Language of document : ECLI:EU:C:2013:139

Kawża C-547/10 P

Il-Konfederazzjoni Svizzera

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Relazzjonijiet esterni – Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l‑Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Regolament (KEE) Nru 2408/92 – Aċċess tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji għar-rotot tal-ajru intra-Komunitarji – Artikoli 8 u 9 – Kamp ta’ applikazzjoni – Eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku – Deċiżjoni 2004/12/KE – Miżuri Ġermaniżi dwar l-approċċi lejn l-ajruport ta’ Zurich – Obbligu ta’ motivazzjoni – Nondiskriminazzjoni – Proporzjonalità – Oneru tal-prova”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Marzu 2013

1.        Trasport – Trasport bl-ajru – Aċċess tat-trasportaturi Komunitarji għar-rotot intra-Komunitarji – Miżuri meħuda minn Stat Membru sabiex jillimita jew jirrifjuta l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2408/92, Artikoli 8(2) u 9(1))

2.        Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata

(Artikolu 296 TFUE)

3.        Ftehim internazzjonali – Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru – Interpretazzjoni – Traspożizzjoni tal- interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal dik fl-imsemmi ftehim – Esklużjoni

(Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru)

4.        Trasport – Trasport bl-ajru – Aċċess tat-trasportaturi Komunitarji għar-rotot intra-Komunitarji – Regoli operazzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku – Eżami mill-Kummissjoni ta’ miżura meħuda minn Stat Membru sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni – Għan ta’ dan l-eżżami fil-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru

(Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 15(1); Regolament tal-Kunsill Nru 2408/92, Artikolu 8(1) sa (3))

5.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-prov – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

1.        Iċ-ċirkustanza fejn l-Istat Membru jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku bl-ajru għall-osservanza tar-regoli operazzjonali nazzjonali, regjonali jew lokali li ġew ippubblikati, li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-ħarsien tal-ambjent, ma hijiex ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ kundizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2408/92, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament ma jkollu ebda sinjifikat.

Fil-fatt, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna kategorija iktar speċifika ta’ regoli operazzjonali applikabbli fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ traffiku, jiġifieri, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li jimponu kundizzjonijiet, li jillimitaw jew li jirrifjutaw dan l-eżerċizzju. F’dan ir-rigward, il-miżuri msemmija f’dan l-istess Artikolu 9 jipprovdu, essenzjalment, projbizzjoni, tal-inqas kundizzjonali jew parzjali, tal-imsemmi eżerċizzju.

(ara l-punti 54-58)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 67)

3.        Peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Unjoni li huwa intiż li jneħħi l-ostakoli kollha għall-ħolqien ta’ żona ta’ moviment liberu simili għal dak offrut minn suq nazzjonali, li jinkludi, b’mod partikolari, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward dan is-suq intern ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, għajr għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti mill-ftehim innifsu. F’dan ir-rigward, l-imsemmi ftehim ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika intiża li tibbenefika lit-trasportaturi tal-ajru kkonċernati mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-interpretazzjoni mogħtija lil dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tiġi trasposta għall-imsemmi ftehim.

(ara l-punti 79-81)

4.        Id-drittijiet eventwali tal-operaturi tal-ajruporti tal-Konfederazzjoni Svizzera jew tar-residenti li jgħixu fil-viċinanzi tagħhom ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni matul l-eżami previst mill‑Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2408/92, dwar aċċess għat-trasportaturi tal-ajru tal-Komunità għal rotot tal-ajru intra-Komunitarji, ta’ miżura meħuda minn Stat Membru sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 15(1) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, huwa bla ħsara tal-imsemmi regolament, li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera jirċievu drittijiet ta’ traffiku bejn kwalunkwe punt fl-Isvizzera u kwalunkwe punt fl-Unjoni. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8(2) ta’ dan l-istess regolament jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ drittijiet tat-traffiku għal regoli operazzjonali, b’mod partikolari, nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkonċernaw is-sigurtà, il-protezzjoni tal-ambjent u l-allokazzjoni ta’ slots. Għaldaqstant, l-eżami previst mill-Artikolu 8(3), li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmi artikolu, jista’ biss ikun ibbażat fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ dawn l-istess drittijiet fuq il-konnessjonijiet tal-ajru kkonċernati, b’kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jew għall-miżuri li hemm riferiment għalihom fl-imsemmi Artikolu 8(1).

(ara l-punti 85, 87, 88)

5.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 99, 100)