Language of document : ECLI:EU:C:2013:636

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2013 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Trasport – Direttiva 2001/14/KE – Artikoli 4(1) u 30(3) – Allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja – Intaxxar ta’ tariffi – Tariffi tal-infrastruttura – Indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura”

Fil-Kawża C‑369/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikolu 6(3) u mal-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (JO L 363 p. 344, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/440”), kif ukoll mal-Artikoli 4(1) u (2), 14(2) u 30(1) u (3) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [tariffi] għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315, p. 44, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt dawn id-dispożizzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440, li jinsab fit-Taqsima II tagħha, intitolata “L-indipendenza tal-amministrazzjoni”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu ċert li fir-rigward tat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern fuq kwistjonijiet amministrattivi, ekonomiċi u ta’ kontabilità l-impriżi ferrovjarji jkollhom status indipendenti li b’konformità miegħu huma jżommu, b’mod partikolari, assi, budgets u kontijiet li huma separati minn dawk ta’ l-Istat.

2.      Waqt li jirrispettaw l-qafas u r-regoli speċifiċi dwar tariffi u allokazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, l-amministratur infrastrutturali għandu jkollu responsabbiltajiet għat-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll intern tiegħu stess.”

3        Il-premessi 11 u 16 tad-Direttiva 2001/14 huma redatti kif ġej:

“(11) Il-piżijiet [tariffi] u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non-diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non-diskriminatorju.

[…]

(16)      Piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet [tariffi]”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

2.      Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura, fil-forma legali, l-organizzazzjoni jew fil-funzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu, mhuwiex indipendenti minn kull impriża tal-ferroviji, il-funzjonijiet, deskritti f’dan il-Kapitolu, ta’ xort’oħra mill-ġbir tal-piżijiet għandhom jitwettqu minn korp tal-piżijiet li hu indipendenti fil-forma legali, fl-organizzazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kull impriża tal-ferroviji.”

5        L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Korp regolatorju”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Bla ħsara għall-Artikolu 21(6), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju. Dan il-korp, li jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport jew kwalunkwe korp ieħor, għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar fondi, struttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull amministratur ta’ l-infrastruttura, korp tal-piżijiet [tariffi], korp jew applikant ta’ l-allokazzjoni. Barra minn hekk għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku. Il-korp għandu jiffunzjona skond il-prinċipji delinjati f’dan l‑Artikolu meta l-appell u l-funzjonijiet regolatorji jistgħu jiġu attribwiti għal korpi separati.

[…]

3.      Il-korp regulatorju għandu jassigura li l-piżijiet stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u ma humiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.”

 Id-dritt Taljan

6        Id-Direttivi 91/440, 2001/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE dwar l-għoti ta’ liċenzji għal impriżi ferrovjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 401) u 2001/14 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“ewwel pakkett ferrovjarju”) ġew trasposti fid-dritt Taljan bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 188, tat-8 ta’ Lulju 2003, dwar l-implementazzjoni tad-Direttivi 2001/12/KE, 2001/13/KE u 2001/14/KE fil-qasam ferrovjarju (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 170, tal-24 ta’ Lulju 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003”).

7        Fl-Italja, il-“funzjonijiet essenzjali” previsti fl-Anness II tad-Direttiva 91/440 huma maqsuma bejn Rete Ferroviaria Italiana SpA (iktar ’il quddiem “RFI”), ikklassifikata bħala “amministratur tal-infrastruttura” fuq il-bażi ta’ liċenzja mill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”), u dan il-ministeru nnifsu. RFI, filwaqt li għandha personalità ġuridika separata, tifforma parti mill-grupp Ferrovie dello Stato Italiane (iktar ’il quddiem il-grupp “FS”), li jinkludi wkoll l-impriża ferrovjarja prinċipali li topera fis-suq Taljan, jiġifieri Trenitalia SpA (iktar ’il quddiem “Trenitalia”).

8        Skont l-Artikolu 11(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003:

“L-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja huwa persuna awtonoma u indipendenti, fil-livell ġuridiku, organizzattiv jew deċiżjonali, mill-impriżi li joperaw fis-settur tat-trasport.”

9        Fir-rigward tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet essenzjali, RFI hija responsabbli mill-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għan-netwerk ta’ kull operatur u l-irkupru tagħhom, fuq il-bażi tar-rati tariffarji stabbiliti mill-Ministru tal-Infrastruttura u tat-Trasport (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), kif jirriżulta mill-Artikolu 17 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003, li fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet tal-aċċess u tal-użu ekwu u nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja mill-assoċjazzjonijiet internazzjonali ta’ impriżi ferrovjarji u mill-impriżi ferrovjarji, it-tariffa dovuta għall-aċċess għall‑infrastruttura ferrovjarja nazzjonali hija stabbilita permezz ta’ digriet tal-[Ministru], fuq rapport motivat tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja, fuq opinjoni tal-Kumitat Interministerjali għall-Ippjanar Ekonomiku u skont il-Konferenza Permanenti tar-Relazzjonijiet bejn l-Istat, ir-Reġjuni u l-Provinċji awtonomi ta’ Trento u ta’ Bolzano għas-servizzi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Id-digriet ġie ppubblikat fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.      Fuq il-bażi tal-paragrafu 1, l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja għandu jipproċedi bil-kalkolu tat-tariffa dovuta mill-assoċjazzjonijiet internazzjonali ta’ impriżi ferrovjarji u mill-impriżi ferrovjarji għall-użu tal-infrastruttura kif ukoll bl-irkupru tagħha.”

