Language of document : ECLI:EU:C:2013:720

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Novembru 2013 (*)

“Direttiva 2004/83/KE — Livelli stabbiliti minimi dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti bil-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 10(1)(d) — Sħubija fi grupp soċjali partikolari — Orjentazzjoni sesswali — Raġuni għall-persekuzzjoni — Artikolu 9(1) — Kunċett ta’ ‘atti ta’ ta’ persekuzzjoni’ — Biża’ fondata li jiġi ppersegwitat minħabba s-sħubija fi grupp soċjali partikolari — Atti suffiċjentement serji sabiex ikunu ta’ bażi għal tali biża’ — Leġiżlazzjoni li tikkriminalizza atti omosesswali — Artikolu 4 — Evalwazzjoni individwali tal-fatti u taċ-ċirkustanzi”

Fil-Kawżi magħquda C‑199/12 sa C‑201/12,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 ta’ April 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2012, fil-proċeduri

Minister voor Immigratie en Asiel

vs

X (C‑199/12),

Y (C‑200/12),

u

Z

vs

Minister voor Immigratie en Asiel (C‑201/12),

fil-preżenza ta’:

Hoog Commissariaat van de Verenigde Naties voor de Vluchtelingen (C‑199/12 sa C‑201/12),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X, minn H. M. Pot u C. S. Huijbers, advocaten,

–        għal Y, minn J. M. Walls, advocaat,

–        għal Z, minn S. Sewnath u P. Brochet, advocaten, assistiti minn K. Monaghan u J. Grierson, barristers,

–        għall-Hoog Commissariaat van de Verenigde Naties voor de Vluchtelingen, minn P. Moreau, bħala aġent, assistita minn M.‑E. Demetriou, barrister,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman, C. S. Schillemans, C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Papagianni u M. Michelogiannaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn S. Lee, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, u rettifika, ĠU 2005, L 204, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikolu 10(1)(d) tagħha.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa waħda, fil-Kawżi C‑199/12 u C‑200/12, il-Minister voor Immigratie en Asiel (Ministru tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil, iktar ʼil quddiem il-“Minister”) u X u Y, ċittadini rispettivament tas-Sjerra Leone u tal-Uganda, u min-naħa l-oħra, fil-Kawża C‑201/12, Z, ċittadin tas-Senegal, u l-Minister, fuq ir-rifjut minn dan tal-aħħar tal-applikazzjonijiet tagħhom sabiex jiksbu permess ta’ residenza temporanju (ażil) fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3        Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Serje tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Hija ġiet ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, u li daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, it-terminu “refuġjat” għandu japplika għal kwalunkwe persuna li “minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u ma tistax, jew minħabba f’din il-biża’, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew, billi ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra l-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali minħabba dawn il-ġrajjiet, ma tistax, jew minħabba din il-biża’ ma tkunx trid, tirritorna fih.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

5        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fl-Artikolu 8 tagħha, intitolat “Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja” tipprovdi:

“1.      Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal‑familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.  

2.      M’għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiz, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.”  

6        L-Artikolu 14 tal-KEDB intitlolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“It-tgawdija tad-drittijiet u libertajiet kontemplati f ’din il-Konvenzjoni għandha tiġi assigurata mingħajr diskriminazzjoni għal kull raġuni bħalma huma s-sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.”

7        L-Artikolu 15 tal-KEDB, intitolat “Deroga fi żmien ta’ emerġenza”, jistipula:

“1.      F’każ ta’ gwerra jew ta’ xi periklu pubbliku ieħor li jhedded il-ħajja tan-nazzjon, kull Parti Kontraenti Għolja tista’ tieħu miżuri li jidderogaw mill-obbligi previsti minn din il-Konvenzjoni, sal-punt strettament meħtieġ skont l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, sakemm dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti mal-obbligi l-oħra li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali.

2.      Id-dispożizzjoni ta’ qabel din ma tawtorizza ebda deroga mill-Artikolu 2 [, intitloat “Id-dritt għall-ħajja”], ħlief fil-każijiet ta’ mewt li jirriżultaw minn atti leċiti tal-gwerra, u mill-Artikoli 3 [, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura u ta’ xogħol forzat”], 4(1) [, intitolat “Il-projbizzjoni tal-iskjavitù”] u 7 [, intitolat “Ebda piena mingħajr liġi”].

