Language of document : ECLI:EU:C:2015:33

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

 WATHELET

ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2015 (1)

Kawża C‑519/13

Alpha Bank Cyprus Ltd

vs

Senh Dau Si,

Alpha Panareti Public Ltd,

Susan Towson,

Stewart Cresswell,

Gillian Cresswell,

Julie Gaskell,

Peter Gaskell,

Richard Wernham,

Tracy Wernham,

Joanne Zorani,

Richard Simpson

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Anotato Dikastirio Kyprou (Ċipru)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali — Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Artikolu 8 — Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta att — Rekwiżit li tiġi nnotifikata l-formola li tinsab fl-Anness II tar-Regolament li hija intiża biex tinforma lid-destinatarju bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi att — Validità tan-notifika f’każ li ma tintużax il-formola — Possibbiltà ta’ notifika sussegwenti permezz tal-avukat tad-destinatarju”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ seba’ kawżi dwar il-bilanċ ta’ kreditu ipotekarju bejn Alpha Bank Cyprus Ltd (iktar ’il quddiem “Alpha Bank”), kumpannija li teżerċita attivitajiet bankarji, u akkwirenti ta’ proprjetajiet immobbli, kif ukoll Alpha Panareti Public Ltd, kumpannija oħra li kienet ikkostitwixxiet ruħha bħala garanti tal-kreditu (2).

2.        Din it-talba tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz [notifika] ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (3).

3.        L-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament, bit-titolu “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument [att]” jistipula li d-destinatarju ta’ att għandu jiġi informat “bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II [tar-Regolament]”, li huwa jista’ jirrifjuta n-notifika ta’ dak l-att jekk ma jkunx miktub b’lingwa partikolari jew akkumpanjat bi traduzzjoni f’dik l-lingwa.

4.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjoni ta’ jekk dik il-formola standard hijiex ta’ natura obbligatorja u l-konsegwenzi fuq in-notifika ta’ att jekk dik il-formola ma tintużax.

II – Ir-Regolament Nru 1393/2007

5.        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Traduzzjoni tad-dokumenti [tal-atti]” jipprovdi:

“1.      L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bl-użu tal-formola standard fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att maħsub għan-notifika fl-istess mument meta dan ikun innotifikat jew ikkomunikat jew billi jibagħtu lura lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

a)      lingwa li jifhimha d-destinatarju;

b)      il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun trid issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

2.      Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.      Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1, in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att jistgħu jkunu rrimedjati permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tal-att li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati jew ikkomunikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, att għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat matul perjodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika jew il-komunikazzjoni tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).

[…]”

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.        Il-konvenuti fis-seba’ appelli quddiem il-qorti tar-rinviju huma, minn naħa, akkwirenti ta’ proprjetajiet li jinsabu fit-territorju tar-Repubblika ta’ Ċipru u, min-naħa l-oħra, il-venditriċi ta’ dawk il-proprjetajiet, Alpha Panareti Public Ltd (4). Il-proprjetajiet ġew akkwistati permezz ta’ kreditu ipotekarju mogħti minn Alpha Bank li, quddiem il-qrati Ċiprijotti, assenjat bi ħlas tal-bilanċ tal-kreditu ipotekarju, lill-akkwirenti kif ukoll lill-venditriċi, jiġifieri Alpha Panareti Public Ltd li kienet ikkostitwixxiet ruħha bħala garanti tal-kreditu.

7.        Peress li l-akkwirenti (5) kellhom ir-residenza permanenti tagħhom f’pajjiż barrani, Alpha Bank kiseb, wara talba ex parte (6), f’kull wieħed mir-rikorsi fl-ewwel istanza, digriet li jawtorizza n-notifika, barra mit-territorju ġeografiku tal-qorti, ta’ kopja ċċertifikata tal-att promotur (7) u tan-nota mehmuża mal-att promotur (8) kif ukoll tat-traduzzjoni tagħhom (iktar ’il quddiem id-“digriet kontenzjuż”). Kull wieħed minn dawk id-digrieti kontenzjużi kien jipprovdi, barra minn hekk, li n-notifika tal-imsemmija dokumenti kellha ssir skont ir-regoli previsti fir-Regolament Nru 1393/2007.

8.        Id-dokumenti segwenti ġew innotifikati lil kull wieħed mill- akkwirenti fl-Ingilterra:

–        kopja ċċertifikata tal-att promotur tal-kawża u tan-“nota” mehmuża miegħu, bil-lingwa Griega u b’dik Ingliża;

–        kopja ċċertifikata tad-digriet kontenzjuż, bil-lingwa Griega biss; u

–        kopja ċċertifikata tad-dikjarazzjoni ġuramentata tat-traduttriċi li tiċċertifika l-konformità tat-traduzzjoni mad-dokumenti oriġinali.

