Language of document : ECLI:EU:C:2014:217

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ April 2014 (*)

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna fil-forma ta’ garanzija impliċita illimitata favur La Poste li tirriżulta mill-istatus tagħha ta’ entità pubblika — Eżistenza tal-garanzija — Preżenza ta’ riżorsi tal-Istat — Vantaġġ — Oneru u livell tal-prova”

Fil-Kawża C‑559/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-3 ta’ Diċembru 2012,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas u J. Gstalter kif ukoll minn J. Bousin, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑154/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/605/UE, tas-26 ta’ Jannar 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/07 (eks E 15/05) mogħtija minn Franza lil La Poste (ĠU L 274, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġenerali tal-kawża

2        Skont il-Liġi Franċiża Nru 90-568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069), id-Direttorat Ġenerali tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet preċedenti, li sa dak iż-żmien kien jaqa’ taħt il-Ministeru responsabbli għall-posta u għat-telekomunikazzjonijiet, kien ġie ttrasformat, mill-1 ta’ Jannar 1991, f’żewġ persuni ġuridiċi awtonomi rregolati mid-dritt pubbliku, jiġifieri France Télécom u La Poste. Din il-liġi espressament awtorizzat lil La Poste tiżviluppa, minbarra l-funzjonijiet tagħha ta’ servizz pubbliku, ċerti attivitajiet miftuħa għall-kompetizzjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tal-31 ta’ Diċembru 1990, li jagħti l-garanzija tal-Istat għal-bonds PTT u għall-bonds ta’ tfaddil PTT maħruġa qabel il-31 ta’ Diċembru 1990 (JORF tat-18 ta’ Jannar 1991, p. 917), “il-ħlas ta’ interessi, ammortizzament, primjums, kummissjonijiet, spejjeż u ammonti anċillari għall-bonds u għall-bonds ta’ tfaddil PTT maħruġa qabel il-31 ta’ Diċembru 1990 bil-għan li tingħata għajnuna għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ investiment tal-baġit sussidjarju tal-posta u t-telekomunikazzjonijiet, skont l-Artikolu L. 127 tal-Kodiċi tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet […], u ttrasferiti lil La Poste skont l-Artikolu 22 tal-Liġi tat-2 ta’ Lulju 1990 […], huwa ggarantit inkudizzjonalment mill-Istat ”.

4        Barra minn hekk, permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, il-Cour de cassation (deuxième chambre civile) (it-Tieni Awla Ċivili tal-Qorti tal-Kassazzjoni) aċċettat il-prinċipju li La Poste kellha titqies bħala entità pubblika ta’ natura industrijali u kummerċjali (iktar ’il quddiem “EPIK”).

5        Fid-dritt amministrattiv Franċiż, l-EPIK huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku, li għandhom personalità ġuridika separata mill-Istat, awtonomija finanzjarja kif ukoll kompetenzi ta’ attribuzzjoni speċjali, li ġeneralment jinkludu l-eżerċizzju ta’ funzjoni jew ta’ diversi funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.

6        L-istatus tal-EPIK jimplika ċertu numru ta’ konsegwenzi legali, fosthom b’mod partikolari l-inapplikabbiltà tal-proċeduri ta’ insolvenza u ta’ falliment previsti fid-dritt ġenerali kif ukoll l-applikabbiltà tal-Liġi Nru 80-539, tas-16 ta’ Lulju 1980, dwar il-pagamenti ta’ penalità imposti fil-qasam amministrattiv u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku (JORF tas-17 ta’ Lulju 1980, p. 1799)

 Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

7        B’deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni Ewropea approvat it-trasferiment tal-attivitajiet bankarji u finanzjarji ta’ La Poste lis-sussidjarja tagħha, La Banque Postale. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni enfasizzat li l-kwistjoni ta’ garanzija illimitata mill-Istat favur La Poste kienet suġġetta għal proċedura separata.

8        Fil-21 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), informat lill-awtoritajiet Franċiżi dwar il-konklużjonijiet preliminari tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat li tirriżulta mill-istatus ta’ La Poste u li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE.

9        Billi qieset li din l-allegata garanzija kienet teżisti qabel l-1 ta’ Jannar 1958, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fi Franza, il-Kummissjoni applikat ir-regoli ta’ proċedura dwar l-għajnuna eżistenti u stiednet lir-Repubblika Franċiża, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999, biex tħassar sal-iktar tard il-31 ta’ Diċembru 2008 il-garanzija li tibbenefika minnha La Poste.

10      Wara li eżaminat il-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Franċiżi dwar l-abbozz ta’ emenda tad-Digriet Nru 81-501, tat-12 ta’ Mejju 1981, meħud biex tiġi applikata l-Liġi Nru 80-539 (JORF tal-14 ta’ Mejju 1981, p. 1406), il-Kummissjoni informathom bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Ġunju 2008 (ĠU C 135, p. 7), il-Kummissjoni talbet lill-persuni interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura kkontestata.