[...]”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

8        Id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-KEDB huma stabbiliti fl-Artikoli 2, 4, 5(1) u 49(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”).

 Id-Direttiva

9        Skont il-premessa 3 tad-Direttiva, il-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati.

10      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 6(1) TUE, din tirrispetta d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fil-Karta. B’mod partikolari, abbażi tal-Artikoli 1 u 18 tal-Karta, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u għad-dritt ta’ ażil tal-applikanti għal ażil.

11      Il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

“(16)      Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(17)      Huwa meħtieġ li jiddaħħlu kriterji komuni għall-għarfien ta’ applikanti għal kenn (asylum) [ażil] bħala refuġjati fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

12      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva għandha l-għan li tippreskrivi livelli minimi dwar, minn naħa, il-kwalifiki ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat sabiex jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

13      Skont l-Artikolu 2(ċ) u (k) tad-Direttiva, għall-finijiet tagħha:

“ċ)      ‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ bir-raġun li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalita u ma jistax, jew minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]

[...]

k)      ‘pajjiż ta’ oriġini’ ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta’ nazzjonalita jew, għal persuni mingħajr stat, ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

14      L-Artikolu 4 tad-Direttiva jiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u jipprvdi, fil-paragrafu 3:

“L-istima [L-evalwazzjoni] ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi li jitqiesu:

(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ l-oriġin fil-ħin tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni; inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż ta’ l-oriġini u l-manjiera li fiha jiġu applikati;

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti presentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni [...]

(ċ)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, sess u eta, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali ta’ l-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikun jammonta għal persekuzzjoni [...];

[...]”

15      Skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva, il-fatt li applikant diġà ġie ppersegwitat jew kien suġġett għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni, huwa “indikazzjoni serja tal-biża’ bir-raġun [biża’ fondat] ta’ persekuzzjoni”, minbarra jekk ikun hemm raġunijiet tajbin sabiex ikun jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew periklu serju ma jiġix ripetut.

16      L-Artikolu 9 tad-Direttiva jiddefinixxi, fil-paragrafi 1 u 2, l-atti ta’ persekuzzjoni billi jipprovdi:

“1.      Atti ta’ persekuzzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1 [(A)] tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra jridu:

(a)      jkunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom li jikkostitwixxu vjolazzjoni serja [ksur serju] ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet minn liema deroga ma tistax issir skond l-Artikolu 15(2) tal-[KEDB]; jew

(b)      ikunu akkumulu ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet [ksur] ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individu f’manjiera simili kif imsemmi f’(a).

2.      Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta’:

[...]

(ċ)      prosekuzzjoni jew kastig, li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

[...]”

17      L-Artikolu 9(3) tad-Direttiva jirrikjedi l-eżistenza ta’ konnessjoni bejn ir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tagħha u dawn l-atti ta’ persekuzzjoni.

18      L-Artikolu 10 tad-Direttiva, imsejjaħ “Raġunijiet għal persekuzzjoni”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jistmaw [jevalwaw] ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[...]

(d)      grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu ambjent minn fejn ikunu ġew [li huwa ] karatteristiku naturali, jew komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristiku [karatteristika] jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identita jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunsjah, u

–        li grupp għandu identita distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li huwa notat bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru;

skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż tal-orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristiku [karatteristika] komuni ta’ orjentament sesswali. L-orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. [...]

[...]”

19      Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istat Membru għandu jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant jekk dan jissodisfa, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva.

 Id-dritt Olandiż

20      L-Artikolu 28(1)(a) tal-Liġi tal-2000 dwar il-Persuni ta’ Nazzjonalità Barranija (Vreemdelingenwet 2000, Stb. 2000, Nru 495) jagħti s-setgħa lill-Minister li jaċċetta, jirrifjuta jew ma jikkunsidrax l-applikazzjoni għall-għoti ta’ “permess ta’ residenza temporanja”.

21      Skont l-Artikolu 29(1)(a) tal-imsemmija Liġi tal-2000, permess ta’ residenza temporanja, bħal dak fl-imsemmi Artikolu 28, jista’ jingħata lil persuna ta’ nazzjonalità barranija “li tkun refuġjat taħt il-Konvenzjoni [ta’ Genève]”.

