/13) hija distinta minn dik fejn il-leġiżlazzjoni tikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt wara li jkun diġà ġie konkluż (Direttiva 1999/44). Hija qieset li, dwar tal-aħħar, prestazzjoni mhux sodisfaċenti s-soltu ma tiddependix mir-rieda tal-partijiet, u l-konsumatur ma jkunx fl-istess pożizzjoni ta’ dgħufija bħalma huwa l-każ ta’ klawżoli inġusti minħabba li jkun jista’ jiskopri faċilment jekk l-oġġett ikunx tal-kwalità miftiehma (36).

66.      Naqbel li ż-żewġ klassijiet ta’ konsumaturi ma jkunux fl-istess pożizzjoni. Madankollu, xorta waħda jista’ jkun hemm asimetrija ta’ informazzjoni (forsi fi grad inqas) b’mod li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur jibqa’ l-parti iktar dgħajfa fir-rigward tal-konformità tal-oġġetti kkunsinnati mal-kuntratt. Jekk, meta kien konkluż il-kuntratt, il-konsumatur kien konxju jew ma setax ma kienx konxju b’mod raġonevoli dwar in-nuqqas ta’ konformità (jew fejn in-nuqqas ta’ konformità joriġina f’materjal fornut mill-konsumatur) (37), evalwazzjoni ta’ konformità tiddependi fuq informazzjoni, b’mod partikolari dik inkluża fil-kuntratt, speċjalment dwar l-għan tal-oġġett, il-kwalità u l-prestazzjoni (38). Dan isegwi mill-elementi elenkati fl-Artikolu 2(2). Jien inqis li ma hemmx ħtieġa għall-fini ta’ din il-kawża li jiġi deċiż jekk din il-lista hijiex eżawrjenti (39). Ikun biżżejjed hawnhekk li jitqies li din l-evalwazzjoni ssib il-bażi tagħha f’informazzjoni kkomunikata mill-bejjiegħ lill-konsumatur (qabel il-konklużjoni tal-kuntratt); f’informazzjoni kkomunikata mill-konsumatur lill-bejjiegħ fil-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt; f’assunzjonijiet ġenerali dwar l-użu tal-oġġett; u f’dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-bejjiegħ, mill-produttur jew mir-rappreżentant tiegħu. Barra dan, sikwit jista’ jkun il-bejjiegħ li jagħżel liema oġġett speċifiku għandu jiġi kkunsinnat lill-konsumatur (għalkemm dan mhux dejjem ikun il-każ). Il-konsumatur ikun, għalhekk, ħafna drabi f’pożizzjoni iktar dgħajfa sabiex jevalwa jekk u kemm l-oġġett ma jkunx jaqbel ma’ dak li huwa seta’ raġonevolment stenna li jirċievi.

67.      F’kull każ, f’din il-kawża, il-kwistjoni dwar eżami ex officio ma tqumx fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva 1999/44 li tirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Lanqas ma għandha x’taqsam ma’ dispożizzjoni li tirregola rimedji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità (Artikolu 3) jew tippreskrivi kundizzjonijiet ratione temporis u regoli dwar provi li jkunu rilevanti sabiex tiġi invokata u stabbilita r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal nuqqas ta’ konformità u sabiex ikunu invokati dawn ir-rimedji (Artikolu 5, li huwa s-suġġett tad-Domandi 5 u 6) (40). Minflok, id-domanda tqum fir-rigward tal-kwistjoni preliminari tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44. Jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-qorti tar-rinviju teżamina ex officio jekk F. Faber hijiex konsumatur u din il-qorti tikkonkludi li hija, sussegwentement huwa ċar li kemm hija kif ukoll Hazet ibbażaw fuq liġi nazzjonali li timplementa d-Direttiva 1999/44. Il-qorti nazzjonali sussegwentement ikun jeħtiġilha tiddetermina jekk, pereżempju, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 7:23(1) BW tapplikax jew le, u, jekk dan ikun il-każ tinterpreta din id-dispożizzjoni skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44. B’kuntrast, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-kwistjoni ta’ eżami ex officio tal-Artikolu 5(2) ma tqumx. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju f’dan il-każ billi jiġi deċiż l-ewwel jekk għandhiex tiġi applikata ex officio dispożizzjoni speċifika u billi jintuża l-eżitu sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44, għalhekk għandu wkoll jitqies ex officio (41).