11      Insegwitu għal talba tal-Kummissjoni, b’nota mibgħuta fil-31 ta’ Lulju 2009, l-awtoritajiet Franċiżi informawha li l-Kunsill tal-Ministri Franċiż tad-29 ta’ Lulju 2009 kien adotta abbozz ta’ liġi li kien jipprevedi t-trasformazzjoni, fl-1 ta’ Jannar 2010, ta’ La Poste f’kumpannija b’responsabbiltà limitata, suġġetta għall-proċeduri ta’ amministrazzjoni u stralċ mill-qorti previsti fid-dritt ġenerali. Dan l-abbozz wassal għall-adozzjoni tal-Liġi Nru 2010‑123, tad-9 ta’ Frar 2010, dwar l-impriża pubblika La Poste u l-attivitajiet postali (JORF tal-9 ta’ Frar 2010, p. 10), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2010 segwenti.

12      Fis-27 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lill-awtoritajiet Franċiżi.

13      Fl-ewwel lok, wara li fakkret b’mod partikolari l-portata tal-miżura inkwistjoni (premessi 18 sa 37 ta’ din id-deċiżjoni), il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat Franċiż favur La Poste minħabba ċerti partikolaritajiet intrinsikament marbuta mal-istatus tagħha ta’ entità pubblika (premessi 116 sa 225 tal-imsemmija deċiżjoni).

14      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qabelxejn enfasizzat li La Poste ma kinitx suġġetta għad-dritt ġenerali marbut mal-amministrazzjoni u l-istralċ ta’ impriżi f’diffikultà (premessi 116 sa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Sussegwentement, hija wriet li kreditur ta’ La Poste huwa żgurat mill-fatt li l-kreditu tiegħu jiġi rrimborsat fil-każ li din l-entità tkun f’diffikultà finanzjarja u ma tkunx tista’ tonora d-djun tagħha (premessi 148 sa 229 ta’ din id-deċiżjoni).

16      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, anki jekk, wara l-użu tal-proċeduri speċifiċi ta’ rkupru li hija tiddeskrivi fil-premessi 150 sa 229 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kreditur ta’ EPIK ma jirnexxilux jikseb il-ħlas tal-kreditu tiegħu, huwa xorta kellu l-garanzija li dan ma kienx ser jiġi estint. Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku, id-drittijiet u l-obbligi ta’ La Poste kienu dejjem ittrasferiti lil persuna ġuridika oħra rregolata mid-dritt pubbliku li ma hijiex l-Istat jew, fin-nuqqas ta’ dan, lil dan tal-aħħar (premessi 230 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni sostniet li l-garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste kienet twassal għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-punt 2.1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10) (premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata), u attribwibbli lill-Istat (premessa 255 tal-imsemmija deċiżjoni).

18      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li l-kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli miksuba għal La Poste permezz ta’ din il-garanzija illimitata jikkostitwixxu vantaġġ selettiv (premessi 256 sa 300 tad-deċiżjoni kkontestata), u dan ukoll meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ analiżi u ta’ metodoloġiji tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni li minnhom jirriżulta li l-garanzija inkwistjoni, inkwantu element essenzjali tal-għajnuna mill-Istat favur La Poste, tinfluwenza b’mod pożittiv il-klassifikazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ kreditu li hija tista’ tikseb (premessi 258 sa 293 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-miżura eżaminata setgħet toħloq distorzjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessa 301 ta’ din id-deċiżjoni).

19      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-garanzija kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessa 302 tad-deċiżjoni kkontestata) u li, anki emendata fis-sens issuġġerit mill-awtoritajiet Franċiżi din ma kienet tissodisfa l-ebda kundizzjoni sabiex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (premessi 303 sa 315 tal-imsemmija deċiżjoni).

20      Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-garanzija mingħajr limitu mogħtija minn Franza lil La Poste tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li mhijiex kompatibbli mas-suq intern [, u li] Franza għandha tneħħi din l-għajnuna sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2010”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

21      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ April 2010, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li insostenn tagħha tqajmu tliet motivi.

22      Wara li ċaħdet, fil-punti 35 sal-48 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, li tipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx toħloq preġudizzju, il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-mertu, irrilevat, fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li t-tliet motivi invokati huma essenzjalment marbuta mad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Għalhekk, fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza, hija ddikjarat l-argument imnissel minn ksur tal-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat bħala inammissibbli minħabba t-tardività tiegħu, billi qieset li dan huwa motiv ġdid invokat fl-istadju tar-replika.

23      Għalhekk, fil-punti 61 sa 103 tas-sentenza appellata, hija qabelxejn skartat it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt u ta’ liġi mwettqa mill-Kummissjoni inkwantu kienet qieset li EPIK kienu jibbenefikaw fid-dritt Franċiż, minħabba l-istatus tagħhom, minn garanzija tal-Istat impliċita u illimitata.

24      Sussegwentement, fil-punti 104 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet motiv, dwar ksur tal-kunċett ta’ vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li huwa maqsum f’żewġ partijiet.

25      Fil-punti 105 sa 112 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Kummissjoni inkwantu kkonkludiet, billi rreferiet ukoll għall-pożizzjoni meħuda mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li l-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat kienet ta’ natura li toħloq vantaġġ favur La Poste. Fil-punti 113 sa 116 tal-imsemmija sentenza, hija skartat it-tieni parti tal-imsemmi motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-allegata garanzija tal-Istat setgħet tagħti vantaġġ lil La Poste minħabba l-influwenza pożittiva li hija kellha fuq il-klassifikazzjoni finanzjarja tagħha.

