Language of document : ECLI:EU:C:2016:743

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ppreżentati fil-5 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C‑430/15

Secretary of State for Work and Pensions

vs

L. Tolley (mejta, li qed taġixxi permezz tar-rappreżentant personali tagħha)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà (element tad-dipendenza) – Regolament (KEE) Nru 1408/71– Artikolu 1(a) – Kunċett ta’ ‘ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha’ – Artikolu 4(1)(a) – Benefiċċju tal-mard fi flus kontanti – Artikolu 13(2)(f) – Liġi applikabbli – Artikolu 22(1)(b) u (2) – Natura esportabbli – Nuqqas ta’ awtorizzazzjoni minn qabel”





I –    Introduzzjoni

1.        L. Tolley, ċittadina Brittanika, meta kienet tirrisjedi fir-Renju Unit, kienet bdiet tirċievi element tad-dipendenza tad-Disability Living Allowance (allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà, iktar ’il quddiem id-“DLA”). Dan il-benefiċċju ngħatalha għal żmien mhux iddeterminat. Ħames snin wara t-trasferiment tar-residenza tal-persuna kkonċernata lejn Spanja, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ċaħduha mid-dritt li tkompli tirċievi l-imsemmi benefiċċju mid-data ta’ dan it-trasferiment, minħabba l-fatt li l-kundizzjoni ta’ residenza prevista għal dan ma kinitx issodisfatta. Is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit), titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix tali kundizzjoni ta’ residenza.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (2) ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (3), li sar applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2010. Madankollu, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (4), dan jibqa’ rregolat bir-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament (KE) Nru 118/97 (5), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1386/2001 (6) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

3.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

a)      persuna impjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

i)      kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

ii)      kwalunkwe persuna assigurata bilfors għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, taħt sigurtà soċjali li taqa’ taħt dan ir-Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali għar-residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha li taħdem, jekk tali persuna:

–      tista’ tkun identifikata bħala impjegata jew taħdem għal rasha minħabba l-metodu li bih tali skema hija amministrata jew iffinanzjata, jew,

–      jekk ma taqax taħt tali kriterja, hija assigurata għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness I taħt skema għall-impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom, jew taħt skema li għaliha hemm referenza fi (iii), sew jekk bilfors u sew jekk fuq bażi b’għażla kontinwu, jew, fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;

[…]

o)      istituzzjoni kompetenti tfisser:

i)      l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija assigurata fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċji;

jew

ii)      l-istituzzjoni li mingħandha l-persuna kkonċernata hija intitolata jew se tkun intitolata għall-benefiċċji jekk hi jew membru inkella membri tal-familja tagħha kienu residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni;

[…]

q)      Stat kompetenti jfisser l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema tinsab l-istituzzjoni kompetenti;

[…]”

4.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li “[d]an ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom”.

5.        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“1.      Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali:

a)      il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)      il-benefiċċji ta’ l-invalidità […];

ċ)      il-benefiċċji tax-xjuħija;

[…]”

6.        L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Tneħħija tal-klawsoli ta’ residenza”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu li, “[b]arra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard u l-mewt okkupazzjonali akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent jabita fit-territorju ta’ Stat membru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas”.

7.        Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li “[b]la ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu”.

8.        L-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17 tal-imsemmi regolament, “persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat […]”.

9.        L-Artikolu 13(2)(f) tal-imsemmi regolament jipprovdi li “persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni biss”.

10.      L-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament, li jidher taħt it-Taqsima 2, intitolata “Persuni impjegati jew jaħdmu għal rashom u membri tal-familji tagħhom”, tal-Kapitolu 1, dwar il-mard u l-maternità, tat-Titolu III tagħha “Dispożizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, jistabilixxi:

“Persuna impjegata jew taħdem għal rasha li tabita fit-territorju ta’ Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti, li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni fejn hemm bżonn tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, tirċievi fl-Istat li qiegħda tabita:

[…]

b)      benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni li hija tamministra […]”

11.      L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jidher taħt l-istess taqsima, jipprovdi kif ġej:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u:

[…]

b)      li, wara li saret intitolata għall-benefiċċji li għandhom ikunu ċċarġjati lill-istituzzjoni kompetenti, hija awtorizzata minn dik l-istituzzjoni biex tirritorna fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn talbita, jew li tittrasferixxi r-residenza tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]

tkun intitolata:

[…]

ii)      għall-benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti skod id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra […]”

12.      Skont it-termini tal-Anness I (intitolat “Persuni koperti mir-Regolament”), punt I, Titolu “Ir-Renju Unit”, ta’ dan ir-regolament, “[k]walunkwe persuna li ‘taħdem bi qligħ’ jew ‘li taħdem għal rasha’ fit-tifsira tal-leġislazzjoni tal-Gran Brittanja jew tal-leġislazzjoni ta’ l-Irlanda ta’ Fuq tkun meqjusa rispettivament bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament. Kwalunkwe persuna li f’isimha jitħallsu kontribuzzjonijiet bħala ‘persuna impjegata’ jew ‘persuna li taħdem għal rasha’ skond il-leġislazzjoni ta’ Ġibiltà tkun meqjusa bħala impjegata jew li taħdem għal rasha fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament7”.

13.      Skont l-Anness VI (intitolat “Proċeduri speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri”, Titolu “Ir-Renju Unit”, punt 19, tal-imsemmi regolament:

“Suġġetta għall-konvenzjonijiet konklużi ma’ Stati Membri individwali, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament u l-Artikolu 10b tar-Regolament implimentattiv, il-leġislazzjoni tar-Renju Unit ma tibqax tapplika fl-aħħar mill-aħħar ta’ l-iktar tard tat-tlett ijiem segwenti għal kwalunkwe persuna suġġetta għal-leġislazzjoni tar-Renju Unit bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha:

a)      il-jum li fih tkun ittrasferita r-residenza għall-Istat Membru li għalih hemm riferenza fl-Artikolu 13(2)(f);

[…]

c)      l-aħħar jum ta’ kwalunkwe perjodu tar-riċeviment tal-benefiċċju tal-mard jew maternità tar-Renju Unit (inklużi l-benefiċċji in natura li għalihom ir-Renju Unit huwa l-Istat kompetenti) jew tal-benefiċċju tad-disimpjieg li:

i)      beda qabel id-data tat-trasferiment tar-residenza għal Stat Membru ieħor […]”

14.      L-Anness VI, Titolu “Ir-Renju Unit”, punt 20, tal-istess regolament jiddisponi:

“Il-fatt li persuna saret suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament, l-Artikolu 10b tar-Regolament implimentattiv u l-punt 19 ta’ hawn fuq, ma jżommux:

a)      l-applikazzjoni għaliha mir-Renju Unit bħala l-Istat kompetenti tad-dispopżizzjonijiet relatati mal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tat-Titolu III, il-Kapitolu 1 u l-Kapitolu 2, It-Taqsima 1 jew l-Artikolu 40(2) tar-Regolament jekk hija tibqa’ persuna impjegata jew taħdem għal rasha għal dawk l-iskopijiet u kienet assigurata l-aħħar taħt il-leġislazzjoni tar-Renju Unit;

[…]”

B –    Id-dritt tar-Renju Unit

15.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-DLA huwa benefiċċju ta’ natura mhux kontributorja li jikkonsisti f’element tad-dipendenza u f’element ta’ “mobbiltà”. L-għoti ta’ dan il-benefiċċju ma huwiex suġġett għal kriterju ta’ riżorsi u lanqas ma huwa intiż sabiex jikkumpensa l-assenza eventwali ta’ dħul tal-benefiċjarji tiegħu. Dan għandu l-għan li jkopri l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa għal ċerti tipi ta’ kura jew minħabba inkapaċità jew kważi inkapaċità li ma tippermettix il-mixi, tal-benefiċjarji tiegħu.

16.      Skont l-Artikolu 71(6) tas-Social Security Contributions and Benefits Act 1992 (liġi dwar il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali tal-1992), “[p]ersuna ma għandhiex dritt [għad-DLA] ħlief jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza u ta’ preżenza fil-Gran Brittanja”. B’mod partikolari, dawn il-kundizzjonijiet huma ppreċiżati fl-Artikolu 2(1)(a) tas-Social Security (Disability Living Allowance) Regulations 1991 (regolament dwar is-sigurtà soċjali li jirrigwarda l-allowances għas-sussistenza għal persuni b’diżabbiltà tal-1991).

III – Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17.      L. Tolley, ċittadina Brittanika, li twieldet fis-17 ta’ April 1952, ħallset kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fir-Renju Unit mis-sena 1967 sas-sena 1984. Wara, din tal-aħħar ġiet ikkreditata b’kontribuzzjonijiet sas-sena 1993-1994. Kieku kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni meta laqħet l-età legali għall-irtirar, kienet tkun tista’ tikkwalifika għal pensjoni tal-irtirar abbażi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit. Madankollu, hija mietet fl-10 ta’ Mejju 2011, qabel ma laħqet din l-età.

18.      Mis-26 ta’ Lulju 1993, il-parti kkonċernata ngħatat l-element tad-dipendenza tad-DLA għal żmien indeterminat, minħabba l-fatt li ma kinitx kapaċi tipprepara l-ikel sabiex tiekol.

19.      Fil-5 ta’ Novembru 2002, ir-raġel tagħha u hija stess ittrasferew ir-residenza tagħhom lejn Spanja. Hemmhekk, L. Tolley ma eżerċitat l-ebda attività professjonali.

