Language of document : ECLI:EU:C:2012:582

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawżi Magħquda C-186/11 u C-209/11

Stanleybet International Ltd (C-186/11),

William Hill Organization Ltd,

William Hill Plc,

u

Sportingbet Plc (C-209/11)

vs

Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon,

Ypourgos Politismou,

Intervenjenti: Organismos prognostikon agonon podosfairou AE (OPAP)

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Simvoulio tis Epikratias (Il-Kunsill tal-Istat) (il-Greċja)]

“Artikoli 49 u 56 TFUE — L-għoti ta’ dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda, li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata kkwotata fil-Borża — Espansjoni tal-provvista — Ġustifikazzjoni — Għanijiet li jitnaqqsu l-okkażjonijiet tal-logħob tal-ażżard u li tiġi miġġielda l-kriminalità billi l-operaturi attivi fis-settur jkunu suġġetti għal kontroll u billi l-logħob tal-ażżard jiġi ddirezzjonat lejn sistemi hekk ikkontrollati — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Rekwiżit li l-għanijiet iddefiniti jkunu mfittxija b’mod koerenti u sistematiku — Ammissibbiltà ta’, u kundizzjonijiet possibbli għal perijodu tranżitorju li matulu l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jekk tinstab li hija inkompatibbli mad-dritt tal-UE, tista’ tinżamm fis-seħħ”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ żewġ digrieti separati tal-21 ta’ Jannar 2011, is-Simvoulio tis Epikratias (Il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil impriża waħda, li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fil-borża, id-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard.

2.        Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari saru fi proċeduri bejn, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑186/11 Stanleybet International Ltd (iktar ’il quddiem “Standleybet”), William Hill Organisation Ltd u William Hill plc (iktar ’il quddiem flimkien “William Hill”) u t-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑209/11 Sportingbet plc (iktar ’il quddiem “Sportingbet”), min-naħa waħda, u l-Ypourgos Politismou (il-Ministru tal-Kultura), il-Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon (il-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi) u l-Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (iktar ’il quddiem “O.P.A.P.”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rifjut taċitu, min-naħa tal-awtoritajiet Griegi, tat-talbiet ippreżentati mill-kumpanniji msemmija u rikorrenti fil-kawżi prinċipali, biex jingħataw liċenzji biex imexxu, jorganizzaw u joperaw logħob tal-ażżard fil-Greċja.

II – Il-kuntest ġuridiku Grieg

A –    Il-Liġi Nru 2433/1996 (A’ 180)

3.        Mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għal-Liġi Nru 2433/1996, li stabbilixxiet il-monopolju Statali fis-settur inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali, jirriżulta b’mod ċar li l-għan prinċipali ta’ dik il-leġiżlazzjoni huwa biex telimina l-imħatri illegali, li “fis-snin reċenti sar epidemija fil-pajjiż tagħna”, filwaqt li l-għan sekondarju huwa l-bżonn li jiżdied id-dħul għall-isport. Barra minn hekk, il-memorandum ta’ spjegazzjoni jgħid li “jitqies li huwa neċessarju li kull tip ta’ mħatra tingħata forma [...] sabiex tiżdied l-effettività f’pajjiżna tal-ġlieda kontra l-imħatri illegali, li għandhom, inter alia, l-effett dirett li jesportaw il-munita minħabba li l-kumpanniji li fil-preżent jorganizzaw l-imħatri illegali fil-Greċja jikkooperaw ma’ kumpanniji barranin u jaċċettaw ukoll l-imħatri f’isimhom”.

4.        L-Artikoli 2 u 3 ta’ din il-Liġi huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 2

1. L-impożizzjoni ta’ forma għall-imħatri b’‘rebħ fiss jew varjabbli’ fuq kull tip ta’ sports individwali jew ta’ tim u fuq ġrajjiet li jistgħu jwasslu għal imħatri għandha tkun awtorizzata b’digriet presidenzjali [... L-O.P.A.P.] qegħda tinħatar bħala amministratur tal-forma kkonċernata [...]

2. Kull min jorganizza mħatra mingħajr ma jkun awtorizzat [...] jista’ jeħel perijodu ta’ priġunerija [...]

Artikolu 3

1. L-ispejjeż annwali għar-reklamar tal-logħob tal-ażżard [...] li l-O.P.A.P. torganizza jew tkun ser torganizza fil-futur għandhom jinqasmu proporzjonalment bejn l-O.P.A.P. u l-korpi l-oħra li jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn kull logħba O.P.A.P. [...]

