Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Dolj (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Ġunju 2017 – Mihaela Iuliana Scripnic, Radu Constantin Scripnic, Alexandru Gheorghiţa, Vasilica Gheorghiţa vs SC Bancpost SA, SC Bancpost SA - sucursala Dolj

(Kawża C-400/17)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Dolj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mihaela Iuliana Scripnic, Radu Constantin Scripnic, Alexandru Gheorghiţa, Vasilica Gheorghiţa

Konvenuti: SC Bancpost SA, SC Bancpost SA - sucursala Dolj

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iżbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt ikopri wkoll is-sitwazzjoni fejn, matul iż-żmien tal-kuntratt eżegwit sussegwentement, tibdil sinjifikattiv tar-rata tal-kambju li l-ebda parti ma setgħat tipprevedi jirrendi l-obbligi tal-konsumatur eċċessivament onerużi meta mqabbla mal-istat tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

Il-lingwaġġ sempliċi u ċar ta’ klawżola kuntrattwali previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jinftiehem fis-sens li l-klawżola inkwistjoni għandha tindika biss ir-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-kuntratt u l-mod kif din tiffunzjona, jew għandha tindika wkoll il-konsegwenzi kollha li din jista’ jkollha fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur, bħar-riskju tal-kambju?

L-espressjoni “ma jkunux jorbtu lill-konsumatur” imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 tista’ tiġi interpretata fis-sens li fil-każ ta’ żbilanċ sinjifikattiv fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jseħħ bħala riżultat ta’ bidliet fir-rata tal-kambju, il-qorti nazzjonali tista’ teħles lill-konsumatur mill-obbligu li jbati r-riskju tal-kambju kollu kemm huwa?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).