20.      Waqt is-sena 2007, is-Secretary of State for Work and Pension (ministru għall-impjieg u l-pensjonijiet, ir-Renju Unit, iktar 'il quddiem il-“ministru”), iddeċieda li, mis-6 ta’ Novembru 2002, hija ma kellhiex iktar dritt għal din l-allowance peress li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza prevista għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.

21.      L. Tolley ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-First‑tier Tribunal (qorti tal-prim’istanza, ir-Renju Unit). Dan laqa’ dan ir-rikors, billi kkunsidra li hija kellha d-dritt, abbażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, li tkompli tirċievi l-imsemmija allowance wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja.

22.      Il-ministru ppreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Upper Tribunal (qorti superjuri, ir-Renju Unit). Qabel kollox, din il-qorti kkunsidrat li, sa fejn il-parti kkonċernata kienet assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija, permezz tal-kontribuzzjonijiet li hija kienet ħallset fil-passat, hija kienet “ħaddiem impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament. Wara, l-imsemmija qorti kkonfermat id-dritt ta’ L. Tolley sabiex tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA. Madankollu, hija bbażat din il-konklużjoni mhux fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda – wara li kklassifikat din l-allowance bħala benefiċċju tal-mard – abbażi tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament.

23.      Billi ħasset ruħha marbuta mill-preċedent li jikkostitwixxi d-deċiżjoni tagħha fil-kawża The Commissioners for her Majesty’s Revenue and Customs vs Ruas (7), il-Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] ċaħdet l-appell li l-ministru ppreżenta kontra d-deċiżjoni tal-Upper Tribunal (qorti superjuri). B’hekk, il-ministru ppreżenta rikors quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit).

24.      F’dan il-kuntest, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-element tad-dipendenza tad-[DLA] tar-Renju Unit huwa kklassifikat b’mod xieraq bħala invalidità pjuttost milli bħala benefiċċju tal-mard fi flus kontanti għall-finijiet tar-Regolament Nru 1408/71?

2)      a)      Persuna li ma tibqax intitolata għad-[DLA] tar-Renju Unit taħt id-dritt nazzjonali ta’ dan tal-aħħar, peress li tkun marret toqgħod fi Stat Membru ieħor, u li tkun temmet kull attività professjonali qabel din iċ-ċaqlieqa, iżda li tibqa’ koperta bl-assigurazzjoni għax-xjuħija tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tar-Renju Unit, tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit għall-finijiet tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71?

b)      Din il-persuna, fi kwalunkwe każ, tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fid-dawl tal-punt 19(c) [tat-Titolu “Renju Unit” tal-Anness VI għar-Regolament Nru 1408/71]?

c)      Jekk din il-persuna ma baqgħetx suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit skont l-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, ir-Renju Unit huwa obbligat jew sempliċiment awtorizzat, permezz tal-punt 20 [tat-Titolu “Renju Unit” tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament], japplikalha d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament?

3)      a)      Id-definizzjoni wiesgħa ta’ persuna impjegata fis-sentenza Dodl u Oberhollenzer ([C‑543/03,] EU:C:2005:364), tapplika, għall-finijiet tal-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament Nru 1408/71, fejn il-persuna tkun temmet kull attività professjonali qabel ma ċċaqilqet lejn Stat Membru ieħor, minkejja d-distinzjoni magħmula fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament bejn, fuq naħa waħda, il-persuni impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom u, min-naħa l-oħra, persuni qiegħda?

(b)      Jekk tapplika din id-definizzjoni, din il-persuna hija intitolata li titrasferixxi l-benefiċċju permezz tal-Artikolu 19 jew l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71? L-Artikolu 22(1)(b) [ta’ dan ir-regolament] jista’ jipprevjeni li d-dritt tal-applikant li jkun intitolat għall-element tad-dipendenza tad-[DLA] jintgħeleb mir-rekwiżit ta’ residenza impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta jkun hemm trasferiment ta’ residenza minn Stat Membru għall-ieħor?”

25.      L. Tolley, il-Gvern tar-Renju Unit u dak Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Norveġiż, huma kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tat-8 ta’ Ġunju 2016.

IV – Analiżi

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

26.      Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni sabiex jiġi stabbilit jekk, wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja, L. Tolley kellhiex id-dritt li żżomm, bi spejjeż tal-istituzzjoni tar-Renju Unit, il-benefiċċju tal-element tad-dipendenza tad-DLA, li hija kienet bdiet tirċievi qabel dan it-trasferiment.

27.      Fl-ewwel lok, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) tistaqsi jekk din l-allowance tistax tiġi kklassifikata bħala benefiċċju tal-invalidità minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċedentement ikkunsidratha bħala benefiċċju tal-mard (8). Jekk dan kien il-każ, L. Tolley ikollha d-dritt tesporta l-imsemmi benefiċċju fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprekludi l-kundizzjonijiet ta’ residenza f’dak li jikkonċerna l-għoti tal-benefiċċji elenkati fih. Fost dawn jidhru l-benefiċċji tal-invalidità, iżda mhux il-benefiċċji tal-mard.

28.      Fit-tieni lok, din il-qorti tfittex issir taf, jekk jitqies ukoll li l-element tad-dipendenza tad-DLA jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard, jekk L. Tolley setgħetx madankollu tesporta din l-allowance wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja fuq il-bażi tal-Artikolu 19(1) u/jew tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Taħt din il-perspettiva, l-imsemmija qorti titlob, l-ewwel nett, xi kjarifikazzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni, abbażi tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet elenkati fl-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament, tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata wara dan it-trasferiment.

29.      Qabel ma naslu għal dawn il-kwistjonijiet, nemmen li jkun utli li jiġi vverifikat jekk L. Tolley taqax tassew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmi regolament, sa fejn, waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit ikkontesta fir-rigward tagħha n-natura ta’ “ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha” (iktar ’il quddiem il-“ħaddiem”), fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-istess regolament.

B –    Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71

30.      Skont it-termini tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, dan ir-regolament japplika “għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom […] li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar.”

31.      Ma huwiex ikkontestat li L. Tolley kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit (9), peress li hija kienet irreġistrata mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru u ħallset fih kontribuzzjonijiet fil-passat (10).

32.      Bil-kontra, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li L. Tolley ma taqax taħt il-kwalità ta’ ħaddiem impjegat hekk kif iddefinita fl-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament. Minn naħa, hija ma taqax taħt il-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni peress li hija ma kinitx, fil-mument meta seħħ it-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja, assigurata abbażi tal-iskema ta’ sigurtà soċjali li kienet tapplika għall-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, hija lanqas ma taqa’ taħt il-punt (ii) tal-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn l-Anness I, punt I, tat-Titolu “Ir-Renju Unit” tal-imsemmi regolament jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni għall-persuni li jeżerċitaw attività bi ħlas.

33.      F’dan ir-rigward, nosserva li jirriżulta mis-sentenza Martinez Sala (11) u mill-ġurisprudenza sussegwenti li għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 kull persuna li “tkun assigurata, anki fir-rigward ta’ riskju wieħed, fuq polza ta’ assigurazzjoni ta’ bilfors jew b’għażla, skond skema ġenerali jew partikolari ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) [ta’ dan ir-regolament], u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg”.

34.      Għaldaqstant, persuna tista’ tgawdi minn din il-kwalità anki meta ma teżerċita l-ebda attività professjonali u meta l-benefiċċju li hija qed tipprova tikseb ma huwiex marbut la ma’ impjieg preċedenti u lanqas ma’ riskju li kontrih tkun assigurata (12).

35.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, kemm l-Upper Tribunal (qorti superjuri) kif ukoll il-Court of Appeal (England & Wales) [qorti tal-appell (Ingilterra u Wales)], qiesu li L. Tolley kellha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn kienet għadha koperta, abbażi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri r-riskju tax-xjuħija, fis-sens tal-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni.

36.      B’mod iktar preċiż, nikkonstata li dawn il-qrati kkunsidraw li l-parti kkonċernata taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-punt (ii) tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament, peress li hija kienet assigurata fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali li kienet tapplika għar-residenti kollha u li l-metodi ta’ ġestjoni u ta’ finanzjament ta’ din l-iskema jippermettu li tiġi identifikata bħala ħaddiem impjegat (13).

37.      Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) ma għandhiex intenzjoni li tikkontesta din il-konklużjoni.

38.      Għaldaqstant, L. Tolley għandha tiġi kklassifikata bħala ħaddiem, u dan minkejja l-fatt li hija kienet għadha mhux qed tirċievi pensjoni tal-irtirar.

39.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Dumont de Chassart (14), li, anki f’sitwazzjoni tali, persuna tgawdi mill-kwalità ta’ ħaddiem peress li kien ikollha d-dritt għal pensjoni kieku għexet sal-età tal-irtirar. B’mod iktar ġenerali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 ma tiddependix mit-twettiq tar-riskju assigurat (15).

40.      L-Anness I, punt I, Titolu “Ir-Renju Unit” ta’ dan ir-regolament ma jikkontestax din il-konklużjoni. Fir-rigward ta’ dan, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li dan l-anness huwa rilevanti biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (ii) tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament. Issa, skont il-qrati li ddeċidew fil-kuntest tal-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ L. Tolley kienet taqa’ taħt l-ewwel inċiż ta’ dan il-punt.

41.      Konsegwentement, l-analiżi tiegħi ser tkun ibbażata fuq il-premessa li l-parti kkonċernata tassew taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71.