68.      Għalhekk, il-kwistjoni ta’ eżami ex officio tqum hawnhekk f’livell iktar ġenerali u astratt.

69.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għad-Domanda 1 għandha tkun li f’ċirkustanzi fejn xerrej ikun beda proċeduri għal danni kontra bejjiegħ abbażi ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li japplikaw, inter alia, għal kuntratti mal-konsumatur iżda fejn ma jkunx iddikjara speċifikament li kien konsumatur, regola tad-dritt proċedurali nazzjonali ma tistax tipprekludi qorti nazzjonali milli teżamina jekk din il-persuna tkunx fil-fatt konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44 u, konsegwentement, tapplika liġi nazzjonali ta’ protezzjoni tal-konsumatur kif interpretata f’konformità mad-Direttiva 1999/44. Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li regola proċedurali nazzjonali bħal dik tiġi skartata sabiex il-qorti nazzjonali titħalla teżamina ex officio jekk xerrej bħal F. Faber ikunx konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44.

70.      Dak huwa minħabba li l-leġiżlatur għażel li jiggarantixxi lil konsumaturi grad għoli ta’ protezzjoni peress li ġeneralment huma jkunu f’pożizzjoni iktar dgħajfa f’relazzjonijiet kuntrattwali ma’ bejjiegħ. B’hekk, id-Direttiva 1999/44 tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur (42) lill-persuni fiżiċi kollha li jissodisfaw id-definizzjoni fl-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva (43). Abbażi ta’ din ir-raġuni, il-leġiżlatur ħoloq sett ta’ regoli li, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor b’mod speċifiku, jistabbilixxi livell minimu ta’ protezzjoni li l-Istati Membri, kif ukoll il-partijiet għall-kuntratti mal-konsumatur għandhom josservaw. B’hekk japplika livell mandatorju ta’ protezzjoni. Għalhekk jagħmel sens li jkun hemm regola ta’ ordni pubbliku li tqiegħed obbligu fuq il-qorti nazzjonali li teżamina jekk, fi proċeduri mibdija minn xerrej sabiex jinforza drittijiet fir-rigward tal-bejgħ ta’ oġġett, ir-rikorrent jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44 (u direttivi oħra dwar protezzjoni tal-konsumatur) (44) minħabba li protezzjoni bħal din tinforza mill-ġdid l-effettività sħiħa ta’ din id-direttiva u tnaqqas ir-riskju li xerrej, minħabba l-injoranza tiegħu tal-liġi, igawdi grad inqas ta’ protezzjoni minn dak iggarantit mid-dritt tal-Unjoni (45).

71.      Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jimplikax awtomatikament li qorti nazzjonali għandha teżamina ex officio kull dispożizzjoni waħda waħda tad-Direttiva 1999/44. Fir-rigward ta’ kull dispożizzjoni individwali, dan ir-rekwiżit għandu jkun iddeterminat mill-qorti abbażi ta’ każ b’każ. Dan huwa partikolarment hekk minħabba li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur jista’ jkun differenti skont id-dispożizzjoni inkwistjoni u konsumatur jista’ espliċitament jiddeċiedi li ma jeżerċitax dritt jew li xort’oħra jibbenefika minn dispożizzjoni waħda (46). Barra dan, ma jistax ikun eskluż li (forsi eċċezzjonalment) dispożizzjonijiet individwali jistgħu jipproteġu lill-bejjiegħ milli lill-konsumatur (47).

72.      Il-konklużjoni tiegħi ma tiddependix minn jekk il-konsumatur ikollux jew le għajnuna legali (li hija s-suġġett tad-domanda 7). Ċirkustanza bħal din ma tistax tibdel it-tifsira tad-dritt tal-Unjoni jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Filwaqt li dak li individwu jkun jaf dwar l-istatus tiegħu u d-drittijiet tiegħu bħala konsumatur għandu (wieħed jittama) jitjieb meta huwa jkun megħjun minn avukat, il-fatt waħdu li konsumatur ikollu għajnuna legali ma jistax jistabbilixxi jew ikun il-bażi għal preżunzjoni li huwa jkun jaf dan (48).

73.      Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġi eżaminat ex officio l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 1999/44 huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward ta’ direttivi oħra dwar protezzjoni tal-konsumatur (il-kwistjoni mqajma mid-Domandi 2 u 3). Għalhekk għandu jkun hemm għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali l-elementi legali u fattwali għal dan il-kompitu (49), minħabba li dawk l-elementi diġà jkunu jifformaw parti mill-fajl jew minħabba li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tiksibhom skont liġi proċedurali nazzjonali. Il-qorti nazzjonali tista’ ma tmurx lil hinn mill-ambitu tat-tilwima kif iddefinita mill-partijiet. L-istess obbligu għal eżami ta’ ex officio u l-istess kundizzjonijiet japplikaw għal appell meta (i) tal-inqas waħda mill-partijiet tkun invokat dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li (tal-inqas parzjalment) jimplementaw id-Direttiva 1999/44 u (ii) skont jekk parti waħda tkun (jew ma tkunx) konsumatur, hija tkun tista’ (jew ma tistax) tibbenefika minn protezzjoni aħjar li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu joffru.