22      Il-Linji Gwida tal-2000 fuq il-barranin (Vreemdelingencirculaire 2000), fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fid-data tal-preżentata tal-applikazzjonijiet ikonċernati, jipprovdu, fil-punt C2/2.10.2:

“Meta applikant għal ażil isostni li huwa jew hija ltaqgħet ma’ diffikultajiet minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha (preżunta), huwa possibbli li jiġi konkluż li, f’ċerti ċirkustanzi, li l-persuna kkonċernata tkun refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève. [...]

Jekk hija kwistjoni ta’ repressjoni abbażi ta’ dispożizzjoni kriminali li tikkonerna biss l-omosesswali, din hija att ta’ persekuzzjoni. Dan huwa pereżempju l-każ meta l-fatt li persuna tkun omosesswali jew l-espressjoni ta’ sentimenti speċifikament omosesswali huwa punibbli. Sabiex jiġi konkluż li l-persuna kkonċernata għandha l-kwalità ta’ refuġjat, għandu jkun hemm miżura repressiva ta’ ċerta serjetà. B’hekk multa waħda tkun ġeneralment insuffiċjenti sabiex wieħed jasal għall-konklużjoni li għandu jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

Il-fatt li l-omosesswalità jew l-atti omosesswali huma kkriminalizzati f’pajjiż madankollu ma jfissirx li għandu jiġi konkluż, qabel kollox, li omosesswali li pej minn dan il-pajjiż huwa refuġjat. L-applikant għal ażil għandu juri (jekk huwa possibbli abbażi ta’ dokumenti) li għandu personalment raġunijiet fondati li jibża’ li jkun ippersegwitat.

L-applikanti omosesswali ma humiex mistennija jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom meta huma jirritornaw fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

[...]”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

23      X, Y u Z, imwielda rispettivament fl-1987, fl-1990 u fl-1982, ippreżentaw applikazzjonijiet għal-permess ta’ residenza temporanja (ażil) fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1 ta’ Lulju 2009, fis-27 ta’ April 2011 u fil-25 ta’ Lulju 2010.

24      Insostenn tal-applikazzjonijiet tagħhom, huma sostnew li l-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lilhom għar-raġuni li huma għandhom biża’, ġustament, li jiġu ppersegwitati fil-pajjiż ta’ oriġini rispettivi tagħhom minħabba l-omosesswalità tagħhom.

25      B’mod partikolari, huma sostnew li kienu suġġetti, b’modi differenti, għal reazzjonijiet vjolenti min-naħa tal-familji tagħhom u ta’ dawk ta’ madwarhom jew ta’ atti ta ripressjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-pajjiżi ta’ oriġini rispettivi tagħhom minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

26      Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ X , Y u Z, l-omosesswalità hija ripressa kriminalment. B’hekk, fis-Sjerra Leone (Kawża C‑199/12), skont l-Artikolu 61 tal-Liġi tal-1861 dwar ir-Reati kontra l-Persuna (Offences against the Person Act 1861), l-atti omosesswali huma punibbli b’piena ta’ priġunerija li tvarja minn 10 snin għal għomor il-ħabs. Fl-Uganda (Kawża C‑200/12), skont l-Artikolu 145 tal-Kodiċi Kriminali tal-1950 (Penal Code Act 1950), persuna ħatja ta’ reat deskritt bħala l-“għarfien karnali kontra l-ordni tan-natura” huwa punibbli b’piena ta’ priġunerija li l-piena massima hija għomor il-ħabs. Fis-Senegal (Kawża C‑201/12), skont l-Artikolu 319.3 tal-Kodiċi Kriminali Senegaliż (code pénal sénégalais), persuna misjuba ħatja ta’ atti omosesswali għandha tiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija li tvarja minn sena sa ħames snin u għal multa minn CFA francs (BCEAO) (XOF) 100 000 sa XOF 1 500 000 XOF (madwar EUR 150 sa EUR 2 000).

27      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Marzu 2010, tal-10 ta’ Mejju 2011 u tat-12 ta’ Jannar 2011, il-Minister rrifjuta li jagħti permessi ta’ residenza temporanja (ażil) lil X , lil Y u lil Z.

