Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja) fl-14 ta’ Ottubru 2014 – Masterrind GmbH vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas

(Kawża C-469/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Finanzgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Masterrind GmbH

Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Jonas

Domandi preliminari

Id-dispożizzjoni tal-punt 1.4 tal-Kapitolu V tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005, tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 1 , li tipprovdi li wara 14-il siegħa ta’ vjaġġar l-annimali għandhom jingħataw perijodu ta’ mistrieħ ta’ mill-inqas siegħa li jkun biżżejjed għalihom b’mod partikolari sabiex jingħataw likwidi u jekk hemm bżonn ikel u li, wara dan il-perijodu ta’ mistrieħ, dawn l-annimali jkunu jistgħu jiġu ttrasportati għal 14-il siegħa oħra, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi ta’ trasport jistgħu jiġu interrotti wkoll b’perijodu ta’ mistrieħ ta’ iktar minn siegħa jew b’diversi perijodi ta’ mistrieħ li tal-inqas wieħed minnhom ikun ta’ siegħa?

L-aġenzija tal-ħlas tal-Istat Membru individwali hija marbuta bl-entrata tal-veterinarju uffiċjali fil-punt tal-ħruġ skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010, tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport 2 , bil-konsegwenza li l-legalità ta’ rifjut milli ssir entrata hija suġġetta għal stħarriġ biss mill-awtorità li hija responsabbli għall-azzjonijiet tal-veterinarju tal-fruntiera, jew l-entrata li ssir mill-veterinarju uffiċjali ma hija xejn iktar minn att proċedurali tal-awtorità li jista’ jiġi kkontestat biss flimkien mal-appelli li jistgħu jsiru kontra d-deċiżjonijiet sostantivi tal-aġenzija tal-ħlas?

____________

1 ĠU L 3, p. 1.

2 ĠU L 245, p. 16.