74.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjoni tiegħi, il-prinċipju ta’ ekwivalenza xorta waħda jeżiġi li l-qorti nazzjonali teżamina jekk F. Faber kinitx konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44?

75.      Kif nifhimha jiena, id-dritt proċedurali inkwistjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi japplika irrispettivament minn jekk il-konsumatur ikunx ibbaża l-applikazzjoni tiegħu fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq liġi nazzjonali.

76.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwa wkoll il-bażi tad-Domanda 4 li tirreferi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/44. Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5(2) (hawnhekk l-Artikolu 7:23(1) BW) tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju. Ma hemm ebda kwistjoni, għalhekk, dwar l-eżami ex officio tal-Artikolu 5(2). Minflok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta liġi nazzjonali f’konformità mal-Artikolu 5 (50).

77.      Madankollu, jekk il-qorti tar-rinviju ssib li F. Faber hija konsumatur u kienet konformi mal-Artikolu 7:23(1) BW, tqum sussegwentement il-mistoqsija jekk hija għandhiex tapplika ex officio r-regola dwar l-oneru tal-prova stabbilita fl-Artikolu 7:18(2) BW li tittrasponi l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa f’dan il-kuntest biss li d-Domanda 4 għandha tkun indirizzata.

78.      Ir-regola dwar l-oneru tal-prova fl-Artikolu 5(3) tapplika meta jkun meħtieġ sabiex ikun stabbilit jekk il-bejjiegħ ikunx responsabbli jew le għal nuqqas ta’ konformità. Meta qorti ta’ prim’istanza ma tkunx sabet fatti rilevanti (minħabba, pereżempju, li tkun iddeċidiet li l-konsumatur, minħabba notifika tardiva, ikun tilef id-dritt li jagħmel talba bħal dik), jidhirli li x’aktarx ġurisdizzjoni fl-appell, li wara tkun qed tittratta l-appell, neċessarjament ma tkunx tista’ tapplika dik ir-regola. Jekk din it-taħbila tistax tinħall skont liġi proċedurali nazzjonali (pereżempju, billi l-kawża tintbagħat lura lill-qorti ta’ prim’istanza għal investigazzjoni fattwali ulterjuri), jiena ma nafx. Għalhekk għandi xi dubji dwar jekk il-kwistjoni ta’ eżami ex officio tar-regola tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 hijiex rilevanti għat-trattament mill-qorti tar-rinviju tal-appell ta’ F. Faber.

79.      Minkejja l-fatt li, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddetermina liema huma r-regoli ta’ ordni pubbliku tal-Pajjiżi l-Baxxi, hija tista’ tagħti risposta għad-Domanda 4 (u wkoll għad-Domanda 6) billi tagħti gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44. Din id-dispożizzjoni toffri protezzjoni mandatorja lil konsumatur billi parzjalment taqleb lura l-oneru tal-prova sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom konsumatur jista’ jibbenefika mid-drittijiet tiegħu skont id-Direttiva 1999/44, b’mod partikolari r-rimedji li hemm f’każ li r-responsabbiltà tkun tal-bejjiegħ. La l-Istati Membri u lanqas il-partijiet għal kuntratt ma’ konsumatur ma jistgħu jipprovdu għal oneru iktar strett (51). L-oneru tal-prova jinbidel favur il-konsumaturi minħabba li huma ġeneralment ikunu f’pożizzjoni dgħajfa vis-a-vis bejjiegħa fir-rigward tal-informazzjoni li jkun hemm dwar l-oġġett u l-istat li fih ikun ġie kkunsinnat. Mingħajr (għall-inqas) it-treġġigħ parzjali lura tal-oneru tal-prova, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur f’qasam li huwa s-sors ewlieni ta’ tilwim ma’ bejjiegħa jiddgħajjef serjament (52). Għalhekk jidhirli li l-prinċipju ta’ effettività jeħtieġlu l-applikazzjoni ex officio tal-Artikolu 5(3) bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali jkollha disponibbli l-elementi legali u fattwali meħtieġa u ma tibdilx l-ambitu tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet. Sakemm l-Artikolu 5(3) ikollu karatteristiċi simili għal dawk li jikkaratterizzaw regola ta’ ordni pubbliku skont id-dritt nazzjonali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jeżiġi wkoll li qorti nazzjonali bħal dik fit-tilwima ewlenija tapplika ex officio kull dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5(3).