C –    Klassifikazzjoni tal-element tad-dipendenza tad-DLA (l-ewwel domanda)

42.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-klassifikazzjoni tal-element tad-dipendenza tad-DLA, inkwantu benefiċċju tal-mard fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li tirriżulta mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (16), għandhiex tiġi eżaminata mill-ġdid minħabba l-fatt li għandha bħala għan li tkopri riskju b’mod sostenibbli u permanenti.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

43.      B’mod preliminari, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li r-risposta għal din id-domanda tirriżulta diġà mis-sentenza msemmija iktar 'il fuq. Għalhekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba l-interpretazzjoni tagħhom jikkostitwixxu acte éclairé fis-sens tas-sentenza Cilfit et (17). Għaldaqstant, l-ewwel domanda hija inammissibbli.

44.      Dan l-argument jidhirli li jirriżulta minn konfużjoni bejn, minn naħa, l-obbligu tal-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati sabiex jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta punt ta’ dritt tal-Unjoni jitressaq quddiemhom u, min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà ta’ tali domanda. Fil-fatt, it-teorija tal-acte éclairé, stabbilità mill-ġurisprudenza Cilfit et, tipprevedi biss eċċezzjoni għall-obbligu msemmi iktar 'il fuq (18). Bil-kontra, din ma taffettwax l-ammissibbiltà ta’ domanda preliminari (19).

45.      Bil-kontra, minkejja l-fatt li tkun teżisti ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari (20). Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà interpretat id-dispożizzjonijiet li tiġi mitluba l-interpretazzjoni tagħhom ma jipprekludihiex milli tiddeċiedi mill-ġdid (21). B’hekk, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jiġu miċħuda mill-possibbiltà li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għal bidla fil-ġurisprudenza tagħha.

2.      Fuq il-mertu

46.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali hija bbażata fuq in-natura tar-riskju li dawn għandhom bħala skop li jkopru (22).

47.      Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (23), il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat l-element tad-dipendenza tad-DLA bħala benefiċċju tal-mard minħabba l-fatt, essenzjalment, li dan għandu bħala għan li jgħin lil persuna b’diżabbiltà sabiex tegħleb, sa fejn huwa possibbli, id-diżabbiltà tagħha fl-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum. Ma huwiex ikkontestat li din l-allowance, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, kienet issegwi dan l-istess skop.

48.      Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju toħloq dubju dwar tali klassifikazzjoni, minħabba l-fatt li l-imsemmija allowance tippreżenta karatteristiċi analogi għal dawk tal-benefiċċji elenkati fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn dawn jingħataw taħt il-forma ta’ benefiċċji għal tul ta’ żmien twil jew bħala benefiċċji uniċi relatati ma’ kundizzjonijiet permanenti.

49.      Ir-rappreżentant ta’ L. Tolley, filwaqt li enfasizza li huwa ma daħħalx inkwistjoni, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni tal-element tad-dipendenza tad-DLA bħala benefiċċju tal-mard, jinvoka wkoll ċerti argumenti favur il-klassifikazzjoni tiegħu bħala benefiċċju tal-invalidità fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, dan l-approċċ isib sostenn fis-sentenza Stewart (24), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura temporanja tal-benefiċċji tal-mard. Barra minn hekk, ir-rappreżentant ta’ L. Tolley jirrileva li l-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (25) kienet tirrigwarda l-linja ta’ diviżjoni bejn il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx sabiex twettaq distinzjoni bejn il-benefiċċji tal-mard u l-benefiċċji tal-invalidità.

50.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jiġġustifikawx li l-Qorti tal-Ġustizzja tinjora l-klassifikazzjoni tal-element tad-dipendenza tad-DLA li ġiet stabbilita f’din is-sentenza.

51.      Fl-ewwel lok, huwa minnu li, fis-sentenza Stewart (26) jirriżulta li, bħala regola, il-benefiċċji tal-mard ikopru r-riskju marbut ma’ stat patoloġiku li jwassal għal sospensjoni temporanja tal-attivitajiet ta’ persuna, filwaqt li l-benefiċċji tal-invalidità jkopru r-riskju ta’ inkapaċità, meta jkun probabbli li din l-inkapaċità tkun permanenti jew fit-tul.

52.      Madankollu, tali konstatazzjoni ma tistax tistabbilixxi l-perijodu li fih il-benefiċċju inkwistjoni huwa intenzjonat sabiex ikopri bħala kriterju determinanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (27), ċaħdet ir-rilevanza ta’ tali kriterju sa fejn id-dewmien tal-inkapaċità koperta minn allowance tal-invalidità, li hija kklassifikata bħala benefiċċju tal-mard, ma kienx ta’ natura li jemenda l-iskop tagħha.

53.      Bl-istess mod, fis-sentenza da Silva Martins (28), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, “bid-differenza tal-benefiċċji tal-mard strictu sensu, benefiċċji li jirrigwardaw ir-riskju ta’ dipendenza – li ġeneralment ikunu ta’ portata twila – bħala regola, ma humiex intiżi li jitħallsu fuq perijodu qasir”. Hija madankollu kkunsidrat li, minkejja li dawn il-benefiċċji tal-aħħar, jistgħu, abbażi ta’ dan ikollhom xi karatteristiċi komuni mal-benefiċċji tal-invalidità jew tax-xjuħija, in-natura sostenibbli ta’ allowance ta’ dipendenza ma tqajjimx dubju dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala benefiċċju tal-mard (29).

54.      Fit-tieni lok, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx espressament id-distinzjoni bejn il-benefiċċji tal-mard u tal-invalidità fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (30), hija tat deċiżjoni f’dan ir-rigward fis-sentenza Molenaar (31). Fiha hija kklassifikat bħala benefiċċju tal-mard allowance tad-dipendenza prevista għal perijodu ta’ żmien twil, b’mod partikolari minħabba l-fatt li dan kien intiż sabiex itejjeb b’mod ġenerali l-livell tal-għajxien tal-persuni dipendenti billi jikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu minħabba l-istat ta’ dipendenza tagħhom (32). Fuq din l-istess bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat din il-klassifikazzjoni għal benefiċċji paragunabbli, b’mod partikolari, fis-sentenzi Jauch (33) u Hosse (34). Issa, l-element tad-dipendenza tad-DLA jsegwi wkoll tali għan.

55.      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 1408/71 li jitrattaw speċifikament benefiċċji li jirrigwardaw ir-riskju tad-dipendenza, l-għażla tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra lil dawn, anki meta jitħallsu fuq perijodu ta’ żmien twil, bħala benefiċċji tal-mard tippreżenta, fl-opinjoni tiegħi, ċerti vantaġġi fir-rigward taċ-ċertezza legali u ta’ trasparenza.

56.      F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri jipprevedu diversità kbira ta’ benefiċċji tad-dipendenza, li wħud minhomm għandhom karatteristiċi simili mal-benefiċċji tal-invalidità, oħrajn li barra minn hekk huma simili għall-benefiċċji tax-xjuħija jew ukoll għall-benefiċċji tal-familja. Għaldaqstant, il-konnessjoni każ każ ta’ kull benefiċċju ta’ dipendenza ma’ fergħa tas-sigurtà soċjali partikolari tirriskja mhux biss li tikkomplika l-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni tal-benefiċċji tad-dipendenza, iżda wkoll li twassal għal riżultat imprevedibbli, u b’hekk tippreġudika ċ-ċertezza legali (35).

57.      Għaldaqstant, inqis li l-element tad-dipendenza tad-DLA jikkostitwixxi benefiċċju tal-mard. B’hekk, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71 u għaldaqstant, ma jistax jiġi esportat abbażi ta’ dan.

D –    Determinazzjoni tal-liġi applikabbli (it-tieni domanda)

1.      Kummenti introduttivi

58.      Skont it-termini tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, sabiex isir magħruf liema hija l-leġiżlazzjoni nazzjonali li L. Tolley kienet suġġetta għaliha, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fl-oriġini tal-kawża prinċipali, abbażi tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet elenkati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71. B’mod iktar preċiż, din il-qorti tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit waqfitx tkun applikabbli għall-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament, wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja, fis-sens li hija kienet suġġetta għal-leġiżlazzjoni Spanjola.

59.      Qabel kollox, jidhirli li jkun opportun li jiġu kkjarifikati l-implikazzjonijiet tar-risposta li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda.

60.      Minn naħa, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit kellha tkompli tapplika għal L. Tolley, ir-regola ta’ kunflitt tal-liġijiet elenkata fl-Artikolu 13(2)(f) tal-imsemmi regolament ma tapplikax. Għaldaqstant, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-parti kkonċernata baqgħet suġġetta għal din il-leġiżlazzjoni abbażi ta’ waħda mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet previsti fl-Artikolu 13(2)(a) sa (e) tal-istess regolament (36). Għaldaqstant, ir-Renju Unit jikkostitwixxi, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, l-“Istat kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tal-istess regolament. Abbażi ta’ dan, huwa jkollu jkompli jħallas lil L. Tolley l-element tad-dipendenza tad-DLA wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja (sakemm tkun kisbet awtorizzazzjoni għal dan – ser nerġa’ niddiskuti dan sussegwentement).

61.      Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit waqfet milli tibqa’ applikabbli għal L. Tolley, din tal-aħħar kienet tkun suġġetta, abbażi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament 1408/71, għall-iskema ta’ sigurtà soċjali Spanjola. Barra minn hekk irid jiġi ddeterminat jekk jirriżultax li r-Renju Unit ma huwiex iktar l-“Istat kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament – fis-sens li l-parti kkonċernata ma tistax tibbaża ruħha fuqu – jew, minkejja li din id-dispożizzjoni tista’ madankollu tapplika, sakemm ir-Renju Unit jibqa’ l-“Istat kompetenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-leġiżlazzjoni tiegħu kienet applikabbli fil-mument li fih intalab il-benefiċċju li l-esportazzjoni tiegħu hija mitluba.