28      Skont il-Minister, għalkemm l-orjentazzjoni sesswali tal-imsemmija applikanti hija kredibbli, dawn tal-aħħar ma stabbilixxewx b’mod suffiċjenti l-fatti u ċ-ċirkustanzi invokati, u għaldaqstant, ma wrewx li, ladarba jirritornaw lura fil-pajjiżi ta’ oriġini rispettivi tagħhom, huma jkollhom biża’ fondata li jkunu ppersegwitati minħabba s-sħubija fi grupp soċjali partikolari.

29      Wara ċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għal permess ta’ residenza temporanju (ażil), X u Z ippreżentaw rikors quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage. Y ressqet talba għal miżuri provviżorji quddiem din l-istess qorti.

30      B’sentenzi mogħtija fit-23 ta’ Novembru 2010 u fid-9 ta’ Ġunju 2011, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage laqgħet ir-rikors ta’ X u laqgħet l-applikazzjoni ta’ Y. Din il-qorti kkunsidrat, b’mod partikolari, li għalkemm il-Minister seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-istorja tal-applikazzjonijiet ta’ X u ta’ Y ma kinux kredibbli, madankollu, ma kienx ta raġunijiet suffiċjenti, f’kull waħda minn dawn iż-żewġ kawżi, dwar il-kwistjoni jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali fil-pajjiżi ta’ oriġini kkonċernati, il-biża’ ta’ X u Y li jiġu ppersegwitati minħabba l-omosesswalità tagħhom kinitx fondata.

31      B’sentenza tal-15 ta’ Awwissu 2011, ir-Rechtbank ‘s-Gravenhage ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Z. Hija kkunsidrat li mhux biss il-Minister seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-istorja ta’ Z ma kinitx kredibbli, iżda wkoll li mill-informazzjoni u mid-dokumenti prodotti minn Z ma jirriżultax li kien hemm b’mod ġenerali fis-Senegal persekuzzjoni ta’ persuni omosesswali.

32      Il-Minister ippreżenta appell, quddiem ir-Raad van State, miż-żewġ sentenzi li annullaw id-deċiżjonijiet tiegħu li jirrifjuta l-applikazzjonijiet imressqa minn X u Y.

33      Z ippreżenta appell quddiem din l-istess qorti mis-sentenza li ma laqgħetx ir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Minister li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu.

34      Ir-Raad van State ppreċiżat li, fit-tliet kawżi prinċipali, la l-orjentazzjoni sesswali tal-applikanti u lanqas il-fatt li l-Minister seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-istejjer ta’ dawn l-applikazzjonijiet għal ażil ma kinux kredibbli ma huma kkontestati fl-appell.

35      Barra minn hekk, din il-qorti ppreċiżat li l-Minister b’mod partikolari jsostni li, għalkemm ma jistenniex mill-applikanti, skont il-politika stabbilita fil-punt C2/2.10.2 tal-Linji Gwida tal-2000 fuq il-barranin, li huma jaħbu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom fil-pajjiżi ta’ oriġini rispettivi tagħhom, dan ma jfissirx li huma għandhom neċessarjament ikunu ħielsa li jesprimuha pubblikament bl-istess mod bħal fil-Pajjiżi l-Baxxi.

36      Ir-Raad van State irrileva, barra minn hekk, li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjoni sa fejn il-fatt li jgħixu b’mod sħiħ orjentazzjoni sesswali bħal dik li għandhom kemm X, Y u Z huwiex protett mill-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari, li huma fformulati f’termini kważi identiċi f’kull waħda mill-kawżi prinċipali:

“1)      Il-barranin b’orjentazzjoni omosesswali jikkostitwixxu grupp soċjali partikolari fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) [tad-Direttiva ...]?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: liema attivitajiet omosesswali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u, fil-każ ta’ atti ta’ persekuzzjoni kontra dawn l-attivitajiet, jistgħu l-imsemmija atti, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jiġu ssodisfatti, iwasslu għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat? Din id-domanda tinkludi ż-żewġ sottodomandi li ġejjin:

a)      Barranin b’orjentazzjoni omosesswali jistgħu jiġu mistennija li jaħbu l-orjentazzjoni tagħhom minn kulħadd fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom sabiex jevitaw li jiġu ppersegwitati?