26      Fl-aħħar nett, fil-punti 118 sa 125 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat l-ewwel motiv, dwar l-allegat żball imwettaq mill-Kummissjoni dwar l-oneru u l-livell tal-prova imposta fuqha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, kemm fil-kuntest tad-demostrazzjoni tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat favur La Poste kif ukoll f’dak tal-eżami tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

27      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstata li “n-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq in-natura tal-miżura Statali inkwistjoni”, u li l-prova tal-eżistenza ta’ garanzija tal-Istat ta’ natura impliċita “tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ elementi konverġenti, li għandhom ċerta affidabbiltà u koerenza, meħuda b’mod partikolari minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti, u, b’mod partikolari, inferita mill-effetti ġuridiċi li l-istatus legali tal-impriża benefiċjarja jimplika”.

28      Fil-fatt, fil-punt 121 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat li l-Kummissjoni kienet “eżaminat pożittivament l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste” billi ħadet inkunsiderazzjoni diversi elementi konkordanti, li kienu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li La Poste kienet tibbenefika, minħabba l-istatus tagħha ta’ EPIK, mit-tali garanzija.

29      It-tieni nett, fil-punt 123 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni pprovdiet biżżejjed elementi bil-għan li tistabbilixxi li din il-garanzija kienet tikkostitwixxi vantaġġ, peress li hija ma kellhiex, fir-rigward tal-għajnuna diġà mogħtija, tipproċedi bid-demostrazzjoni tal-effetti reali tal-miżura kkontestata. Hija ppreċiżat ukoll li ma kien hemm lok, f’dan ir-rigward, li ssir ebda distinzjoni bejn l-għajnuna eżistenti u l-għajnuna illegali.

30      Insostenn tal-imsemmija analiżi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li “l-effett reali tal-vantaġġ li garanzija tal-Istat tagħti jista’ jiġi preżunt” u li “tali garanzija toffri lill-persuna li qed tissellef possibbilità li tibbenefika minn rata ta’ interessi iktar baxxa jew li tipprovdi inqas sigurtà.”

31      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet

32      Bl-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża billi tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tal-kawża.

 Fuq l-appell

34      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Franċiża tqajjem erba’ aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

35      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 44(1)(ċ) u l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, inkwantu kkunsidrat, fil-punti 53 sa 57 tas-sentenza appellata, li l-motivi kollha mqajma insostenn tar-rikors għal annullament huma marbuta mad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ u li, għalhekk, l-argument ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat kien inammissibbli, sa fejn jikkostitwixxi motiv ġdid ippreżentat fil-mori tal-kawża.

36      F’dan ir-rigward, hija ssostni li, kif jirriżulta b’mod ċar mill-parti “4.1.1” tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Eżistenza ta’ garanzija mingħajr limitu mill-Istat: Preżenza ta’ riżorsi statali”, kif ukoll mill-premessi 161, 166, 183 u 254 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx garanzija tal-Istat kienet strettament marbuta mal-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Minn dan isegwi li, billi kkontestat l-eżistenza ta’ garanzija illimitata favur EPIK fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija ta’ bilfors kienet qed tikkontesta l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

37      Il-Kummissjoni twieġeb u ssostni li mill-qari flimkien tal-punt 57 tas-sentenza appellata u tal-proċess verbal tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors għal annullament ma kien jinkludi l-ebda motiv awtonomu dwar l-assenza ta’ trasferiment “ta’ riżorsi tal-Istat”. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li l-Qorti Ġenerali stħarrġet kif suppost li l-garanzija inkwistjoni kienet tinvolvi trasferiment jew impenn tar-riżorsi tal-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati jikkostitwixxu żewġ indikazzjonijiet essenzjali li għandhom jiġu inklużi fir-rikors promotur. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 48(2) tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura, ebda motivi ġodda ma jistgħu jiġu ppreżentati fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

39      Għandu wkoll jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-indikazzjonijiet tas-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi li jinsabu f’kull rikors promotur għandhom ikunu biżżejjed ċari u preċiżi biex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti tal-Unjoni biex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Bl-istess mod, it-talbiet ta’ tali rikors għandhom ikunu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li din il-qorti tiddeċiedi ultra petita jew saħansitra tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-66/06, punti 30 u 31; tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑475/07, punt 43; kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Mejju 2013, TME vs Il-Kummissjoni, C-418/12 P, punt 33)

40      Issa, f’din il-kawża, għalkemm ir-rikors promotur ma kienx jinkludi motiv intiż li jqiegħed formalment inkwistjoni l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, xorta jibqa’ l-fatt li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-argument li l-Kummissjoni kisret tali kundizzjoni kif ukoll is-sunt ta’ dan l-argument kienu jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mill-kliem stess ta’ dan ir-rikors.

