Language of document : ECLI:EU:C:2017:597

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Lulju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/77/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Determinazzjoni tan-numru ta’ frekwenzi tar-radju diġitali li għandhom jingħataw lil kull operatur li huwa diġà proprjetarju ta’ frekwenzi tar-radju analogi – Teħid inkunsiderazzjoni tal-frekwenzi tar-radju analogi użati illegalment – Korrispondenza bejn in-numru ta’ frekwenzi tar-radju analogi miżmuma u n-numru ta’ frekwenzi tar-radju diġitali miksuba”

Fil-Kawża C-112/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Persidera SpA

vs

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni,

Ministero dello Sviluppo economico, delle Infrastrutture e dei Trasporti,

fil-preżenza ta’:

Radiotelevisione italiana SpA (RAI),

Reti Televisive Italiane SpA (RTI),

Elettronica Industriale SpA,

Television Broadcasting System Spa,

Premiata Ditta Borghini e Stocchetti di Torino Srl,

Rete A SpA,

Centro Europa 7 Srl,

Prima TV SpA,

Sky Italia Srl,

Elemedia SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Persidera SpA, minn F. Pace, L. Sabelli u B. Caravita di Toritto, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino,avvocato dello Stato,

–        għal Radiotelevisione italiana SpA (RAI), minn G. de Vergottini, avvocato,

–        għal Reti Televisive Italiane SpA (RTI), minn L. Medugno, G. Rossi, I. Perego, G. M. Roberti u M. Serpone, avvocati,

–        għal Elettronica Industriale SpA, G. Rossi u L. Medugno, avvocati,

–        għall-Gvern Sloven, minn A. Vran, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae kif ukoll minn L Malferrari u G. Braun, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE, tal-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Awtorizzazzjoni’”), tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Qafas’”), tal-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Kompetizzjoni’”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Persidera SpA, minn naħa, u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (aġenzija regolatorja tal-komunikazzjoni, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”), u l-Ministero dello Sviluppo economico, delle Infrastrutture e dei Trasporti (ministeru għall-iżvilupp ekonomiku, għall-infrastruttura u għat-trasport, l-Italja), min-naħa l-oħra, dwar l-attribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju għat-trażmissjoni televiżiva diġitali terrestri.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-qafas regolamentari ġdid li huwa komuni għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, għan-netwerks ta’ komunikazzjoni elettroniċi kif ukoll għar-riżorsi u għas-servizzi relatati (iktar ’il quddiem il-“QRĠK”) huwa kompost mid-Direttiva “Qafas” u minn erba’ direttivi speċifiċi oħra, fosthom id-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, li huma kkompletati bid-Direttiva “Kompetizzjoni”.

 Id-Direttiva “Qafas”

4        Skont l-Artikolu 2(g) tad-Direttiva “Qafas”, l-“awtorità nazzjonali regolatorja” (ANR) tfisser “il-korp jew kopri fdati minn Stat Membru b’xi wieħed mix-xogħlijiet regolatorji assenjati f’din id-Direttiva jew fid-Direttivi Speċifiċi”. Mill-punt (1) ta’ dan l-Artikolu 2 jirriżulta li d-Direttiva “Awtorizzazzjoni” hija waħda mid-“Direttivi Speċifiċi”.

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(4)(b) ta’ din l-istess direttiva jipprovdu:

“ 1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

[…]

4.      L-[ANR] għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

b)      jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ konsumaturi […]”

6        L-Artikolu 9(1) u (2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“ 1.      B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-ispettur użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-Regolamenti tal-[Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni] tar-Radju, u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.

2.      L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-armonizzazzjoni tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mal-[Unjoni] kollha, b’konsistenza mal-ħtieġa li jkun żgurat l-użu effettiv u effiċjenti tiegħu fi tfittxija għal benefiċċji għall-konsumatur bħal ekonomiji ta’ skala u interoperabbiltà ta’ servizzi. Waqt li jagħmlu dan, huma għandhom jaġixxu skont mal-Artikolu 8a u mad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju).”