 Id-Domanda 5

80.      Il-Pajjiżi l-Baxxi għamlu użu mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44 sabiex jimponu rekwiżiti ta’ notifika fuq il-konsumatur (53). Fid-Domanda 5, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandha tistabbilixxi li l-konsumatur ikun issodisfa dawn ir-rekwiżiti.

81.      Fil-fehma tiegħi, dan huwa rregolat minn liġi nazzjonali dwar provi. Sakemm liġi nazzjonali tipprovdi għal perijodu mhux iqsar minn xahrejn, ma tippreskrivix regoli li jimmodifikaw il-kontenut tal-obbligi skont l-Artikolu 5 u tkun xort’oħra konsistenti mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, id-Direttiva 1999/44 ma tillimitax il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu u japplikaw ir-regoli dwar provi li huma jqisu li jkunu xierqa.

82.      Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 5(2) ma jippreskrivix kif il-konsumatur għandu jinforma lill-bejjiegħ. Din id-dispożizzjoni la tipprekludi u lanqas teżiġi li l-bejjiegħ ikun informat bil-miktub pjuttost milli bil-fomm. Iżda minħabba li l-għoti ta’ din l-informazzjoni hija kundizzjoni minn qabel għall-eżerċizzju ta’ drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 1999/44, inqis li dik il-liġi nazzjonali ma għandhiex timponi kundizzjonijiet li jagħmluha impossibbli jew ta’ piż eċċessiv għall-konsumatur li jipprova li huwa jkun għarraf lill-bejjiegħ b’mod xieraq u f’waqtu għall-finijiet tal-Artikolu 5(2). Dak ukoll joħroġ mill-prinċipju ta’ effettività.

83.      Bl-istess mod, liġi nazzjonali ma għandhiex tippreskrivi regoli dwar provi li jkunu rrikonċiljabbli mal-kontenut tal-obbligu skont l-Artikolu 5(2) u ma’ partijiet oħra tal-Artikolu 5. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, Stat Membru ma jistax jeżiġi li fl-istadju meta l-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità, huwa jkollu wkoll jipprova nuqqas ta’ konformità. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata billi jitqabbel il-kliem użat fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 5. L-informazzjoni lill-bejjiegħ dwar sejba ta’ nuqqas ta’ konformità (Artikolu 5(2)) ma hijiex l-istess bħar-riferiment fl-Artikolu 5(3) għall-approvazzjoni ta’ dak in-nuqqas ta’ konformità (54). Konsumatur jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità sabiex iżomm il-benefiċċju tad-drittijiet tiegħu skont id-Direttiva 1999/44. Dawn jinkludu mhux biss il-benefiċċju tar-rimedji skont l-Artikolu 3(3) iżda wkoll il-benefiċċju tal-kundizzjonijiet ratione temporis u r-regoli dwar provi li hemm fl-Artikolu 5(3). Loġikament ma jistax ikun li l-bejjiegħ jiġi informat (meta jkun meħtieġ) wara li l-konsumatur ikun eżerċita jew ibbaża fuq id-drittijiet f’dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra. In-notifika għandha ssir qabel ma l-konsumatur jiddeċiedi li jitlob għal rimedji u, f’dan il-kuntest, jissottometti l-provi meħtieġa sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-bejjiegħ. Fil-proposta inizjali tagħha għad-Direttiva 1999/44, il-Kummissjoni spjegat li r-rekwiżit f’(li issa huwa) l-Artikolu 5(2) “jirrinforza mill-ġdid iċ-ċertezza legali u jinkoraġġixxi d-diliġenza min-naħa tax-xerrej, billi jqis l-interessi tal-bejjiegħ” (55).

84.      Fl-opinjoni tiegħi, dan ifisser li l-Artikolu 5(2) ikun issodisfatt jekk il-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ b’mod li javżah li seta’ jkun hemm possibbli nuqqas ta’ konformità u, għalhekk, ukoll dwar li huwa seta’ jkun responsabbli. Fl-informazzjoni li l-konsumatur jagħti lill-bejjiegħ huwa għandu jidentifika l-oġġett u l-bejgħ. Huwa għandu jorbot l-oġġett mal-bejjiegħ. Mingħajr din l-informazzjoni, il-bejjiegħ ma jkunx jaf dwar liema oġġett huwa jkun jista’ jinżamm responsabbli. L-informazzjoni mogħtija għandha wkoll tidentifika ċ-ċirkustanzi li jġiegħlu lill-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għaliex konsumatur jista’ jqis li l-oġġett li kien ikkunsinnat lilu, fiż-żmien tal-kunsinna jew f’xi żmien ieħor wara, ma kienx dak li huwa raġonevolment seta’ stenna li jirċievi abbażi tad-deskrizzjoni ta’ dan l-oġġett fil-kuntratt u informazzjoni oħra li l-bejjiegħ seta’ pprovda jew li kienet mod ieħor disponibbli. Madankollu, f’dan l-istadju, il-konsumatur ma għandux jipproduċi prova tan-nuqqas ta’ konformità u x’setgħet kienet il-kawża tagħha.