9.        Il-konvenuti f’kull waħda mis-seba’ kawżi ddikjaraw fl-ewwel istanza li huma kienu ser jidhru b’riżerva u ppreżentaw talba għall-annullament jew l-invalidità tad-digrieti kontenzjużi, kif ukoll tan-notifika nnifishom. Huma affermaw li, skont ir-Regolament Nru 1393/2007 u l-Kodiċi tal-proċedura ċivili Ċiprijott, kellhom jiġu nnotifikati wkoll dokumenti oħra, jiġifieri għal kull rikors:

–        kopja tat-talba ex parte;

–        traduzzjoni bl-Ingliż tad-digriet kontenzjuż;

–        il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 b’mod konformi mal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament; u

–        ittra ta’ spjegazzjoni dwar id-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati.

10.      Alpha Bank argumenta quddiem il-qorti tal-ewwel istanza li peress li l-konvenuti kienu ħadu konjizzjoni tal-eżistenza tal-azzjoni u tas-suġġett tagħha kif ukoll tal-iskadenzi applikabbli għalihom, huma ma setgħux jinvokaw l-irregolarità tan-notifika. Skont Alpha Bank, it-talbiet tal-konvenuti sabiex in-notifika tiġi invalidata jikkostitwixxu tentattiv min-naħa tagħhom sabiex jevitaw in-notifika.

11.      F’kull waħda minn dawk is-seba’ kawżi, il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet dawk it-talbiet. Hija ddeċidiet li l-ommissjoni li jiġu nnotifikati d-dokumenti kollha meħtieġa u t-traduzzjonijiet bl-Ingliż, b’mod partikolari t-traduzzjoni tad-digrieti kontenzjużi, tikkostitwixxi ksur tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili Ċiprijott kif ukoll tar-Regolament Nru 1393/2007, sa fejn dan iċaħħad lid-destinatarju tad-dokumenti mill-possibbiltà li jieħu konjizzjoni tal-kontenut tagħhom. Hija ddeċidiet ukoll li kien hemm ksur ta’ dak ir-regolament, sa fejn il-konvenuti ma ġewx innotifikati l-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak l-istess regolament, li kienet tinformahom dwar id-dritt tagħhom li jirrifjutaw li jirċievu d-digrieti kontenzjużi bil-lingwa Griega, jekk ma jkunux akkumpanjati bit-traduzzjoni bl-Ingliż meħtieġa. Fuq dawn il-bażijiet, il-qorti tal-ewwel istanza annullat in-notifika tal-att promotur u tan-“nota” mehmuża miegħu kif ukoll tad-digriet kontenzjuż f’kull waħda mill-kawżi.

12.      Alpha Bank ippreżentat appell f’kull waħda mis-seba’ kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju.

13.      Permezz ta’ sentenza distinta, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-parti tas-seba’ sentenzi tal-ewwel istanza li tannulla n-notifika għal raġunijiet relatati ma’ ksur tad-dritt nazzjonali kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn, fiċ-ċirkustanzi tat-tilwimiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kull ommissjoni setgħet tiġi rregolarizzata, b’mod konformi mal-ispirtu tar-Regolament Nru 1393/2007. Skont dik il-qorti, “[m]inkejja l-għadd kbir ta’ problemi li jirriżultaw mill-mod kif saret in-notifika, mid-dokumenti mibgħuta għal notifika ma jirriżultax li l-konvenuti fil-fatt ġew imqarrqa, għaliex huma ppreżentaw ruħhom fil-ħin quddiem il-qorti. Barra minn hekk, il-konvenuti ma speċifikawx in-natura tal-qerq li huma allegatament ġarrbu u lanqas, li huwa iktar importanti, il-konsegwenzi li dak l-allegat qerq kellu fuqhom”.

14.      Il-qorti tar-rinviju indikat li hija ma kinitx ser tannulla n-notifika, ħlief jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li n-notifika permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 kienet meħtieġa fil-każijiet kollha ta’ notifika fuq il-bażi tal-imsemmi regolament u li eventwali ommissjoni ta’ notifika tal-formola standard ma tistax tiġi rrimedjata u twassal għan-nullità tan-notifika.

15.      F’dan il-kuntest, l-Anotato Dikastirio Kyprou (Ċipru) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      In-notifika tal-formola standard skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 hija meħtieġa fil-każijiet kollha jew jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet?

2)      Fil-każ li jitqies li n-notifika hija meħtieġa fil-każijiet kollha, in-nuqqas tagħha f’din il-kawża jikkostitwixxi raġuni għall-invalidità tan-notifika?

3)      Jekk le, huwa konformi mal-ispirtu tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 li n-notifika ssir lill-avukat li qed jirrappreżenta konvenuti li qed jidhru taħt protest, li ntrabat f’dan is-sens mal-klijenti tiegħu? Jew hemm bżonn ta’ notifika ġdida skont il-proċedura prevista fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Alpha Bank, il-konvenuti, il-Gvernijiet ta’ Ċipru, tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ellenika, ta’ Spanja u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Alpha Bank, il-konvenuti, il-Gvernijiet ta’ Ċipru, tal-Ġermanja u ta’ Spanja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali matul is-seduta li nżammet fis-27 ta’ Novembru 2014.