62.      Barra minn hekk, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jindikaw jekk id-dritt Spanjol kienx jipprevedi, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, benefiċċji li jirrigwardaw ir-riskju kopert mill-element tad-dipendenza tad-DLA (37).

2.      Fuq il-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71

63.      Il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar jekk il-“leġiżlazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, tinkludix kull leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali jew sempliċement dik li tikkonċerna l-benefiċċju li huwa mitlub. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, iż-żamma ta’ dritt eventwali sabiex tiġbor fil-futur pensjoni tal-irtirar mingħand l-istituzzjoni tar-Renju Unit tipprekludix il-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru waqfet milli tapplika għal L. Tolley fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

64.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa utli li ssir distinzjoni qabel kollox bejn il-kwistjoni tad-deskrizzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u dik taż-żamma tad-drittijiet miksuba (38).

65.      Id-deskrizzjoni, inkwantu leġiżlazzjoni applikabbli, tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (imsejjaħ Stat kompetenti jew Stat ta’ affiljazzjoni) twassal għall-applikabbiltà tal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru għall-ħaddiem ikkonċernat. Jekk ikun il-każ, dan il-ħaddiem iħallas fih kontribuzzjonijiet soċjali u/jew fih jibbenefika minn benefiċċji jekk iseħħ wieħed mir-riskji li huma koperti minn din l-iskema. Skont il-prinċipju tal-uniċità tal-liġi applikabbli, stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, kull ħaddiem huwa suġġett għal leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali unika (39). Taħt din il-perspettiva, l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament huwa intiż, minn naħa, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi evitat li ħaddiem jiġi mċaħħad minn protezzjoni fir-rigward tas-sigurtà soċjali, minħabba l-leġiżlazzjoni li tkun applikabbli għalih (40).

66.      Iż-żamma tad-drittijiet miksuba tirriferi essenzjalment għall-konservazzjoni tal-benefiċċju ta’ sigurtà soċjali wara t-trasferiment tar-residenza tal-ħaddiem lejn Stat Membru li huwa differenti minn dak li taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu kiseb (jew ser jikseb) id-dritt għal tali benefiċċju (41).

67.      B’hekk, diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 huma intiżi sabiex jiżguraw li d-drittijiet miksuba jew li ser jiġu miksuba jibqgħu validi anki meta, wara t-trasferiment tar-residenza tal-ħaddiem, il-leġiżlazzjoni applikabbli fuq dan tal-aħħar tinbidel. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprevedi d-dritt għaż-żamma, b’mod partikolari, tal-benefiċċji fi flus kontanti tal-invalidità u tax-xjuħija. Jidhirli li fir-rigward tal-benefiċċji tal-mard, l-Artikolu 19 u l-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament jistabbilixxu wkoll tali dritt (42).

68.      Għaldaqstant, ħaddiem jista’ jkun affiljat mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru minkejja li jirċievi, mingħand Stat Membru ieħor li ma huwiex affiljat miegħu, benefiċċju ddeterminat fuq il-bażi ta’ drittijiet li huwa kiseb preċedentement f’dan l-Istat Membru tal-aħħar. Meta l-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ affiljazzjoni tiżgura wkoll ir-riskju kopert minn dan il-benefiċċju, ir-regoli ta’ antikumulu previsti mid-dritt tal-Unjoni u mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprekludu l-ġbir ta’ diversi benefiċċji tal-istess natura li jirrigwardaw l-istess perijodu ta’ assigurazzjoni (43).

69.      Il-leġiżlatur issa neħħa kull ambigwità f’dan ir-rigward wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, li l-Artikolu 11(3)(e) tiegħu, li jirriproduċi s-sustanza tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, jipprevedi espressament li r-regoli ta’ kunflitt li huwa jistabbilixxi joperaw “mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu [għall-persuni kkonċernati] benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra”.

70.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru “tispiċċa li tkun valida” għal ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, meta dan il-ħaddiem jitlef l-affiljazzjoni tiegħu mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru, b’mod indipendenti mill-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk fih iżommx drittijiet miksuba jew li kienu ser jinkisbu (44).

71.      B’hekk, il-fatt li L. Tolley baqgħet assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija fir-Renju Unit ma jostakolax il-fatt li d-dritt ta’ dan l-Istat Membru ma baqax japplika għaliha fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71.

3.      Fuq il-mument li fih id-dritt tar-Renju Unit ma baqax applikabbli għal L. Tolley

72.      Skont l-Artikolu 10b tar-Regolament Nru 574/72, id-data u l-kundizzjonijiet li fihom il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tieqaf milli tkun applikabbli huma ddeterminati minn dan l-Istat Membru (45).

73.      L-Anness VI, Titolu, “Ir‑Renju Unit”, punt 19 tar-Regolament Nru 1408/72 jiddikjara, essenzjalment, li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tieqaf milli tkun applikabbli għal persuna, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament, fl-iskadenza bħala data tal-aħħar mill-avvenimenti elenkati fih.

74.      Skont il-Gvern tar-Renju Unit, din il-leġiżlazzjoni ma baqgħetx applikabbli għal L. Tolley mill-ġurnata wara d-data li fiha sar it-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja skont dan il-punt 19(a) (jiġifieri matul is-sena 2002).

75.      Bil-kontra, ir-rappreżentant ta’ L. Tolley jallega li d-data li fiha ma baqgħetx applikabbli l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tikkorrispondi mal-ġurnata ta’ wara l-aħħar ġurnata tal-perijodu ta’ servizz tal-element tad-dipendenza tad-DLA li beda qabel id-data tat-trasferiment tar-residenza tagħha, abbażi ta’ dan il-punt 19(c)(i) (jiġifieri matul is-sena 2007). F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-parti kkonċernata kompliet tirċievi din l-allowance bejn is-sena 2002 u s-sena 2007 anki jekk il-ministru kien sussegwentement ikkunsidra li hija ma kellhiex iktar dritt li tirċeviha għal dan il-perijodu abbażi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.

76.      Bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li, sa fejn id-data u l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma tibqax applikabbli għal persuna jaqgħu taħt id-dritt intern ta’ dan l-Istat Membru, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddermina jekk is-sitwazzjoni ta’ L. Tolley hijiex irregolata mill-punt 19(a) jew mill-punt 19(c)(i) tat-Titolu “Ir‑Renju Unit” tal-Anness VI tar-Regolament Nru 1408/71.

E –    Żamma tal-benefiċċju tal-element tad-dipendenza tad-DLA fuq il-bażi tal-Artikolu 19(1) u/jew tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 (it-tielet domanda)

1.      Kummenti introduttivi

77.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, minkejja li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma komplietx tibqa’ applikabbli għal L. Tolley fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71 wara t-trasferiment tar-residenza tagħha, din madankollu kellha d-dritt li tkompli tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA fuq il-bażi tal-Artikolu 19(1) u/jew tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament (46).

78.      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi jqajmu, essenzjalment, l-argumenti li ġejjin:

–        l-ewwel nett, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jallegaw li L. Tolley ma għandhiex il-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jipprevedu biss il-persuni li jeżerċitaw attività professjonali fil-mument tat-talba għaż-żamma tal-benefiċċju inkwistjoni, u

–        it-tieni nett, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Norveġiż jikkunsidraw li r-Renju Unit ma huwiex l-“Istat kompetenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet (47). Dan il-kunċett jipprevedi l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tapplika skont regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet stipulati fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 waqt il-perijodu li għalih hija mitluba ż-żamma tal-benefiċċju inkwistjoni – jiġifieri skont dawn il-gvernijiet, Spanja – u mhux dak li l-leġiżlazzjoni tiegħu kienet tapplika fil-mument tat-talba tal-għoti ta’ dan il-benefiċċju.

79.      Fil-każ fejn dawn l-argumenti kellhom jiġu miċħuda, ikun irid jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 19(1) u/jew l-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament jipprekludux li Stat Membru jissuġġetta ż-żamma tal-benefiċċju tal-mard għal kundizzjoni ta’ residenza. Jekk ir-risposta tkun affermattiva, ikollhom jiġu evalwati l-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni qabel it-trasferiment tar-residenza tal-benefiċjarju tiegħu.

80.      Qabel ma nanalizza dawn id-domandi, jidhirli li jkun utli li nenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet jittrattaw b’mod indistint benefiċċji tal-mard “stricto sensu” kif ukoll benefiċċji intiżi sabiex ikopru r-riskju tad-dipendenza, li, b’differenza għal dawk preċedenti, huma intiżi sabiex jitħallsu għal perijodu ta’ żmien twil (48). L‑interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni ż-żewġ tipi ta’ benefiċċji.

81.      Jekk ikun il-każ, huwa l-leġiżlatur li għandu jżid fir-Regolament Nru 1408/71, dispożizzjonijiet li jkopru speċifikament il-benefiċċji intiżi sabiex ikopru r-riskju ta’ dipendenza fil-każ fejn huwa jixtieq jissuġġetta lil dawn għal skema partikolari fir-rigward, b’mod partikolari, tal-benefiċċji finanzjarji marbuta magħhom.

2.      Fuq il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 19 u tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71

82.      Hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza von Chamier‑Glisczinski (49), l-Artikolu 19 u l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedu sitwazzjonijiet differenti u jsegwu għaldaqstant għanijiet distinti.

83.      L-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament (li jidher taħt it-titolu li jsemmi r-“[r]itorn lejn jew trasferiment tar-residenza fi Stat Membru ieħor matul il-mard jew il-maternità”), jikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ persuna li tittrasferixxi r-residenza tagħha mill-Istat Membru fejn hija bdiet tirċievi benefiċċju tal-mard jew tal-maternità lejn Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni tissuġġetta ż-żamma ta’ dan il-benefiċċju għal kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti tal-ewwel Stat Membru.