10      L-Artikolu 17(11) tal-istess digriet leġiżlattiv ifakkar ir-rwol tal-Ministru fit-termini li ġejjin:

“Il-qafas applikabbli għall-aċċess għall-infrastruttura kif ukoll il-prinċipji u l-proċedura tal-allokazzjoni tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 27 u tal-kalkolu tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u tal-ammonti korrispondenti għall-provvista tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 20 huma ddefiniti permezz ta’ digriet tal-[Ministru], ippubblikat fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana. L-istess digriet jiddefinixxi r-regoli applikabbli għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 20.”

11      L-Artikolu 37 tal-istess digriet leġiżlattiv huwa intiż sabiex jittrasponi l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 u jiddefinixxi l-funzjonijiet tal-“Korp regolatorju”. Dan l-artikolu ġie emendat bid-Digriet‑Liġi Nru 98, tas-6 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 98/2011”), bil-għan li tiġi introdotta proċedura ġdida għall-ħatra tad-diriġenti tal-Ufficio per la Regolazione dei Servizi Ferroviari (iktar ’il quddiem l-“URSF”), li huwa l-korp regolatorju.

12      Fil-fatt, l-Artikolu 21(4) tad-Digriet-Liġi Nru 98/2011 ifformula mill-ġdid bil-mod kif ġej il-paragrafu 1a tal-Artikolu 37 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003:

“Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-servizz tal-[Ministeru] responsabbli mill-funzjonijiet tal-korp regolatorju għandu awtonomija organizzazzjonali u tal-kontabbiltà fil-limiti tar-riżorsi ekonomiċi u finanzjarji allokati lilu. Dan is-servizz jippreżenta kull sena lill-Parlament rapport dwar l-attivitajiet tiegħu”.

13      Barra minn hekk, fl-imsemmi Artikolu 37, id-Digriet-Liġi 98/2011 introduċa wkoll paragrafu 1b li huwa redatt kif ġej:

“Il-kap tas-servizz imsemmi fil-paragrafu 1a għandu jintgħażel minn fost persuni li l-independenza u l-kwalitajiet morali tagħhom ma humiex iddubitati u li l-kwalitajiet professjonali u l-ħiliet tagħhom fis-settur ferrovjarju huma rrikonoxxuti; dan jinħatar permezz ta’ digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta mill-[Ministru], skont l-Artikolu 19(4), (5a) u (6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 165 tat-30 ta’ Marzu 2001, kif emendat. Din il-proposta tiġi qabelxejn suġġetta għall-opinjoni tal-kummissjonijiet parlamentari kompetenti, li jiddeċiedu fi żmien 20 jum mit-talba. Dawn il-kummissjonijiet jistgħu jipproċedu bis-smigħ tal-persuna kkonċernata. Il-kap tas-servizz imsemmi fil-paragrafu 1a jinħatar għal tliet snin u l-mandat jista’ jiġġedded darba biss. Il-funzjoni tal-kap tas-servizz imsemmi fil-paragrafu 1a ma hijiex kompatibbli mal-mandati elettorali ta’ natura politika; bl-istess mod, l-ebda persuna ma tista’ tinħatar għal din il-pożizzjoni jekk l-interessi tagħha, tkun xi tkun in-natura tagħhom, imorru kontra l-funzjonijiet ta’ dan is-servizz. Taħt piena ta’ dekadenza, il-kap tas-servizz imsemmi fil-paragrafu 1a ma jista’ jeżerċita direttament jew indirettament ebda attività professjonali jew ta’ konsulenza, huwa ma jistax ikun amministratur jew impjegat ta’ korpi pubbliċi jew privati, ma jistax jeżerċita funzjonijiet pubbliċi oħra u lanqas ma jista’ jkollu interessi diretti jew indiretti fl-impriżi li joperaw fis-settur. Id-direttur attwali tas-servizz jibqa’ fil-kariga sat-tmiem tal-mandat tiegħu.”

 Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14      Fl-10 ta’ Mejju u fil-21 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-awtoritajiet Taljani, intiżi sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-qafas legali nazzjonali tas-settur ferrovjarju. Ir-Repubblika Taljana wieġbet fit-13 ta’ Awissu 2007 u fit-18 ta’ Jannar 2008, rispettivament.