V –    Analiżi

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      L-argumenti tal-partijiet

17.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aġenzija li tirċievi (9) għandha tuża b’mod sistematiku l-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tan-notifika lid-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat.

18.      Il-konvenuti jikkunsidraw li fir-Regolament Nru 1393/2007 ma hemm ebda eċċezzjoni għad-dritt li wieħed jirċievi l-formola standard li tinsab fl-Anness II tiegħu. Huma jirrilevaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea intenzjonalment ipprovda dik il-formola standard sabiex jiġu ggarantiti u protetti d-drittijiet fundamentali tad-destinatarji għall-informazzjoni u għal proċess ġust. Għall-kuntrarju, Alpha Bank tikkunsidra li l-formola standard inkwistjoni ma għandha ebda utilità meta l-att promotur ikun ġie tradott fil-lingwa tal-aġenzija li tirċievi.

19.      Il-Gvern Elleniku huwa tal-fehma li la l-Artikolu 8 u lanqas xi artikolu ieħor tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprovdi eċċezzjoni li tippermetti lill-aġenzija li tirċievi teżenta ruħha mill-użu tal-formola standard kif impost mill-Artikolu 8(1) tagħha. Skont il-Gvern Spanjol, id-diċitura tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tippermetti ebda dubju. Fil-fatt, l-Artikolu 8 jeżiġi li l-informazzjoni li huwa jippreskrivi tingħata permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament. Il-Gvern Awstrijak huwa wkoll tal-fehma li n-notifika tal-formola standard hija meħtieġa f’kull każ.

20.      Skont il-Gvern Ċiprijott, għalkemm a priori l-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 huwa obbligatorju fil-każijiet kollha ta’ notifika ta’ att ġudizzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu donnha ħolqot deroga minn dak l-obbligu ġenerali fis-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264), meta d-destinatarju jkun jaf il-kontenut tal-att ikkomunikat jew innotifikat.

21.      Għall-Kummissjoni, il-formola standard inkwistjoni għandha skop informattiv u hija meħtieġa f’każijiet fejn l-att ġudizzjarju jiġi nnotifikat b’lingwa li l-konvenut ma jifhimx. Bħala konsegwenza, fil-fehma tagħha, jekk l-att ikun ġie nnotifikat b’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, il-formola standard titlef ir-ratio tagħha u l-użu tagħha ma jibqax meħtieġ. Hija tiddikjara wkoll li f’dan il-każ, id-destinatarju ma kienx ikollu d-dritt li jirrifjuta l-att li kieku l-formola standard kienet mehmuża man-notifika.

22.      Skont il-Gvern Ġermaniż, l-aġenzija li tirċievi hija obbligata li tehmeż il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 biss meta att, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-regolament, ma jkunx ġie tradott f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament. Effettivament, l-obbligu ta’ informazzjoni impost mill-imsemmi Artikolu 8(1) jikkostitwixxi obbligu ta’ “eżami speċjali taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija li tirċievi”, li twettaq il-verifika tagħha abbażi tal-kompetenza esperta li jkollha bħala awtorità jew qorti. Dak il-gvern għalhekk huwa tal-fehma li l-aġenzija li tirċievi għandha tivverifika, f’kull każ, jekk id-destinatarju msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandux jiġi informat dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta r-riċeviment ta’ att permezz tal-formola standard. Huwa jgħid li d-digriet kontenzjuż jikkostitwixxi att, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għaliex ma jistax jiġi eskluż, fl-assenza ta’ traduzzjoni, li l-kontenut tiegħu jkun essenzjali fuq livell proċedurali, li jiġġustifika obbligu awtonomu ta’ informazzjoni għall-karigu tal-aġenzija li tirċievi skont dik id-dispożizzjoni.

2.      Evalwazzjoni

23.      Fil-fehma tiegħi, il-portata tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 hija ċara u ħielsa minn kull ambigwità. L-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak ir-regolament huwa meħtieġ fil-każijiet kollha ta’ notifika ta’ atti ġudizzjarji (10), mingħajr eċċezzjoni, indipendentement mil-lingwa li bih ikun miktub l-att li għandu jiġi nnotifikat, kemm jekk ikun akkumpanjat bi traduzzjoni u kemm jekk le (11).

24.      Fl-ewwel lok, id-diċitura (12) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 teżiġi b’mod ċar u mingħajr eċċezzjoni, li l-aġenzija li tirċievi tuża l-formola standard inkwistjoni fil-mument tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat.

25.      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 b’hekk ma jagħtix lill-aġenzija li tirċievi l-possibbiltà li tiddeċiedi dwar jekk l-użu ta’ dik il-formola huwiex neċessarju jew le skont il-lingwa tal-att li għandu jiġi nnotifikat, jew skont il-lingwi mifhuma mid-destinatarju — informazzjoni li fi kwalunkwe każ ma tkunx normalment magħrufa minnha — jew inkella skont il-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru inkwistjoni jew l-eżistenza jew ineżistenza ta’ traduzzjoni mehmuża f’dawk il-lingwi.