84.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament (intitolat “Residenza fi Stat Membru għajr l-Istat kompetenti – Regoli ġenerali”) – li ma jipprevedix tali kundizzjoni – jippermetti biss, fl-opinjoni tiegħi, lil ħaddiem li, diġà fil-mument meta huwa jitlob tali benefiċċju, jirrisjedi fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn jaħdem, li jibbenefika minnu fl-Istat Membru fejn jirrisjedi (50).

85.      B’mod partikolari, din l-interpretazzjoni tirriżulta minn qari sistematiku tal-istess regolament. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 19 tiegħu japplika meta l-ħaddiem beda jirċievi l-benefiċċju inkwistjoni qabel it-trasferiment tar-residenza tiegħu – jiġifieri f’sitwazzjoni li tkopri wkoll l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 –, il-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar tkun nieqsa minn effettività.

86.      Peress li L. Tolley bdiet tirċievi l-element tad-dipendenza tad-DLA meta hija kienet tirrisjedi fir-Renju Unit, is-sitwazzjoni tagħha għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament biss.

3.      Fuq il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71

87.      Skont it-termini tal-ewwel parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex tkun taf jekk persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ L. Tolley tgawdix mill-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71, b’tali mod li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-dispożizzjoni.

88.      Skont ir-rappreżentant ta’ L. Tolley, il-kunċett ta’ ħaddiem igawdi minn portata uniformi fit-totalità tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. B’hekk, peress li hija tissodisfa d-definizzjoni tal-ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament, hija għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala tali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1) tal-istess regolament.

89.      Bil-kontra, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jallegaw li tifsira proprja hija marbuta mal-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament Nru 1408/71. Dan il-kunċett jiddeskrivi biss lill-ħaddiema f’attività fil-mument li fih ifittxu sabiex jibbenefikaw mill-benefiċċji inkwistjoni fuq il-bażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.

90.      Dan l-argument tal-aħħar imur kontra, jidhirli, is-sentenza Pierik (51), li minnha jirriżulta li r-riferiment għall-ħaddiem, li jidher fl-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament, ma għandux bħala għan li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-ħaddiema attivi fil-konfront tal-ħaddiema mhux attivi.

91.      Barra minn hekk, peress li l-kunċett ta’ ħaddiem huwa ddefinit fl-Artikolu 1(a) tal-istess regolament, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni, fl-opinjoni tiegħi, meta uża din l-espressjoni f’dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament, li jindika l-persuni koperti minn din id-definizzjoni. Bil-kontra, hekk kif osserva r-rappreżentant ta’ L. Tolley, meta l-leġiżlatur xtaq jindika speċifikament il-ħaddiema attivi, huwa uża terminoloġija differenti (52).

92.      Konsegwentement, inqis li, jekk L. Tolley għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, dan huwa minnu wkoll fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament.

93.      Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata bl-argument imqajjem mill-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Norveġiż u mill-Kummissjoni, li jipprovdi li d-distinzjoni bejn, minn naħa, il-ħaddiema (li s-sitwazzjoni tagħhom hija rregolata mill-Artikoli 19 sa 22 tar-Regolament Nru 1408/71, li jidhru taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament) u, min-naħa l-oħra, il-persuni qiegħda (previsti mill-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, li jidher taħt it-Taqsima 3 ta’ dan il-kapitolu), titlef kull sens tagħha kieku l-persuni li waqfu definittivament milli jeżerċitaw attività professjonali kienu kkunsidrati bħala ħaddiema.

94.      F’dan ir-rigward, nosserva li, L. Tolley, kieku ma kinitx ikkunsidrata bħala ħaddiem fis-sens tal-Artikoli 19 sa 22 tal-imsemmi regolament, ma kinitx tkun koperta minn dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tal-istess regolament. Fil-fatt, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala applikant jew bħala persuna li tirċievi pensjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 4 u 5 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71. Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikoli 19 sa 22 ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw għas-sitwazzjonijiet li ma humiex irregolati mid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fit-Taqsimiet 3 sa 5 ta’ dan il-kapitolu. Dan huwa minnu minkejja l-fatt li tali evalwazzjoni tista’ twassal sabiex tiġi permessa l-esportazzjoni ta’ benefiċċju tal-mard għall-benefiċċju ta’ persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ L. Tolley, filwaqt li, jekk ikun il-każ, kategoriji oħra ta’ persuni li ma humiex attivi ekonomikament ma jibbenefikawx minnha.

4.      Fuq il-kunċett tal-“Istat kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71

a)      Espożizzjoni tal-problematika

95.      L-eżami tat-tieni parti tat-tielet domanda jimplika, fl-ewwel lok, li jiġi kkjarifikat il-kunċett ta’ “Stat kompetenti”, fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, u li jiġu ppreċiżati, għal dan il-għan, l-interazzjonijiet bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament.

96.      Il-kawża preżenti tqajjem il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Istat kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament jindikax l-Istat li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli wara t-trasferiment tar-residenza tal-ħaddiem, jew l-Istat li taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu ġew miksuba d-drittijiet għall-benefiċċji tal-mard.

97.      Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Norveġiż jargumentaw favur l-ewwel minn dawn l-alternattivi. Peress li Spanja għandha tiġi kkunsidrata bħala l-Istat kompetenti (53), l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprevedi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li jirrisjedu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti, ma japplikax (54).

98.      B’mod definittiv, tali approċċ iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament ma jippermettix lil persuna li tkun waqfet kull attività professjonali milli tibbenefika mill-benefiċċji tal-mard miksuba fl-Istat Membru tal-aħħar impjieg tagħha wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Stat Membru ieħor. B’hekk, permezz tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2)(f) tal-imsemmi regolament, l-Artikolu 22(1)(b) tiegħu japplika biss għall-ħaddiema attivi fil-mument tat-trasferiment tar-residenza tagħhom.

99.      Ir-rappreżentant ta’ L. Tolley jiddefendi, min-naħa tiegħu, it-tieni minn dawn l-alternattivi. L-Artikolu 13(1)(f) ta’ dan ir-regolament għaldaqstant ma jippreġudikax id-dritt, għal ħaddiem li jkun temm kull attività professjonali, milli jkompli jibbenefika mill-benefiċċji tal-mard li huwa beda jirċievi fi Stat Membru wara li ttrasferixxa r-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor.

100. Minħabba r-raġunijiet spjegati iktar ’l isfel, dan l-aħħar appproċċ ma jikkonvinċinix.

b)      Interpretazzjoni letterali

101. Abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 1(o)(i) u (q) tar-Regolament Nru 1408/71, l-“Istat kompetenti” jindika, b’mod partikolari, l-Istat Membru li tinsab fih l-istituzzjoni li huwa affiljat magħha l-ħaddiem “fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċji” (55).

102. Skont din id-definizzjoni, l-“Istat kompetenti”, li jirreferi għalih l-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jindika, fl-opinjoni tiegħi, dak li kien kompetenti, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, fil-perijodu tal-kisba tad-dritt għall-benefiċċji li hija mitluba l-esportazzjoni tagħhom. Fil-kawża preżenti, dan huwa r-Renju Unit, peress li L. Tolley ressqet fih it-talba tagħha intiża għall-kisba tal-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali diversi snin qabel it-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja.

103. Sabiex tissaħħaħ din l-interpretazzjoni, nosserva, qabel kollox, li aspett kronoloġiku paragunabbli huwa diġà marbut mal-kunċett ta’ “Stat kompetenti” fil-kuntest ta’ dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament, jiġifieri l-Artikolu 71(1)(a) tiegħu (56). Hekk kif jirriżulta mis-sentenza Adanez‑Vega (57), dan il-kunċett jindika l-Istat li kien kompetenti fil-perijodu tal-aħħar impjieg tal-parti kkonċernata.

104. Fl-opinjoni tiegħi, isegwi li huwa taħt din il-perspettiva li l-Anness VI, Titolu “Ir‑Renju Unit”, punt 20, tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li “[i]l-fatt li persuna saret suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 13(2)(f) [ta’ dan ir-] Regolament, […] ma jżommux” b’mod partikolari, “l-applikazzjoni għaliha mir-Renju Unit bħala l-Istat kompetenti tad-dispożizzjonijiet relatati mal-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha tat-Titolu III, il-Kapitolu 1 [dwar il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità] […] jekk hija tibqa’ persuna impjegata jew taħdem għal rasha għal dawk l-iskopijiet u kienet assigurata l-aħħar taħt il-leġislazzjoni tar-Renju Unit”.

105. Dan il-punt jindika li r-Renju Unit jammetti l-possibbiltà li jibqa’ l-Istat kompetenti fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu 1, tar-Regolament Nru 1408/71 anki meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru tieqaf milli tapplika għall-ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament. Fl-opinjoni tiegħi, l-imsemmi punt jikkonstata għaldaqstant li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-imsemmi regolament dwar iż-żamma tad-drittijiet miksuba, li fosthom jidher l-Artikolu 22(1)(b).

106. Fl-aħħar nett, iż-żamma tal-benefiċċju tal-mard fi flus kontanti li ngħata minn Stat Membru anki meta t-trasferiment tar-residenza tal-benefiċjarju tiegħu lejn Stat Membru ieħor iwassal għal bidla fil-leġiżlazzjoni applikabbli tikkorrispondi mas-sitwazzjoni li issa tipprevali taħt ir-Regolament Nru 883/2004. Fil-fatt, dan ir-regolament ma jinkludix dispożizzjoni speċifika li tipprevedi ż-żamma tal-benefiċċji tal-mard analoga għall-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71. Bil-kontra, dan jinkludi, fl-Artikolu 7 tiegħu, dispożizzjoni dwar it-tneħħija tal-klawżoli ta’ residenza li tinkludi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali fi flus kontanti kollha (u mhux biss dawk elenkati fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1408/71).

107. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, is-sentenza Kuusijärvi (58) ma topponix din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, wara li kklassifikat bħala benefiċċju tal-familja (u mhux bħala benefiċċju tal-mard), il-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni, mhux tal-Artikolu 22(1)(b), iżda tal-Artikoli 73 u 74 tar-Regolament Nru 1408/71 (59). Issa, dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx iż-żamma tal-benefiċċju li l-ħaddiem beda jirċievi qabel it-trasferiment tar-residenza tiegħu (60).

c)      Interpretazzjoni teleoloġika

108. L-interpretazzjoni letterali deskritta iktar 'il fuq hija kkorroborata minn qari teleoloġiku tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71.

109. Qabel l-introduzzjoni tal-Artikolu 13(2)(f) tal-imsemmi regolament bir-Regolament (KEE) Nru 2195/91 (61), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet, fis-sentenza Ten Holder (62), li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni li tirregola b’mod speċifiku l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jieqfu milli jeżerċitaw attività professjonali fi Stat Membru u li ma jmorrux jaħdmu fi Stat Membru ieħor, dawn il-ħaddiema baqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-aħħar impjieg tagħhom skont l-Artikolu 13(2)(a) tal-istess regolament.

110. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja limitat din il-konklużjoni għal sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiem kien waqaf kull attività professjonali temporarjament biss (63). Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ persuna li waqfet b’mod definittiv milli taħdem ma kinitx iktar koperta minn waħda mir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet elenkati taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (64).

111. Permezz tal-introduzzjoni tal-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jimla l-lakuna identifikata wara din il-ġurisprudenza (65). Għal dan il-għan, huwa għażel l-applikazzjoni, għal ħaddiem li jkun waqaf – b’mod definittiv jew temporanju (66) – minn kull attività professjonali, tad-dritt tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu.

112. Jekk dan l-Istat Membru kien ikkunsidrat bħala l-Istat kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament, tali ħaddiem ma jaqax iktar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, bħala definizzjoni, huwa ma jirrisjedix fi “Stat Membru li mhux l-Istat kompetenti” (67).

113. Fl-ewwel lok, sa fejn din tmur kontra l-prinċipju taż-żamma tad-drittijiet miksuba stabbilit bir-Regolament Nru 1408/71 (68), ma naħsibx li l-leġiżlatur kien qed ifittex tali konsegwenza. Mill-bqija, xejn mill-formulazzjoni ta’ dan ir-regolament u lanqas mix-xogħlijiet preparatorji ma jissuġġerixxi li dan tal-aħħar kellu l-intenzjoni, permezz tal-introduzzjoni tal-Artikolu 13(2)(f) tal-imsemmi regolament, li jostakola l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(b) tal-istess regolament għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiema mhux attivi.

114. Fit-tieni lok, jekk il-benefiċjarju ta’ benefiċċju tal-mard fi flus kontanti kien ġie mċaħħad minnu mat-trasferiment tar-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor, de facto dan għalhekk jiġi prekluż milli jbiddel ir-residenza tiegħu, mingħajr ma jinterrompi t-trattament mediku tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, tali konsegwenza twassal sabiex tmur kontra l-għan ta’ promozzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema li jsegwu l-istess regolament kif ukoll l-Artikolu 48 TFUE (69).

115. Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li nsostni jien tidhirli koerenti fil-konfront tad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament Nru 1408/71 li huma xhieda tar-rieda tal-leġiżlatur li jevita li jtaqqal lill-Istat Membru ta’ residenza bl-ispejjeż ta’ ċerti benefiċċji tal-mard ta’ persuna li qatt ma ħadmet fih. B’mod partikolari, l-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta persuna li tirċievi pensjoni dovuta abbazi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma għandhiex dritt għall-benefiċċji tal-mard abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn hija tirrisjedi, hija tibbenefika madankollu minn dawn il-benefiċċji bi spejjeż tal-istituzzjoni tal-ewwel Stat Membru sa fejn kien ikollha dritt għalihom kieku kienet tirrisjedi fih.

d)      Konklużjoni

116. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-Istat kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 jindika l-Istat Membru li taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu kien inkiseb id-dritt li ż-żamma tiegħu qed tintalab abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk, minkejja li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma baqgħetx applikabbli għal L. Tolley wara t-trasferiment tar-residenza tagħha, fis-sens li din kienet suġġetta għal-liġi Spanjola abbażi tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament, ir-Renju Unit baqa’ l-Istat kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament fir-rigward taż-żamma tal-benefiċċju tal-element tad-dipendenza tad-DLA.

5.      Fuq l-illegalità tal-kundizzjonijiet ta’ residenza

117. Fit-tieni lok, sabiex tingħata risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprekludix kundizzjoni ta’ residenza bħal dik prevista mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit.

118. F’dan ir-rigward, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li, anki jekk jitqies li dan l-Istat Membru jiġi indikat bħala l-Istat kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, din tapplika biss, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, bil-kundizzjoni li l-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa minn dan l-Istat sabiex ikollu dritt għall-benefiċċji. Issa, ir-Renju Unit jissuġġetta dan id-dritt għall-kundizzjoni ta’ residenza li l-legalità tagħha hija kkontestata fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

119. Tali argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kuusijärvi, “kieku [id-dritt mogħti mill-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71] jista’ jinġieb fix-xejn minħabba kundizzjoni ta’ residenza imposta mil-liġi nazzjonali, din id-dispożizzjoni titlef kompletament l-iskop tagħha” (70).

120. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, id-dritt tal-Unjoni ma jostakolax lill-Istat kompetenti fis-sens ta’ din id-dipożizzjoni milli jevalwa mill-ġdid, sa fejn id-dritt intern tiegħu jipprevedi dan, id-dritt għall-benefiċċju jew għall-ammont tiegħu skont fatturi bħal-livell tal-għajxien fl-Istat ta’ residenza jew it-tibdiliet fil-bżonnijiet tal-persuna kkonċernata. Bil-kontra, huwa ma jistax iċaħħad lil din tal-aħħar minn tali dritt minħabba s-sempliċi fatt li hija tirrisjedi fi Stat Membru ieħor.

6.      Fuq il-konsegwenzi tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni

121. Skont l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, il-benefiċjarju ta’ benefiċċju tal-mard fi flus kontanti ma għandux id-dritt għaż-żamma tiegħu wara t-trasferiment tar-residenza tiegħu ħlief bil-kundizzjoni li jkun irċieva awtorizzazzjoni għal dan il-għan min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti. Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. Tolley ma talbitx, u a fortiori ma kisbitx tali awtorizzazzjoni min-naħa tal-istituzzjoni kompetenti tar-Renju Unit. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li kieku kienet ressqet tali talba, din kellha tiġi mogħtija lilha (71). Fil-fatt, l-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-regolament jillimita l-possibbiltà li t-talba tiġi miċħuda fil-każijiet – li s-sitwazzjoni ta’ L. Tolley ma taqax taħthom – li fihom “ikun stabbilit li l-moviment tal-persuna kkonċernata jkun ta’ preġudizzju għall-Istat ta’ saħħitha jew għar-riċeviment tal-kura medika”.

122. Għaldaqstant hemm lok, dejjem fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni parti tat-tielet domanda, li jiġi evalwat, fit-tielet lok, jekk in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tivvizzjax l-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament anki meta awtorizzazzjoni ma setgħetx tiġi miċħuda kieku din kienet intalbet.

123. Ir-Regolament Nru 1408/71 ma jipprevedix is-sanzjoni applikabbli meta, minkejja li l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi li jippermettu lill-Istat Membru kompetenti sabiex jiċħad l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ma tiġi ssodisfatta, il-parti kkonċernata ma tiddisponix minn awtorizzazzjoni fuq il-livell amministrattiv.

124. F’dan ir-rigward, nemmen li jkun utli li jiġu eżaminati iktar fil-viċin l-għanijiet tal-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 22(2) tal-istess regolament jindika, fl-opinjoni tiegħi, li din il-kundizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li jiġu imposti spejjeż sproporzjonati fuq l-Istat debitur tal-benefiċċju meta l-benefiċjarju tiegħu jmur jgħix fi Stat Membru ieħor fejn l-istat tas-saħħa tiegħu jirriskja li jmur għall-agħar, jew li fih it-twettiq ta’ trattament jista’ jiġi kompromess, li jwassal b’hekk għal spejjeż ogħla fir-rigward tal-ewwel Stat Membru (72).

125. Issa, interpretazzjoni li, anki fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni f’dan ir-rigward, il-ħaddiem ikollu dritt għaż-żamma tal-benefiċċju sakemm iċ-ċaqliq tiegħu ma jkunx ta’ natura li jikkomprometti l-istat tas-saħħa tiegħu jew l-applikazzjoni tat-trattament mediku, tirriskja li tivvizzja t-twettiq ta’ tali għan. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tista’ tħajjar lil ħaddiem jittrasferixxi r-residenza tiegħu mingħajr ma jkun talab jew kiseb awtorizzazzjoni. Jista’ għalhekk jirriżulta, a posteriori, li dan it-trasferiment jista’ jippreġudika l-istat tas-saħħa tiegħu jew it-trattament mediku tiegħu.

126. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 22(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jobbliga lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-benefiċċju tal-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament lil ħaddiem meta awtorizzazzjoni għal dan il-għan ma nkisbitx qabel it-trasferiment tar-residenza tal-ħaddiem (73).

127. Madankollu, infakkar li r-Regolament Nru 1408/71 jikkoordina, mingħajr ma jarmonizza, is-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali (74). Taħt din il-perspettiva, peress li dan ir-regolament ma jipprevedix il-konsegwenzi tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 22(1)(b) tiegħu, jibqa’ possibbli għall-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu lil ħaddiem, abbażi tad-drittijiet nazzjonali tagħhom, il-benefiċċju tal-esportazzjoni tal-benefiċċji previst minn din id-dispożizzjoni anki f’tali sitwazzjoni (75). Dan huwa partikolarment il-każ peress li rikonoxximent ta’ tali dritt, billi lill-ħaddiema migranti tingħata protezzjoni iktar wiesgħa minn dik li tirriżulta mill-imsemmi regolament, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema li huwa l-bażi tiegħu (76).

V –    Konklużjoni

128. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet mogħtija hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mis-Supreme Court of the United Kingdom (qorti suprema tar-Renju Unit) kif ġej:

1)      Allowance bħall-element tad-dipendenza tad-Disability Living Allowance (allowance ta’ sussistenza għal persuni b’diżabbiltà) tikkostitwixxi f’benefiċċju tal-mard fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolement tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1386/2001 tal-5 ta’ Ġunju 2001.

2)      L-Artikolu 13(2)(f) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna tieqaf milli tibqa’ suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru meta hija ma tibqax affiljata mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat Membru abbażi tad-dritt nazzjonali tiegħu. Dan huwa minnu anki meta din il-persuna tibqa’ assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, fis-sens li hija jkollha dritt għal parti tagħha għal pensjoni sa fejn tkun issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjoni fl-età legali tal-irtirar tagħha.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tressqet quddiemha, il-mument li fih il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit ma tibqax applikabbli, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(f) ta’ dan ir-regolament, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness VI, Titolu “Ir-Renju Unit”, punt 19 ta’ dan ir-regolament.

3)      Persuna li ma tibqax suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssirilha applikabbli l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor abbażi tal-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, u li hija għaldaqstant suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tirrisjedi abbażi tal-punt (f) ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu għandha d-dritt, abbażi tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament u skont il-modalitajiet previsti minn din id-dispożizzjoni, għaż-żamma tal-benefiċċji tal-mard li hija bdiet tirċievi bi spejjeż tal-istituzzjoni tal-ewwel Stat Membru qabel it-trasferiment tar-residenza tagħha lejn it-tieni Stat Membru.

4)      Il-kunċett ta’ “ħaddiem impjegat jew persuna li taħdem għal rasha”, iddefinit fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, u li jidher, b’mod partikolari fl-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament, jinkludi persuna li tkun waqfet kull attività bħala ħaddiem impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha, bil-kundizzjoni li din il-persuna tkun assigurata, anki jekk kontra riskju wieħed, abbażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja jew volontarja fi ħdan skema ġenerali jew partikolari tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament, u dan indipendentement mill-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol.

5)      L-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, jipprekludi lil Stat Membru milli jissuġġetta ż-żamma ta’ benefiċċju tal-mard fi flus kontanti għal kundizzjoni ta’ residenza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

6)      L-Artikolu 22(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1386/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tkun temmet kull attività bħala ħaddiem impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha u li kienet bdiet tirċievi benefiċċji tal-mard fi flus kontanti fi Stat Membru qabel ma ttrasferixxiet ir-residenza tagħha lejn Stat Membru ieħor iżżomm d-dritt li tirċievi dawn il-benefiċċji min-naħa tal-istituzzjoni tal-ewwel Stat Membru wara dan it-trasferiment, bil-kundizzjoni li tkun kisbet awtorizzazzjoni għal dan il-għan.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Regolament tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).


3 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).


4 – Il-kawża prinċipali tirrigwarda d-drittijiet ta’ L. Tolley mis-6 ta’ Novembru 2002 (ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għaldaqstant, din il-kawża hija rregolata mill-verżjoni tar-Regolament Nru 1408/71 li kienet fis-seħħ f’dak iż-żmien.


5 – Regolament tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 1996, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3).


6 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 129).


7 – [2010] EWCA Civ 291.


8 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 68).


9 – Skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 1408/71, il-kunċett ta’ “leġiżlazzjoni” jiddeskrivi, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet statutorji kollha u l-miżuri ta’ applikazzjoni oħra li jikkonċernaw il-fergħat u l-iskemi ta’ sigurtà soċjali kif ukoll il-benefiċċji speċjali ta’ natura mhux kontributorja.


10 – Il-kundizzjonijiet ta’ affiljazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1979, Brunori (266/78, EU:C:1979:200, punti 5 u 6); tas-7 ta’ Lulju 2005, van Pommeren‑Bourgondiën (C‑227/03, EU:C:2005:431, punt 33), kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2015, Kik (C‑266/13, EU:C:2015:188, punt 51)].


11 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 36). Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, EU:C:2005:364, punt 30), kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2011, Borger (C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 28).


12 – Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza Dodl u Oberhollenzer [sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005 (C‑543/03, EU:C:2005:364, punti 32 sa 34)], li l-persuni li jitolbu l-benefiċċji tal-familja Awstrijaċi kellhom il-kwalità ta’ ħaddiem sakemm il-qorti nazzjonali tikkonferma l-affiljazzjoni tagħhom fl-assigurazzjoni tal-mard Awstrijaka.


13 – Ara Secretary of State for Work and Pensions vs LT (DLA) [2012] UKUT 282 (AAC) u L. Tolley vs The Secretary of State for Work and Pensions [2013] EWCA Civ 1471.


14 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2013 (C‑619/11, EU:C:2013:92, punti 27 sa 29). Skont it-termini tad-deċizjoni tar-rinviju, L. Tolley ma setgħetx titlob pensjoni tal-irtirar ħlief sa fejn kienet issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet fl-età legali tal-irtirar. B’hekk, skont il-Gvern tar-Renju Unit, il-benefiċċju ta’ tali pensjoni kien biss futur u ipotetiku, minkejja li L. Tolley ma kellhiex il-kwalità ta’ assigurata kontra r-riskju tax-xjuħija. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din tal-aħħar kienet tassew assigurata kontra dan ir-riskju. Peress li l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk persuna hijiex assigurata fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali li taqa’ taħt id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ma hemmx lok li terġa’ tiddaħħal inkwistjoni din l-evalwazzjoni.


15 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Borger (C‑516/09, EU:C:2011:136, punt 30).


16 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007 (C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 68).


17 – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982 (283/81, EU:C:1982:335, punt 21).


18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982 Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 21), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, Doc Generici (C‑452/14, EU:C:2015:644, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Fis-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et (28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6), li jagħmel riferiment għaliha l-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li kienet diġà ddeċidiet f’sentenza preċedenti domanda identika għad-domanda preliminari li tressqet quddiemha, ma kkonkludietx li din kienet inammissibbli, iżda bagħtet lura din il-kawża lill-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi s-sentenza.


20 – Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 15), u tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32).


21 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper (C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 27).


23 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007 (C‑299/05, EU:C:2007:608, punti 66 sa 68).


24 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 37).


25 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007 (C‑299/05, EU:C:2007:608).


26 – Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑503/09, EU:C:2011:500, punti 37 u 38).


27 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007 (C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 63). Din l-evalwazzjoni tirreferi għall-allowance tal-invalidità Svediża li kienet ukoll is-suġġet ta’ rikors għal annullament li ta lok għal din is-sentenza.


28 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011 (C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 48).


29 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 48).


30 – Sentenza tat-18 Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608).


31 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998 (C‑160/96, EU:C:1998:84).


32 – Sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Molenaar (C‑160/96, EU:C:1998:84, punti 22 sa 25). Ara wkoll, is-sentenza tat-8 Lulju 2004, Gaumain‑Cerri u Barth (C‑502/01 u C‑31/02, EU:C:2004:413, punti 19 u 20).


33 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001 (C‑215/99, EU:C:2001:139, punt 28).


34 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006 (C‑286/03, EU:C:2006:125, punt 48). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑299/05, EU:C:2007:608, punt 61), kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C‑388/09, EU:C:2011:439, punti 43 sa 48).


35 – Ara, f’dan ir-rigward, Jorens, Y., et “Coordination of Long‑term Care Benefits – current situation and future prospects”, Think Tank Report 2011, Training and Reporting on European Social Security, disponibbli fuq http://www.tress‑network.org/EUROPEAN%20RESOURCES/EUROPEANREPORT/trESSIII_ThinkTankReport‑LTC_20111026FINAL_amendmentsEC‑FINAL.pdf, p. 41 u 42.


36 – Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax fuq liema bażi L. TolleyL. L. Tolley ħallset kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-passat.


37 – Sa fejn naf jien, huwa biss mill-1 ta’ Jannar 2007 li d-dritt Spanjol beda l-implementazzjoni progressiva ta’ dispożittiv ta’ responsabbiltà tad-dipendenza, permezz tal-Liġi 39/2006, tal-14 ta’ Diċembru 2006, dwar il-promozzjoni tal-awtonomija individwali u l-assistenza lejn persuni dipendenti (BOE Nru 299, tal-15 ta’ Diċembru 2006, p. 44142). Din l-evalwazzjoni taqa’ madankollu, b’mod definittiv, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju.


38 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, EU:C:1986:242, punt 22), u tal-10 Lulju 1986, Luijten (60/85, EU:C:1986:307, punt 15).