b)      Jekk tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, jista’ jiġi mistenni — u f’dan il-każ, sa fejn — li barranin b’orjentazzjoni omosesswali jrażżnu ruħhom fl-espressjoni ta’ din l-orjentazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini sabiex jevitaw li jiġu ppersegwitati? F’dan ir-rigward, jista’ jiġi mistenni li l-omosesswali jrażżnu ruħhom iktar mill-eterosesswali?

c)      Jekk, f’dan ir-rigward, tista’ ssir distinzjoni bejn l-espressjonijiet li jikkonċernaw in-nukleu [il-qalba] tal-orjentazzjoni u l-espressjonijiet l-oħra, x’għandu jinftiehem b’nukleu tal-orjentazzjoni u kif jista’ jiġi stabbilit?

3)      Is-sempliċi penalizzazzjoni tal-attivitajiet omosesswali flimkien mat-theddida ta’ piena ta’ priġunerija, kif previsti mil-[Liġi tal-1861 fuq ir-Reati kontra l-Persuna (Kawża C—199/12), Il-Kodiċi Kriminali [tal-1950] Ugandiż (Kawża C‑200/12) jew il-Kodiċi Kriminali Senegaliż (Kawża C‑201/12)] jikkostitwixxu att ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) tad-Direttiva? Jekk tingħata risposta fin-negattiv, f’liema ċirkustanzi huwa dan il-każ?”

38      Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-19 ta’ Ġunju 2012, il‑Kawżi C‑199/12 P sa C-201/12 P ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

39      Mill-premessi 3, 16 u 17 tad-Direttiva 2004/83 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut tagħha ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z, C‑71/11 u C‑99/11, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandha, għaldaqstant, issir fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tagħha, billi jiġu osservati l-Konvenzjoni ta’ Genève u t-Trattati l-oħra rilevanti msemmija fl-Artikolu 78(1) TFUE. Din l-interpretazzjoni għandha ssir ukoll, kif jirriżulta mill-premessa 10 tal-istess direttiva, billi jiġu rrispettati d-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C-364/11, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel domanda

41      Bl-ewwel domanda tagħha magħmula f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-evalwazzjoni tar-raġunijiet ta’ persekuzzjoni li huma invokati insostenn tal-applikazzjoni għall-ksib tal-istatus ta’ refuġjat, il-persuni omosesswali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw grupp soċjali partikolari.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, ir-refuġjat huwa, b’mod partikolari, ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab barra mill-pajjiż taċ-ċittadinanza tiegħu minħabba f’biża’ fondata li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari, u li ma jistax jew, minħabba f’din il-biża, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż.

43      Iċ-ċittadin ikkonċernat għandu għaldaqstant, minħabba ċ-ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u minħabba l-aġir tal-atturi tal-persekuzzjonijiet, jikkonfronta l-biża’ fondat ta’ persekuzzjoni eżerċitata fuq persuntu għal mill-inqas waħda mir-raġunijiet elenkati fid-Direttiva u fil-Konvenzjoni ta’ Genève, fejn waħda minnhom hija “sħubija ta’ grupp soċjali partikolari”.

44      L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva jiddefinixxi dak li jikkostitwixxi grupp soċjali partikolari, li s-sħubija fih tista’ tagħti lok għal biża reali ta’ persekuzzjoni.

45      Skont it-termini ta’ din id-definizzjoni, grupp huwa kkunsidrat bħala “grupp soċjali partikolari” meta, b’mod partikolari, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi huma ssodisfatti. Minn naħa, il-membri tal-grupp għandhom jaqsmu karatteristika intrinsika jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu wkoll karatteristika jew twemmin li tant huwa fundamentali għall-identità li persuna ma għandhiex tkun obbligata tirrinunzjah. Min-naħa l-oħra, dan il-grupp għandu jkollu l-identità tiegħu proprja fil-pajjiż terz inkwistjoni peress li huwa pperċepit bħala li huwa differenti mis-soċjetà ta’ madwaru.