41      Fil-fatt, il-qari tal-punti 110 sa 123 u 181 tiegħu, inklużi fil-motiv ibbażat fuq żbalji li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste, juri b’mod ċar li r-Repubblika Franċiża kienet diġà kkontestat, f’dan l-istadju tal-kontenzjuż, l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

42      Għalhekk, minn naħa, ir-Repubblika Franċiża kienet iddikjarat, fil-punti 119 u 123 tar-rikors promotur, li l-applikazzjoni tal-Liġi Nru 80-539 “ma timplikax li l-Istat qed jimpenja r-riżorsi tiegħu insostenn” ta’ entità pubblika li sejra ħażin, għaliex din il-liġi “ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istat biex jiggarantixxi d-djun” ta’ din l-entità. Min-naħa l-oħra, fil-punt 181 ta’ dan l-istess rikors, kuntrarjament għal dak li tirrileva l-Kummissjoni, hija kienet espressament ikkritikat il-punt 254 tad-deċiżjoni kkontestata billi sostniet li “garanzija fuq l-assenza ta’ telf ta’ kreditu ma tistax tikkostitwixxi garanzija tar-rimbors tiegħu u li twassal għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat”.

43      Il-mod kif l-imsemmi rikors ġie strutturat jikkostitwixxi konsegwenza diretta tal-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata li kienet tirrifletti, minn naħa tagħha, l-ispeċifiċità tal-miżura tal-Istat analizzata. Barra minn hekk, huwa paċifiku li din id-deċiżjoni, fil-Parti “4.1.1.”, kienet intitolata “Eżistenza ta’ garanzija mingħajr limitu mill-Istat: Preżenza ta’ riżorsi statali”, u li bosta mill-premessi tagħha, b’mod partikolari l-premessi 161, 165, 174 sa 179, 188 u 254, kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk effettivament hemmx garanzija impliċita tal-Istat favur La Post permezz tal-eżami tal-eżistenza fid-dritt Franċiż ta’ obbligu, dirett jew indirett, għall-Istat li jimpenja r-riżorsi tiegħu sabiex jiġi kopert it-telf ta’ EPIK li sejra ħażin.

44      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza appellata, il-motivi mqajma fir-rikors promotur insostenn tar-rikors għal annullament ma humiex marbuta biss mad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ u l-argument dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat ma jikkostitwixxix motiv ġdid invokat fl-istadju tar-replika.

45      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-klassifikazzjoni żbaljata ta’ motiv ġdid ma tistax twassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

46      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tat-tweġiba mogħtija għat-tieni motiv tal-imsemmi rikors, b’mod partikolari fil-punti 85 sa 87 u 92 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe każ ipproċediet bi stħarriġ sħiħ u komplet tal-fondatezza tal-argument imqajjem mir-Repubblika Franċiża dwar ksur tal-kundizzjoni dwar it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

47      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel aggravju għandu għalhekk jiġi ddikjarat ineffettiv.

 Fuq l-argumenti, invokati b’mod prinċipali, tat-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

48      Permezz tal-argumenti invokati b’mod prinċipali fil-kuntest tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi li hemm garanzija tal-Istat, kisret ir-regoli dwar l-oneru u l-livell tal-prova.

49      Fl-ewwel lok, hija tqis li l-Qorti Ġenerali kkonfermat b’mod żbaljat, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, ir-raġunament globali tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Din l-istituzzjoni fil-fatt applikat bosta preżunzjonijiet negattivi u qalbet l-oneru tal-prova, billi qieset li huma l-awtoritajiet Franċiżi li għandhom juru l-assenza ta’ garanzija favur La Poste, għaliex din l-EPIK ma kinitx suġġetta għad-dritt ġenerali tal-amministrazzjoni u tal-istralċ tal-impriżi f’diffikultà.

50      Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tuża preżunzjonijiet u taqleb l-oneru tal-prova, fil-premessi 126 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dawn il-premessi jirriżulta li hija ppreżumiet li La Poste kienet ingħatat garanzija qabel ma ġie ddeterminat jekk din l-istess garanzija saritx jew le ineffettiva qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2005, tal-Liġi Qafas tal-1 ta’ Awwissu 2001 dwar Il-Liġi tal-finanzi.

51      Fit-tielet lok, ir-Repubblika Franċiża tirrileva li, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji li jirregolaw l-oneru u l-livell tal-prova stabbiliti bis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009 Il-Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen (C‑520/07 P, Ġabra p. I-8555). Fil-fatt, dawn il-prinċipji jirrigwardaw biss id-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, fil-każijiet fejn Stat Membru jonqos milli jikkonforma ruħu ma’ ordni li jipprovdi informazzjoni.

52      Fir-raba’ lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 120 tas-sentenza appellata, iddeċidiet b’mod żbaljat li n-natura impliċita tal-garanzija tal-Istat mogħtija lil La Poste, fil-kwalità tagħha ta’ EPIK, setgħet titqies bħala rekwiżit fil-qasam tal-prova u li ma hemmx bżonn li tingħata demostrazzjoni pożittiva bbażata fuq elementi oġġettivi u konkordanti li jippermettu li jintwera b’mod ċert li l-Istat għandu legalment jirrimborsa lil kreditur fil-każ ta’ falliment ta’ EPIK.