15      Fuq il-bażi tal-informazzjoni hekk miġbura, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana minħabba inkompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u d-direttivi li jikkostitwixxu l-ewwel pakkett ferrovjarju. Fis-26 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru ittra ta’ intimazzjoni li rriproduċiet l-elementi tal-leġiżlazzjoni Taljana meqjusa li ma humiex konformi ma’ dan l-ewwel pakkett ferrovjarju u stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ xahrejn.

16      Ir-Repubblika Taljana wieġbet għal din l-intimazzjoni b’ittra tat-13 ta’ Awwissu 2008, li permezz tagħha hija impenjat ruħha li tibda studju dwar is-sitwazzjoni tas-suq u tal-qafas legali fl-Italja bl-għan li tevalwa l-problemi tal-indipendenza deċiżjonali tal-amministraturi tal-infrastruttura u li tipproponi aġġustamenti.

17      Wara li d-dipartimenti tal-Kummissjoni talbu kjarifiki ġodda mir-Repubblika Taljana, din tal-aħħar wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Diċembru 2008 kif ukoll tal-21 ta’ Jannar u tat-23 ta’ Marzu 2009.

18      Fl-1 ta’ Ottubru 2009, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw it-test tad-Digriet-Liġi Nru 135, tal-25 ta’ Settembru 2009, li jipprovdi dispożizzjonijiet urġenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi Komunitarji u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (GURI Nru 223, tal-25 ta’ Settembru 2009, p. 2) u indikaw, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu u kif ukoll it-test ta’ emenda għall-Artikolu 15 tal-Istatut ta’ RFI li jipprevedi l‑inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ amministratur ta’ din l-impriża u dik ta’ amministratur tal-kumpannija parent, jiġifieri l-grupp FS, jew ta’ impriżi oħra kkontrollati minn dan tal-aħħar li joperaw fis-settur tat-trasport ferrovjarju.

19      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana, li fiha hija sostniet li l-leġiżlazzjoni ta’ din tal-aħħar dwar dan is-settur ma kinitx konformi mad-Direttivi 91/440 u 2001/14, u tat lil dan l-Istat Membru terminu ta’ xahrejn sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni.

20      Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Diċembru 2009 u tas-26 ta’ April 2010. Barra minn hekk, fit-2 ta’ Diċembru 2009, dan l-Istat Membru nnotifika lill-Kummissjoni t-test tal-Liġi Nru 166, tal-20 ta’ Novembru 2009, li tikkonverti f’liġi, inklużi l-emendi, tad-Digriet‑Liġi Nru 135 tal-25 ta’ Settembru 2009.

21      Wara li rrilevat żball materjali fil-verżjoni Taljana tal-opinjoni motivata u bil-ħsieb li tiċċara l-pożizzjoni tagħha fid-dawl tal-elementi lilha kkomunikati mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Novembru 2010, opinjoni motivata supplimentari, innotifikata lil dan l-Istat Membru fl-istess data, li permezz tagħha hija stiednet lil dan tal-aħħar sabiex jikkonforma ruħu magħha f’terminu ta’ xahar dekorribbli min-notifika tagħha.

22      Ir-Repubblika Taljana rrispondiet għall-opinjoni motivata supplimentari b’ittra tal-10 ta’ Jannar 2011.

23      Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposta tal-awtoritajiet Taljani, hija ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

24      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 2011, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana.

25      Fil-11 ta’ April 2013 inżammet is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li matulha l-Kummissjoni informat lil din tal-aħħar li hija kienet qiegħda tirtira l-ewwel ilment tar-rikors tagħha, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ilment dwar l-intaxxar ta’ tariffi għall-aċċess għall-infrastruttura

 L-argumenti tal-partijiet

26      Il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tosservax ir-rekwiżit tal-indipendenza fl-amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14.

27      Skont il-Kummissjoni, dan l-artikolu jipprovdi li d-determinazzjoni ta’ drittijiet jew, fi kliem ieħor, l-għażla tal-intaxxar ta’ tariffi taqa’ taħt il-kompetenza tal-amministratur tal-infrastruttura. Din tinvolvi indipendenza fl-amministrazzjoni li tippermetti lill-amministratur jiġbor dħul suffiċjenti sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu mingħajr indħil mill-Istat. Madankollu, billi jżomm is-setgħa li jiffissa l-livell tad-drittijiet, l-Istat iċaħħad lill-amministratur minn strument essenzjali tal-amministrazzjoni.

28      Il-Kummissjoni tqis li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 hija kkorroborata b’interpretazzjoni sistematika tagħha. L-Artikolu 30(3) ta’ din id-direttiva jissuġġetta d-deċiżjonijiet tal-amministratur fil-qasam tal-intaxxar ta’ tariffi għall-kontroll tal-korp intiż għal dan il-għan u dan il-kontroll jagħmel sens biss jekk dan l-amministratur ikollu kompetenza deċiżjonali sabiex jistabbilixxi t-tariffi.