85.      L-istorja leġiżlattiva tikkonferma din l-interpretazzjoni. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) użat il-frażi finali “[…] mid-data li fiha huwa jkun induna bin-nuqqas ta’ konformità jew li normalment messu jinduna bih” minflok “[…] mid-data li fiha huwa induna b’nuqqas ta’ konformità bħal dak”. Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għal din il-proposta, din is-sentenza kienet maħsuba sabiex tagħmel “obbligatorju għall-konsumatur li joqgħod normalment attent meta jeżamina l-oġġetti wara li jaslulu”. Iżda ma “stabbilietx obbligu strett li ssir spezzjoni dettaljata tal-oġġett jew li jsiru testijiet sabiex jevalwaw kif jaħdem jew x’jagħmel” (56).

 Id-Domanda 6

86.      Permezz tad-Domanda 6, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob għall-gwida dwar l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44. Meta Stat Membru jitlob lill-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ skont l-Artikolu 5(2), din id-domanda tkun rilevanti biss jekk il-konsumatur ikun l-ewwel għamel hekk b’mod xieraq u f’waqtu u wara jara li jibbenefika, b’mod partikolari, mir-rimedji skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/44. Il-preżunzjoni tal-Artikolu 5(3) tapplika sakemm ma tkunx inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew man-nuqqas ta’ konformità. Iżda l-qorti tar-rinviju ma talbitx għal gwida fuq din l-eċċezzjoni u, għalhekk, minix ser nindirizzaha.

87.      L-Artikolu 5(3) parzjalment jaqleb l-oneru tal-prova favur il-konsumatur li, suġġett għal limitazzjoni ta’ żmien, ma jkunx jeħtieġlu juri li n-nuqqas ta’ konformità kien diġà jeżisti meta l-oġġett kien ikkunsinnat. Għalhekk, huwa l-konsumatur li għandu jasserixxi, u meta jkun meħtieġ jipprova, li l-oġġett ikkunsinnat ma jkunx jaqbel mal-istandards ta’ kwalità, prestazzjoni u kapaċità għall-għan tal-oġġett li huwa raġonevolment seta’ stenna li jirċievi skont il-kuntratt u l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 2(2). Huwa n-nuqqas ta’ korrispondenza li għandu jintwera, mhux il-kawża tagħha. Għalhekk, f’dan il-każ, ikun biżżejjed għal konsumatur bħal F. Faber li jipprova biss li kien hemm in-nar. Pjuttost, hija għandha turi għaliex, b’riżultat tan-nar, hija tqis li l-vettura li kienet ikkunsinnata lilha ma kinitx tikkorrispondi mal-vettura li, abbażi tal-kuntratt u ta’ informazzjoni rilevanti oħra, hija kienet stenniet li tirċievi. F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, jista’ jkun biżżejjed għal F. Faber li turi li l-prodott ma jkunx jista’ jagħmel (sewwa) l-funzjoni li għaliha jkun inxtara (minħabba li ma tkunx għadha tista’ ssuq il-vettura) mingħajr ma jkun jeħtiġilha tidentifika għaliex dan kien il-każ (57).

88.      Madankollu, il-konsumatur ma jkunx jeħtieġlu jasserixxi, u meta jkun meħtieġ jipprova, li n-nuqqas ta’ korrispondenza jista’ jkun attribwit lill-bejjiegħ (ħaġa li x’aktarx tkun tinvolvi inkjesta dwar l-istat tal-oġġett qabel jew wara li jkun ġie kkunsinnat lill-konsumatur). Rekwiżit bħal dan idgħajjef għalkollox ir-regola tal-Artikolu 5(3). Barra dan, ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont id-Direttiva 1999/44 ma hijiex responsabbiltà bbażata fuq tort. Dan isegwi wkoll mill-Artikolu 4 li jagħti lill-bejjiegħ dritt ta’ rimedju kontra l-produttur li l-aġir jew in-nuqqasijiet tiegħu rriżultaw fin-nuqqas ta’ konformità. Barra dan, ma jkunx prattiku li oneru tal-prova bħal dan jitqiegħed fuq il-konsumatur minħabba li raġonevolment wieħed jassumi li, fil-prinċipju, il-bejjiegħ ikollu iktar informazzjoni (dettaljata) dwar l-oġġett u l-istat li fih kien ikkunsinnat. Il-konsumatur ma jistax jintalab li jipproduċi prova li ma jkunx jista’ jikseb (58). Dan ukoll imur kontra l-għan kollu tal-preżunzjoni ribattibbli tal-Artikolu 5(3) u l-għanijiet wiesa’ tad-Direttiva 1999/44.