53      Il-Kummissjoni ssostni n-natura inammissibbli tal-allegazzjonijiet dwar l-allegat użu ta’ preżunzjonijiet negattivi jew ta’ suppożizzjonijiet, inkwantu dawn ma jidentifikaw l-ebda żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, iżda jikkostitwixxu tennija tal-argumenti mqajma fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li dawn l-allegazzjonijiet huma infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Permezz tal-argumenti invokati b’mod prinċipali fil-kuntest tat-tieni aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, minn naħa, qieset li l-Kummissjoni setgħet tikkonfuta l-oneru tal-prova dwar l-eżistenza tal-garanzija għaliex La Poste ma kinitx suġġetta għad-dritt ġenerali dwar l-amministrazzjoni u l-istralċ ta’ impriżi f’diffikultà u, min-naħa l-oħra, kisret ir-regoli dwar il-livell tal-prova meħtieġa fid-demostrazzjoni tal-eżistenza ta’ tali garanzija.

55      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet jirriżultaw minn qari żbaljat tas-sentenza appellata.

56      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 121 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali espressament irrikonoxxiet li l-Kummissjoni “eżaminat pożittivament l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste”, għaliex kienet ħadet inkunsiderazzjoni bosta elementi konkordanti — imfakkra fid-dettall fl-istess punt tal-imsemmija sentenza — “li kienu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li La Poste kienet tibbenefika, minħabba l-istatus tagħha ta’ EPIK, minn garanzija impliċita u illimitata tal-Istat”, u fosthom l-esklużjoni ta’ proċeduri ta’ falliment u ta’ insolvenza għal La Poste kienet biss il-punt ta’ tluq ta’ analiżi sħiħa u iktar mifruxa tas-sistema legali nazzjonali kkonċernata.

57      Minn dan il-punt jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali ma vvalidat, bħala regola ġenerali, l-ebda użu ta’ preżunzjoni negattiva u qlib tal-oneru tal-prova min-naħa tal-Kummissjoni.

58      Fit-tieni lok, l-argument dwar l-iżbalji li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, inkwantu tikkonferma r-raġunament permezz ta’ preżunzjoni u l-qlib tal-oneru tal-prova mwettaq mill-Kummissjoni fil-premessi 126 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li dan huwa wkoll infondat.

59      Fil-fatt, f’dawn il-premessi, il-Kummissjoni sempliċement ċaħdet ċerti argumenti mqajma mir-Repubblika Franċiża dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-garanzija impliċita inkwistjoni, preżunta li teżisti, saritx ineffettiva bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Qafas tal-1 ta’ Awwissu 2001 dwar il-Liġi tal-Finanzi. Il-preżunzjoni preliminari tal-eżistenza ta’ din il-garanzija, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, hija sempliċement riproduzzjoni mill-Kummissjoni tar-raġunament tal-appellanti. Konsegwentement, meta kkonfermat, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Kummissjoni fl-imsemmija premessi, il-Qorti Ġenerali manifestament ma approvax l-użu ta’ preżunzjonijiet negattivi jew il-bdil tal-oneru tal-prova dwar id-demostrazzjoni tal-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur La Poste.

60      Fit-tielet lok, l-argument li, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sentenza Il-Kummissjoni vs MTU Friedrichshafen, iċċitata iktar ’il fuq, għandu wkoll jiġi miċħud għaliex din l-aħħar sentenza kienet tirrigwarda l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni finali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fuq il-bażi ta’ informazzjoni inkompleta jew frammentata, fatt li ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

61      Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ċċitat din is-sentenza biss sabiex twieġeb għal argument tal-appellanti, li kien ibbażat fuqha sabiex issostni li l-Kummissjoni kellha dejjem tipproduċi prova pożittiva tal-eżistenza ta’ għajnuna.

62      Min-naħa l-oħra, billi jitfakkar li tali ġurisprudenza ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali fi kwalunkwe każ ġustament qieset, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni “ma tistax tissupponi li impriża bbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat billi tibbaża sempliċement ruħha fuq preżunzjoni negattiva, li hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni li tippermetti li tintlaħaq il-konklużjoni kuntrarja, fin-nuqqas ta’ elementi oħra ta’ natura li jistabbilixxu pożittivament l-eżistenza ta’ tali vantaġġ.”

63      Tali kunsiderazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli biex tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, Ġabra p. I‑7763, punt 90).

64      Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali lanqas ma kisret ir-regoli dwar il-livell tal-prova meħtieġa biex turi l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur stabbiliment pubbliku bħall-EPIK, u biex b’hekk tistabbilixxi li l-kundizzjoni dwar il-preżenza ta’ riżorsi tal-Istat ġiet issodisfatta f’din il-kawża.

65      Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 35 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ tali garanzija, li ma tirriżulta b’mod espress mill-ebda test leġiżlattiv jew kuntrattwali, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-metodu ta’ sensiela ta’ indizji serji, preċiżi u konkordanti, sabiex tivverifika jekk hemmx, fid-dritt nazzjonali, obbligu għall-Istat li jimpenja r-riżorsi tiegħu sabiex ikopri t-telf ta’ EPIK li sejra ħażin u għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita, riskju ekonomiku biżżejjed konkret ta’ spejjeż fuq il-baġit tal-Istat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et, u Il-Kummissjoni vs Franza et C‑399/10 P u C-401/10 P, punt 106 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

66      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ġustament sostniet, fil-punt 120 tas-sentenza appellata li, minn naħa, “in-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq in-natura tal-miżura Statali inkwistjoni” u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat “tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ elementi konverġenti, li għandhom ċerta affidabbiltà u koerenza, meħuda b’mod partikolari minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali rilevanti”.