 Id-Direttiva “Awtorizzazzjoni”

7        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”:

“ 1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw il-libertà ta’ forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bla ħsara għall-kondizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjenu impriża milli tforni networks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ħlief fejn dan ikun meħtieġ għar-raġunijiet stipulati f’Artikolu [52(1) TFUE].

2.      Il-forniment ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f’Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta’ użu msemmija f’Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista’ tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ użu f’Artikoli 5, 6 u 7.

[…]”

8        L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“ 1.      L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu ta’ frekwenzi tar-radju taħt awtorizzazzjonijiet ġenerali. Fejn hu neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu drittijiet individwali ta’ użu sabiex:

–        tkun evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

–        tkun żgurata l-kwalità teknika tas-servizz;

–        ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru; jew

–        jiġu issodisfati għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].

2.      Fejn huwa meħtieġ li jingħataw drittijiet individwali ta’ użi ta’ frekwenzi tar-radju u numri, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawk id-drittijiet, meta mitluba, lil kull impriża għall-provvista ta’ netwerks jew servizzi taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 3, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva u kull regola oħra li tiżgura l-użu effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi skont id-Direttiva [“Qafas”].

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni bil-għan li jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali skont il-liġi Komunitarja, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri għandhom jingħataw permezz ta’ proċeduri miftuħa, oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali, u, fil-każ tal-frekwenzi tar-radju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva [“Qafas”]. Tista’ tapplika eċċezzjoni għall-ħtieġa ta’ proċeduri miftuħa f’każijiet fejn l-għoti ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju lill-fornuturi ta’ servizzi ta’ kontenut għax-xandir fuq ir-radju jew it-televiżjoni huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi [tal-Unjoni].

[…]

5.      L-Istati Membri ma għandhom jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet ta’ użu li jingħataw, għajr fejn dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-frekwenzi tar-radju skont l-Artikolu 7.

6.      L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva [“Qafas”]. Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju.”

9        L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, dwar il-proċedura intiża li tillimita d-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li għandhom jingħataw, jipprovdi:

“1.      Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra jillimitax in-numru tad-drittijiet għall-użu li jridu jingħataw għall-frekwenzi tar-radju, jew jekk iġeddidx il-validità ta’ drittijiet eżistenti jekk mhux skont it-termini speċifikati f’dawk id-drittijiet, għandu inter alia:

a)      jieħu kont debitu tal-ħtieġa li jimmasimizza l-benefiċċji għall-utenti u li jiffaċilita l-iżvilupp tal-kompetizzjoni;

[…]

3.      Fejn l-għoti ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju jeħtieġ li ma jkunx limitat, l-Istati Membri għandhom jagħtu dawn id-drittijiet fuq il-bażi tal-kriterji tal-għażla li jridu jkunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Kull wieħed minn dawn il-kriterji tal-għażla jrid jagħti l-importanza li tistħoqq lill-kisba tal-għanijiet li jidhru fl-Artikolu 8 tad-Direttiva [“Qafas”] u tar-rekwiżiti li jidhru fl-Artikolu [9] ta’ dik id-Direttiva.”

 Id-Direttiva “Kompetizzjoni”

10      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, li jikkonċerna d-drittijiet esklużivi u speċjali għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi:

“ 1.      L-Istati Membri m’għndhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u/jew il-provvediment tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jew għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku.

2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabbilixxi, testendi jew tipprovdi n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil impriża biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex tistabbilixxi u/jew tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet mehmuża magħha, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonali u trasparenti.

