Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fil-15 ta’ Mejju 2017 – E.B. vs Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA

(Kawża C-258/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E.B.

Konvenut: Versicherungsanstalt öffentlich Bediensteter BVA

Domandi preliminari

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) jipprekludi ż-żamma ta’ effetti legali ta’ deċiżjoni amministrattiva finali fil-qasam tal-liġi li tirregola d-dixxiplina tal-uffiċjali (deċiżjoni dixxiplinari) li tordna l-irtirar ta’ uffiċjal flimkien ma’ tnaqqis fil-pensjoni, meta

fil-mument tal-adozzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva, ma kinux applikabbli għal din id-deċiżjoni amministrattiva, iżda

deċiżjoni (ipotetika) komparabbli tikser din id-direttiva li kieku ġiet adottata fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ din?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, sabiex terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ħielsa minn kull diskriminazzjoni,

id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li għall-finijiet tal-kalkolu tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, l-uffiċjal għandu jitqies, bejn id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni amministrattiva u l-okkorrenza tal-età tal-irtirar, mhux bħala li kien irtirat iżda f’sitwazzjoni ta’ servizz attiv jew

huwa suffiċjenti għal dan il-għan li jiġi rikonoxxut li huwa għandu dritt għal pensjoni sħiħa bir-rata applikabbli minħabba l-irtirar tiegħu fil-mument indikat fid-deċiżjoni amministrattiva?

Ir-risposta għad-domanda 2 tiddependi fuq jekk, qabel l-età tal-irtirar, l-uffiċjal de facto talab fuq inizjattiva tiegħu stess xogħol attiv fis-servizz pubbliku federali?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ biss l-annullament tat-tnaqqis perċentwali tal-ammont tal-pensjoni (u, skont il-każ, skont iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda 3):

il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni imposta mid-direttiva tista’ tiġġustifika s-supremazija ta’ din fuq kwalunkwe dispożizzjoni kunfliġġenti tad-dritt nazzjonali u li l-qorti nazzjonali għandha tosservaha fil-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni, anki għal perijodi qabel mad-Direttiva saret direttament applikabbli fid-dritt nazzjonali?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 4: f’liema mument iseħħ tali “effett retroattiv”?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.