67      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha invokati b’mod prinċipali fit-tieni aggravju.

 Fuq l-argumenti, invokati b’mod sussidjarju, tat-tieni aggravju u fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

68      Permezz tal-argumenti invokati b’mod sussidjarju fil-kuntest tat-tieni aggravju u permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, b’mod partikolari bbażati fuq id-dritt Franċiż, sostnuti mill-Kummissjoni u mfakkra fil-punt 121 tas-sentenza appellata, inkwantu kkunsidrat li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ garanzija illimitata tal-Istat favur La Poste.

69      It-tielet aggravju huwa magħmul minn erba’ partijiet.

70      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li, fil-punti 69 sa 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-ġurisprudenza tal-Conseil constitutionnel (Deċiżjoni Nru 2001-448 DC tal-25 ta’ Lulju 2001) u tal-Conseil d’État (sentenza tal-1 ta’ ta’ April 1938, Société de l’Hôtel d’Albe, Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Conseil d’État, p. 341, u l-Opinjoni tat-8 ta’ Settembru 2005, n°371558), kif ukoll in-nota tal-Conseil d’État tal-1995 u n-nota tal-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija tat-22 ta’ Lulju 2003, meta hija kkunsidrat li l-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li d-dritt Franċiż ma jeskludix il-possibbiltà għall-Istat li jagħti garanzija impliċita lil EPIK.

71      Ir-Repubblika Franċiża tqis, permezz tat-tieni parti tal-istess aggravju, li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, id-dritt Franċiż meta approvat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Liġi Nru 80-539.

72      It-tielet parti tal-istess aggravju hija bbażata fuq l-iżnaturament tad-dritt Franċiż li wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 92 sa 99 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet ġustament tassoċja l-kundizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-Istat ma’ mekkaniżmu ta’ garanzija, u dan abbażi tas-sentenza tal-Conseil d’État tat-18 ta’ Novembru 2005, Société fermière de Campoloro et (Ġabra tad-Deċiżjonijiet tal-Conseil d’État, p. 515), u tan-nota tal-Conseil d’État de 1995, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Société de gestion du port de Campoloro u Société fermière de Campoloro vs Franza tas-26 ta’ Settembru 2006 (Rikors Nru°57516/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Campoloro”).

73      Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikabbiltà f’din il-kawża tal-prinċipji stabbiliti minn din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, b’mod partikolari fil-punt 99 tas-sentenza appellata.

74      Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ parti tat-tielet aggravju, ir-Repubblika Franċiża tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punt 102 tal-imsemmija sentenza, li t-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi marbuta ma’ funzjoni ta’ servizz pubbliku jimplika, bħala regola ġenerali, it-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi tal-entità responsabbli minn l-imsemmija funzjoni.

75      Sussidjarjament, l-appellanti tinvoka żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta qieset li d-dritt Franċiż jagħti garanzija impliċita u illimitata lil La Poste.

76      Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti invokat fit-tieni parti tat-tieni aggravju u fit-tielet aggravju huma inammissibbli għaliex ma jidentifikaw l-ebda żnaturament tal-provi jew żball ta’ klassifikazzjoni legali tal-fatti, peress li l-Gvern Franċiż sempliċement iqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tad-dritt Franċiż imwettaq mill-Qorti Ġenerali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      L-argumenti invokati b’mod sussidjarju fil-kuntest tat-tieni aggravju u dawk tat-tielet aggravju, li huma essenzjalment korrispondenti, huma bbażati, minn naħa, fuq l-iżnaturament jew l-iżball ta’ klassifikazzjoni legali tad-dritt Franċiż imwettaq mill-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tas-sentenza Campoloro.

78      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti dwar l-iżbalji fl-analiżi tad-dritt Franċiż, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti Ġenerali kkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss teżerċita, abbażi tal-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni legali tagħhom u l-konsegwenzi legali li rriżultaw minnha. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punti 51 u 52, kif ukoll tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I-2359, punti 179 u 180).

79      Għalhekk, fir-rigward tal-eżami, fil-kuntest ta’ appell, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fid-dawl tad-dritt nazzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra p. I‑9297, punt 63, u tal-21 ta’ Diċembru 2011, A2A vs Il-Kummissjoni, C‑318/09 P, punt 125).

80      F’dan ir-rigward, għandu tal-inqas jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 98; tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, Ġabra p. I‑419, punt 53, kif ukoll A2A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

81      Issa, f’din il-kawża, ir-Repubblika Franċiża ma sostnietx tali żnaturament, sa fejn ma wrietx li l-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet li jmorru b’mod manifest kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż inkwistjoni jew saħansitra li attribwixxiet lil waħda minnhom portata li manifestament ma għandhiex meta mqabbla mal-elementi l-oħra tal-proċess.

82      Kuntrarjament, permezz tal-argumenti esposti fil-punti 68 sa 74 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika Franċiża sempliċement ikkritikat l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-provi li jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż inkwistjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali marbuta magħhom, diġà analizzati fil-punti 62 sa 99 tas-sentenza appellata u mfakkra fil-punt 121 tal-imsemmija sentenza.

83      Bl-istess mod, fir-rigward tal-klassifikazzjoni legali tal-fatti kkritikati b’mod sussidjarju fit-tielet aggravju, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika Franċiża effettivament ma kkontestatx il-konsegwenzi mnissla minn klassifikazzjoni żbaljata tan-natura legali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż inkwistjoni, għaliex hija sempliċement qiegħdet inkwistjoni l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

84      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn l-argumenti kollha invokati, b’mod sussidjarju, fil-kuntest tat-tieni aggravju u fil-kuntest tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

85      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument dwar nuqqas ta’ motivazzjoni fil-punt 99 tas-sentenza appellata fid-dawl tal-allegazzjoni dwar il-portata tas-sentenza Campoloro għall-finijiet li jiġi konkluż li hemm garanzija tal-Istat favur La Poste, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx kif meħtieġ mil-liġi l-argumenti kollha invokati mill-appellanti (sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeħtieġx li din tagħti espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha mfissra mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkun jafu l-motivi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha biżżejjed elementi biex teżerċita stħarriġ sħiħ fil-kuntest ta’ appell (sentenza A2A vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret b’mod rekapitulattiv l-allegazzjoni tal-appellanti dwar il-valur probatorju tas-sentenza Campoloro, li fir-rigward tagħha hija kienet diġà pprovdiet tweġiba ċara, espliċita u eżawrjenti fil-punti 93, 94 u 97 tal-imsemmija sentenza, fl-analiżi tas-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li assoċjaw il-possibbiltà ta’ impenn tar-responsabbiltà tal-Istat fil-każ ta’ falliment ta’ EPIK ma’ mekkaniżmu ta’ garanzija awtomatika u illimitata tad-dejn ta’ din tal-aħħar.

88      Għalhekk, peress li l-motivazzjoni dwar din l-allegazzjoni hija ta’ natura li tippermetti kemm lir-Repubblika Franċiża li tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-allegazzjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed biex teżerċita l-istħarriġ tagħha, hemm lok li l-argument dwar il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jiġi miċħud.

89      Minn dan isegwi li l-argumenti invokati b’mod sussidjarju fil-kuntest tat-tieni aggravju u dawk tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala, parzjalment, inammissibbli u, parzjalment, infondati.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

90      Permezz tar-raba’ aggravju, ir-Repubblika Franċiża ssostni, b’mod prinċipali, li l-Qorti Ġenerali kisret, meta essenzjalment ikkunsidrat, fil-punti 106 u 108 kif ukoll 123 u 124 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-garanzija tal-Istat favur La Poste, ir-regoli li jirregolaw l-oneru u l-livell tal-prova f’dan il-qasam u, għalhekk, wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-imsemmija punti, il-Kummissjoni għandha turi l-effetti mhux potenzjali iżda reali ta’ għajnuna eżistenti, u fi kwalunkwe każ ma tista’ tippreżumi l-ebda tip ta’ effett.

91      Sussidjarjament, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi mogħtija lilha meta kkunsidrat, minn naħa, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tirreferi għall-metodi ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni biex tikkonferma jew le l-eżistenza ta’ vantaġġ. Dan jgħodd ukoll, min-naħa l-oħra, meta ddeċidiet, fil-punti 111, 116 u 123 tal-imsemmija sentenza li l-Kummissjoni għalhekk ipprovdiet biżżejjed elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-garanzija mogħtija lil La Poste kienet tikkostitwixxi vantaġġ, u b’hekk irrifjutat barra minn hekk l-argumenti tal-Gvern Franċiż li jipprovdu li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ma kinux “sensittivi” għall-istatus legali ta’ La Poste.

92      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa infondat, inkwantu jikkontesta l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura tal-effetti li l-Kummissjoni għandha turi fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, u inammissibbli, fil-parti dwar l-iżnaturament, għaliex din tikkostitwixxi fil-verità sempliċi talba ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-provi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Franċiża tikkritika lill-Qorti Ġenerali, b’mod prinċipali, talli wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mill-allegata garanzija tal-Istat mogħtija lil La Poste u, sussidjarjament, żnaturament tal-provi.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens ristrett tal-kelma, ikunu tal-istess natura u jkollhom effetti identiċi (sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, huma kkunsidrati bħala għajnuna kull intervent mill-Istat li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 84, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-279/08 P, Ġabra p. I‑7671, punt 87).

95      Issa, peress li l-interventi tal-Istat jieħdu forom diversi u jistgħu jiġu analizzati skont l-effetti tagħhom, ma jistax jiġi eskluż li garanzija tal-Istat tikkonċedi hija stess vantaġġi li jistgħu jimplikaw spiża addizzjonali għall-Istat (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 43, kif ukoll Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 107).