89.      Il-kliem użat fl-Artikolu 5(3), u fil-premessa 8 tad-,Direttiva 1999/44 juri li l-oneru tal-prova sussegwentement jaqa’ fuq il-bejjiegħ li, sabiex jevita r-responsabbiltà, għandu juri li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx jeżisti meta tkun saret il-kunsinna (59) jew xort’oħra jirribatti t-talba tal-konsumatur u jikkontesta l-prova. Huwa jista’ jagħmel hekk, pereżempju, billi jistabbilixxi li d-difett ikun jirriżulta minn aġir jew nuqqasijiet li jkunu seħħu wara l-kunsinna tal-oġġett jew li d-difett ikun jista’ jiġi attribwit għal fattur li huwa, jiġifieri l-bejjiegħ, ma jkunx responsabbli għalih. Huwa biss f’dak l-istadju ta’ wara li minnu jkun jiddependi jekk it-talba tal-konsumatur tirnexxix jew le skont jekk jipproduċix prova dwar il-kawża tan-nuqqas ta’ konformità.

90.      Fl-aħħarnett, l-Artikolu 5(3) jidentifika min għandu jipprova xiex u f’liema ordni. Iżda ma jippreskrivix kif għandha tiġi prodotta l-prova tal-elementi meħtieġa. Fl-opinjoni tiegħi, fin-nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni, din hija kwistjoni għal liġi proċedurali nazzjonali dwar provi, li f’dan il-kuntest għandha bir-raġun tosserva wkoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (60).

 Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden kif ġej:

F’ċirkustanzi meta xerrej ikun beda proċeduri għal danni kontra bejjiegħ ibbażati fuq dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li tapplika, inter alia, għal kuntratti mal-konsumatur iżda ma jkunx sostna speċifikament li huwa konsumatur, regola ta’ liġi proċedurali nazzjonali ma tistax tipprekludi qorti nazzjonali milli teżamina jekk din il-persuna tkunx fil-fatt konsumatur skont it-tifsira tad-Direttiva 1999/44, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, li tarmonizza regoli dwar ċerti aspetti ta’ kuntratti mal-konsumatur u konsegwentement tapplika liġi nazzjonali dwar protezzjoni tal-konsumatur kif interpretata f’konformità mad-Direttiva 1999/44. Iżda dan ir-rekwiżit ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-elementi legali u fattwali meħtieġa għal dan il-kompitu għandhom ikunu disponibbli għall-qorti nazzjonali, minħabba li dawn l-elementi jkunu diġà jagħmlu parti mill-fajl jew minħabba li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tiksibhom skont liġi proċedurali nazzjonali. Il-qorti nazzjonali tista’ ma tmurx lil hinn mill-ambitu tat-tilwima kif iddefinita mill-partijiet. L-istess obbligu ta’ eżami ex officio u l-istess kundizzjonijiet japplikaw għal appell meta (i) tal-inqas waħda mill-partijiet tkun invokat dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li (tal-inqas parzjalment) jimplementaw id-Direttiva 1999/44 u (ii) skont jekk parti waħda tkun (jew ma tkunx) konsumatur, hija tkun tista’ (jew ma tistax) tibbenefika minn protezzjoni aħjar li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu joffru. Il-fatt li konsumatur kien assistit minn avukat ma jbiddilx din il-konklużjoni.

Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li jsir l-eżami ex officio tal-Artikolu 5(3) bil-kundizzjoni li l-qorti nazzjonali jkollha l-elementi legali u fattwali disponibbli u ma tbiddilx l-ambitu tat-tilwima kif iddefinita mill-partijiet. Sakemm l-Artikolu 5(3) ikollu karatteristiċi simili għal dawk li jikkaratterizzaw regola ta’ ordni pubbliku skont liġi nazzjonali, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jista’ jeżiġi wkoll li qorti nazzjonali bħal dik fit-tilwima ewlenija tapplika ex officio d-dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 5(3).