5. L-O.P.A.P. tkun intitolata tuża sa 10 % mill-ispazju għar-reklamar fi stejdjums u ġimms nazzjonali, muniċipali u tal-komunità, fuq l-istrutturi ta’ reklamar tal-prodotti tagħha mingħajr ma teħtieġ li tħallas [...]”.

B –    Id-Digriet Presidenzjali Nru 228/1999

5.        Id-Digriet Presidenzjali Nru 228/1999 ġie adottat skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 2414/1996. Fl-Artikoli 1 u 2, dan jipprovdi li ġiet stabbilita kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bl-isem Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (iktar ’il quddiem “O.P.A.P. A.E.”), li l-kumpannija għandha topera fl-interess pubbliku abbażi tar-regoli tal-ekonomija privata u li l-għan tal-kumpannija għandu jkun li torganizza, topera u tmexxi, kemm jekk waħedha jew b’kollaborazzjoni ma’ terzi, PRO-PO [football pools] u kull logħba oħra tal-ażżard li l-bord tad-diretturi jintroduċi fil-futur fil-pajjiż kollu jew barra mill-pajjiż f’isem l-Istat Grieg. Dawn il-logħob u l-logħob l-oħra li jiġu organizzati fil-futur għandhom jitmexxew esklużivament minn O.P.A.P. A.E. f’isem l-Istat Grieg.

6.        Sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha, l-O.P.A.P. A.E. għandha twaqqaf aġenziji mal-pajjiż kollu biex ibigħu l-logħob tal-kumpannija inġenerali b’mod esklużiv u għandha tagħti liċenzji għall-operat tal-aġenziji lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi għal logħba waħda jew iktar, dejjem bil-pattijiet u kundizzjonijiet stabbiliti mill-bord tad-diretturi tal-kumpannija.

C –    Il-Liġi Nru 2843/2000, kif emendata mil-Liġi Nru 2912/2001, u l-istatuti tal-O.P.A.P.

7.        L-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 2843/2000, kif emendat bl-Artikolu 41(2) tal-Liġi Nru 2912/2001, jipprovdi li:

“1. L-Istat jista’, permezz tal-Borża ta’ Ateni, joffri lill-investituri sa disgħa u erbgħin fil-mija (49 %) mill-kapital azzjonarju ta’ dak iż-żmien tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata bħala Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (O.P.A.P.).

2.a. Permezz ta’ kuntratt magħmul bejn l-Istat Grieg, irrappreżentat mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru tal-Kultura responsabbli għall-isport […] u l-O.P.A.P., l-O.P.A.P. għandha tingħata d-dritt esklużiv għal għoxrin (20) sena biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob li għandha bħalissa, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, u l-logħob BINGO LOTTO, KINO […]

b. Ir-regoli għal kull logħba O.P.A.P., li jirregolaw kwistjonijiet li jirrigwardaw is-suġġett tal-logħob, l-organizzazzjoni u t-tħaddim tagħhom inġenerali u l-kundizzjonijiet finanzjarji li taħthom jintlagħbu l-logħob u, b’mod partikolari, il-perċentwal li jitħallas lill-ġugaturi rebbieħa, il-perċentwal ta’ rebħ għal kull kategorija ta’ rebbieħa, il-prezz għal kull kolonna u l-perċentwal ta’ kummissjoni għall-aġenti, għandhom jinħarġu permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-bord tad-diretturi tal-O.P.A.P. u approvata mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru tal-Kultura responsabbli għall-Isport.

c. Il-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 2(a) għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju, min-naħa ta’ O.P.A.P., u għat-tiġdid, tad-dritt imsemmi f’dak il-paragrafu, il-korrispettiv għal dak id-dritt, il-metodu tal-ħlas tiegħu, l-obbligi iktar speċifiċi li għandha l-O.P.A.P. u b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipji tat-trasparenza tal-proċeduri għat-tmexxija tal-logħob u tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-ġugaturi [...]

5.a. [...]

b. Għandu jitwaqqaf Kumitat għall-Kontroll, Tħabbir tar-Rebbieħa u Oġġezzjonijiet b’deċiżjoni tal-Ministru tal-Finanzi u l-Ministru tal-Isport [...] Bħala membri tal-kumitat għandhom jinħatru l-uffiċjali tal-Gvern u tas-servizz pubbliku.

9.a. Jekk il-liġi tippermettilha tmexxi logħba ġdida b’żieda ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2(a), il-kumitat speċjali għandu jitwaqqaf [...] biex jistabbilixxi l-pattijiet u kundizzjonijiet, u l-korrispettiv għad-dritt li jingħata lill-O.P.A.P. biex tmexxi l-logħba. [...] Jekk l-O.P.A.P. tirrifjuta li tieħu f’idejha t-tmexxija tal-logħba, [...] l-Istat jista’ jeħodha f’idejh. Jekk it-tmexxija tal-logħba inkwistjoni tkun permessa li titħalla f’idejn terz, il-korrispettiv ma għandux ikun inqas minn dak propost lill-O.P.A.P. Kull logħba futura li tirrigwarda l-ġrajjiet sportivi jistgħu jitmexxew esklużivament minn O.P.A.P biss.

[...]”.

8.        Skont dan l-artikolu, fil-15 ta’ Diċembru 2000 ġie ffirmat kuntratt bejn l-Istat Grieg u l-O.P.A.P. fejn din tal-aħħar ingħatat id-dritt esklużiv, bi ħlas ta’ korrispettiv, biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob għal perijodu ta’ 20 sena.

9.        L-istatuti tal-O.P.A.P. jiddikjaraw li l-kumpannija għandha topera fl-interess pubbliku skont ir-regoli tal-ekonomija privata, li għandha tkun issorveljata mill-Ministru tal-Kultura responsabbli mill-isport u li l-għanijiet tagħha jinkludu l-organizzazzjoni, l-operat u t-tmexxija ta’ diversi logħob, li tirreklama dawk il-logħob u tmexxihom f’pajjiż barrani u li twaqqaf aġenziji. Barra minn hekk, ir-“regoli ġenerali tal-O.P.A.P. A.E. li jirregolaw l-operat tal-logħob tal-imħatri b’rebħ fiss” u r-regoli individwali għat-tmexxija tal-logħob, li l-operazzjoni tagħhom taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-regoli ġenerali, ġew approvati abbażi tad-dispożizzjonijiet regolatorji rilevanti.

D –    Il-Liġi Nru 3336/2005

10.      Permezz tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi Nru 3336/2005, l-Artikolu 27(1) tal-Liġi Nru 2843/2000 ġie ssostitwit kif ġej:

“L-Istat jista’, permezz tal-Borża ta’ Ateni, joffri lill-investituri sa sitta u sittin fil-mija (66 %) mill-kapital azzjonarju ta’ dak iż-żmien tal-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rreġistrata bħala Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou A.E. (O.P.A.P.). L-azzjonijiet tal-Istat fl-O.P.A.P. ma għandhom qatt ikunu inqas minn erbgħa u tletin fil-mija (34 %)”.

11.      L-Artikolu 14 tal-Liġi Nru 3336/2005 jipprovdi wkoll li l-Istat għandu jaħtar nofs il-membri u wieħed tal-bord tad-diretturi tal-O.P.A.P. matul il-perijodu tad-dritt esklużiv mogħti mill-Istat Grieg biex jitmexxew, jiġu organizzati u operati l-logħob imsemmija fil-kuntratt ta’ esklużività datat 15 ta’ Diċembru 2000 jew fil-perijodi tat-tiġdid tiegħu, u li l-ħatriet għandhom isiru b’deċiżjoni konġunta tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzi u l-Ministeru tal-Kultura responsabbli għall-isport.

E –    Il-Liġi Nru 3429/2005 (A’ 314)

12.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3429/2005 (A’ 314) li ġiet adottata sussegwentement, id-dritt tal-Istat biex jappunta l-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tħassar inkwantu kien kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tal-Liġi Kodifikata Nru 2190/1920 fuq il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (A’ 37), li jipprovdi li l-membri tal-bord tad-diretturi tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata għandhom jiġu eletti esklużivament mil-laqgħa ġenerali.

III – Il-fatti, il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju u d-domandi preliminari

13.      Il-kumpanniji Stanleybet, William Hill u Sportingbet huma stabbiliti fir-Renju Unit, fejn ingħataw, taħt il-liġi Ingliża rilevanti, liċenzji biex imexxu u jorganizzaw il-logħob tal-ażżard.