26.      Effettivament, il-kliem “jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom” jimponi kundizzjoni biss fuq id-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta l-att u mhux fuq l-użu tal-formola standard.

27.      Il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 b’hekk għandha tintuża awtomatikament għan-notifika ta’ att lid-destinatarju tiegħu anki jekk jista’ jirriżulta li din tkun superfluwa minħabba, pereżempju, il-kapaċitajiet lingwistiċi tad-destinatarju jew, b’mod iktar speċifiku, meta l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun miktub bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat. Għandu jingħad ukoll li, anki f’dan l-aħħar każ, l-obbligu sistematiku li tinehmeż dik il-formola, li tinvolvi biss paġna waħda, bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika ma jikkostitwixxix, fil-fehma tiegħi, obbligu indebitament eċċessiv.

28.      Fit-tieni lok, il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u l-obbligu ta’ użu marbut magħha jikkostitwixxu innovazzjoni meta mqabbla mar-regolament preċedenti, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (13). Din l-innovazzjoni tirrifletti, fil-fehma tiegħi, ir-rieda tal-leġiżlatur Ewropew li jtejjeb l-effettività u r-rapidità (14) tat-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji waqt li jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ difiża tal-imsemmi destinatarju (15).

29.      L-użu obbligatorju ta’ dik il-formola standard huwa intiż biex jiġu evitati sitwazzjonijiet mhux mixtieqa, bħal f’dan il-każ, fejn dokument ta’ paġna waħda biss, jiġifieri l-kopja ċċertifikata tad-digriet kontenzjuż, bil-lingwa Griega biss u b’hekk b’lingwa li ma tkunx (jew ma tistax tkun) mifhuma mill-konvenuti jew b’lingwa uffiċjali tal-Istat indirizzat (l-Ingliż), tkun tinsab fost għadd sħiħ ta’ dokumenti bil-Grieg li lkoll kemm huma, ħlief għad-digriet kontenzjuż, ikunu akkumpanjati bi traduzzjoni (16).

30.      Fil-fehma tiegħi, l-aġenziji li jirċievu b’hekk ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni fl-użu tal-formola inkwistjoni (17). Interpretazzjoni awtonoma u uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007 barra minn hekk timplika li l-formola standard inkwistjoni għandha tiġi mehmuża sistematikament meta ssir in-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat (18). Effettivament, dak ir-regolament japplika għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea (19) fir-rigward ta’ atti li għandhom jiġu kkomunikati jew innotifikati potenzjalment b’iktar minn 20 lingwa. Għaldaqstant, minn perspettiva purament prattika, jidhirli li huwa impossibbli għall-aġenziji li jirċievu li jivverifikaw l-atti li għandhom jiġu kkomunikati jew innotifikati kif ukoll l-eżistenza ta’ traduzzjonijiet fil-każijiet kollha.

31.      Fir-rapport tagħha tal-4 ta’ Diċembru 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 (20) (iktar ’il quddiem ir-“rapport”), il-Kummissjoni tistabbilixxi n-neċessità li tintuża l-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak ir-regolament f’każ li l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun miktub bil-lingwa tal-Istat Membru indirizzat u meta, għaldaqstant, id-destinatarju ma jkollux fondat li jirrifjuta n-notifika skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament. Ir-rapport jirrileva li l-fatt li, f’dak il-każ, tinehmeż dik il-formola jagħti lok għar-riskju li d-destinatarji jingħataw x’jifhmu li għandhom id-dritt li jirrifjutaw.

32.      Madankollu, nikkunsidra li l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tinkludi indikazzjonijiet ċari ħafna għad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat u li l-formolazzjoni preċiża tagħha ma hijiex ta’ tali natura li tista’ twasslu biex jifhimha ħażin. Effettivament, dik il-formola tipprovdi espliċitament li d-destinatarju “jista’/tista’ jirrifjuta/tirrifjuta li jaċċetta/taċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub jew ikollu miegħu traduzzjoni jew b’lingwa li hu jew hi jifhimha/tifhimha jew il-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika” (21). Id-dritt ta’ rifjut b’hekk ma huwiex marbut mal-preżenza tal-formola standard inkwistjoni (22).

33.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament matul in-notifika lid-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat huwa meħtieġ f’kull każ, mingħajr eċċezzjoni u indipendentement kemm mil-lingwa li biha jkun miktub l-att li għandu jiġi nnotifikat, kemm mill-fatt jekk dan tal-aħħar ikunx akkumpanjat jew le minn traduzzjoni b’lingwa mifhuma mid-destinatarju jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika.

B –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

34.      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li saru f’każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun kif qiegħed nipproponi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, dwar il-kwistjoni jekk l-assenza tal-formola tikkostitwixxix motiv ta’ nullità tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat u, min-naħa l-oħra, dwar il-mod kif dik l-ommissjoni għandha tiġi rrimedjata.