96      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, persuna li tissellef li tidħol f’self iggarantit mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru normalment tikseb vantaġġ, sa fejn l-ispiża finanzjarja li hija ser tbati hija inqas minn dik li jkollha tbati fil-każ li kellha tikseb dan l-istess finanzjament u din l-istess garanzija bil-prezz tas-suq (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, Ġabra p. I‑13043, punt 39).

97      Barra minn hekk, f’din il-perspettiva, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għal Għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanziji tirrileva espressament, fil-punti 1.2. 2.1 u 2.2, li garanzija illimitata tal-Istat favur impriża li l-forma legali teskludi l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ insolvenza tagħti vantaġġ immedjat lil din l-impriża u tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, inkwantu tingħata mingħajr mal-benefiċjarju tagħha jħallas il-primjum xieraq għat-teħid ta’ riskju sostnut mill-Istat u tippermetti għalhekk “li jikseb kondizzjonijiet finanzjarji aħjar għal self minn dawk normalment disponibbli fuq is-swieq finanzjarji”.

98      Għalhekk, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm preżunzjoni sempliċi li tipprovdi li l-għoti ta’ garanzija impliċita u illimitata tal-Istat favur impriża li ma hijiex suġġetta għall-proċeduri normali ta’ amministrazzjoni u ta’ stralċ iwassal għal titjib tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ tnaqqis tal-ispejjeż li, normalment, huma imposti fuq il-baġit tagħha.

99      Konsegwentement, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, sabiex jiġi ppruvat vantaġġ mogħti permezz ta’ tali garanzija lill-impriża benefiċjarja, huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza stess ta’ din il-garanzija, mingħajr ma jkollha bżonn turi l-effetti reali prodotti minnha mill-mument tal-għoti tagħha.

100    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mqajma mir-Repubblika Franċiża fir-raba’ aggravju huma infondati.

101    Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti invokati b’mod prinċipali, dwar il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru u l-livell tal-prova fir-rigward tad-demostrazzjoni tal-eżistenza tal-vantaġġ li jirriżulta minn garanzija impliċita u illimitata tal-Istat.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ tali vantaġġ, billi ġustament iddeċidiet, fil-punti 106 u 108 tas-sentenza appellata, li tali garanzija “hija, b’mod ġenerali, ta’ natura li tagħti vantaġġ”, għaliex tingħata mingħajr kontropartita u tippermetti lill-benefiċjarju tagħha li jikseb kundizzjonijiet ta’ kreditu iktar favorevoli minn dawk li kien jikseb minħabba l-merti tiegħu biss, u għalhekk tnaqqas il-pressjoni imposta fuq il-baġit tiegħu.

103    Ċertament, fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, huwa minnu li, kif tirrileva l-appellanti, il-Qorti Ġenerali adottat motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti meta qieset, minn naħa, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, li l-effetti reali ta’ għajnuna eżistenti ma għandhomx jintwerew, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija irrilevanti, u sostniet, min-naħa l-oħra, fil-punt 124 tal-imsemmija sentenza, li, “[b]arra minn hekk, l-effett reali tal-vantaġġ li garanzija tal-Istat tagħti jista’ jiġi preżunt.”

104    Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali żball ma jistax jinvalida s-sentenza appellata. Fil-fatt, fl-imsemmija punti 123 u 124, il-Qorti Ġenerali xorta waħda kkonkludiet kif suppost li l-Kummissjoni kienet osservat l-oneru u l-livell tal-prova imposti fuqha sabiex tistabbilixxi jekk garanzija impliċita u illimitata tal-Istat tikkostitwixxix vantaġġ, u ppreċiżat għal darba oħra li tali garanzija tagħti lill-persuna li tissellef il-possibbiltà “li tibbenefika minn rata ta’ interessi iktar baxxa jew li tipprovdi inqas sigurtà”.

105    Fit-tieni lok, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti invokati b’mod sussidjarju, ibbażati fuq żnaturament tal-provi esposti fil-punt 91 ta’ din is-sentenza.

106    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, peress li r-Repubblika Franċiża fil-verità ma allegat l-ebda żnaturament tal-provi, dawn l-argumenti huma ammissibbli biss sa fejn huma invokati sabiex isostnu l-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali meta vvalidat l-analiżi purament konfermattiva tal-metodi tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni.

107    Għandu madankollu jiġi rrilevat li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tal-fatt li jirriżulta mill-punti 98 u 99 ta’ din is-sentenza li jipprovdi li l-eżistenza tal-vantaġġ li garanzija impliċita u illimitata ta’ Stat Membru tagħti lill-benefiċjarju tagħha tista’ tiġi preżunta, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għal data pprovduta mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni biss sabiex tikkonferma tali eżistenza.

108    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, ġustament irrikonoxxiet ir-rilevanza tar-riferiment magħmul fid-deċiżjoni kkontestata għall-metodi ta’ klassifikazzjoni ta’ dawn l-aġenziji.

109    Konsegwentement, hemm lok li l-argumenti kollha mqajma fil-kuntest tar-raba’ aggravju jiġu miċħuda.

110    Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-ewwel paragrafu tal-imsemmi Artikolu 184 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.