[…]”

11      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna d-drittijiet ta’ użu frekwenzi, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi [tal-Unjoni]:

1)      L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi jew speċjali ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

2)      L-assenjament tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Il-kawża prinċipali tikkonċerna l-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju ġodda għat-trażmissjoni televiżiva diġitali terrestri għall-benefiċċju ta’ operaturi li kienu diġà proprjetarji ta’ frekwenzi tar-radju ta’ trażmissjoni analoga u kienu joperaw kanali analogi. It-teknoloġija diġitali hija kkaratterizzata minn effikaċja ta’ trażmissjoni superjuri għal dik tat-teknoloġija analoga sa fejn tippermetti, għad-differenza ta’ din tal-aħħar, it-trażmissjoni simultajna ta’ diversi programmi fuq l-istess frewkenza tar-radju. Il-frekwenzi tar-radju lliberati b’dan il-mod jikkostitwixxu “dividend diġitali”.

13      It-tranżizzjoni minn televiżjoni analoga għal televiżjoni diġitali (iktar ’il quddiem it-“tranżizzjoni diġitali”) bdiet fl-Italja waqt li kienet pendenti proċedura għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru sa mis-sena 2006, dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana relatata mal-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju ta’ diffużjoni televiżiva, mat-tranżizzjoni diġitali u mal-attribuzzjoni ta’ frekwenzi tar-radju diġitali, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Qafas”, kif ukoll tad-Direttivi “Awtorizzazzjoni” u “Kompetizzjoni”. Fl-opinjoni motivata tagħha tad-19 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni Ewropea essenzjalment sostniet li din il-leġiżlazzjoni, billi kienet tawtorizza biss lill-operaturi li kienu diġà jittrażmettu permezz tat-teknoloġija analoga jaċċedu għas-suq tar-radju u tat-televiżjoni diġitali, kienet tillimitahom għal dan is-suq. Il-Gvern Taljan adotta diversi miżuri sabiex irendi l-imsemmija leġiżlazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

14      Huwa f’dan il-kuntest li l-AGCOM adottat id-Deċiżjoni 181/09/CONS, tas-7 ta’ April 2009, li sussegwentement inbidlet f’liġi permezz tal-legge n. 88 (Liġi Nru°88), tas-7 ta’ Lulju 2009. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-AGCOM stabbilixxiet il-kriterji tad-diġitalizzazzjoni integrali tan-netwerks terrestri għat-televiżjoni.

15      L-imsemmija deċiżjoni kienet tipprovdi b’mod partikolari l-attribuzzjoni ta’ 21 “multiplex” nazzjonali, li jippermettu li jinġabru fi fluss ta’ data komuni varji sinjali u li jiġu trażmessi diversi servizzi tat-televiżjoni diġitali terrestri simultanjament. Għall-finijiet tat-tqassim tagħhom bejn l-operaturi l-ġodda, l-operaturi li kienu ħolqu netwerks diġitali u dawk li kienu diġà joperaw netwerks analogi, dawn il-multiplex tqassmu fi tliet gruppi li kellhom jiġu attribwiti skont kriterji differenti. Barra minn hekk, kien previst, fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni, li ebda operatur ma seta’ jikseb iktar minn ħames multiplexes nazzjonali.

16      Wieħed biss minn dawn it-tliet gruppi huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. Dan il-grupp huwa kompost minn tmien multiplexes li kienu intiżi għall-konverżjoni f’netwerks diġitali ta’ kanali analogi eżistenti. Fid-dawl tan-numru ta’ frekwenzi tar-radju diġitali disponibbli, li kien iżgħar min-numru ta’ dawn il-kanali, id-Deċiżjoni 181/09/CONS irrikorriet għal kriterju ta’ konverżjoni msejjaħ “ekwu”, ibbażat fuq il-kontinwità ta’ programmi trażmessi b’sistema analoga. Barra minn hekk, kien previst li kull operatur diġà attiv fis-suq analogu jingħata mill-inqas multiplex wieħed. Fuq din il-bażi, tliet multiplexes ġew attribwiti lil operaturi ta’ netwerks multipli. B’dan il-mod, ir-Radiotelevisione italiana SpA (RAI) u Mediaset, li kienu joperaw tliet kanali analogi rispettivament, ingħataw żewġ multiplex, filwaqt li Telecom Italia Media Broadcasting, li kienet topera żewġ kanali analogi, kisbet multiplex wieħed.

17      Telecom Italia Media Broadcasting ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrattivo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ dawn l-aħħar multiplexes kif ukoll tad-deċiżjonijiet li servew bħala bażi legali tagħhom. Permezz tar-rikors tagħha, din il-kumpannija titlob li d-dritt tagħha li tikseb multiplex supplimentari jiġi rrikonoxxut, li l-awtoritajiet rilevanti jintalbu jassenjaw dan il-multiplex jew li jiġu ordnati jħallsu danni lil din il-kumpannija.

18      Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħha permezz tas-sentenza Nru 1398/2014, Telecom Italia Media Broadcasting appellat minn din tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Matul il-proċeduri, Telecom Italia Media Broadcasting saret Persidera, wara kontribuzzjoni ta’ kapital mingħand Rete A Spa. Din tal-aħħar kienet iżżomm drittijiet ta’ użu għal żewġ multiplex nazzjonali. Bħala konsegwenza ta’ din l-operazzjoni, Persidera kellha fil-pussess tagħha ħames multiplex nazzjonali. Għalhekk, hija laħqet il-limitu massimu awtorizzat, imsemmi fil-punt 15 tas-sentenza preżenti.

20      Quddiem il-qorti tar-rinviju, Persidera tikkontesta b’mod partikolari l-kriterju applikat għall-finijiet tal-konverżjoni tal-kanali analogi eżistenti fin-netwerks diġitali. Hija tinvoka numru ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tallega ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Minn naħa, hija ssostni li ġie applikat fattur ta’ konverżjoni ta’ 50 %, peress li, minn tnejn, kien kanal analogu wieħed li ġie kkonvertit f’netwerk diġitali, filwaqt li RAI u Mediaset ibbenefikaw minn fattur ta’ konverżjoni ta’ 66 %, peress li żewġ kanali analogi minn tlieta ġew ikkonvertiti f’netwerks diġitali. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika l-fatt li, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ operaturi, ittieħdu inkunsiderazzjoni kanali li kienu operati illegalment għall-finijiet tal-konverżjoni.

21      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“ 1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva [“Qafas”], l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva [“Awtorizzazzjoni”], u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva [“Kompetizzjoni”], kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ netwerks diġitali attribwiti lill-operaturi waqt il-konverżjoni ta’ netwerks analogi, teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni kemm in-netwerks analogi ġestiti għal kollox legalment kif ukoll in-netwerks analogi, ġestiti fil-passat bi ksur tal-limiti fil-qasam ta’ konċentrazzjoni stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li diġà tkun ġiet ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni, jew, fi kwalunkwe każ, mingħajr awtorizzazzjoni?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar preċiż, l-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE, l-Artikolu 9 tad-Direttiva [“Qafas”], l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva [“Awtorizzazzjoni”], u l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva [“Kompetizzjoni”], kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza, ta’ libertà tal-kompetizzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ effettività u ta’ pluraliżmu tal-informazzjoni, jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għad-determinazzjoni tal-għadd ta’ netwerks diġitali attribwiti lill-operaturi waqt il-konverżjoni ta’ netwerks analogi, tieħu inkunsiderazzjoni n-netwerks analogi kollha ġestiti sa dakinhar, anki dawk ġestiti bi ksur tal-limiti fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li diġà ġiet ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Kummissjoni jew, fi kwalunkwe każ, mingħajr awtorizzazzjoni, u li fil-fatt twassal sabiex jiġi applikat tnaqqis fin-numru ta’ netwerks diġitali attribwiti lil operatur ta’ diversi netwerks, meta mqabbla ma’ dawk ġestiti fis-sistema [netwerk] analoga, proporzjonalment ikbar, minn dik imposta fuq il-kompetituri?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Fl-ewwel lok, il-Gvern Taljan josserva li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda problema ipotetika u ma hijiex deċiżiva għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont dan il-gvern, ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa intiż għall-kisba ta’ multiplex supplimentari. Madankollu, Persidera laħqet il-livell massimu awtorizzat ta’ ħames multiplexes.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li l-kwistjonijiet jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta huwa manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mal-fatti veri jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Polkomtel, C-397/14, EU:C:2016:256, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2016, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej u Petrotel, C-231/15, EU:C:2016:769, punt 16).