Id-Direttiva 1999/44 ma tillimitax il-kompetenza tal-Istati Membri milli jistabbilixxu u japplikaw regoli dwar provi fir-rigward tar-rekwiżit, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/44, li l-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità sakemm liġi nazzjonali (i) tipprovdi għall-perijodu mhux iqsar minn xahrejn, (ii) ma tippreskrivix regoli li jimmodifikaw il-kontenut tal-obbligi skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/44 u (iii) ir-regoli applikabbli ma jkunux xort’oħra inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi u ma jkunux ifformulati b’mod li fil-prattika jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jkunu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/44 parzjalment jaqleb l-oneru tal-prova favur il-konsumatur li, suġġett għal limitu ta’ żmien, ma jkunx jeħtieġlu juri li n-nuqqas ta’ konformità diġà kien jeżisti fiż-żmien tal-kunsinna tal-oġġett. Għalhekk, huwa l-konsumatur li għandu jidentifika li l-oġġett ikkunsinnat ma jkunx jikkorrispondi ma’ dak li huwa raġonevolment kien jistenna li jirċievi skont il-kuntratt u l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 2(2). Iżda l-konsumatur ma jkunx jeħtieġlu jipprova li n-nuqqas ta’ korrispondenza jkun attribwibbli lill-bejjiegħ.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223). Din id-direttiva kienet emendata, proprju fiż-żmien wara l-kawża prinċipali, bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2011, L 304, p. 64) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/83”).


3 – Ser nuża l-kliem “fuq inizjattiva proprja” u “ex officio” il-waħda flok l-oħra f’dawn il-konklużjonijiet.


4 – Il-premessa 1 tad-Direttiva 1999/44. Artikolu 169(1) TFUE jgħid li: “Sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, [i]s-sigurtà u [l-]interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll il-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u l-organizzazzjoni tagħhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom”.


5 – Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/44.


6 – Ebda waħda mill-eċċezzjonijiet għal din id-definizzjoni ma tidher li hija rilevanti għal dan il-każ. Ara wkoll il-punt 55 iktar ’l isfel.


7 –      Ara wkoll il-premessa 17 tad-Direttiva. Barra dan, skont l-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, fil-każ ta’ oġġetti użati, il-bejjiegħ u l-konsumatur jistgħu jiftiehmu dwar perijodu ta’ żmien iqsar għall-obbligu tal-bejjiegħ. Il-Pajjiżi l-Baxxi ma użawx din l-għażla.


8 –      Ara wkoll il-premessa 24 tad-Direttiva 1999/44 u l-Artikolu 169(4) TFUE.


9 – Ma jidhirx mill-fajl nazzjonali li Faber, sid il-vettura, kienet ġiet ikkuntattjata minn Hazet jew Reuvers qabel ma sar dan.


10 – Ara, pereżempju, is-sentenza LCL Le Crédit Lyonnais(C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ara, pereżempju, is-sentenza VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 49).


12 – Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


13 – Ara l-punt 62 iktar ’l isfel.


14 – Ara, pereżempju, is-sentenza Kušionová,(C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Anki jekk naqbel mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jidher li hemm informazzjoni fattwali kunsiderevoli sabiex din id-domanda tiġi deċiża.


16 – Ara fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, pereżempju, is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Għal diskussjoni utli dwar dan is-suġġett, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs f’van Schijndel u f’van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:185, punti 24 sa 30). Għal fehma differenti, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon f’Verholen et (C‑87/90 sa C‑89/90, EU:C:1991:223, punt 19).


18 – Ara, fil-kuntest tad-Direttiva 1999/44, is-sentenza Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:637, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din kienet l-ewwel kawża li fiha tqajmet l-asserzjoni dwar drittijiet tal-konsumatur skont id-Direttiva 1999/44 fi proċeduri legali. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fi Duarte Hueros (C‑32/12, EU:C:2013:128, punt 3).


19 – Ara, pereżempju, is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (EU:C:2014:2099, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Ara, pereżempju, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Sentenza van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punti 13 u 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Jőrös (C‑397/11, EU:C:2013:340, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ara, pereżempju, is-sentenza Sánchez Morcillo u Abril García (EU:C:2014:2099, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Sánchez Morcillo u Abril García (EU:C:2014:2099, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata) u Kušionová (EU:C:2014:2189, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq.


25 – Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.


26 – Din il-ġurisprudenza tkopri dispożizzjonijiet ta’ Direttivi li jinvolvu, inter alia, klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u kreditu għall-konsumatur.


27 – Ara d-distinzjoni magħmula fil-punt 40 tas-sentenza van der Weerd et (C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318).


28 – Id-Direttiva 93/13, bħad-Direttiva 1999/44, għandha l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Fil-fatt il-Kummissjoni (bl-appoġġ tal-Parlament) kienet beħsiebha tarmonizza fi strument wieħed ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ garanziji u ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur. Madankollu, il-Kunsill ipprefera jittratta dawn l-affarijiet separatament. Ara s-sommarju ta’ dan id-dibattitu fil-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bejgħ ta’ oġġetti għall-konsumatur u garanziji assoċjati (ippreżentata mill-Kummissjoni) COM(95) 520 finali, p. 2 (u d-dokumenti ċċitati hemmhekk) (ĠU C 307, p. 8). L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jgħid: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż [ma’] konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.