29      Issa, fl-Italja, skont l-Artikolu 17(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003, huwa l-Ministru li jistabbilixxi d-drittijiet ta’ aċċess għan-netwerk. L-amministratur tal-infrastruttura jista’ jagħmel proposta f’dan ir-rigward, imsejħa “rapport motivat”, iżda huwa l-Ministru li jiddeċiedi, permezz ta’ digriet, li jiddetermina l-livell ta’ dawn id-drittijiet. Imbagħad, huwa l-kompitu tal-amministratur li, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, jikkalkula t-tariffi fil-fatt dovuti minn kull impriża ferrovjarja għall-użu tal-linji individwali u li jirkupra dawn it-tariffi.

30      Skont il-Kummissjoni, jekk il-kompetenza tingħata lill-Ministru, il-korp regolatorju ma jkunx f’pożizzjoni li jivverifika t-tariffi jew il-modalitajiet tal-kalkolu tagħhom, ibbażati fuq id-diversi kategoriji tal-infiq, peress li dan il-korp ma għandu l-ebda setgħa fir-rigward tal-Ministru.

31      Il-Kummissjoni żżid li dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2001/14 neċessarjament jippresupponu li l-funzjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura ma humiex limitati għas-sempliċi likwidazzjoni u għall-irkupru ta’ tariffi dovuti f’każ speċifiku, iżda jestendu għad-determinazzjoni tal-livell tat-tariffi applikabbli.

32      Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-Ministru jistabbilixxi l-livell tat-tariffi sabiex jiżgura l-bilanċ tal-baġit tal-amministratur tal-infrastruttura ma huwiex konformi mal-mekkaniżmi stabbiliti bid-Direttiva 2001/14. Huwa veru li l-Istat jista’ jkollu interess li jikkontrolla d-dħul tal-amministratur tal-infrastruttura, peress li huwa l-kompitu tiegħu, taħt l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, li jiżgura li l-kontijiet ta’ dan l-amministratur ikollhom tal-inqas bilanċ bejn, minn naħa, id-dħul mit-tariffi tal-użu tal-infrastruttura, l-ammonti eċċedenti minn attivitajiet kummerċjali oħra u l-finanzjament mill-Istat u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-infrastruttura. Madankollu, din id-direttiva tippermetti lill-Istat li jinfluwenza l-kontijiet tal-amministratur mhux permezz tad-determinazzjoni tal-livell tat-tariffi, iżda permezz tal-modalitajiet previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 6, jiġifieri permezz ta’ inċentivi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi tal-aċċess. It-tnaqqis mill-ispiża tal-infrastruttura jippermetti, tal-inqas parzjalment, lill-istat sabiex jekonomizza l-fondi intiżi għaliha.

33      Skont il-Kummissjoni, il-kliem tal-Artikolu 17(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003 jindika b’mod ċar ħafna min għandu r-rwol deċiżjonali u min għandu l-kompitu li jippreżenta proposti. Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Ministru fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali jeċċedu l-ambitu tal-kontenut tar-rapport motivat tal-amministratur. Fil-fatt, il-Ministru jivverifika l-konformità tal-proposta mhux biss fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 17(3) ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, iżda wkoll fid-dawl tar-rekwiżiti tal-bilanċ tal-kontijiet tal-amministratur.

34      Ir-Repubblika Taljana tfakkar li l-korp regolatorju jista’ jeżerċita l-attività ta’ kontroll tiegħu – fir-rigward tal-applikazzjoni tal-livelli tat-tariffi li huma jew li jidhru li huma restrittivi għall-kompetizzjoni jew diskriminatorji kontra l-impriżi – fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-impriżi ferrovjarji matul il-fażi tan-negozjati tat-tariffa mal-amministratur tal-infrastruttura jew wara d-determinazzjoni ta’ din it-tariffa, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-linji individwali.

35      Fil-fatt, skont l-Artikolu 37(6a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003, il-korp regolatorju jista’, “fil-każ li jiġu kkonstatati okkorrenzi ta’ ksur tar-regoli dwar l-aċċess u l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u s-servizzi relatati”, jimponi multa amministrattiva li ma tkunx iktar minn 1 % tad-dħul mill-bejgħ iġġenerat mis-suq, b’limitu massimu ta’ EUR 1 000 000.

36      Skont ir-Repubblika Taljana, ladarba l-approvazzjoni ministerjali ma tipproteġix lill-amministratur tal-infrastruttura minn sanzjoni, huwa ċar li, fil-każ ta’ lment imressaq mill-korp regolatorju, l-amministratur ikollu jemenda l-proposta tiegħu tat-tariffi jew, jekk dawn ikunu diġà stabbiliti, jifformula proposta ġdida. Altrimenti, il-korp regolatorju jkun jista’ jiftaħ proċeduri li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multa.

37      Skont dan l-Istat Membru, din is-sistema ta’ kontroll tirrifletti d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li, skont din id-direttiva, ma huwiex il-kompitu tal-korp regolatorju li jipproċedi direttament sabiex jemenda t-tariffi, huwa diffiċli li wieħed jiddixxerni b’liema mod ieħor jistgħu l‑funzjonijiet tal-korp regolatorju jiġu kkonċepiti, jekk mhux permezz tal-għoti, minn naħa, ta’ setgħa ta’ intervent fin-negozjati li jseħħu bejn il-kandidati u l-amministratur u, min-naħa l-oħra, ta’ setgħa ta’ sanzjoni fil-każ fejn l-amministratur jikser il-kriterji legali tad-determinazzjoni tat-tariffi.