35.      Ir-Regolament Nru 1393/2007 ma jgħid xejn dwar il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mill-assenza tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament. A fortiori, dan ma jipprovdix li dik l-ommissjoni tikkostitwixxi motiv ta’ nullità tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat (23). Peress li r-Regolament Nru 1348/2000 ma jgħid xejn dwar il-konsegwenzi ta’ notifika b’lingwa oħra apparti waħda minn dawk li jimponi, l-istess bħalma r-Regolament Nru 1393/2007 ma jgħid xejn dwar l-assenza tal-użu tal-formola standard, il-ġurisprudenza dwar l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti tipprovdi tagħlim siewi dwar din il-kwistjoni.

36.      Fil-punt 51 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn ir-Regolament Nru 1348/2000 (li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007) ma kienx jipprevedi l-konsegwenzi ta’ ċerti fatti, kienet il-qorti nazzjonali li kellha tapplika, bħala prinċipju, id-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li dan is-silenzju tar-Regolament seta’ “jwassal lill-qorti nazzjonali biex twarrab, jekk dan ikun meħtieġ, regola nazzjonali li tikkostitwixxi ostaklu jew li tinterpreta regola nazzjonali li tkun ġiet ifformulata unikament għall-finijiet ta’ sitwazzjoni purament interna b’tali mod li tapplikaha għas-sitwazzjoni transkonfinali inkwistjoni” (24).

37.      Barra minn hekk, fil-punt 65 ta’ dik l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tippreżerva l-effettività tar-Regolament, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li d-drittijiet tad-diversi partijiet inkwistjoni jkunu protetti bl-aħjar mod u b’mod ibbilanċjat (25).

38.      Fir-rigward tad-drittijiet tad-destinatarji tal-att li għandu jiġi nnotifikat, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-objettivi ta’ effikaċja u ta’ rapidità tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jistgħux jinkisbu billi jiġu mdgħajfa, bi kwalunkwe mod, id-drittijiet ta’ difiża ta’ dawk id-destinatarji, li jkunu dderivati mid-dritt għal smigħ xieraq, li huwa kristallizzat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (26), li jimplika, b’mod partikolari, li d-destinatarju jkollu “biżżejjed żmien sabiex iħejji d-difiża tiegħu” (27).

39.      Rigward id-drittijiet tal-parti mittenti u l-objettivi ta’ effikaċja u rapidità tar-Regolament Nru 1393/2007, jidhirli li dawn ma jistgħux jiġu kompromessi għal raġunijiet purament formali li ma jaffettwawx id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji.

40.      Dan ikun il-każ jekk l-assenza tal-formola standard inkwistjoni twassal għan-nullità tan-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat meta seta’ jiġi pprovat, pereżempju, li d-destinatarju ta’ dak l-att kien jifhem il-lingwa li biha kien miktub l-att jew li l-att kien miktub bil-lingwa uffiċjali tal-Istat indirizzat. Fil-punt 52 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665), il-Qorti tal-Ġustizzja titkellem dwar “rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokument li jkun purament dilatorju u evidentement abużiv” għal każijiet paragunabbli (28).

41.      Bħala konsegwenza, fil-każ li l-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 ma tiġix mehmuża man-notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat, hija l-qorti nazzjonali (29) li għandha tivverifika jekk dak l-att ġiex ifformulat b’lingwa mifhuma mid-destinatarju jew b’lingwa uffiċjali tal-Istat indirizzat (30).

42.      Mill-punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-konvenuti affermaw li, f’kull waħda mis-seba’ kawżi prinċipali, ċerti dokumenti u ċerti traduzzjonijiet ma kinux ġew innotifikati lilhom, meta fil-fatt kellhom jiġu nnotifikati.

43.      B’hekk għad irid jiġi eżaminat il-kunċett ta’ “dokument maħsub għan-notifika [att li għandu jiġi nnotifikat]”, li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jiddefinixxix, bl-istess mod li ma jsemmix l-annessi, li n-numru u n-natura tagħhom ivarjaw b’mod kunsiderevoli skont l-ordinamenti ġuridiċi (31).

44.      Fil-punt 73 tas-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-att li għandu jiġi nnotifikat ikun jikkonsisti, bħal fil-kawżi prinċipali, f’att promotur, id-dokument jew id-dokumenti nnotifikati għandhom ipoġġu lid-destinatarju f’pożizzjoni li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini, li jidentifika b’mod ċert ta’ mill-inqas is-suġġett u r-raġuni tat-talba kif ukoll l-istedina biex jidher quddiem qorti (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tindika li “dokumenti li għandhom biss funzjoni ta’ prova u ma humiex indispensabbli sabiex jinftiehmu s-suġġett u r-raġuni tat-talba ma jifformawx parti integrali mill-att promotur”.