25      Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikors ippreżentat kontra Persidera ma huwiex biss intiż għall-attribuzzjoni ta’ multiplex supplimentari, iżda wkoll għall-għoti tad-danni. Permezz tar-rikors tagħha, Persidera tikkontesta l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tar-regoli applikati għall-konverżjoni ta’ kanali analogi għal kanali diġitali u d-domandi magħmula huma speċifikament intiżi li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-imsemmija konformità u t-talba għad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex manifest li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija ipotetika.

26      Fit-tieni lok, il-Gvern Taljan u Reti Televisive Italiane SpA essenzjalment isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji sabiex tagħti risposta utli lid-domandi magħmula.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tal-aħħar tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li hemm riferiment espliċitu għalihom fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju għandha jkollha għarfien tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punti 18 u 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Ottubru 2016, Audace et, C-114/15, EU:C:2016:813, punt 35).

28      Għaldaqstant, huwa indispensabbli, kif jistabbilixxi l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju fiha nnifisha tinkludi espożizzjoni tal-motivi li jkunu wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

29      Huwa wkoll indispensabbli, kif jipprevedi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju stess tinkludi, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-rekwiżiti huma partikolarment importanti fil-qasam tal-kompetizzjoni li huwa kkaratterizzat b’sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Diċembru 2013, Umbra Packaging, C-355/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:867, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda spjegazzjoni dwar ir-rilevanza tal-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE għat-tilwima tal-kawża prinċipali.

31      Minn naħa, mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kawża prinċipali hija kkaratterizzata minn informazzjoni li hija kkonfinata għall-Istat Taljan. Għaldaqstant, l-Artikolu 56 TFUE ma japplikax għal tali sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda punt ta’ fatt jew ta’ liġi li jippermetti li ssir evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk u sa fejn wieħed mill-operaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jopera kanali analogi jistax jiġi kklassifikat bħala impriża, fis-sens tal-Artikolu 106 TUFE, u jekk u sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet applikata għall-finijiet tat-tranżizzjoni diġitali, tistax tagħti lil tali impriża drittijiet speċjali li jmorru kontra l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

33      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula huma bbażati fuq il-premessa fattwali li ċerti kanali analogi li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konverżjoni kienu ġestiti b’mod irregolari u illegali, jiġifieri bi ksur tal-livelli ta’ konċentrazzjonijiet jew fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni. Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdi ebda dettalji dwar din il-premessa, li barra minn hekk hija kkontestata mill-Gvern Taljan kif ukoll minn Reti Televisive Italiane u minn RAI.

34      Madankollu, minbarra li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tal-kuntest fattwali deskritt mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula ma jirrigwardawx ir-regolarità tal-operat tal-kanali analogi inkwistjoni fid-dawl tal-QRĠK. Dawn id-domandi jirrigwardaw effettivament il-kwistjoni dwar jekk kanali analogi li allegatament ġew operati b’mod irregolari jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħal kanali operati regolarment, għall-finijiet tal-konverżjoni tagħhom f’netwerks diġitali. Kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 sa 40 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tipprovdi risposta utli għall-qorti tar-rinviju abbażi ta’ informazzjoni fil-faxxikolu li ġie trażmess minnha, u billi titlaq mill-premessa fattwali li hija biss din l-aħħar qorti li tista’ tinvalida, skont il-każ, il-fatt li kanali analogi ġew operati b’mod irregolari jew illegali fid-dawl tad-dritt nazzjonali u/jew tad-dispożizzjonijiet tal-QRĠK.

35      Minn dak li ntqal isegwi li d-domandi magħmula huma inammissibbli sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56, 101, 102 u 106 TFUE.

 Fuq il-mertu

36      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, kif ukoll il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-konverżjoni ta’ kanali analogi eżistenti f’netwerks diġitali, tieħu inkunsiderazzjoni kanali analogi li huma operati illegalment u kanali analogi li huma operati legalment u li, filwaqt li tapplika fir-rigward tagħhom l-istess kriterju ta’ konverżjoni, tapplika tnaqqis proporzjonalment ikbar għan-numru ta’ netwerks diġitali attribwiti meta mqabbel man-numru ta’ kanali analogi operati għad-detriment ta’ operatur meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu.

37      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas” jassenja lill-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ANR jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni ta’ jew ostakolu għall-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u billi jneħħu l-aħħar ostakoli għall-provvista tal-imsemmija servizzi fuq livell tal-Unjoni (sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 81; tat-3 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑424/07, EU:C:2009:749, punt 92, u tas-7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C‑518/11, EU:C:2013:709, punt 50).

38      Konformement mal-Artikolu 8(1), l-ANR, fit-twettiq tal-kompiti ta’ regolamentazzjoni tagħhom, deskritti fid-Direttiva “Qafas”, kif ukoll, b’mod partikolari, fid-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, għandhom jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi għat-twettiq tal-obbligi ddefiniti fl-Artikolu 8(2) u (4), li jikkonsistu fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fil-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-suq intern u fis-sostenn tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, TDC, C-556/12, EU:C:2014:2009, punt 39, kif ukoll tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN et, C-28/15, EU:C:2016:692, punt 46).

39      Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” kif ukoll l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju għandhom jiġu attribwiti abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. Din l-aħħar kundizzjoni timplika li dawn il-kriterji jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan li huma jsegwu u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija, C-376/13, mhux ippubblikata, EU:C:2015:266, punti 65 u 84).

40      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn il-kriterji għandhom jiġu osservati mhux biss fl-ewwel attribuzzjoni tal-frekwenzi tar-radju, iżda wkoll f’kull attribuzzjoni oħra jew tiġdid ieħor jew, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, f’konverżjoni tal-frekwenzi tar-radju fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali.

41      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 5(6) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” jirriżulta li l-ANR għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba, b’mod partikolari, l-akkumulazzjoni tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju.

42      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-QRĠK huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq għan ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta, u huwa intiż li jiżviluppa din il-kompetizzjoni b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

43      F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li d-dispożizzjonijiet tal-QRĠK, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, kif ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, jipprekludu miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett li jiffriżaw l-istrutturi tas-suq nazzjonali u li jipproteġu l-pożizzjoni tal-operaturi nazzjonali diġà attivi fl-imsemmi suq billi jipprekludu jew jirrestrinġu l-aċċess għal operaturi ġodda f’dan is-suq, sakemm tali miżuri ma jkunux iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali u stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C-380/05, EU:C:2008:59, punti 95 sa 107).

44      Għandu jitqies li jmur ukoll kontra d-dispożizzjonijiet tal-QRĠK il-fatt li jiġi estiż, jew saħansitra msaħħaħ, vantaġġ kompetittiv indebitu favur operatur diġà preżenti fis-suq, li jkun inkiseb bi ksur tar-rekwiżiti legali u kuntrarjament għall-għan ta’ kompetizzjoni effettiva u mhux distorta, filwaqt li jiġi prekluż jew ristrett l-aċċess għas-suq ta’ operaturi ġodda.

45      Isegwi, kif essenzjalment sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-dispożizzjonijiet tal-QRĠK jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ konverżjoni diġitali, ta’ kanali analogi li huma operati illegalment, sa fejn dan iwassal għall-estensjoni, jew saħansitra għat-tisħiħ, ta’ vantaġġ kompetittiv indebitu.

46      Fit-tieni lok, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju u fil-każ li din il-qorti tqis li l-kanali kollha ġew operati legalment, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). In-natura komparabbli tas-sitwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata u evalwata fid-dawl tal-għan u tal-fini tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet fil-qasam li jagħmel parti minnu dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, kif sar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, li operaturi, bħal Persidera, Rai u Mediaset, li operaw kanali analogi fl-Italja jinsabu, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni paragunabbli għall-finijiet tal-konverżjoni ta’ dawn il-kanali f’netwerks diġitali fil-mument tat-tranżizzjoni diġitali.

48      It-tieni nett, mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kanali analogi operati minn dawn it-tliet operaturi ta’ netwerks multipli ġew ikkonvertiti f’netwerks diġitali permezz tal-kriterju ta’ konverżjoni msejjaħ “ekwu”, li hemm riferiment għalih fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li n-numru ta’ kanali operati minn kull operatur ġie kkonvertit f’daqshekk ieħor netwerks diġitali wara li tnaqqas kanal wieħed. Konsegwentement, Persidera, li kienet topera żewġ kanali analogi, ġiet attribwita netwerk diġitali, filwaqt li RAI u Mediaset, li kienu joperaw tliet kanali analogi rispettivament, ingħataw żewġ netwerks diġitali kull wieħed. Fi kliem ieħor, filwaqt li dawn tal-aħħar ibbenefikaw minn rata ta’ konverżjoni ta’ 66.67 %, u kull wieħed minnhom kiseb żewġ netwerks diġitali għal tliet kanali analogi, ir-rata ta’ konverżjoni applikata fir-rigward ta’ Persidera kienet ta’ 50 %, peress li ngħatat biss netwerk diġitali wieħed għaż-żewġ kanali analogi tagħha. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-istess miżura ta’ tneħħija ta’ kanal analogu waqt il-konverżjoni diġitali implikat l-applikazzjoni ta’ rati ta’ konverżjoni differenti li affettwaw lil Persidera iktar milli affettwaw lil RAI u lil Mediaset.

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 54 sa 57 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jitqies li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn operaturi kompetittivi li madankollu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

50      It-tielet nett, mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju ta’ konverżjoni msejjaħ “ekwu” ġie ġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tal-offerta televiżiva. Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament kienet dovuta għal restrizzjonijiet fiżiċi marbuta mal-impossibbiltà teknika li jiġu diviżi l-frekwenzi tar-radju.

51      F’dan ir-rigward, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tagħha, hemm lok li jitqies li l-kontinwità tal-offerta televiżiva tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li barra minn hekk, hija waħda mill-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva “Qafas”. Għaldaqstant, l-għan ta’ kontinwità tal-offerta televiżiva tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-ANR waqt il-konverżjoni ta’ kanali analogi eżistenti f’netwerks diġitali, filwaqt li jiġi żgurat li din il-konverżjoni tosserva l-għanijiet kollha msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva “Qafas” u n-neċessità ta’ ġestjoni effikaċji ta’ frekwenzi tar-radju, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(1) ta’ din l-istess direttiva.

52      Huwa minnu li l-konverżjoni ta’ kanali analogi eżistenti f’netwerks diġitali hija adatta sabiex tiżgura l-kontinwità tal-offerta televiżiva trażmessa preċedentement permezz ta’ teknoloġija analoga.

53      Madankollu, miżura li twassal lil operaturi diġà preżenti fis-suq sabiex jiġu assenjati numru ta’ frekwenzi tar-radju diġitali li huwa ikbar minn numru li huwa suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-offerta televiżiva tagħhom tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan u għalhekk, hija sproporzjonata.