38      Rigward il-kwistjoni fundamentali mqajma fil-kuntest tal-ilment dwar l-intaxxar tat-tariffi, ir-Repubblika Taljana ssostni li, skont applikazzjoni korretta tal-Artikolu 17(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003, l-ebda funzjoni ta’ kontroll fir-rigward tal-livell tat-tariffi, li jiġu ddeterminati fuq il-bażi tar-rapport motivat tal-amministratur tal-infrastruttura, ma hija assenjata lill-Ministru. Dan tal-aħħar huwa għalhekk responsabbli biss mill-verifika, fil-kuntest ta’ stħarriġ strett tal-legalità, tal-osservanza tar-“regoli speċifiċi” li l-Istati Membri għandhom il-kompitu li jistabbilixxu taħt l-Artikolu 4(1) tal-Direttiva 2001/14.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Bl-ilment tagħha dwar l-intaxxar ta’ tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura, il-Kummissjoni timputa lir-Repubblika Taljana bi ksur tal-Artikoli 4(1) u 30(3) tad-Direttiva 2001/14 sa fejn il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana għall-iffissar tal-ammont tat-tariffi ma josservawx, fil-fehma tagħha, “l-indipendenza tal-amministrazzjoni” tal-amministratur tal-infrastruttura. Fil-fatt, il-Ministru jistabbilixxi d-drittijiet tal-aċċess għan-netwerk permezz ta’ digriet.

40      Il-Kummissjoni u l-istess Stat Membru ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni ta’ minn liema mument huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-amministratur tal-infrastruttura jamministra, b’mod indipendenti, l-iffissar tal-ammont tat-tariffi.

41      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14, l-Istati Membri għandhom jimplementaw qafas għall-intaxxar ta’ tariffi u huma jistgħu wkoll jistabbilixxu regoli speċifiċi ta’ ntaxxar ta’ tariffi, filwaqt li josservaw l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Skont din id-dispożizzjoni, huwa l-kompitu ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, li jistabbilixxi t-tariffa għall-użu tal-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, li jipproċedi għall-irkupru tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑483/10, punt 39).

42      L-istess Artikolu 4 jistabbilixxi tqassim ta’ kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-amministratur tal-infrastruttura fir-rigward tas-sistema tal-intaxxar ta’ tariffi. Fil-fatt, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu qafas għall-intaxxar ta’ tariffi, filwaqt li d-determinazzjoni tat-tariffa u l-irkupru tagħha jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-amministratur tal-infrastruttura (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

43      F’dan ir-rigward, għandhom jitfakkru l-għanijiet tad-Direttiva 2001/14. Fil-fatt, fl-ewwel lok, wieħed mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mis-sistema ta’ ntaxxar ta’ tariffi stabbilita b’din id-direttiva huwa dak li tiġi żgurata l-indipendenza tal-amministrazzjoni tal-amministratur tal-infrastruttura. Fi kliem ieħor, dan għandu jagħmel użu mis-sistema ta’ ntaxxar ta’ tariffi bħala strument tal-amministrazzjoni. B’dan il-mod, jirriżulta mill-premessa 12 tal-istess direttiva li s-sistemi ta’ ntaxxar ta’ tariffi u ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jinċentivaw lill-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja sabiex itejbu l-użu tal-infrastruttura fil-qafas iddefinit mill-Istati Membri. Issa, dawn l-amministraturi ma jistgħux jaslu għal tali titjib permezz tas-sistema ta’ ntaxxar ta’ tariffi jekk ir-rwol tagħhom kellu jiġi llimitat għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa f’kull każ konkret, billi japplikaw formula ffissata minn qabel permezz ta’ digriet ministerjali. Għalhekk, dawn l-amministraturi għandu jkollhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tat-tariffi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

44      Ir-Repubblika Taljana ssostni f’dan ir-rigward li l-Ministru jagħmel biss stħarriġ tal-legalità tal-proposta tal-amministratur tal-infrastruttura u għalhekk ma għandu l-ebda influwenza fuq l-indipendenza ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, din il-prattika ma hija bbażata fuq l-ebda standard li jista’ jikkwalifikaha bħala li hija inkontestabbli. Prattika bħal din, għalhekk, ma tistax titqies li tilħaq l-għanijiet tad-Direttiva 2001/14.

45      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001, “[i]d-determinazzjoni tal-piż [tariffa] għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura”. Madankollu, jirriżulta ċar mit-termini tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003, b’mod partikolari mill-Artikolu 17 tiegħu, li d-determinazzjoni tat-tariffa għandha ssir b’konsultazzjoni mal-Ministru, peress li d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar tista’ tiġi imposta fuq l-amministratur.