45.      Prima facie u suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, in-notifika lill-intimati ta’ kopja ċċertifikata tal-att promotur, bil-lingwa Griega kif ukoll bil-lingwa Ingliża, ippermettiet li huma jidentifikaw b’mod ċert is-suġġett u r-raġuni tat-talba fil-kawżi prinċipali.

46.      Madankollu, fir-rigward tal-istedina biex jidhru quddiem qorti, jidher li kien hemm differenza importanti bejn it-terminu ffissat mill-att promotur u d-digriet kontenzjuż (33) fil-kawżi prinċipali. Bħala eżempju, fil-każ ta’ D. Si, it-terminu ffissat mill-att promotur jidher li kien ta’ għaxart ijiem filwaqt li t-terminu ffissat mid-digriet kontenzjuż — li ġie nnotifikat biss bil-lingwa Griega — jidher li kien ta’ 60 jum, li skont il-konvenuti, wassalhom biex jieħdu żball. Madankollu, dan ma ġiex ikkontestat matul is-seduta u mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja (fatt li għandu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju) jirriżulta li, f’kull waħda mit-tilwimiet fil-kawża prinċipali, it-terminu ffissat mid-digriet kontenzjuż huwa l-istess bħal dak iffissat min-“nota” mehmuża miegħu (34). Dik in-“nota” fil-fatt ġiet innotifikata lill-intimati kemm bil-Grieg kif ukoll bl-Ingliż.

47.      Kieku, għall-kuntrarju tal-indikazzjonijiet irrilevati fil-punti 45 u 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata (quod non?) li l-ommissjoni tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 u l-assenza ta’ traduzzjoni tad-digriet kontenzjuż jew inkella l-inċertezza dwar it-termini tad-dehra, effettivament ippreġudikaw id-drittijiet ta’ difiża tal-intimati, dawk in-nuqqasijiet għandhom jiġu kkoreġuti fl-iqsar żmien (35) billi jintbagħtu l-formola standard u t-traduzzjoni nieqsa skont il-modalitajiet ta’ notifika previsti fir-Regolament Nru 1393/2007 (36), u dan jikkonferma awtomatikament it-terminu għad-dehra msemmi fid-digriet kontenzjuż.

48.      F’dan ir-rigward, bi qbil mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, jidhirli li sa fejn ikun possibbli għandna mmorru lura għall-istatus quo ante (37). Effettivament, l-ommissjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jiġu rrimedjati permezz ta’ notifika tal-att li għandu jiġi nnotifikat u tal-formola standard inkwistjoni lill-avukat tal-intimati. Tali notifika ma tkunx konformi mal-modalitajiet preskritti fir-Regolament Nru 1393/2007 (38).

49.      Fil-fehma tiegħi, konklużjoni differenti tpoġġi f’dubju l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni awtonomi u uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007 (39).

50.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jidhirli li l-ommissjoni li tintbagħat il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 fil-mument tan-notifika ta’ att promotur ma tikkostitwixxix motiv ta’ nullità ta’ dik in-notifika, jekk id-destinatarju tal-att ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini. L-ommissjonijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat għandhom jiġu rrimedjati fl-iqsar żmien u skont il-modalitajiet ta’ notifika previsti fir-Regolament Nru 1393/2007.

VI – Konklużjoni

51.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Anotato Dikastirio Kyprou tkun kif ġej:

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz [in-notifika] fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tal-imsemmi regolament matul in-notifika lid-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat huwa meħtieġ f’kull każ, mingħajr eċċezzjoni u indipendentement kemm mil-lingwa li biha jkun miktub l-att li għandu jiġi nnotifikat, kemm mill-fatt jekk dan tal-aħħar ikunx akkumpanjat jew le minn traduzzjoni b’lingwa mifhuma mid-destinatarju jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika.

L-ommissjoni li tintbagħat il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 fil-mument tan-notifika ta’ att promotur, ma tikkostitwixxix motiv ta’ nullità ta’ dik in-notifika jekk id-destinatarju tal-att ikun tqiegħed f’pożizzjoni li jasserixxi d-drittijiet tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fl-Istat ta’ oriġini. L-ommissjonijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat għandhom jiġu rrimedjati fl-iqsar żmien u skont il-modalitajiet ta’ notifika previsti fir-Regolament Nru 1393/2007.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – F’kull waħda mis-seba’ kawżi, Alpha Panareti Public Ltd ġiet imħarrka f’dik il-kwalità.


3 – ĠU L 324, p. 79.


4 – Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dik il-kumpannija, ikkostitwita f’Ċipru, ma tappartjenix lil Alpha Bank.


5 – Il-venditriċi hija stabbilita f’Ċipru.


6 – Jiġifieri talba ppreżentata mingħajr ma tiġi informata l-kontroparti.


7 – Imsejjaħ “writ” fid-dokumenti proċedurali annessi mat-talba għal deċiżjoni preliminari.


8 – Imsejjaħ “notice of writ” fid-dokumenti proċedurali annessi mat-talba għal deċiżjoni preliminari (iktar ’il quddiem in-“nota”).


