Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-606/15)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċekk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Z. Malůšková, J. Hottiaux, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tikkonstata li:

billi fdat lill-korp ta’ investigazzjoni is-sorveljanza tas-sistema ferrovjarja, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2004/49/KE;

billi ma żguratx li l-korp investigattiv jibda l-investigazzjonijiet tiegħu mhux iktar tard minn ġimgħa wara l-wasla tar-rapport dwar l-aċċident jew l-inċident, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2004/49/KE;

billi ma żguratx li r-rapport finali dwar l-investigazzjoni jiġi kkomunikat lill-partijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2004/49/KE, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq obbligi tagħha taħt l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2004/49/KE;

billi ma żguratx li l-korp ta’ aġenzija investigazzjoni jindirizza rakkomandazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà lill-awtorità tas-sigurtà, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2004/49/KE;

billi ma pprevedietx l-obbligu għall-awtorità tas-sigurtà li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tissorvelja li r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà jittieħdu inkunsiderazzjoni u jkunu implementati, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(2) sentenza tad-Direttiva 2004/49/KE;

billi ma pprevedietx l-obbligu għall-awtorità tas-sigurtà li tirrappurta tal-inqas darba fis-sena dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu jew ser jittieħdu wara r-rakkomandazzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 2004/49/KE;

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tressaq l-argumenti li ġejjin insostenn tar-rikors tagħha:

Fit-30 ta’ Ġunju 2015, id-data li fiha skada l-perijodu stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-Repubblika Ċeka ma rapportat ebda emenda li saret fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 21(3), l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 25(2) u (3) tad-Direttiva 2004/49/KE1 .

____________

1 Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Volum 8, p.  227)