54      Għandu jiġi nnotat ukoll li, fil-konverżjoni ta’ kanali analogi eżistenti f’netwerks diġitali, l-ANR għandha tieħu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet fiżiċi marbuta mal-impossibbiltà teknika li jiġu diviżi l-frekwenzi tar-radju inkwistjoni. F’tali sitwazzjoni, l-għan li jiġu inkoraġġiti l-użu u l-ġestjoni effikaċji tal-frekwenzi tar-radju, kif previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8(2)(d) tad-Direttiva “Qafas”, jista’ jiġġustifika, sabiex jiġu evitati riżultati frazzjonali, l-attribuzzjoni ta’ numru inqas jew ogħla ta’ netwerks diġitali meta mqabbel man-numru ta’ kanali analogi operati.

55      Fil-każ ineżami, mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li multiplex diġitali jippermetti t-trażmissjoni ta’ ħames sa sitt kanali bi kwalità ta’ trażmissjoni identika għal dik tat-trażmissjoni analoga jew it-trażmissjoni ta’ tliet kanali diġitali b’definizzjoni għolja, jiġifieri b’teknoloġija iktar avvanzata. Kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li multiplex wieħed seta’ jkun suffiċjenti sabiex jippermetti operaturi bħal RAI u Mediaset jiżguraw il-kontinwità tat-tliet kanali analogi tagħhom bi kwalità komparabbli u li l-attribuzzjoni tat-tieni multiplex marret lil hinn minn dak li kien neċessarju għal dan il-għan. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 79 tal-konklużjonijiet, il-preservazzjoni tal-indiviżibbiltà tal-frekwenzi tar-radju ma tidhirx li tiġġustifika suffiċjentement id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li:

–        l-Artikolu 9 tad-Direttiva “Qafas”, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni”, kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva “Kompetizzjoni”, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-konverżjoni ta’ kanali analogi eżistenti f’netwerks diġitali, tieħu inkunsiderazzjoni kanali analogi li huma operati illegalment, sa fejn din twassal sabiex testendi, jew saħansitra ssaħħaħ, vantaġġ kompetittiv indebitu;

–        il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, b’applikazzjoni tal-istess kriterju ta’ konverżjoni, timplika tnaqqis proporzjonalment ikbar min-numru ta’ netwerks diġitali attribwiti meta mqabbel man-numru ta’ kanali analogi operati għad-detriment ta’ operatur meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan tagħha. Il-kontinwità tal-offerta televiżiva tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament. Madankollu, dispożizzjoni li twassal sabiex tattribwixxi, lill-operaturi diġà preżenti fis-suq, numru ta’ frekwenzi tar-radju diġitali ikbar min-numru li jkun suffiċjenti sabiex jiżgura l-kontinwità tal-offerta televiżiva tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan u għalhekk, tkun sproporzjonata.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 tal-Parlaement Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, l-Artikoli 3, 5 u 7 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE, kif ukoll l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE, tas-16 ta’ Settembru 2002, dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi,għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, għall-finijiet tal-konverżjoni ta’ kanali analogi eżistenti f’netwerks diġitali, tieħu inkunsiderazzjoni kanali analogi li huma operati illegalment, sa fejn twassal sabiex testendi, jew saħansitra ssaħħaħ, vantaġġ kompetittiv indebitu.

2)      Il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, b’applikazzjoni tal-istess kriterju ta’ konverżjoni, timplika tnaqqis proporzjonalment ikbar min-numru ta’ netwerks diġitali attribwiti meta mqabbel man-numru ta’ kanali analogi operati għad-detriment ta’ operatur meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan tagħha. Il-kontinwità tal-offerta televiżiva tikkostitwixxi għan leġittimu li jista’ jiġġustifika tali differenza fit-trattament. Madankollu, dispożizzjoni li twassal sabiex tattribwixxi, lill-operaturi diġà preżenti fis-suq, numru ta’ frekwenzi tar-radju diġitali ikbar min-numru li jkun suffiċjenti sabiex jiżgura l-kontinwità tal-offerta televiżiva tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan u għalhekk, tkun sproporzjonata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.