9 – In-notifiki fil-kawżi prinċipali saru b’mod konformi mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, jiġifieri bejn l-aġenziji [“li tibgħat” (f’Ċipru) u “li tirċievi” (fir-Renju Unit)] skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament.


10 – Ara l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1393/2007. Id-domandi magħmula lil-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw, b’mod partikolari, atti promoturi. Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, dan jipprevedi biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika ta’ att ġudizzjarju bejn l-Istati Membri tkun suġġetta għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri, minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tad-destinatarju ma jkunx magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun innomina rappreżentant b’mandat fl-Istat fejn isseħħ il-proċedura ġudizzjarja. Fil-każijiet l-oħra, fejn id-destinatarju ta’ att ġudizzjarju jkun jgħix f’pajjiż barrani, in-notifika ta’ dak l-att taqa’ neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament u għandha, għaldaqstant, kif jipprevedi l-Artikolu 1(1) tiegħu, jitwettqu permezz ta’ mezzi stabbiliti mill-istess regolament għal dan il-għan. Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punti 24 u 25 tas-sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824).


11 – Fil-punt 37 tas-sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikoli 4(3) u 5(1) [tar-Regolament Nru 1393/2007], moqrija fid-dawl tal-premessa 12 tiegħu, jipprovdu l-ħtieġa li n-notifika tal-atti ġudizzjarji jsiru permezz ta’ formola standard, u li din tiġi tradotta f’lingwa li tinftiehem mid-destinatarju jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk jeżistu numru ta’ lingwi uffiċjali f’dan l-Istat, f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir din in-notifika”.


12 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bl-Ispanjol “[e]l organismo receptor informará al destinatario”, biċ-Ċek “[p]řijímající subjekt vyrozumí adresáta”, bil-Ġermaniż “[d]ie Empfangsstelle setzt den Empfänger […] in Kenntnis”, bil-Grieg “[η]υπηρεσία παραλαβής ενημερώνει τον παραλήπτη”, bl-Ingliż “[t]he receiving agency shall inform the addressee”, bil-Franċiż “[l]’entité requise informe”, bl-Irlandiż “[c]uirfidh an ghníomhaireacht fála an seolaí ar an eolas”, bit-Taljan “[l]’organo ricevente informa il destinatario”, bl-Olandiż “[d]e ontvangende instantie stelt degene voor wie het stuk is bestemd […] in kennis”, bil-Portugiż “[a] entidade requerida avisa o destinatário”, bis-Slovakk “[p]rijímajúci orgán […] informuje adresáta” u bil-Finlandiż “[v]astaanottavan viranomaisen on ilmoitettava vastaanottajalle”.


13 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227.


14 – Ara l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 li jipprovdi li “[d-d]okumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr”. Ara s-sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 34). Ara, b’analoġija, is-sentenzi Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 46) u Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, EU:C:2009:395, punt 54) dwar ir-Regolament Nru 1348/2000. Kif irrilevat il-Kummissjoni, “mill-premessi 2, 6 u 7 tar-Regolament Nru 1393/2007 jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb u jaċċelera t-trasmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali li jiġu nnotifikati fi Stat ieħor, waqt li tiġi ggarantita l-protezzjoni ġudizzjarja tal-konvenut”.


15 – Dwar l-importanza tal-osservanza tad-dritt tad-difiża matul in-notifika ta’ atti, ara s-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punti 47 u 48).


16 – Barra minn hekk, kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, il-“fatt li l-formola standard tiġi mehmuża mad-dokument li għandu jiġi nnotifikat ma jdewwimx il-proċedura ta’ notifika. Għall-kuntrarju, ikun hemm riskju ta’ żbalji u ta’ dewmien jekk ikollha tiġi eżaminata l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ deroga. Ma għandux jintesa li l-għadd ta’ talbiet għal notifika huwa sostanzjali u li kull proċedura ta’ notifika b’hekk għandha tiġi ssimplifikata kemm jista’ jkun”. Bl-istess mod bħall-Gvern Spanjol, jiena tal-fehma li “[l]-użu tal-imsemmija formola jiggarantixxi mhux biss il-ħeffa tat-trasmissjoni iżda wkoll is-sigurtà tagħha”.


17 – Barra minn hekk, meta l-aġenziji li jirċievu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni, ir-Regolament Nru 1393/2007 jipprevedi dan espressament. Ara, pereżempju, l-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-regolament li jipprovdi li l-aġenzija li tirċievi ma hijiex obbligata tipproċedi għan-notifika tal-att skont il-mod partikolari mitlub mill-aġenzija li tibgħat jekk dak il-mod ikun inkompatibbli mal-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Ara wkoll, b’analoġija, l-Artikoli 12 sa 15 tar-Regolament Nru 1393/2007.