46      Ċertament, kif enfasizzat mir-Repubblika Taljana, il-Ministru jeżerċita biss stħarriġ ta’ legalità f’dan ir-rigward. Madankollu, skont is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2001/14, tali stħarriġ ta’ legalità għandu jappartjeni lill-korp regolatorju, f’dan il-każ lill-URSF, u mhux lill-Ministru. Għalhekk, ladarba d-deċiżjoni tal-Ministru dwar l-iffissar tat-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura hija imposta fuq l-amministratur tal-infrastruttura, għandu jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tippermettix li l-indipendenza ta’ dan tal-aħħar tiġi żgurata. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ma tissodisfax, f’dan ir-rigward, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

47      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14, huwa veru li l-fatt li l-Ministru jista’ jistħarreġ l-abbozz ta’ tariffa redatt mill-amministratur tal-infrastruttura ma jżommx lill-URSF milli jwettaq il-funzjoni tiegħu billi jagħmel il-verifiki li din il-funzjoni timplika. Madankollu, tali sistema ma hijiex suffiċjenti, bħala tali, sabiex tistabbilixxi l-indipendenza tal-amministratur skont kif maħsub mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li l-ilment tal-Kummissjoni dwar l-intaxxar tat-tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura għandu jiġi kkunsidrat fondat.

 Fuq l-ilment dwar l-indipendenza tal-korp regolatorju

 L-argumenti tal-partijiet

49      Il-Kummissjoni tqis li l-indipendenza sħiħa u neċessarja tal-korp regolatorju mill-impriżi tal-ferroviji kollha ma hijiex żgurata mil-leġiżlazzjoni Taljana peress li l-persunal tal-korp regolatorju huwa kompost minn uffiċjali tal-Ministeru tat-Trasport u dan tal-aħħar ikompli jeżerċita influwenza deċiżiva fuq il-grupp FS, li jinkludi l-impriża ferrovjarja Taljana prinċipali, jiġifieri Trenitalia, u għalhekk ukoll fuq din tal-aħħar.

50      Skont il-Kummissjoni, l-URSF, jiġifieri l-korp regolatorju, jifforma parti mill-Ministeru. Barra minn hekk, l-impriża operatur tal-ferroviji prinċipali fis-suq Taljan, jiġifieri Trenitalia, minbarra li tappartjeni wkoll għall-istess grupp ta’ impriżi bħall-amministratur tal-infrastruttura, hija impriża li tappartjeni lill-Istat li fuqha l-Ministeru, anki jekk ma għadux jeżerċita s-setgħat ta’ azzjonist, xorta waħda għandu influwenza determinanti.

51      Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li l-persunal tal-korp regolatorju huwa kkostitwit minn uffiċjali tal-Ministeru li jkomplu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq il-grupp FS u fuq Trenitalia u li dan huwa integrat b’mod sħiħ fil-ġerarkija ta’ dan il-ministeru. Barra minn hekk, minħabba r-rwol ta’ sostenn tal-Ministeru tal-Ekonomija fl-eżerċizzju tal-funzjonijet tiegħu ta’ azzjonist tal-grupp FS, il-Ministeru jibqagħlu interess li l-istess grupp jevolvi fis-sens pożittiv.

52      Skont il-Kummissjoni, din is-sitwazzjoni toħloq kunflitt ta’ interessi għall-uffiċjali tal-Ministeru li joperaw fi ħdan l-istruttura tal-korp regolatorju u li, għal din ir-raġuni, għandhom id-dmir li jiżguraw trattament nondiskriminatorju lill-kompetituri tal-impriża ferrovjarja pubblika. Fil-fatt, fl-ambitu tal-attività ta’ kontroll tagħhom, huma jkollhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi kummerċjali tal-impriża.

53      Il-Kummissjoni tispjega li hija ma għandhiex l-intenzjoni li ssostni li d-Direttiva 2001/14, fl-ebda każ, ma tippermetti li l-korp regolatorju jkun jifforma parti minn ministeru. Madankollu, fil-fehma tagħha, din il-possibbiltà ma għandhiex tinterferixxi mal-kundizzjoni tal-indipendenza, b’mod partikolari deċiżjonali, mill-impriżi ferrovjarji destinatarji tal-miżuri meħuda minn dan il-korp. Il-possibbiltà, espressament prevista fl-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, li l-korp regolatorju jifforma parti minn ministeru ma tistax tiġi iżolata, skont il-Kummissjoni, mill-kumplament tad-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mir-rekwiżit ta’ indipendenza li hija tipprevedi. Konsegwentement, tali possibbiltà għandha tiġi eskluża meta l-integrazzjoni tal-korp regolatorju f’ministeru ssir bi preġudizzju għall-indipendenza ta’ dan il-korp.

54      B’mod sussidjarju, fir-rigward ta’ garanziji oħra tal-indipendenza tal-URSF ipprovduti mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ssostni, qabelxejn, li l-argumentazzjoni tagħha ma tirrigwardax l-attribuzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, iżda r-relazzjonijiet fi ħdan ministeru, jiġifieri dak tal-Infrastruttura u tat-Trasport. Barra minn hekk, fir-rigward tas-setgħat tad-diriġenti tal-URSF, il-Kummissjoni ssostni li dawn huma suġġetti għall-Ministru li jżomm marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-ħatra, tad-disponibbiltà tar-riżorsi u tat-terminazzjoni eventwali tal-kuntratti ta’ dawn id-diriġenti.

55      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li, wara l-preżentata tar-rikors tagħha, l-Artikolu 37 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003 ġie emendat b’effett mis-6 ta’ Lulju 2011. Mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni dwar ir-relevanza ta’ din l-emenda, li tkun tardiva fl-ambitu ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni tqis li l-portata effettiva tagħha fl-ambitu tat-tneħħija eventwali ta’ dan il-ksur għad trid tiġi ċċarata.

56      Sussegwentement, il-Kummissjoni tippreċiża li hija ma kinitx sodisfatta bir-risposta għall-opinjoni motivata, li fiha ma jirriżultax li l-Ministeru ma kellux marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-ksur tal-kuntratti konklużi mad-diriġenti tal-URSF. Ir-risposta tat-23 ta’ Diċembru 2009 għall-opinjoni motivata tat-8 ta’ Ottubru 2009 sempliċement indikat li l-URSF ma jidħolx fl-istruttura tad-dipartimenti tal-Ministeru u għalhekk ma jaqax taħt il-kontroll tal-kap tad-dipartiment li jinkludi d-direttorat tat-trasport ferrovjarju. Fir-rigward tar-risposta supplimentari tas-26 ta’ April 2010 għall-istess opinjoni, din ma tinkludi l-ebda riferiment ieħor għal din il-kwistjoni. Tali elementi ma jdgħajfux it-teżi tal-Kummissjoni li l-persunal tal-URSF huwa kompost minn uffiċjali tal-Ministeru li jaqgħu taħt il-Ministru responsabbli għall-għoti ta’ sostenn lill-azzjonist tal-grupp FS.

57      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 jirrikjedi li l-korp regolatorju jaġixxi b’mod għalkollox indipendenti mhux biss mill-impriżi ferrovjarji, iżda wkoll mill-korpi tal-intaxxar tat-tariffi tal-infrastruttura. B’hekk, skont il-Kummissjoni, it-tariffa tal-aċċess għall-infrastruttura hija stabbilita mill-Ministru li għalih l-URSF huwa kompletament suġġett. Din hija r-raġuni għal xiex dan il-korp regolatorju ma jgawdi minn ebda indipendenza deċiżjonali, organizzattiva, ġuridika u finanzjarja, sa fejn entità waħda, jiġifieri l-Ministeru, hija responsabbli konġuntament mill-intaxxar tat-tariffi u mill-kontroll ta’ dan fil-kapaċità tagħha bħala regolatur.

58      Ir-Repubblika Taljana tfakkar li d-Direttiva 2001/14 ma tipprekludix li l-korp regolatorju jkun jifforma parti minn ministeru, sakemm dan tal-aħħar ma jipparteċipax fl-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti tal-grupp FS. Dan l-Istat Membru jsostni li d-Digriet-Liġi Nru 98/2011 ħoloq sitwazzjoni ta’ awtonomija deċiżjonali mill-ministeru u jiżgura lill-URSF sitwazzjoni li fiha huwa jkun jista’ juża de jure b’mod kompletament awtonomu r-riżorsi mogħtija lilu mil-liġi.

59      Fir-rigward tal-kwistjoni tal-indipendenza tal-URSF mill-Ministeru, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-Digriet-Liġi Nru 98/2011, fis-seħħ mis-6 ta’ Lulju 2011, ippermetta li jitneħħew id-dubji tal-Kummissjoni billi l-URFS tneħħa minn taħt l‑influwenza tal-Ministeru, b’mod partikolari billi ta lid-direttur tiegħu pożizzjoni li ma taqax taħt il-ġerarkija ta’ dan tal-aħħar. Dan l-Istat Membru jżid, barra minn hekk, li lanqas is-sistema fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors ma kienet kuntrarja għall-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14.

60      Barra minn hekk, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana tirreferi wkoll għal-Liġi Nru 27, tal-24 ta’ Marzu 2012, li tikkonverti f’liġi, b’emendi, id-Digriet-Liġi Nru 1, tal-24 ta’ Jannar 2012, dwar dispożizzjonijiet urġenti għall-kompetizzjoni, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-kompetittività (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 71 tal-24 ta’ Marzu 2012), li jipprevedi, fl-Artikolu 36 tiegħu, l-istituzzjoni tal-Awtorità di regolazione dei trasporti (awtorità regolatorja tat-trasport) li tissostitwixxi lill-URSF u taqdi l-funzjonijiet eżerċitati minn dan tal-aħħar. Dan l-Istat Membru jsostni li l-istabbiliment ta’ din l-awtorità l-ġdida ma huwiex riżultat tal-fatt li l-URSF ġie kkunsidrat li ma huwiex suffiċjentement awtonomu, iżda huwa dovut għall-għażla tal-leġiżlatur Taljan, fil-kuntest ta’ intervent usa’ intiż sabiex tiġi żgurata l-liberalizzazzjoni tas-swieq, li jafda lil persuna awtonoma waħda l-kontroll tal-modalitajiet tat-trasport kollu u mhux iktar ta’ dawk tat-trasport ferrovjarju biss.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

61      Bl-ilment tagħha dwar l-indipendenza tal-korp regolatorju, il-Kummissjoni tilmenta li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tosservax l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 peress li l-URSF, minħabba l-fatt li dan huwa kkostitwit b’uffiċjali mill-Ministeru, ma jistax jitqies indipendenti, u dan speċjalment kemm-il darba l-Ministeru jibqa’ jkollu influwenza fuq il-grupp FS li jinkludi l-ikbar kumpannija ferrovjarja Taljana, jiġifieri Trenitalia.

62      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrikonoxxut li, permezz ta’ dawn l-interventi leġiżlattivi suċċessivi, l-awtoritajiet Taljani influwenzaw direttament il-kostituzzjoni tal-korp regolatorju b’definizzjoni mill-ġdid f’kull stadju leġiżlattiv tal-awtonomija organizzattiva u tal-kontabbiltà tiegħu. Tali huwa l-każ tad-Digriet-Liġi Nru 98/2011 u, saħansitra iktar, il-każ tal-Liġi Nru 27, tal-24 ta’ Marzu 2012, li tistabbilixxi awtorità regolatorja tat-trasport ġdida.

63      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru f’għeluq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-11 ta’ Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-111/01, Ġabra p. I‑7555, punt 13, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs Franza, C-383/09, Ġabra p. I-4869, punt 22).

64      Fir-rigward tal-argument dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14, huwa suffiċjenti li jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-korp regolatorju jista’ jkun il-ministeru responsabbli mit-trasport. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li l-URSF jifforma parti minn dan il-ministeru sabiex tikkonkludi li dan ma huwiex indipendenti.

65      Huwa minnu li, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, l-uffiċjali li jaqgħu taħt il-Ministeru jinsabu f’pożizzjoni delikata peress li dawn jaħdmu fi ħdan il-korp regolatorju, filwaqt li jaqgħu taħt il-ġerarkija ta’ dan il-ministeru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 għandu l-għan li jiżgura l-indipendenza tal-korp regolatorju u li dan l-għan għandu jipprevali fuq il-fatt li dan tal-aħħar jista’ jifforma parti minn ministeru.

66      Għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni preċedenti għal dik li tirriżulta mid-Digriet-Liġi Nru 98/2011, l-Artikolu 37 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 188/2003 ddikjara li “s-servizz tal-[ministeru] responsabbli mill-funzjonijiet tal-korp regolatorju għandu jkollu r-riżorsi umani, materjali u finanzjarji neċessarji għat-twettiq tal-funzjoni tiegħu fl-ambitu tar-riżorsi inklużi fl-estimi tal-baġit tal-istess ministeru”. Madankollu, skont il-Kummissjoni, tali redazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li hija ta’ natura li tiżgura li l-korp regolatorju jista’ jaġixxi b’mod għalkollox indipendenti peress li r-riżorsi finanzjarji tiegħu jiddependu mill-baġit tal-Ministeru.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni insostenn tat-tielet ilment tagħha huma lkoll ta’ natura ġenerali u huma essenzjalment iffokati fuq il-fatt li l-URSF hija entità li tifforma parti mill-Ministeru, anki jekk tali appartenenza ma hijiex ipprojbita mid-Direttiva 2001/14. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tinvoka ebda argument issostanzjat ieħor insostenn tal-ilment tagħha.

68      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ambitu ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Hija għalhekk il-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi neċessarji sabiex din tal-aħħar tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-494/01, Ġabra p. I-3331, punt 41; tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-335/07, Ġabra p. I-9459, punt 46, u tat-28 ta’ Frar 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-556/10, punt 66).

69      Għaldaqstant, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14 ma jistax jintlaqa’.

70      Konsegwentement, hemm lok, minn naħa, li jiġi kkonstatat li, billi ma żguratx l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura għall-intaxxar ta’ tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura u l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(1) u 30(3) tad-Direttiva 2001/14 u, min-naħa l-oħra, li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

71      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. L-Artikolu 141(1) tal-istess regoli jipprovdi wkoll li l-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti.

72      Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni rtirat l-ewwel ilment invokat insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ indipendenza tal-korp li jeżerċita l-funzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 6(3) u tal-Anness II tad-Direttiva 91/440.

73      Madankollu, peress li l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana tilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, għandu jiġi deċiż li dawn tal-aħħar għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

74      Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma żguratx l-indipendenza tal-amministratur tal-infrastruttura għall-intaxxar ta’ tariffi tal-aċċess għall-infrastruttura u l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(1) u 30(3) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [tariffi] għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Ċeka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.