46      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, huwa paċifiku li l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna tikkostitwixxi karatteristika li tant hija fundamentali għall-identità tagħha li ma għandhiex tkun obbligata li tirrinunzja għaliha. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d), li minnha jirriżulta li, skont il-kundizzjonijiet li jipprevalu fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jkun grupp li l-membri tiegħu għandhom bħala karatteristika komuni orjentazzjoni sesswali.

47      It-tieni kundizzjoni timplika li, fil-pajjiż ta’ oriġini kkonċernat, il-grupp li l-membri tiegħu għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali għandu l-identità proprja tiegħu peress li huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li huwa differenti.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni kriminali bħal dik inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, li speċifikament hija intiża għall-persuni omosesswali, tippermetti li tikkonstata li dawn il-persuni jikkostitwixxi grupp separat li huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwarhom bħala li huwa differenti.

49      Għaldaqstant hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi prinċipali li l-Artikolu 10(1)(1)(d) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni kriminali bħal dawk inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, li hija intiża speċifikament għall-persuni omosesswali, tippermetti li tikkonstata li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw grupp soċjali partikolari.

 Fuq it-tielet domanda

50      Bit-tielet domanda tagħha magħmula f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi fatt li jiġu kriminalizzati l-atti omosesswali flimkien u li din il-kriminalizzazzjoni tiżdied il-piena ta’ priġunerija jikkostitwixxix att ta’ persekuzzjoni. Jekk tingħata risposta fin-negattiv, il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf f’liema ċirkustanzi l-klassifika ta’ att ta’ persekuzzjoni għandu jiġi kkunsidrat.

51      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tad-Direttiva jiddefinixxi l-elementi li jippermettu li l-atti jiġu kkunsidrati bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1A tal-Konvenzjoni ta’ Genève. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva, li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih, jispeċifika li l-atti rilevanti għandhom ikunu serji biżżejjed fin-natura jew repetizzjoni tagħhom sabiex jikkostitwixxu ksur serju ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, b’mod partikolari drittijiet assoluti li fir-rigward tagħhom ebda deroga ma hija possibbli taħt l-Artikolu 15(2) tal-KEDB.

52      Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(b) tad-Direttiva jippreċiża li l-akkumulu ta’ diversi miżuri, inklużi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu b’manjiera simili għal dak indikat fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva għandu wkoll jitqies bħala persekuzzjoni.

53      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex ksur tad-drittijiet fundamentali jikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, dan għandu jilħaq ċertu livell ta’ severità. Mhux kull ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ applikant għal ażil li huwa omosesswali għaldaqstant neċessarjament jilħaq dan il-livell ta’ severità.

54      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet fundamentali speċifikament marbuta mal-orjentazzjoni sesswali inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, li huwa protett mill-Artikolu 8 tal-KEDB, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-Karta, moqri flimkien, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 14 tal-KEDB, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 21(1) tal-Karta, ma humiex fost id-drittijiet fundamentali tal-bniedem li minnhom ebda deroga ma hija possibbli.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi eżistenza ta’ leġiżlazzjoni li tikkriminalizza l-atti omosesswali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jaffettwa l-applikant b’mod tant sinjifikattiv li jilħaq il-livell ta’ severità li huwa neċessarju sabiex jiġi kkunsidrat li din il-kriminalizzazzjoni tikkostitwixxi persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva.

56      Għall-kuntrarju, il-piena ta’ priġunerija li hija miżjuda mad-dispożizzjoni leġiżlattiva li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tikkriminalizza l-atti omosesswali tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva sakemm tkun effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li adotta tali leġiżlazzjoni.

57      Fil-fatt, tali piena bħal din tikser l-Artikolu 8 tal-KEDB, li jikkorrispondi għall-Artikolu 7 tal-Karta, u tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 9(2)(ċ) tad-Direttiva.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta applikant għal ażil jibbaża ruħu , kif inhu l-każ f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, fuq l-eżistenza fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ta’ leġiżlazzjoni li tikkriminalizza atti omosesswali, huwa l-awtoritajiet nazzjonali li jagħmlu, fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħhom tal-fatti u taċ-ċirkustanzi skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, eżami tal-fatti kollha rilevanti rigward dan il-pajjiż ta’ oriġini, inklużi l-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż ta’ oriġini u l-mod kif dawn huma applikati, kif huwa previst fl-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva.