29 – Ara, pereżempju, is-sentenza Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32).


30 – Ara, pereżempju, is-sentenza Kušionová (EU:C:2014:2189, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Ara, pereżempju, is-sentenza Kušionová (EU:C:2014:2189, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 – Ara, pereżempju, is-sentenza VB Pénzügyi Lízing (EU:C:2010:659, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 – Sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 26).


34 – Sentenza Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705, punt 38).


35 – Sentenza Kušionová (EU:C:2014:2189, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata) (din tal-aħħar kienet dwar sitwazzjoni li fiha l-konsumatur ma kien ressaq ebda proċedura legali sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu).


36 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fi Duarte Hueros (EU:C:2013:128, punti 43, 44, 47 u 48).


37 – Artikolu 2(3) tad-Direttiva 1999/44.


38 – Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/44. Ara wkoll il-premessa 7 tagħha.


39 – Premessa 8 tagħha tissuġġerixxi li mhix.


40 – Ara l-punti 80 sa 90 iktar ’l isfel.


41 – Qabbel, pereżempju, mal-ordni ta’ raġunament fis-sentenza VB Pénzügyi Lízing (EU:C:2010:659, punt 49).


42 – Ara s-sentenza Duarte Hueros (EU:C:2013:637, punt 25).


43 – Fil-fehma tiegħi dan l-obbligu japplika irrispettivament mill-Artikolu 9, li jitlob li Stat Membru jieħu l-miżuri xierqa sabiex jinforma lil konsumaturi bid-dritt nazzjonali li jkun ittraspona d-Direttiva 1999/44 u, meta jkun xieraq, sabiex iħeġġeġ lil organizzazzjonijiet professjonali sabiex jinformaw lil konsumaturi bid-drittijiet tagħhom; u bil-fatt li l-kuntratt u elementi oħra speċifiċi għal każ partikolari jkunu jistgħu jagħtu informazzjoni lill-konsumatur dwar id-drittijiet tiegħu, speċjalment fejn liġijiet nazzjonali u tal-Unjoni jitolbu li informazzjoni bħal din tkun inkluża fil-kuntratt jew ikkomunikata lill-konsumatur qabel ma l-kuntratt jiġi konkluż.


44 – Jiena naċċetta li din il-pożizzjoni jista’ wkoll ikollha implikazzjonijiet għal partijiet oħra tal-liġijiet tal-Unjoni li bl-istess mod jipproteġu fid-deher parti iktar dgħajfa f’relazzjoni kuntrattwali ma’ parti iktar b’saħħitha jew ma’ korp pubbliku. Eżempju ovvju hawnhekk huwa l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu ħaddiema fiż-żewġ tipi ta’ relazzjoni.


45 – Ara, fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet individwali dwar klawżoli inġusti f’kuntratti, is-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (EU:C:2000:346, punt 26). F’kuntesti oħra, ara s-sentenzi Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Rampion u Godard (C‑429/05, EU:C:2007:575, punt 65).


46 – Ara, pereżempju, fir-rigward tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, is-sentenzi Jőrös (EU:C:2013:340, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 49).


47 – Fil-fatt, dan jista’ jkun il-każ fir-rigward ta’ elementi distinti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/44 li jiena niddiskuti fil-kuntest tad-Domandi 5 u 6.


48 – Ara wkoll is-sentenza Rampion u Godard (EU:C:2007:575, punt 65).


49 – Ara, pereżempju, is-sentenza Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50 – Ara l-premessi 22 u 24 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/44.


51 – Ara l-premessa 22 u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 1999/44.


52 – Ara l-premessa 6 tad-Direttiva 1999/44.


53 – Ara l-punti 19 sa 23 iktar ’il fuq.


54 – Distinzjoni simili jidher li ssir f’verżjonijiet ta’ lingwi oħra tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 1999/44.


55 – COM(95) 520 finali, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 14.


56 – COM(95) 520 finali, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 14.


57 – Bħalma wieħed mill-imħallfin iddeskriviha waqt il-mistoqsijiet matul is-seduta: vettura li tkun konformi mal-għan tagħha ma tiħux in-nar spontanjament.


58 – Ara wkoll, pereżempju, fil-kuntest ta’ kreditu għall-konsumatur, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’CA Consumer Finance (C‑449/13, EU:C 2014:2213, punt 37).


59 – Dik ukoll kienet l-intenzjoni tal-Kummissjoni meta pproponiet din id-dispożizzjoni: ara COM(95) 520 finali, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 12.


60 – Ara, pereżempju, is-sentenza Arcor (C‑55/06, EU:C:2008:244, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata).