Language of document : ECLI:EU:T:2005:284

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Lulju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali TOP – Rifjut ta’ reġistrazzjoni– Artikolu 115(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Kunċett ta’ ‘komunikazzjonijiet bil-miktub’ – Ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94"

Fil-kawża T-242/02,

The Sunrider Corp., stabbilità fi Torrance, il-Kalifornja (l-Istati Uniti ta’ l-Amerika), irrappreżentata fil-bidu minn M. Bra, imbagħad minn N. Dontas, Avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), irrappreżentat minn O. Waelbroeck u P. Geroukalos, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-30 ta’ Mejju 2002 (kawża R 314/1999-1), dwar talba għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali TOP bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA
                   TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur : H. Jung,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fl-14 ta’ Awwissu 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fl-20 ta’ Diċembru 2002,

wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fil-21 ta’ Awwissu 1997, ir-rikorrenti, kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI).

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali TOP. Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 5 u 29 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–       klassi 5 : "Ikel fi kapsoli jew fi trab bil-bażi ta’ ħxejjex; supplimenti nutrizzjonali bi bażi ta’ ħxejjex" ;

–       klassi 29 : "Supplimenti nutrizzjonali b’bażi ta’ ħxejjex".

3       L-applikazzjoni ġiet ippreżentata bil-Grieg, bl-Ingliż indikat bħala t-tieni lingwa.

4       B’ittra tad-19 ta’ Marzu 1998, miktuba bl-Ingliż, l-eżaminatur għarraf lir-rikorrenti li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma tidhirx li tista’ tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja, skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L. 11, p. 1).

5       Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fid-19 ta’ Mejju 1998. Dawn kienu miktubin bl-Ingliż. Ir-rikorrenti indikat, b’mod partikolari li, it-trade mark tagħha kellha karattru distintiv minħabba l-użu mondjali tagħha u li għalhekk hija kellha, tiġi aċċettata għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. Hija sostniet ukoll li t-trade mark TOP diġa kien irreġistrat fil-Kanada, fl-Ungerija, fl-Irlanda, fil-Korea, fit-Tajlandja kif ukoll fl-Istati Uniti u li applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kienu ġew ippreżentati f’Ħong Kong, fl-Indoneżja, fil-Malasja u fir-Renju Unit. B’sostenn għall-allegazzjonijiet tagħha, hija hemżet kopji ta’ numru ta’ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni kif ukoll dokumenti oħra differenti miktuba bl-Ingliż jew akkumpanjati minn traduzzjoni f’din il-lingwa.

6       B’faks tad-9 ta’ April 1999, l-eżaminatur innotifika lir-rikorrenti d-deċiżjoni, ta’ l-istess ġurnata, dwar l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni. Din id-deċiżjoni, miktuba bl-Ingliż, indikat li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet ġiet miċħuda minħabba illi din mhijiex ta’ karattru distintiv skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 u li hija kienet tiddeskrivi l-prodotti koperti, skond l-Artikolu 7(1)(c) ta’ l-istess Regolament. Id-deċiżjoni indikat ukoll li l-elementi ta’ prova ppreżentati mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi stabbilit li t-trade mark in kwistjoni kienet akkwistat karattru distintiv taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

7       Fis-7 ta’ Ġunju 1999, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-9 ta’ April 1999. Dan l-appell kien miktub bl-Ingliż.

8       Fid-9 ta’ Awwissu 1999, ir-rikorrenti ppreżentat risposta bil- Grieg li tispjega l-motivi ta’ l-appell u li magħha hija hemżet verżjoni tradotta bl-Ingliż, fejn tippreċiża, fl-ittra mehmuża, li l-lingwa tal-proċedimenti tar-reġistrazzjoni kienet il-Grieg u li t-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ din ir-risposta hija mogħtija biss biex tiffaċilita l-qari.

9       B’ittra tat-3 ta’ April 2000, ir-relatur f’din il-kawża quddiem il-Bord ta’ l-Appell, is-Sur K., stieden lir-rikorrenti, minn naħa, tikkummenta fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ "komunikazzjonijiet bil-miktub" ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 u biex tippreċiża jekk l-użu ta’ l-Ingliż matul il-proċedimenti quddiem l-eżaminatur ħoloqlux inkovenjenzi u, min-naħa l-oħra, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94. Ir-rikorrenti kienet ukoll infurmata li hija setgħet tippreżenta elementi ġodda ta’ prova sabiex issostni l-argument tagħha bbażat fuq l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz ta’ l-użu skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

10     Permezz ta’ faks ta’ l-1 ta’ Ġunju 2000, miktuba bl-Ingliż, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Bord ta’ l-Appell elementi ġodda taħt l-Artikolu 7(1)(b) u l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 u pproduċiet dokumenti differenti, kollha miktuba bl-Ingliż.

11     Bl-ittra tat-23 ta’ Mejju 2001, miktuba bl-Ingliż, is-Sinjura M. infurmat lir-rikorrenti li issa hija kienet inkarigata bil-kawża bħala relatur u li, fl-istess ġurnata, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 216/96 tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipola r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI (ĠU L 28, p. 11), hija kienet stiednet lill-President ta’ l-UASI jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-interpretazzjoni ta’ l-espressjoni "komunikazzjonijiet miktuba" li tinsab fl-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq il-konsegwenzi li jinvolvi, fir-rigward ta’ l-UASI, l-għarfien ta’ obbligu, fil-proċedimenti ex parte, li huwa jinnotifika d-deċiżjonijiet tiegħu fil-lingwa li tkun intużat meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark.

12     Fl-14 ta’ Frar 2002, il-Viċi-President ta’ l-UASI inkarigat mill-kwistjonijiet ġuridiċi ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 216/96. Dawn l-osservazzjonijiet, miktuba bl-Ingliż, ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fil-15 ta’ Frar 2002. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha sa mhux iktar tard mit-18 ta’ April 2002. Dan l-invit ma ġiex differit.

13     B’deċiżjoni ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-30 ta’ Mejju 2002, mogħtija fil-kawża R 314/1999-1 (iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), l-appell ġie miċħud.

14     F’din id-deċiżjoni, il-Bord ta’ l-Appell, l-ewwel nett, ikkunsidra billi rrefera, b’mod partikolari, għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Kik vs L-UASI (T-120/99, Ġabra p. II-2235, punt 61), li l-possibbiltà mogħtija lill-UASI permezz ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 li jibgħat komunikazzjonijiet bil-miktub lill-applikant għal trade mark Komunitarja fit-tieni lingwa indikata minnu kellha tiġi interpretata b’mod ristrettiv, u li din ma tkoprix l-atti ta’ proċedura ta’ natura deċiżjonali (punti 20 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, huwa kkonstata li f’din il-kawża, l-eżaminatur kiser l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 billi nnotifika lir-rikorrenti d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura ta’ eżami ta’ l-applikazzjoni għal trade mark bl-Ingliż meta din l-applikazzjoni kienet ġiet ippreżentata bil-Grieg. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell qis li l-użu ta’ l-Ingliż ma ppreġudikax id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress illi hija stess kienet użat din il-lingwa fil-korrispondenza tagħha ma’ l-eżaminatur u, sussegwentement, fl-appell tagħha.

15     It-tieni nett, il-Bord ta’ l-Appell annulla d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tad-drittijiet tad-difiża fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u ordna li l-ispejjeż ta’ l-appell ikunu mħallsa lura. B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord ta’ l-Appell eżamina l-merti ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tar-rikorrenti u ċaħad din l-applikazzjoni minħabba n-natura deskrittiva u minħabba n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u minħabba n-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li din kienet akkwistat karattru distintiv permezz ta’ l-użu.

 It-talbiet tal-partijiet

16     Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata ħlief għall-parti fejn din tilqa’ t-talba tagħha li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur tad-9 ta’ April 1999 u tordna l-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ l-appell;

–       tikkundanna lill-UASI jħallasha lura l-ispejjeż tat-traduzzjoni li hija sostniet fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-eżaminatur u quddiem il-Bord ta’ l-Appell;

–       alternattivament, tikkundanna lill-UASI jikkumpensha għad-dannu li hija sostniet minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell;

–       tikkundanna, f’kull każ, lill-UASI jbati l-ispejjeż, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appel.

17     L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talbiet għal annullament

18     L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, ħames motivi b’sostenn għat-talbiet tagħha għal annullament. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka t-tul eċċessiv tal-proċedimenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94.

19     Alternattivament, ir-rikorrenti tinvoka s-sitt motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

20     Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija, l-ewwel nett, ivvizzjata bi żball tad-dritt f’dak illi l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, b’mod żbaljat, li ma kienx hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur minħabba ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94, għar-raġuni li l-użu tal-lingwa Ingliża f’din id-deċiżjoni, kif ukoll matul il-proċedimenti quddiem l-eżaminatur, ma effetwatx id-drittijiet tagħha tad-difiża. Hija ssostni li l-użu tal-lingwa Ingliża kienet imposta mill-UASI, filwaqt li l-lingwa tal-proċedimenti kienet il-Grieg. Dan kellu bħala konsegwenza li jagħmel iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża u li jobbligha tittraduċi d-dokumenti tal-proċedura kollha, li kkawżalha spejjeż supplementari.

21     It-tieni nett, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tar-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura, safejn il- Bord ta’ l-Appell stess kompla jindirizzaha bl-Ingliż. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tenfasizza li l-ittra tat-3 ta’ April 2000, li permezz tagħha l-ewwel relatur tal-kawża stiedinha tieħu pożizzjoni fuq ċertu numru ta’ mistoqsijiet, dwar il-portata ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 u l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (c) u ta’ l-Artikolu 7(3) ta’ l-istess Regolament, kienet miktuba bl-Ingliż. Bl-istess mod, hija tirrimarka li l-ittra tat-23 ta’ Mejju 2001, li permezz tagħha ir-relatur il-ġdid tal-kawża infurmatha li talba għal osservazzjonijiet skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 216/96 kienet ġiet indirizzata lill-President ta’ l-UASI, kif ukoll in-nota ta’ l-14 ta’ Frar 2002, adottata minn din ta’ l-aħħar bi tweġiba għal din it-talba, kienu wkoll miktubin bl-Ingliż.

22     Quddiem l-użu sistematiku tal-lingwa Ingliża mill-Bord ta’ l-Appell fil-komunikazzjonijiet tiegħu mar-rikorrenti, din ta’ l-aħħar ikkunsidrat li hija kienet obbligata twieġeb bl-Ingliż.

23     Għalhekk, il-proċedimenti tkomplew b’lingwa differenti minn dik tal-proċedimenti, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, billi tipprevedi li l-UASI jista’ jibgħat komunikazzjonijiet bil-miktub lill-applikant fit-tieni lingwa indikata minnu, tirreferi biss għall-ittri mehmuża jew għall-komunikazzjonijiet li ma jipproduċux effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ l-applikant u li ma jaffettwaw bl-ebda mod id-drittijiet tiegħu tad-difiża. Dan ma japplikax, f’din il-kawża, għall-ittra tat-3 ta’ April 2000, li tistieden lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq aspetti differenti tal-kawża u tipproduċi dokumenti ġodda, u għan-nota ta’ l-14 ta’ Frar 2002 ta’ l-Uffiċċju tal-President ta’ l-UASI.

24     L-UASI josserva, essenzjalment, li l-aġir tar-rikorrenti, kemm matul il-fażi ta’ l-eżami tat-talba tagħha għal reġistrazzjoni kif ukoll matul il-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ammonta għal kunsens min-naħa tagħha f’dak li jikkonċerna l-użu tal-lingwa Ingliża.

25     Fil-fatt, mhux biss ir-rikorrenti qatt ma opponiet għal fatt li l-eżaminatur jikkorrispondi magħha bl-Ingliż, iżda hija stess konstantament indirizzat lill-eżaminatur f’din il-lingwa. Huwa biss fl-ittra tad-9 ta’ Awwissu 1999, li tesponi l-motivi ta’ l-appell mid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur, li r-rikorrenti għall-ewwel darba ilmentat dwar l-użu tal-lingwa Ingliża fil-korrispondenza tagħha ma’ l-UASI u talbet li tintuża l-lingwa Griega. Minbarra dan, anki wara din id-data, ir-rikorrenti kompliet tindirizza lill-Bord ta’ l-Appell bl-Ingliż.

26     L-UASI jfakkar ukoll li, fil-punt 61 tas-sentenza tagħha Kik vs L-UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Prim’ Istanza kkunsidrat li l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 jiggarantixxi l-użu tal-lingwa li intużat meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark bħala l-lingwa tal-proċedimenti, u, għaldaqstant, bħala l-lingwa li fiha l-atti ta’ proċedura ta’ natura deċiżjonali għandhom jitħejjew. Issa, f’din il-kawża, skond l-UASI, l-uniku att ta’ natura deċiżjonali adottat wara li r-rikorrenti talbet għall-ewwel darba li tintuża l-lingwa tal-proċedimenti huwa d-deċiżjoni kkontestata li ġiet miktuba bil-Grieg.

27     Fl-aħħar, l-UASI jikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża kien ġie ostakolat bl-użu tal-lingwa Ingliża. Fil-fatt, minn naħa waħda, mill-iskambju ta’ korrispondenza bejn l-awtoritajiet ta’ l-UASI u r-rikorrenti jirriżulta li kemm din ta’ l-aħħar, li hija kumpannija Amerikana, kif ukoll ir-rappreżentant tagħha jifmhu bl-Ingliż. Min-naħa l-oħra, mill-fatt li l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati mir-rikorrenti kif ukoll li l-biċċa l-kbira tad-dokumenti mressqa minn din ta’ l-aħħar quddiem l-UASI kienu mħejjija bil-lingwa Ingliża jirriżulta li l-użu ta’ din il-lingwa kien jikkostitwixxi fil-fatt l-iktar għażla prattika għar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

28     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti separati. Minn naħa, hija tikkontesta l-motivi li wasslu lill-Bord ta’ l-Appell jikkonkludi li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża, l-illegalità mwettqa mill-eżaminatur billi adotta d-deċiżjoni tiegħu bl-Ingliż ma twassalx ghall-annullament tagħha minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, hija tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell aċċetta interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94.

29     F’dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, għandu jingħad li l-Bord ta’ l-Appell annulla d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur, għal motivi oħra għajr il-ksur tas-sistema lingwistika tal-proċedura, u li huwa stess eżamina l-merti ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li wasslet għal din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi u b’kunsiderazzjoni għall-fatt li r-rikorrenti ma sostnietx li l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur ibbażat fuq il-konstatazzjoni tal-ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 kellu jwassal lill-Bord ta’ l-Appell jirrinvija l-kawża lill-eżaminatur flok jipproċedi bl-eżami tal-merti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti m’għandha l-ebda interess li l-Qorti tal-Prim’ Istanza tikkunsidra jekk il-Bord ta’ l-Appell żbaljax meta astjena milli jibbaża l-annullament ta’ din id-deċiżjoni fuq il-konstatazzjoni hawn fuq imsemmija. Konsegwentement, dan l-ilment huwa inammissibbli.

30     Madankollu, hija l-Qorti tal-Prim’ Istanza li għandha teżamina jekk il-fatt li d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur ġiet innotifikata lir-rikorrenti f’lingwa differenti minn dik tal-proċedura setax jaffettwa l-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-dritt tagħha għal appell u tad-drittijiet tagħha tad-difiża matul il-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell u, għalhekk, fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

31     Dwar it-tieni llment, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li, l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94, li jistabbilixxi s-sistema lingwistika applikabbli għall-proċedimenti exparte quddiem l-UASI, jindika bħala l-lingwa tal-proċedimenti l-lingwa li tkun intużat meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. L-istess dispożizzjoni tagħti lill-UASI l-possibbiltà li tibgħat komunikazzjonijiet bil-miktub lill-applikant fit-tieni lingwa indikata minnu, jekk l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja kienet saret f’lingwa li mhijiex waħda minn dan ta’ l-UASI.

32     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2003, mogħtija fuq appell fil-kawża Kik vs L-UASI (C-361/01 P, Ġabra p. I-8283), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li mill-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-possibbiltà li tintuża t-tieni lingwa indikata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni sabiex jiġu indirizzati komunikazzjonijiet bil-miktub lill-applikant hija eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ l-użu tal-lingwa tal-proċedimenti u li l-kunċett ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’mod ristrettiv (punt 45 tas-sentenza). Wara hija affermat li billi l-proċedimenti jinkludu l-atti kollha flimkien li għandhom jitwettqu fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni, jirriżulta li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ "atti ta’ proċedura", skond l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-atti kollha meħtieġa jew previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, kif ukoll dawk li huma neċessarji għal dan l-ipproċessar, kemm jekk dawn jirrigwardaw notifiki, talbiet għal korrezzjoni, kjarifiki jew atti oħra. Dawn l-atti kollha għandhom għalhekk jitħejjew mill-UASI fil-lingwa li tkun intużat meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni (punt 46 tas-sentenza). Għall-kuntrarju ta’ l-atti ta’ proċedura, il-"komunikazzjonijiet bil-miktub" imsemmija fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94 huma l-komunikazzjonijiet kollha li l-kontenut tagħhom mhuwiex simili għal att ta’ proċedura, bħad-dokumenti li permezz tagħhom l-UASI jittrażmetti atti ta’ proċedura jew li permezz tagħhom jikkomunika informazzjonijiet lill-applikanti (punt 47 tas-sentenza).

33     Huwa fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni li jeħtieġ, f’din il-kawża, li jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata bi ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94.

34     F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, li l-komunikazzjoni ta’ l-ewwel relatur fil-kawża, is-Sur K., tat-3 ta’ April 2000, li tistieden lir-rikorrenti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ċertu mistoqsijiet imqajjma permezz ta’ l-appell u tipproduċi elementi ġodda ta’ prova, taqa’ inkontestabbilment taħt il-kunċett ta’ "atti ta’ proċedura" għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94, definit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 46 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs L-UASI, iċċitata iktar ‘il fuq.

35     Fil-fatt, kuntrarjament għall-komunikazzjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 tas-Sinjura M., li tillimita ruħha tinforma lir-rikorrenti fuq l-istat tal-proċedura u fuq il-passi meħuda sabiex jiġi pproċessat l-appell tagħha, il-komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2000, adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 216/96, kienet intiża sabiex titlob osservazzjonijiet supplementari fuq is-sistema lingwistika tal-proċedimenti mir-rikorrenti u sabiex tiġi kkompletata l-istruttorja tal-kawża.

36     Minħabba n-natura ta’ din l-imsemmija komunikazzjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi bagħat din il-komunikazzjoni lir-rikorrenti f’lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, il-Bord ta’ l-Appell naqas li josserva s-sistema lingwistika applikabbli, skond l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94, għall-proċedimenti ex parte quddiem l-UASI. Il-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell hija, għalhekk, ivvizzjata b’irregolarità.

37     Barra minn hekk, in-nota ta’ l-14 ta’ Frar 2002 fiha l-osservazzjonijiet tal-Viċi-President ta’ l-UASI, mitluba skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 216/96, skond liema l-Bord ta’ l-Appell jista’, fuq inizjativa tiegħu jew fuq talba bil-miktub u mmotivata mill-President ta’ l-Uffiċċju, jistieden lil dan jippreżenta bil-miktub jew oralment l-osservazzjonijiet tiegħu fuq domandi ta’ interess ġenerali li jqumu fil-kuntest ta’ proċedimenti pendenti quddiemu. Għandu jiġi kkunsidrat li din in-nota, minkejja li hija dokument intern ta’ l-UASI, tikkostitwixxi att ta’ proċedura fis-sens ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 46 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs L-UASI, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, safejn it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 216/96 tiddisponi li l-partijiet għandhom id-dritt jieħdu pożizzjoni fuq l-osservazzjonijet mitluba skond l-ewwel sentenza ta’ l-istess Artikolu, dawn l-osservazzjonijiet jikkostitwixxu teħid ta’ pożizzjoni ta’ l-UASI li fir-rigward tagħhom huma eżerċitati d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet u li l-partijiet għandhom, għaldaqstant, id-dritt li jirċievuhom fil-lingwa tal-proċedimenti.

38     Minn dan jirriżulta li, f’din il-kawża, il-Bord ta’ l-Appell, billi indirizza lir-rikorrenti n-nota ta’ l-14 ta’ Frar 2002 f'lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, irrepeta l-irregolarità li biha l-komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2000 hija vvizjata.

39     Huwa neċessarju, f’dan l-istadju, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, jistax jiġi konkluż li l-irregolaritajiet ikkonstatati fil-punti 37 u 39 iktar ‘il fuq affettwaw konkretament id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Bl-istess mod għandu jiġi evalwat jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema miżura, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur ġiet innotifikata lir-rikorrenti f’lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, anki jekk, manifestament, att ta’ natura deċiżjonali ma jistax jiġi mqabbel ma’ "komunikazzjoni miktuba" fis-sens ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs L-UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, setax jinterferixxi ma’ l-eżerċizzju mir-rikorrenti tad-dritt tagħha ta’ appell.

40     F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat, li, fit-talbiet tagħha tad-9 ta’ Awwissu 1999, li jindikaw il-motivi ta’ l-appell mid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur, ir-rikorrenti eżaminat b’mod komplet il-kontenut tad-deċiżjoni meħuda, billi puntwalment wieġbet għall-aspetti differenti tar-raġunament li jsostni d-dispożitiv tagħha. Għalhekk hija qajjmet fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, minnbarra l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 115(4) tar-Regolament Nru 40/94, żewġ motivi bbażati fuq ksur tar-rekwiżiti essenzjali tal-proċedura, relatati rispettivament mal-ksur tad-dritt tagħha ta’ smigħ u man-natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni, kif ukoll żewġ motivi fuq il-merti, intiżi sabiex tiġi kkontestata l-evalwazzjoni ta’ l-eżaminatur fuq in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u n-nuqqas ta’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

41     Jirriżulta minn dawn it-talbiet li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem kompletament il-motivi kollha tad-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur u, għalhekk, li twieġeb għalihom fil-kuntest ta’ l-appell tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi konkluż li l-fatt li r-rikorrenti ġiet innotifikata bid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur miktuba f’lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti effettwa konkretament l-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ appell jew renda dan l-eżerċizzju iktar diffiċli jew li dan il-fatt b’xi mod jew ieħor interferixxa ma’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha tad-difiża matul il-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

42     It-tieni nett, fir-rigward tal-komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2000 tas-Sur K., għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti wieġbet għal din il-komunikazzjoni permezz ta’ faks fl-1 ta’ Ġunju 2000, billi wieġbet fuq il-punti kollha li kienu ġew indirizzati lilha. Minn naħa, hija kkontestat kemm ir-rilevanza kif ukoll il-fondatezza ta’ l-osservazzjonijiet tar-relatur fuq il-ksur mill-eżaminatur tas-sistema lingwistika tal-proċedimenti. Min-naħa l-oħra, hija rrifjutat l-approċċ sostnut mir-relatur fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tagħha li tinstema’ u spjegat ir-raġunijiet għalfejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma setetx tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva. Minbarra dan, hija ħadet l-opportunità li ġiet mogħtija li tippreżenta dokumenti ġodda intiżi sabiex juru li t-trade mark in kwistjoni kient akkwistat karattru distintiv permezz ta’ l-użu.

43     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni kemm li tifhem kompletament il-portata tal-kwistjonijiet imqajjma fil-komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2000 kif ukoll li teżerċita l-possibbiltà li ġiet mogħtija lilha li tressaq provi ġodda.

44     Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna, in-nota ta’ l-14 ta’ Frar 2002, li fiha l-osservazzjonijiet mitluba mill-Bord ta’ l-Appell skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 216/96, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti, meta ġiet mistiedna tieħu pożizzjoni fuq din in-nota, asteniet milli tagħmel dan. Issa, indipendentament mill-kwistjoni dwar jekk tali astensjoni tirriżultax mill-fatt li din in-nota kienet ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fi lingwa li mhijiex il-lingwa tal-proċedimenti, għandu jiġi nnotat li l-Bord ta’ l-Appell ma segwiex l-interpretazzjoni proposta mill-Uffiċċju tal-President ta’ l-UASI. Għalhekk, anki kieku wieħed kellu jissupponi li, minħabba l-lingwa li fiha din in-nota kienet miktuba, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem kompletament il-kontenut, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt ma setax fl-ebda każ jaffettwa d-difiża tagħha.

45     Fid-dawl tal-kunisderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li, minkejja l-irregolaritajiet proċedurali mwettqa mill-Bord ta’ l-Appell, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx ippreġudikati f’dan il-każ.

46     Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell

 L-argumenti tal-partijiet

47     Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (ECHR), iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, safejn din tipprovdi li l-kawżi għandhom jiġu deċiżi fi żmien raġonevoli. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-UASI, peress illi dawn jeżerċitaw funzjonijiet ġuridiċi u huma għaldaqstant, obbligati jirrispettaw prinċipji poċedurali tad-dritt Komunitarju, li fosthom hemm dak dwar l-osservanza ta’ żmien raġonevoli.

48     Ir-rikorrenti tosserva li, f’din il-kawża, l-appell mid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ġie ppreżentat fis-7 ta’ Ġunju 1999 u li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-30 ta’ Mejju 2002 u kkomunikata lir-rikorrenti fl-24 ta’ Ġunju 2002, jiġifieri iktar minn sentejn minn wara li tressaq l-appell. Dan it-tul huwa eċċessiv, u l-iktar għaliex dawn kienu proċedimenti ex parte.

49     Skond ir-rikorrenti, tali tul għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

50     L-UASI jikkontesta l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 6 ta’ l-ECHR għall-Bordijiet ta’ l-Appell. Jekk huwa veru li r-Regolament Nru 40/94 jeżiġu l-membri tagħhom jippreżentaw numru ta’ garanziji ta’ indipendenza, il-Bordijiet ta’ l-Appell huma biss awtorità finali ta’ l-UASI, u huma parteċipi minn natura tagħhom stess bħala organu amministrattiv responsabbli għat-tmexxija tas-sistema tat-trade marks Komunitarji. Għalhekk, l-appell lil wieħed minn dawn il-bordijiet huwa pjuttost appell amministrattiv intern milli rimedju ġuridiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

51     Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ l-osservanza ta’ tul ta’ żmien raġonevoli, stipulat, bħala komponent tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000, C 364, p. 1), huwa obbligatorju f’kull proċedura amministrattiva Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T-18/96, Ġabra p. II-1739; tas-7 ta’ Ottubru 1999, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, T-228/97, Ġabra, p. II-2969, punt 276, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni; tat-30 ta’ Settembru 2003, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il-Kummissjoni, T‑196/01, Ġabra p. II-3987, punt 229, dwar proċedura ta’ kkanċellar ta’ fondi strutturali; tat-30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il-Kumissjoni, T‑197/00, ĠabraFP p. I-A-69 u II‑325, punt 91, u tat-12 ta’ Settembru 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑259/97, ĠabraFP p. I-A-169 u II-773, punt 123, dwar proċedimenti dixxiplinari fir-rigward ta’ uffiċjali Komunitarji).

52     Dan il-prinċipju għandu għaldaqstant jiġi applikat ukoll lill-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet differenti ta’ l-UASI, inkluż quddiem il-Bordijiet ta’ l-Appell.

53     Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, il-ksur tal-prinċipju ta’ l-osservanza ta’ tul ta’ żmien raġonevoli, fuq l-ipoteżi li dan huwa stabbilit, ma jiġġustifikax annullament awtomatiku tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54     Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-tieni motiv, safejn dan huwa invokat mir-rikorrenti b’sostenn għat-talbiet tagħha għal annullament, għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

55     Minbarra dan, f’każ bħal dan f’din il-kawża, li fih l-UASI irċieva applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, l-applikant m’għandu l-ebda interess li l-Qorti tal-Prim’ Istanza, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell li tikkonferma r-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, tannulla din id-deċiżjoni għar-raġuni biss li din ġiet adottata wara li għadda tul ta’ żmien raġonevoli. Fil-fatt, tali annullament itawwal biss iktar it-teħid ta’ pożizzjoni ta’ l-UASI fuq l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata, u dan b’detriment għall-applikant.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

56     Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell kiser l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, safejn, sabiex isostni l-evalwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, huwa bbaża ruħu, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq ir-riżultati ta’ riċerka mwettqa fuq l-Internet li ma ġewx ikkomunikati minn qabel lir-rikorrenti.

57     L-UASI josserva li l-elementi msemmija fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata jilgħabu biss rwol komplimentari fir-raġunament adottat mill-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tan-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark in kwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

58     Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta’ l-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet kellhom l-opportunità jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

59     Skond din id-dispożizzjoni, Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI jista’ jibbaża d-deċiżjoni tiegħu biss fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li fuqhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs L-UASI, C-447/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42). Konsegwentement, fil-każ fejn il-Bord ta’ l-Appell jiġbor ex uffiċio elementi ta’ fatti intizi sabiex iservu ta’ bażi għad-deċiżjoni tiegħu, huwa għandu l-obbligu li jikkomunikhom lill-partijiet sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza KWS Saat vs L-UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43).

60     F’din il-kawża, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell jirrileva li "l-prodotti li huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni jagħmlu parti mill-kategorija ta’ prodotti ta’ l-ikel għas-saħħa, kategorija li fiha kliem bħal ‘top’ huma użati b’mod komuni fil-parti anglofona tal-Komunità biex jippreżentaw lista ta’ ‘top products’, kif jirriżulta minn riċerka ta’ malajr fuq l-internet". L-indirizz tas-sit Internet li fih din ir-riċerka ġiet mwettqa huwa wara indikat.

61     Issa, huwa kostanti li l-Bord ta’ l-Appell ma kkomunikax lir-rikorrenti la l-kontenut ta’ dan is-sit Internet lanqas ir-riżultati tar-riċerka msemmija fil-punt imsemmi hawn fuq tad-deċiżjoni kkontestata.

62     B’dan il-mod, huwa kiser it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73, tar-Regolament Nru40/94.

63     Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li "l-kelma ‘top’ tikkostitwixxi, bħalissa, isem ġeneriku, komuni jew użat ta’ spiss fil-qasam tal-prodotti in kwistjoni, bl-istess mod bħal kliem ‘best’ ‘excellent’ u ‘super’". Fil-punt 46, huwa kkunsidra li "l-kelma ‘top’ intużat biss sabiex tinforma lill-pubbliku kkonċernat fuq wieħed mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni, jiġifieri li dan kien wieħed mill-aħjar supplimenti nutrizzjonali fis-suq" u kkonkluda li, "konsegwentement, il-pubbliku kkonċernat li jiltaqgħa mal-prodotti u s-servizzi in kwistjoni jagħti lill-kelma ‘top’ biss it-tifsira evidenti deskritta hawn fuq u ma jqisix bħala trade mark".

64     Dawn il-motivi, li huma bbażati fuq raġunament awtonomu meta mqabbel mar-referenza għar-riżultati tar-riċerka fuq l-Internet imsemmija fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, raġunament li kien ġa magħruf mir-rikorrenti peress illi dan kien adottat mill-eżaminatur, huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

65     Il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 45 tad-deċizjoni kkontestata u li tirriżulta mir-riċerki mwettqa mill-Bord ta’ l-Appell, skond liema l-kliem bħal "top" huma użati ħafna fir-rigward tal-prodotti kkonċernati biex jippreżentaw lista ta’ "top products", sservi biss biex tikkorabbora l-konklużjoni li l-kelma "top" tikkostitwixxi isem ta’ użu komuni jew użat ta’ spiss fl-oqsma tal-prodotti in kwistjoni u, għalhekk, ma tikkostitwixxix element neċessarju tal-motivazzjoni għar-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

66     Minn dan jirriżulta li l-irregolarità li biha huwa vvizzjat il-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 73, tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex tali li twassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza KWS Saat vs L-UASI, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 50, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-31 ta’ Marzu 2004, Fieldturf vs L-UASI (LOOKS LIKE GRASS… FEELS LIKE GRASS… PLAYS LIKE GRASS), T‑216/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41].

67     Għalhekk, it-tielet motiv invokat mir-rikorrenti b’sostenn għat-talbiet tagħha għal annullament ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

68     Ir-rikorrenti ssostni li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata fihom biss affermazzjonijiet vagi u indeterminati, li ma jistawx jikkorabboraw il-konklużjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell rigward il-karattru allegatament deskrittiv u n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

69     F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-parti tal-motivi ddedikata għall-analiżi tal-karattru distintiv tas-sinjal in kwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha biex tressaq elementi li joħorġu minn eżami taħt l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, mingħajr ma tiżvilluppa raġunament awtonomu f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan l-istess Regolament, u dan kuntrarjament għal dak li huwa mitlub mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Prim’ Istanza u, b’mod partikolari, mis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL) (T‑34/00, Ġabra p. II-683, punt 25), skond liema sentenza l-motivi assoluti ta’ rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94, huma indipendenti u kull wieħed għandu qasam ta’ applikazzjoni tiegħu.

70     Ir-rikorrenti tikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

71     L-UASI jikkonkludi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, billi jsostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti ssir taf ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ l-applikazzjoni taħha għal reġistrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

72     Skond ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ l-UASI, li l-obbligu li tingħata tali motivazzjoni huwa stabbilit fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, għandha tippermetti li jsiru magħrufa, skond il-każ, ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u li tiġi effettivament ikkontestata d-deċiżjoni kkontestata [sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs L-UASI (Nuance d’orange), T‑173/00, Ġabra p. II-3843, punti 54 u 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Taurus-Film vs L-UASI (Cine Action), T-135/99, Ġabra p. II‑379, punt 35, u Taurus-Film vs L-UASI (Cine Comedy), T-136/99, Ġabra p. II-397, punt 35].

73     F’din il-kawża, minn naħa, il-Bord ta’ l-Appell wera fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata r-raġunijiet li wassluh jikkonkludi li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kellha karattru deskrittiv, jiġifieri essenzjalment il-fatt li din hija magħmula biss minn kelma ta’ tifħir li tista’ sservi fil-kummerċ biex tinforma lill-konsumatur bil-kwalità għolja ħafna tal-prodotti kkonċernati.

74     Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-punti 41 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa permezz ta’ raġunament awtonomu, ibbażat fuq il-konstatazzjoni li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jikkonsisti f’isem ġeneriku, ta’ użu komuni jew użat ta’ spiss fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, li l-Bord ta’ l-Appell wasal għall-konklużjoni li dan is-sinjal ma kellux karattru distintiv.

75     Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk fil-qosor, tippermetti lir-rikorrenti ssir taf ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni u effettivament telabora l-motivi tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

76     Għalhekk, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (c)

 L-argumenti tal-partijiet

77     Ir-rikorrenti tosserva, l-ewwel nett, li l-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ sinjali purament deskrittivi, stabbilità fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, għandha bħala għan li timpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li, minħabba fil-fatt li huma jikkorispondu għad-deskrizzjoni normali tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni, huma nieqsa mill-kapaċità li jindividwalizzaw l-impriża li tikkumerċjalizza l-prodotti u s-servizzi koperti minn dawn is-sinjali. Konsegwentement, skond ir-rikorrenti, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala sinjali purament deskrittivi biss is-sinjali li jistgħu normalment jiġu użati mill-konsumatur sabiex jindika direttament u speċifikament il-kwalità jew sabiex jiddeskrivi, bl-istess mod, karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

78     F’din il-kawża, minbarra affermazzjonijiet vagi u ġeneriċi, il-Bord ta’ l-Appell ma werix li l-kelma "top", li minnha hija magħmula t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, hija użata jew tista’ tintuża, f’waħda mit-tifsiriet differenti tagħha, bħala indikazzjoni ta’ xi karatteristika kwalittativa tal-prodotti in kwistjoni.

79     It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikorrenti qabel kollox tirrimarka, li l-karattru distintiv ta’ sinjal għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dan is-sinjal.

80     Wara hija tfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, in-nuqqas ta’ karattru distintiv ta’ sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma jistax jirriżulta mis-sempliċi konstatazzjoni li dan is-sinjal m’għandux oriġinalità jew xi element addizzjonali ta’ immaġinazzjoni.

81     Għalhekk, kull sinjal, anki jekk kostitwit minn kelma jew iktar kelmiet tal-lingwa użata ta’ kuljum, li huwa nieqes minn xi element ta’ oriġinalità jew ta’ kreattività, jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, bil-kundizzjoni li dan ikun jista’ jidentifika l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li huwa intiż li jindika.

82     Issa, la l-eżaminatur u lanqas il-Bord ta’ l-Appell ma werew li l-kelma "top" li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tistax tissodisfa tali funzjoni.

83     Bil-kontra, billi jikkonsisti f’kelma sempliċi u qasira, li faċilment tinftakar u li l-pronunzja tagħha hija faċli fil-lingwi kollha tal-Komunità, is-sinjal in kwistjoni jista’ jindividwalizza l-prodotti tar-rikorrenti u jiddistingwihom minn dawk ta’ produttur ieħor.

84     L-UASI josserva, qabel kollox, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija esklussivament komposta minn kelma li tista’ sservi sabiex tiddeskrivi waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti in kwistjoni. F’dan ir-rigward l-UASI jippreċiża li l-kelma "top" hija kelma ta’ tifħir, użata normalment fl-Ingliż biex tiddeskrivi l-kwalità tajba tal-prodotti in kwistjoni, u li mhemm ebda differenza perċettibbli bejn din il-kelma u t-terminoloġija użata fil-lingwaġġ ta’ kuljum, li tippermetti lill-konsumaturi kkonċernati jikkunsidrawha bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati.

85     Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI josserva, minn naħa, li l-kelma "top" hija kelma ta’ tifħir komuni fil-lingwa Ingliża, użata normalment bħala isem ġeneriku kemm fis-settur ta’ l-ikel ġenerali kif ukoll f’dak speċifiku ta’ ikel u ta’ supplimenti nutrizzjonali bi bażi ta’ ħxejjex u, min-naħa l-oħra, li l-Bord ta’ l-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-pubbliku rilevanti ma jqis il-kelma "top" bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali tal-prodotti in kwistjoni, iżda iktar bħala informazzjoni fuq il-kwalità ta’ dawn il-prodotti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

86     Qabel kollox għandu jiġi eżaminat it-tieni ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

87     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati "trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv".

88     Is-sinjali li mhumiex ta’ karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhumiex kapaċi jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex tippermetti lill-konsumatur li jixtri l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark jagħmel, f’każ ta’ xirja oħra, l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk din tkun negattiva [sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs L-UASI (UltraPlus), T‑360/00, Ġabra p. II-3867, punt 42)].

89     Il-karattru distintiv ta’ sinjal jista’ jiġi evalwat biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti (sentenza UltraPlus, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43).

90     F’din il-kawża, il-Bord ta’ l-Appell wasal għan-nuqqas ta’ karattru distintiv tal-kelma "top" mill-konstatazzjoni li din il-kelma hija kelma ta’ tifħir u mill-fatt li din tikkostitwixxi isem komuni jew użat ta’ spiss fir-rigward tal-prodotti kkonċernati (punti 44 u 46 tad-deċiżjoni kkontestata). Minbarra dan, il-Bord ta’ l-Appell qis li l-konsumatur, safejn jipperċepixxi din il-kelma bħala l-espressjoni ta’ affermazzjoni tal-manufattur dwar il-kwalità tal-prodotti tiegħu, ma jarahiex bħala sinjal distintiv ta’ l-oriġini tagħhom (punt 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

91     Primarjament, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ sinjal, mhuwiex neċessarju li jiġi kkonstatat li s-sinjal huwa orġinali jew fantasjuż [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Cine Action, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 31; EUROCOOL, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 45, u UltraPlus, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 45].

92     F’dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord ta’ l-Appell mingħajr ma saret kontestazzjoni fuq dan il-punt mir-rikorrenti, li l-ikel u s-supplimenti nutrizzjonali bi bażi ta’ ħxejjex huma intiżi għal konsum ġenerali u għalhekk għal konsumaturi li l-livell ta’ attenzjoni tagħhom mhuwiex daqshekk speċifiku li jinfluwenza il-perċezzjoni tagħhom tas-sinjal. Għalhekk, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul minn konsumaturi medji, normalment infurmati u raġonevolment attenti u avżati [(ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26 ; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 27, u ULTRAPLUS, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46].

93     Għandu jiġi kkunsidrat, qabel kollox, li l-kelma "top", li ġejja mil-lingwa Ingliża iżda wkoll użata ta’ spiss f’lingwi oħra tal-Komunità, taqa’ taħt il-kategorija tas-superlattivi u tista’ tiġi użata kemm bħala nom proprju jew bħala nom aġġettiv. Peress li t-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha ġiet proposta hija magħmula biss minn din il-kelma, din għandha tiġi meqjusa, mil-lat grammatikali, bħala li għandha l-funzjoni ta’ nom proprju.

94     Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li kien il-każ għall-kelma "ultraplus" fil-kawża li tat lok għas-sentenza UltraPlus, iċċitata iktar ‘il fuq, il-kelma "top" hija użata fl-istruttura grammatikali komuni tagħha u ma tippreżenta ebda "differenza perċettibbli meta mqabbla ma’ kostruzzjoni lessikalment korretta" fis-sens tas-sentenza UltraPlus, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 47).

95     Minbarra dan, għalkemm huwa veru li, minħabba t-tifsira ġenerika tiegħu li għandha t-tendenza li teżalta b’mod indeterminat in-natura, il-funzjoni, il-kwalità jew waħda mill-kwalitajiet ta’ xi prodott jew servizz, is-sinjal "top" ma jippermettix lill-konsumatur jimmaġina għal liema tip ta’ prodott jew ta’ servizz huwa jirreferi, madankollu jibqa’ l-fatt li, minħabba preċiżament l-użu komuni tiegħu fil-lingwa użata ta’ kuljum, kif bħal fil-kummerċ, bħala terminu ġenerali ta’ tifħir, dan is-sinjal verbali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jindividwalizza l-oriġini kummerċjali tal-prodotti li huwa jindika u, għalhekk, li jissodisfa l-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

96     Fl-aħħar, minkejja, kif tosserva r-rikorrenti, tali sinjal jista’ jiġi faċilment u immedjatament immemorizzat mill-pubbliku rilevanti, il-fatt li dan jista’ jintuża’ bħala tali minn xi produttur jew fornitur ta’ servizzi għall-finijiet ta’ reklamar tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu jfisser li l-użu tiegħu mhuwiex riservat għal impriża waħda, anki jekk tali esklusività tikkonċerna biss qasam speċifiku, bħal dak ta’ l-ikel u supplimenti nutrizzjonali bi bażi ta’ ħxejjex u ta’ prodotti simili.

97     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li t-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha ġiet proposta mhijiex ta’ karattru distintiv.

98     It-tieni ilment imqajjem fil-kuntest tal-ħames motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala mhux fondat.

99     Peress illi l-eżistenza ta’ raġuni waħda biss mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija biżżejjed sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud mingħajr mhemm bżonn li jiġi eżaminat l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, peress illi dan l-ilment huwa, f’kull każ, bla effett f’din il-kawża.

 Fuq is-sitt motiv, imqajjem b’mod alternattiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

100   Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell evalwa b’mod żbaljat l-elementi ta’ prova li hija ressqet sabiex issostni l-akkwsit mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ta’ karattru distintiv permezz ta’ l-użu skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94. B’mod partikolari, hija tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell eżamina dawn l-elementi differenti separatament minflok ma għamel evalwazzjoni globali. Meta evalwati flimkien, dawn l-elementi juru li r-rikorrenti użat ħafna t-trade mark qabel ma ppreżentat l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

101   Skond l-UASI, il-Bord ta’ l-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma jistabbilixxux l-akkwist ta’ karattru distintiv permezz ta’ l-użu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

102   Jirriżulta mill-punti 53 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord ta’ l-Appell ma aċċettatx ir-rilevanza bħala elementi ta’ prova, minn naħa, ta’ estratti mill-katalogi tar-rikorrenti, minħabba li ma kienx possibbli li tiġi determinata d-data li fiha huma ġew stampati jew l-estent tad-distribuzzjoni tagħhom fost il-pubbliku stabbilit fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, ta’ informazzjoni relatata ma’ l-ammont ta’ bejgħ tar-rikorrenti, minħabba n-natura mhux iddettaljata tagħhom u l-fatt li din l-informazzjoni ma kinitx iċċertifikata minn kontabilist jew akkumpanjata minn fatturi.

103   F’dak li jirrigwarda l-estratti mill-pubblikazzjoni "Sun spot", ippubblikata mir-rikorrenti, li tirreferi għax-xhur ta’ Lulju 1993, Jannar 1995, Frar 1996, Ġunju 1996, Awwissu 1997, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, fil-punt 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li fin-nuqqas ta’ dettalji fir-rigward ta’ l-ammont ta’ kopji maħruġa u taż-żoni ġeografiċi ta’ distribuzzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni, dawn ma jikkostitwixxux element li jista’ jistabbilixxi li t-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha ġiet proposta akkwsitat karattru distintiv fil-parti tal-Komunità kkonċernata.

104   Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas ma tipprova tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tan-nuqqas ta’ rilevanza ta’ l-elementi ta’ prova mressqa jew tal-valur probatorju tagħhom, li ġie deċiż bħala insuffiċjenti biex jiġġustifika l-applikazzjoni, f’din il-kawża, ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

105   Din tillimita ruħha takkuża lill-Bord ta’ l-Appell li wettaq analiżi frammentarja ta’ elementi differenti mressqa u li ma evalwahomx globalment.

106   F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni meta evalwa separatament ir-rilevanza u l-valur probatorju ta’ l-elementi mressqa mir-rikorrenti, li kienu dokumenti u informazzjoni ta’ tipi differenti.

107   Għalhekk is-sitt motiv imqajjem mir-rikorrenti b’mod alternattiv għandu jiġi miċħud.

108   Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet l-oħra

 Fuq it-talbiet intiżi sabiex l-UASI jiġi kkundannat iħallas lura l-ispejjeż tat-traduzzjoni sostnuti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti quddiem l-eżaminatur u quddiem il-Bord ta’ l-Appell

 L-argumenti tal-partijiet

109   Ir-rikorrenti tafferma li hija kienet ġiet obbligata tittraduċi bl-Ingliż id-dokumenti tal-proċedura kollha minħabba li l-eżaminatur u l-Bord ta’ l-Appell sistematikament injoraw il-lingwa tal-proċedimenti. Bi riżultat ta’ dan, hija sostniet spejjeż li hija tqis għandhom jiġu sostnuti mill-UASI.

110   L-UASI jopponi għall-pretenzjonijiet tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

111   Għandu jiġi kkonstatat li sabiex issostni t-talba tagħha r-rikorrenti ma ressqet ebda element li jista’ juri l-verità ta’ l-allegazzjonijiet tagħha jew li jistabbilixxi l-ammont ta’ l-ispejjeż ta’ traduzzjoni li hija tafferma li sostniet.

112   F’dawn iċ-ċirkustanzi, din it-talba tista’ biss tiġi miċħuda.

 Fuq it-talbiet b’mod alternattiv intiżi għall-għoti ta’ kumpens għad-dannu sostnut minħabba l-allegat tul eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell

 L-argumenti tal-partijiet

113   Alternattivament, ir-rikorrenti titlob li tiġi kkumpensata għat-tul tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell li hija tqis li huwa eċċessiv.

114   L-UASI josserva, minn naħa, li r-rikorrenti ma indikatx id-dannu li hija sostniet minħabba l-allegat superament ta’ żmien raġonevoli mill-Bord ta’ l-Appell u, min-naħa l-oħra li, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża, it-tul tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

115   Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li tiġi stabbilità l-eżistenza ta’ xi dannu li jirriżulta mill-allegat tul eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

116   F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

117   Mill-motivi kollha stipulati hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

118   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjez, skond it-talbiet ta’ l-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM' ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Legal   Mengozzi   Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2005.

H. Jung            H. Legal

Reġistratur            President


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.