59      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, huma, b’mod partikolari, l-imsemmija awtoritajiet li għandhom jiddeterminaw jekk, fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant, il-piena ta’ priġunerija prevista minn tali leġiżlazzjoni hijiex applikata fil-prattika.

60      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk hemmx lok li jiġi kkunsidrat li, effettivament, l-applikant għandu biża’ fondat li, ladarba jirritorna lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ikun ippersegwitat fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 9(3) tiegħu.

61      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula f’kull waħda mill-kawżi prinċipali li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali ma tikkostitwixxix, bħala tali, att ta’ persekuzzjoni. Għal-kuntrarju, piena ta’ priġunerija li tissanzjona atti omosesswali u li hija effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li jkun adotta tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja, u għaldaqstant tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

62      Permezz tat-tieni domanda tagħha magħmula f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li applikant omosesswali għandu jiġi kkunsidrat bħala li jissieħeb ma’ grupp soċjali partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, għandiex issir distinzjoni bejn l-atti omosesswali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u dawk li ma jaqgħux u għaldaqstant ma jistgħux jagħtu lok għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

63      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li l-qorti tar-rinviju qasmet f’diversi sottodomandi, għandu jiġi osservat li din tirrigwarrda sitwazzjoni fejn, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, l-applikant ma weriex li diġà ġie ppersegwitat jew li diġà kien mhedded direttamment b’persekuzzjoni minħabba s-sħubija tiegħu fi grupp soċjali partikolari li l-membri tiegħu għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali.

64      L-ineżistenza ta’ tali indikazzjoni serja ta’ biża’ fondata ta’ applikanti għal ażil fis-sens tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tispjega n-neċessità tal-qorti tar-rinviju li tkun taf sa fejn huma permess li, meta l-applikant ma jistax jibbaża l-biża’ tiegħu fuq persekuzzjoni diġà mġarrba minħabba s-sħubija tiegħu fl-imsemmi grupp, li tirrikjedi li, ladarba jirritorna lura fil-pajjiż tiegħu, huwa jkompli jevita r-riskju ta’ persekuzzjoni billi jaħbi l-omosesswalità tiegħu jew, għall-inqas, irażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

 Fuq it-tieni domanda a) u b)

65      Bit-tieni domanda tagħha, a) u b), magħmula fi kwalunkwe waħda mill-kawżi prinċipali, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex raġonevoli li wieħed jistenna li, sabiex jevita li jiġi ppersegwitat, applikant għal ażil għandu jaħbi l-omosesswalità tiegħu fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini tiegħu jew ikun irażżan l-espressjoni ta’ din l-orjentazzjoni sesswali. Barra minn hekk, din il-qorti nazzjonali tixtieq tkun taf, jekk ikun il-każ, jekk dan it-trażżin għandux ikun iktar minn dik ta’ persuna b’orjentazzjoni eterosesswali.

66      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, l-orjentazzjoni sesswali ma tistax tinftiehem bħala li tinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali skont il-il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.

67      Barra minn dawn l-atti meqjusa kriminali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10(1)(d) li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi ċerti tipi oħra ta’ atti jew ta’ espressjonijiet marbuta mal-orjentazzjoni sesswali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

68      B’hekk, l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva ma jipprevedix limitazzjonijiet fuq l-attitudni li l-membri tal-grupp soċjali partikolari jistgħu jadottaw dwar l-identità tagħhom jew l-imġiba li jaqgħu jew ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ orjentazzjoni sesswali għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

69      Is-sempliċi fatt li jirriżulta espressament mill-Artikolu 10(1)(b) tad-Direttiva li l-kunċett tar-reliġjon jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni fiċ-ċerimonji ta’ qima privati jew pubbliċi ma jippermettix li jiġi konkluż li l-kunċett ta’ orjentazzjoni sesswali, li jirreferi għalih l-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva, għandu jkopri biss atti marbuta mal-qasam tal-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, u mhux ukoll atti tal-ħajja tagħha fil-pubbliku.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li jkun rikjest mill-membri ta’ grupp soċjali li għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali li huma jaħbu din l-orjentazzjoni imur kontra r-rikonoxximent stess ta’ karatteristika li tant hija fundamentali għall-identità li ma għandhiex tiġi rikjesta mill-persuni kkonċernati li jirrinunzjaw għaliha.

