Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2015 minn Samsung SDI Co. Ltd, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-84/13, Samsung SDI Co. Ltd, Samsung SDI (Malaysia) Bhd vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-615/15 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Samsung SDI Co. Ltd, Samsung SDI (Malaysia) Bhd (rappreżentanti: M. Struys, avukat, L. Eskenazi, avukat, A. Fall, avukat, C. Erol, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2015 fil-Każ T-84/13, Samsung SDI Co. Ltd, Samsung SDI Germany GmbH u Samsung SDI (Malaysia) Bhd vs Il-Kummissjoni Ewropea;

konsegwentement, tannulla l-Artikoli 2(1)(b) u 2(2)(b) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn jikkonċernaw l-appellanti u tnaqqas il-multi rilevanti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż fl-ewwel istanza u f’dan l-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jippreżentaw erba’ aggravji. L-ewwel tnejn huma relatati mal-akkordju CPT u l-aħħar tnejn mal-akkordju CDT.

L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-motiv ta’ SDI li bejgħ ta’ prodotti mhux affettwati mill-akkordju kellhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-multa CPT. Anki fl-ipoteżi li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur wieħed u kontinwat toffri ġustifikazzjoni impliċita għaċ-ċaħda tal-motiv ta’ SDI (quod non), tali ġustifikazzjoni impliċita tikser il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 1 .

It-tieni aggravju: fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data ta’ tmiem tal-akkordju CPT, il-Qorti Ġenerali ċaħdet mingħajr raġunijiet validi l-motiv ta’ SDI li l-kollużjoni teżiġi l-involviment tal-inqas ta’ żewġ impriżi, kif ukoll kisret l-Artikolu 101 TFUE sa fejn is-sentenza kkonkludiet li l-parteċipazzjoni ta’ SDI fil-ftehim CPT damet, waħidha, sal-15 ta’ Novembru 2006. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali sa fejn irrifjutat li tnaqqas il-multa imposta fuq SDI.It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-multa għall-akkordju CDT il-bejgħ ta’ CDT lil Samsung Electronics Corporation (SEC). Il-Qorti Ġenerali applikat il-kunċett ta’ bejgħ ŻEE taħt il-Linji Gwida sa fejn naqset milli tiddetermina l-post fejn isseħħ il-kompetizzjoni.Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta evalwat l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni, li rriżulta fin-nuqqas ta’ għoti lil SDI ta’ tnaqqis ta’ 50 % fil-multa fir-rigward tal-akkordju CDT. Il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-akkordju CPT huma legalment irrelevanti fil-kuntest tal-akkordju CDT. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Avviż dwar il-Kooperazzjoni u żbaljat

meta kkonfermat is-sejba tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ deskrizzjoni tal-aspett ta’ qsim tas-suq fil-ksur minn SDI fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fih innifsu, jaffettwa l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ SDI matul il-proċedimenti amministrattivi.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċem

bru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).