18 – Fil-punt 46 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665) il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fir-rigward tar-Regolament Nru 1348/2000 li ġie qabel ir-Regolament Nru 1393/2007 li, “l-għażla tal-forma ta’ Regolament, iktar milli dik ta’ Direttiva li għall-ewwel kienet proposta mill-Kummissjoni, turi l-importanza li l-legiżlatur Komunitarju jagħti lin-natura direttament applikabbli tad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Regolament u l-a[p]plikazzjoni uniformi tagħhom”. Ara wkoll is-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 60).


19 – L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1393/2007, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi li “[f]’dan ir-Regolament, il-kliem ‘Stat Membru’ għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka”. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament ġiet estiża għad-Danimarka b’applikazzjoni tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta’ atti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 300, p. 55).


20 – COM(2013) 858 finali. F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni evalwat l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 matul il-perijodu bejn l-2008 u l-2012. Effettivament, l-Artikolu 24 ta’ dak ir-regolament jipprovdi li, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2011, u sussegwentement kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tar-regolament u tipproponi adattament, jekk dan ikun il-każ. Il-Kummissjoni indikat f’dak ir-rapport li nediet studju fl-2011 bil-għan li tiġbor informazzjoni u tevalwa l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007. Dik il-kwistjoni ġiet indirizzata wkoll matul laqgħat tan-netwerk ġudizzjarju Ewropew dwar materji ċivili u kummerċjali u l-Kummissjoni tgħid li ħadet inkunsiderazzjoni ittri, ilmenti u petizzjonijiet ta’ ċittadini kif ukoll deċiżjonijiet preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-imsemmi regolament.


21 – Enfasi miżjuda minni.


22 – Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665, punti 37 u 39).


24 – Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 16), Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 19), Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 25) u Muñoz u Superior Fruiticola (C‑253/00, EU:C:2002:497, punt 28). Barra minn hekk, fil-punt 39 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665) il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara wkoll li “diversi dispożizzjonijiet [tar-regolament] jagħtu x’jifhem li n-nuqqas ta’ traduzzjoni jista’ jiġi rrimedjat”. Infakkar li r-regolament il-qadim kien jeħtieġ traduzzjoni, iżda ma kienx jitkellem dwar formola.


25 – Ara wkoll is-sentenzi Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 52) u Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 76).


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punt 47) u Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punt 35).


27 – Ara l-punt 52 tas-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665).


28 – Effettivament, mid-diċitura tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jirriżulta b’mod ċar li d-destinatarju tal-att li għandu jiġi nnotifikat għandu d-dritt li jirrifjuta li jirċievi l-att biss jekk dan ma jkunx miktub jew akkumpanjat bi traduzzjoni b’waħda mil-lingwi indikati. Ara wkoll l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 1393/2007 li tipprovdi li, sabiex “tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ servizz [notifika] ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali”.


29 – Ara, b’analoġija, l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1393/2007.


30 – F’dan il-każ l-Ingliż.


31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264, punti 41 sa 45).


32 – “[I]t-traduzzjoni ta’ dokumenti ta’ prova tista’ tieħu żmien kunsiderevoli meta, f’kull każ, din it-traduzzjoni mhijiex meħtieġa għall-finijiet tal-kawża li ser titmexxa quddiem il-qorti tal-Istat Membru tat-trażmissjoni u fil-lingwa ta’ dan l-Istat”, ara l-punt 74 tas-sentenza Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2008:264). L-għanijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, li tittejjeb u tiġi aċċelerata t-trasmisjoni ta’ atti, jkunu kompromessi jekk tkun meħtieġa t-traduzzjoni ta’ dokumenti “aċċessorji”.


33 – Għandu jiġi osservat li n-notifika tad-digriet kontenzjuż lill-intimati hija prevista mid-dritt Ċiprijott.


34 – Isegwi li d-digriet kontenzjuż u n-nota mehmuża mal-att promotur iffissaw terminu ta’ 60 jum għad-dehra tal-intimati fil-każ ta’ D. Si.


35 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 64).


36 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665, punt 63). Ara, b’analoġija, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1393/2007.


37 – Nirrileva f’dan ir-rigward li, fiż-żmien meta ġew innotifikati l-atti ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konvenuti kienu jgħixu barra mill-pajjiż. Peress li dawn tal-aħħar ma kinux innominaw f’dak iż-żmien rappreżentant bi prokura fl-Istat fejn kienet qiegħda sseħħ il-proċedura ġudizzjarja, jiġifieri f’Ċipru, in-notifika ta’ dawk l-atti kienet taqa’ u tkompli taqa’ neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, b’mod konformi mal-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-regolament. Ara, b’analoġija, is-sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 24 u 25).


38 – Sentenza Alder (C‑325/11, EU:C:2012:824, punti 29 sa 32). Il-mezzi għat-trażmissjoni fl-Istati Membri tal-atti ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali huma previsti b’mod eżawrjenti fis-sistema stabbilita fir-Regolament Nru 1393/2007.


39 – Ara wkoll il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 li tipprovdi li dak ir-“Regolament m’għandux japplika għal servizz [notifika] ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti”.