71      Ma huwiex għaldaqstant permess li wieħed jistenna li, sabiex jiġi evitat li jkun ippersegwitat, applikant għal ażil jaħbi l-omosesswalità tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

72      Fir-rigward tat-trażżin mill-persuna, fis-sistema tad-direttiva, l-awtoritajiet kompetenti, meta jevalwaw jekk applikant jibżax b’mod fondat li jiġi ppersegwitat, għandhom ifittxu sabiex jistabbilixxu jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jikkostitwixxux theddida tali li l-persuna kkonċernata jista’ jkollha raġun li tibża’, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li tkun effettivament is-suġġett ta’ atti ta’ persekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Y u Z, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 76).

73      Din l-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju li, f’kull każ, għandha ssir b’viġilanza u prudenza (sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Salahadin Abdulla et, C‑175/08, C‑176/08, C‑178/08 u C‑179/08, Ġabra p. I‑1493, punt 90), tistrieħ biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi skont ir-regoli li jinsabu b’mod partikolari fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (sentenza Y u Z, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 77).

74      Ebda waħda minn dawn ir-regoli ma tindika li, fl-evalwazzjoni tal-importanza tar-riskju li effettivament wieħed iġarrab atti ta’ persekuzzjoni f’kuntest partikolari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-applikant għandu li jevita riskju ta’ persekuzzjoni, b’mod partikolari billi jrażżan l-espressjoni ta’ orjentazzjoni sesswali li huwa jgħix bħala membru ta’ grupp soċjali partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza Y u Z, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 78).

75      Minn dan isegwi li l-persuna kkonċernata għandha tingħata l-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva meta jkun stabbilit li, ladarba tirritorna lura f’pajjiżha, l-omosesswalità tagħha se tesponiha għal riskju reali ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. Il-fatt li hija setgħet tevita r-riskju billi trażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu iktar minn persuna eterosesswali ma għandux, f’dan ir-rigward, jittieħed inkunsiderazzjoni.

76      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda (a) u (b), magħmula f’kull waħda mit-tliet kawżi prinċipali, li l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(c), għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-atti omosesswali kriminali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Meta jevalwaw applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li, sabiex jevita r-riskju ta’ persekuzzjoni, l-applikant għal ażil jaħbi l-omosesswalità tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew irażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

 Fuq it-tieni domanda (ċ)

77      Fid-dawl tar-risposta għad-domanda 2(a), ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda 2(d)(ċ).

78      Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat, konkretament, liema huma l-atti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, ma huwiex rilevanti li ssir distinzjoni bejn l-atti li jippreġudikaw il-qalba tal-espressjoni ta’ orjentazzjoni sesswali, jekk jiġi preżunt li huwa possibbli li jiġi identifikat wieħed, u dawk li ma jaffettwawx din il-preżunta qalba (ara, b’analoġija, is-sentenza Y u Z, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 72).

 Fuq l-ispejjeż

79      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni kriminali bħal dawk inkwistjoni f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, li hija intiża speċifikament għall-persuni omosesswali, tippermetti li tikkonstata li dawn il-persuni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw grupp soċjali partikolari.

2)      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 9(2)(ċ) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi kriminalizzazzjoni ta’ atti omosesswali ma tikkostitwixxix, bħala tali, att ta’ persekuzzjoni. Għall-kuntrarju, piena ta’ priġunerija li tissanzjona atti omosesswali u li hija effettivament applikata fil-pajjiż ta’ oriġini li jkun adotta tali leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala sanzjoni sproporzjonata jew diskriminatorja, u għaldaqstant tikkostitwixxi att ta’ persekuzzjoni.

3)      L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2004/83, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss l-atti omosesswali kriminali taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Meta jevalwaw applikazzjoni għall-istatus ta’ refuġjat, l-awtoritajiet ma jistgħux raġonevolment jistennew li, sabiex jevita r-riskju ta’ persekuzzjoni, l-applikant għal ażil jaħbi l-omosesswalità tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew irażżan l-espressjoni tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.