Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta' Ottubru 2011 - Agroexpansión vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-38/05)1

"Kompetizzjoni - Akkordji - Suq Spanjol tax-xiri u tal-ewwel ipproċessar ta' tabakk mhux maħdum - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE - Iffissar tal-prezzijiet u tqassim tas-suq - Multi - Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur - Limitu massimu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ - Effett dissważiv - Trattament ugwali - Ċirkustanzi attenwanti - Kooperazzjoni"

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Agroexpansión, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: J. Folguera Crespo u P. Vidal Martínez, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, É. Gippini Fournier u J. Bourke, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta' Ottubru 2004, dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 - Tabakk mhux maħdum - Spanja), kif ukoll talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti f'din id-deċiżjoni.

Dispożittiv

L-ammont tal-multa imposta fuq Agroexpansión, SA fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4030 finali, tal-20 ta' Ottubru 2004, dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) [KE] (Każ COMP/C.38.238/B.2 - Tabakk mhux maħdum - Spanja), huwa ffisat għal EUR 2 430 000.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Agroexpansión għandha tbati disa' partijiet minn għaxra mill-ispejjeż tagħha u disa' partijiet minn għaxra mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, u din tal-aħħar għandha tbati parti minn għaxra mill-ispejjeż tagħha kif ukoll parti minn għaxra mill-ispejjeż tar-rikorrenti.

____________

1 - ĠU C 82, 02.04.2005.