Language of document : ECLI:EU:C:2013:180

Kawża C-92/11

RWE Vertrieb AG

vs

Verbraucherzentrale Nordrhein-Westfalen eV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Direttiva 2003/55/KE — Suq intern tal-gass naturali — Direttiva 93/13/KEE — Artikolu  (2) u Artikoli 3 sa 5 — Kuntratti konklużi bejn il-bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi — Kundizzjonijiet ġenerali — Klawżoli inġusti — Modifika unilaterali mill-bejjiegħ jew fornitur tal-prezz tas-servizz — Riferiment għal leġiżlazzjoni imperattiva maħsuba għal kategorija oħra ta’ konsumaturi — Applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 — Obbligu ta’ redazzjoni sempliċi u ċara u ta’ trasparenza”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Marzu 2013

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Kamp ta’ applikazzjoni — Esklużjoni prevista għall-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji — Klawżoli kuntrattwali li jadottaw regola tad-dritt nazzjonali applikabbli għal kategorija oħra ta’ kuntratt — Applikazzjoni tad-Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 1(2))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi — Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55 — Klawżola kuntrattwali standardizzata li tirriżerva lill-imprża ta’ provvista d-dritt li timmodifika l-ispejjeż tal-provvista tal-gass — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Obbligu li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ bona fides, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/55, Artikolu 3(3); Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3 u 5)

3.        Domandi preliminari — Interpretazzjoni — Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni — Effett retroattiv — Limiti — Konsegwenzi finanzjarji tas-sentenza — Konsegwenzi li ma jiġġistifikawx il-limitazzjoni tas-sentenza ratione temporis

(Artikolu 267 TFUE)

1.        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, li skont dan il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu dispożizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji ma għandhomx ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-klawżoli kundizzjonijiet ġenerali integrati f’kuntratti, konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li jadottaw dispożizzjoni legali tad-dritt nazzjonali applikabbli għal kategorija oħra ta’ kuntratt u li ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

Il-possibbiltà li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 għall-klawżoli kuntrattwali mill-fatt biss li dawn jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali li ma humiex applikabbli għall-kuntratt konkluż mill-partijiet, jew li jirreferu għal tali dispożizzjonijiet, joħloq dubji rigward is-sistema tal-protezzjoni tal-konsumaturi stabbilita minn din id-direttiva.

Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, bejjiegħ jew fornitur jista’ faċilment jevita l-kontroll tan-natura inġusta tal-klawżoli li ma kinux ġew innegozjati individwalment ma’ konsumatur billi jiġu redatti klawżoli tal-kuntratti tiegħu kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti. Issa, drittijiet u obbligi kollha maħluqa mill-kuntratt, hekk redatt ma jikkorrispondux neċessarjament mal-ekwilibriju li l-leġiżlatur nazzjonali xtaq jistabbilixxi għall-kuntratti redatti permezz tal-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam.

(ara l-punti 25, 30, 31, 39 u d-dispożittiv 3)

2.        L-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li klawżola li permezz tagħha impriża ta’ provvista tirriżerva d-dritt li tbiddel l-ispejjeż tal-provvista ta’ gass tissodisfa interess leġittimu tal-impriża ta’ provvista li tkun tista’ tbiddel l-ispejjeż tas-servizz tagħha.

Tali adattament unilaterali għandu madankollu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ bona fides, ta’ ekwilibriju u ta’ trasparenza meħtieġa minn dawn id-dispożizzjonijiet. Sabiex jiġi evalwat jekk din il-klawżola tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, hemm lok li jiġi stabbilit:

- jekk il-kuntratt jesponix b’mod trasparenti r-raġuni u l-metodu ta’ varjazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż, b’mod li l-konsumatur ikun jista’ jipprevedi, abbażi ta’ kriterji ċari u li jinftiehmu, il-bidliet eventwali ta’ dawn l-ispejjeż. L-assenza ta’ informazzjoni fuq dan is-suġġett qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkumpensata mill-fatt biss li l-konsumaturi, matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jiġu informati bil-bidla fl-ispejjeż bi preavviż raġonevoli u bid-dritt tagħhom li jirrexindu l-kuntratt jekk huma ma jixtiqux jaċċettaw din il-bidla, u

- jekk il-possibbiltà ta’ rexissjoni mogħtija lill-konsumatur tistax, fil-kundizzjonijiet konkreti, tiġi realment eżerċitata.

(ara l-punti 46, 47, 55 u d-dispożittiv 2)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 58-62)