Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2011 minn Alliance One International, Inc., li kienet Dimon, Inc., kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta' Ottubru 2011 fil-Kawża T-41/05: Alliance One International, Inc., li kienet Dimon Inc., vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-679/11 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Alliance One International, Inc. (li kienet Dimon, Inc.) (rappreżentanti: M Odriozola, A. Vide, Avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta' Ottubru 2011, fil-Kawża T-41/05 sa fejn tiċħad il-motivi li jallegaw żball manifest ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 , minħabba nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti kif ukoll ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali meta sabet li Alliance One International, Inc. li kienet Dimon, Inc. kienet responsabbli in solidum;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta' Ottubru 2004, fil-Każ COMP/C.38.238/B.2 - Tabakk mhux maħdum fi Spanja sa fejn tirrigwarda lill-appellanti, u tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti skont il-każ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Alliance One International Inc. li kienet Dimon Inc., (iktar 'il quddiem l-"appellanti") bir-rispett titlob li: i) is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta' Ottubru 2011, fil-Kawża T-41/05 tiġi annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn iżżomm lil Alliance One International, Inc. (iktar 'il quddiem "AOI"), li kienet Dimon Inc., (iktar 'il quddiem "Dimon") responsabbli flimkien u in solidum għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión; ii) id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2004 fil-Każ COMP/C.38.238/B.2 - Tabakk mhux maħdum fi Spanja tiġi annullata sa fejn tirrigwarda lill-appellanti kif ukoll li l-multa imposta fuq l-appellanti titnaqqas skont il-każ; u iii) il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

L-ewwel nett l-appellanti ssostni li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali applikaw b'mod żbaljat l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi żammew lil AOI responsabbli għall-ksur imwettaq minn Agroexpansión. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittjiet tad-difiża tagħha u l-Artikolu 296 TFUE billi ċċarat fis-sentenza (u għalhekk ex post facto) ir-raġunament dwar il-livell ta' prova applikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta' liġi meta ddefiniet il-metodi għall-attribuzzjoni ta' responsabbiltà, b'mod partikolari billi adottat metodu ta' bażi doppja, li serva sabiex jiddiskrimina bejn il-kumpanniji fuq is-saħħa tal-każ tagħhom fl-appell iżda min-naħa l-oħra naqset milli tistabbilixxi livell. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli ssostni l-pożizzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta' risposta.

It-tieni nett, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ċċaħħad lill-appellanti mid-drittijiet tagħha taħt il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-drittijiet li jinsabu fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li issa tagħmel parti mit-Trattat tal-Lisbona u għalhekk għandha l-piż kollu tad-dritt primarju.

It-tielet nett, għalkemm il-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-appellanti ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-ksur ta' Agroexpansión għall-perijodu ta' qabel it-18 ta' Novembru 1997, hija madankollu tonqos milli tislet il-konklużjonijiet mill-iżball tal-Kummissjoni u tippermetti li ssir diskriminazzjoni kontra l-appellanti. Fl-ewwel lok l-appellanti ssostni li l-ammont inizzjali tal-multa kellu jiżdied bi 30 % biss, inkella, Dimon kienet se tiġi diskriminata meta mqabbla mal-partijiet l-oħra li kienet indirizzata lilhom id-deċiżjoni. Fit-tieni lok l-appellanti ssostni bir-rispett li l-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat id-dħul mill-bejgħ ta' Dimon fl-2003 sabiex tiġġustifika ż-żieda fl-ammont inizzjali tal-multa abbażi tal-ħames paragrafu tat-Taqsima 1A tal-Linji Gwida tal-1998.

Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni bir-rispett li hija leġittimament kellha aspettattivi leġittimi li kienet se tibbenefika minn tnaqqis tal-multa skont it-tielet inċiż tat-Taqsima B, Punt 3 tal-Linji Gwida tal-1998 dwar il-multi. F'dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żbaljat peress li: (i) ikkunsidrat li ċ-ċirkustanza attenwanti ma kinitx applikabbli f'dan il-każ minħabba n-natura tal-ksur; u (ii) aċċettat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-appellanti kienet diġà bbenefikat minn ċirkustanza attenwanti.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).