39 – Kull Stat Membru jiddisponu madankollu l-fakultà, taħt ċerti kundizzjonijiet, li jagħti benefiċċji tas-sigurtà soċjali lil ħaddiema li huma affiljati mal-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290, punt 31); tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 et C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 68), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2014, B. (C‑394/13, EU:C:2014:2199, punt 28)]. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ uniċità tal-leġiżlazzjoni applikabbli ma jipprekludix li ħaddiem, filwaqt li jkun affiljat b’mod obbligatorju mal-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, jibqa’ affiljat b’mod volontarju mal-iskema tal-Istat Membru li fih kien impjegat l-aħħar għall-fergħat li għalihom waqaf milli jkun affiljat b’mod obbligatorju [sentenza tas-7 Lulju 2005, van Pommeren‑Bourgondiën (C‑227/03, EU:C:2005:431, punti 36 sa 38)].


40 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 Lulju 2005, van Pommeren‑Bourgondiën (C‑227/03, EU:C:2005:431, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41 – B’mod partikolari, persuna li taħdem fi Stat Membru (jew, sussegwentement, f’diversi Stati Membri), tikseb fihom tipikament drittijiet għall-pensjoni li hija żżomm wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Stat Membru ieħor. L‑Artikolu 17a tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi tali każ sa fejn japplika għall-persuni li, filwaqt li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jirrisjedu fih, għandhom dritt għal pensjoni dovuta abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.


42 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs, fil-kawża Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1997:613, punt 65) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Stewart (C‑503/09, EU:C:2011:159, punt 47).


43 – Ara, b’mod partikolari l-Artikoli 12, 46a, 46b, 46c u 76 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Artikoli 7 sa 10a tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal‑21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l‑proċedura għall‑implementazzjoni tar‑Regolament Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 83).


44 – B’hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1997:613, punt 54), “il-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ [l-Istat tal-aħħar impjieg ta’ persuna] tieqaf milli tkun applikabbli ma jfissirx neċessarjament, u lanqas ordinarjament, li din il-persuna titlef fl-istess ħin id-dritt tagħha għaż-żamma [ta’ benefiċċju li hija kienet tibbenefika minnu mingħand danl-Istat]”.


45 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑347/98, EU:C:2001:236, punt 31).


46 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjoni fis-sentenza da Silva Martins [sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011 (C‑388/09, EU:C:2011:439)], fir-rigward tan-natura esportabbli ta’ benefiċċji intiżi sabiex ikopru r-riskju ta’ dipendenza, li l-persuna kkonċernata kienet bdiet tirċievi mingħand l-istituzzjoni tal-ewwel Stat Membru, wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn it-tieni Stat Membru. Madankollu, hija ma eżaminatx din il-kwistjoni taħt l-angolu tal-Artikolu 19(1) jew tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, iżda taħt dak tal-Artikoli 27 u 28 ta’ dan ir-regolament. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar, li japplikaw għall-“pensjonanti” ma jipprevedux is-sitwazzjoni ta’ L. TolleyL. L. Tolley. Fil-fatt, hija ma kinitx pensjonanta la taħt id-dritt tar-Renju Unit, u lanqas abbażi dak Spanjol.


47 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni tidher li żammet hija wkoll din il-pożizzjoni (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


48 –       Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009 (C‑208/07, EU:C:2009:455, punt 46).


50 – Fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, von Chamier‑Glisczinski (C‑208/07, EU:C:2009:455, punti 44 sa 46), il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ħadet pożizzjoni fir-rigward tal-linja ta’ diviżjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 19(1) u tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, ikkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti kienet ittrasferixxiet ir-residenza tagħha mill-Ġermanja lejn l-Awstrija filwaqt li kienet tibbenefika diġà minn benefiċċji tal-mard Ġermaniżi li tagħhom talbet l-esportazzjoni huwa favur l-applikabbiltà tat-tieni minn dawn id-dispożizzjonijiet.


51 – Sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979 (182/78, EU:C:1979:142, punt 7). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx distinzjoni dwar jekk il-ħaddiem waqafx definittivament jew temporanjament kull attività professjonali.


52 – B’hekk, l-Artikolu 13(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi l-“persuna impjegata” u l-“persuna li taħdem għal rasha”.


53 – Skont il-Gvern tar-Renju Unit, dan japplika mill-ġurnata wara dik li fiha L. TolleyL. L. Tolley stabbilixxiet ir-residenza tagħha hemmhekk (ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


54 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni tidher li ddefendiet l-istess approċċ billi sostniet li l-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprevedix għajr il-persuni ekonomikament attivi, peress li l-persuni ekonomikament inattivi huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.


55 – Huwa previst ukoll l-Istat Membru li fih tinsab “l-istituzzjoni li mingħandha l-persuna kkonċernata hija intitolata jew se tkun intitolata għall-benefiċċji jekk hi […] residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni”.


56 – L-Artikolu 71(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi, essenzjalment, li ħaddiem impjegat fruntalier li jirreġistra għax-xogħol li, matul l-aħħar impjieg tiegħu, kien jirrisjedi fit-territorju “Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti” jibbenefika minn benefiċċji tal-qgħad, kemm mingħand l-istituzzjoni kompetenti (jekk ikun qed jirreġistra għax-xogħol parzjalment jew inċidentalment), u kemm mingħand l-istituzzjoni tal-pajjiż li jirrisjedi fih (jekk ikun qed jirreġistra għax-xogħol kompletament).


57 – Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004 (C‑372/02, EU:C:2004:705, punt 29).


58 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998 (C‑275/96, EU:C:1998:279).


59 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 71).


60 – Barra minn hekk, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jagħmel riferiment, mhux għall-“Istat kompetenti”, iżda għall-Istat Membru li l-ħaddiem ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tiegħu.


61 – Regolament tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 (ĠU L 206, p. 2).


62 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986 (302/84, EU:C:1986:242, punt 15).


63 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Noij (C‑140/88, EU:C:1991:64, punti 9 u 10); tal-21 ta’ Frar 1991, Daalmeijer (C‑245/88, EU:C:1991:66, punti 12 u 13), u tal-10 ta’ Marzu 1992, Twomey (C‑215/90, EU:C:1992:117, punt 10).


64 – F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet tat-Titoli II u III tar-Regolament Nru 1408/71 ma jopponux li persuna li ssib ruħha f’tali sitwazzjoni tiġi suġġetta għad-dritt tal-Istat Membru fejn hija tirrisjedi [ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Noij (C‑140/88, EU:C:1991:64, punt 15)].


65 – Ara t-tielet premessa tar-Regolament Nru 2195/91.


66 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1998:279, punt 40).


67–      Bl-istess mod, ħaddiem vittma ta’ inċident tax-xogħol jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol fi Stat Membru titlef, wara li l-attività professjonali tiegħu tintemm u t-trasferiment tar-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor, il-benefiċċji fir-rigward tal-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard ikkaġunat mix-xogħol min-naħa tal-ewwel Stat Membru abbażi tal-Artikolu 55(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 22(1)(b) ta’ dan ir-regolament, tipprevedi l-ħaddiem li “wara li [sar intitolat] għall-benefiċċji li għandhom ikunu ċċarġjati lill-istituzzjoni kompetenti, [huwa awtorizzat] minn dik l-istituzzjoni biex [jirritorna] fit-territorju ta’ l-Istat Membru fejn [jabita], jew li [jittrasferixxi] r-residenza [tiegħu] fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”.


68 – Ara s-sitt premessa tar-Regolament Nru 1408/71.


69 –       Ara l-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament Nru 1408/71.


70 – Konklużjonijiet fil-Kawża Kuusijärvi (C‑275/96, EU:C:1997:613, punt 65). Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ċaħditx tali approċċ (ara l-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen‑Göbbels (61/65, EU:C:1966:39, p. 399) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Newton (C‑356/89, EU:C:1991:98, punt 23).


71 – Fuq din il-bażi, nikkonstata li l-Upper tribunal (qorti superjuri) ikkunsidra li L. TolleyL. L. Tolley kellha d-dritt sabiex tesporta l-element tad-dipendenza tad-DLA wara t-trasferiment tar-residenza tagħha, minkejja li ma kellhiex awtorizzazzjoni għal dan il-għan [Secretary of State for Work and Pensions vs LT (DLA) [2012] UKUT 282 (AAC), punti 88 u 89].


72 – Din il-kunsiderazzjoni tidher partikolarment rilevanti meta l-Istat debitur tal-benefiċċju inkwistjoni [li huwa l-Istat kompetenti fis-sens tal-Artikolu 22(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71] huwa wkoll l-Istat kompetenti abbażi tar-regoli ta’ kunflitt stabbiliti fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, fis-sens li jkun obbligat, b’mod ġenerali, sabiex isostni l-ispejjeż tal-assigurazzjoni għall-mard relatati mad-deterjorazzjoni fis-saħħa tal-parti kkonċernata. Madankollu dan huwa validu wkoll meta l-Istat debitur ta’ dan il-benefiċċju ma jibqax iktar l-Istat kompetenti abbażi ta’ dawn ir-regoli ta’ kunflitt. Fil-fatt, f’tali każ, l-Istat debitur tal-imsemmi benefiċċju jibqa’, jekk ikun il-każ, marbut sabiex ikompli jħallasha għal perijodu iktar twil bl-applikazzjoni tal-Artikolu 22(1)(b) tal-imsemmi regolament.


73 – Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, stabbilita fl-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tat-23 Ottubru 2003, Inizan (C‑56/01, EU:C:2003:578, punt 24).


74 –       Ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et. (C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).


75 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, EU:C:2008:290, punti 27 sa 31).


76 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak (C‑611/10 u C‑612/10, EU:C:2012:339, punt 57).