14.      Bil-għan li testendi l-attivitajiet kummerċjali għall-Greċja, Stanleybet, b’talba tat-30 ta’ Ġunju 2004, William Hill, b’talba tat-12 ta’ April 2007 u Sportingbet, b’talba tal-4 ta’ Ottubru 2006, talbu lill-awtoritajiet Griegi kompetenti sabiex, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, jagħtuhom il-permess jew liċenzja biex jipprovdu s-servizzi tal-logħob tal-ażżard fil-Greċja: bħalma huma s-servizzi għat-teħid, amministrazzjoni, organizzazzjoni u operazzjoni tal-imħatri b’rebħ fiss jew varjabbli fuq ġrajjiet sportivi u dawk li ma humiex, permezz ta’ netwerk ta’ aġenti u online.

15.      Peress li dawn it-talbiet ġew irrifjutati taċitament mill-awtoritajiet Griegi, peress li fit-tliet każijiet skada t-terminu ta’ tliet xhur mingħajr ma ngħataw risposta, Stanleybet, William Hill u Sportingbet ippreżentaw ir-rikorsi għall-annullament ta’ dak ir-rifjut taċitu quddiem il-qorti tar-rinviju.

16.      Skont id-digriet tar-rinviju, dawk it-talbiet quddiem l-awtoritajiet Griegi nċaħdu minħabba li taħt il-Liġijiet Nru 2433/1996 u 2843/2000 kif ukoll taħt il-kuntratt tal-15 ta’ Diċembru 2000 bejn l-Istat Grieg u l-O.P.A.P., kif imsemmi iktar ’il fuq, l-O.P.A.P. ingħatat id-dritt esklużiv, sal-2020, biex tmexxi, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard fil-Greċja.

17.      L-O.P.A.P., l-intervenjenti fil-kawża prinċipali, bdiet topera fl-1999 fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fejn l-Istat kien l-uniku azzjonist tagħha. Sussegwentement ġiet ikkwotata fil-Borża ta’ Ateni skont l-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 2843/2000, fejn l-Istat żamm il-maġġoranza assoluta (51 %) tal-azzjonijiet tagħha.

18.      Mad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 3336/2005 fl-2005, l-Istat ġie ridott għal azzjonist f’minoranza (34 %), iżda xorta waħda ħatar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tal-O.P.A.P.. Dak id-dritt li jaħtar il-maġġoranza tal-membri tal-bord tad-diretturi tħassar permezz tal-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 3429/2005.

19.      Madankollu, l-Istat għadu jikkontrolla lill-O.P.A.P., speċjalment billi japprova r-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tagħha u billi jissorvelja l-proċedura li tiġi applikata biex jitmexxa l-logħob.

20.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-O.P.A.P. espandiet l-attivitajiet tagħha barra mill-pajjiż. Fil-fatt, kif intqal fl-opinjoni motivata datata 28 ta’ Frar 2008 mogħtija mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u indirizzata lir-Repubblika Ellenika, l-O.P.A.P. kienet diġà waqqfet 206 aġenżija f’Ċipru sal-31 ta’ Marzu 2005, u dan skont ftehim bejn il-Greċja u Ċipru. L-O.P.A.P. ifformat kumpannija rreġistrata bħala O.P.A.P. Kiprou Ltd fl-2003 u kumpannija rreġistrata bħala O.P.A.P. International Ltd fl-2004, żammet 90 % tal-azzjonijiet f’O.P.A.P. Glory Ltd u 20 % mill-kumpannija Glory Technology Ltd sa mill-2003, u fformat kumpannija rreġistrata bħala O.P.A.P. Parokhis Ipiresion A.E. fil-Greċja fl-2004.

21.      Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ħadet il-pożizzjoni li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm żewġ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jimponu restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fis-settur tal-logħob tal-ażżard, li huma (i) li titnaqqas il-provvista tal-logħob tal-ażżard jew (ii) li tiġġieled il-kriminalità relatata miegħu billi jiġu kkontrollati l-kumpanniji attivi fis-settur sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet inkwistjoni jitwettqu biss f’sistemi kkontrollati.

22.      Dwar l-ewwel għan, hija tgħid li l-għoti ta’ dritt esklużiv għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata bħalma hija l-O.P.A.P. ma tistax titqies miżura adegwata biex titnaqqas il-provvista ta’ logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku.

23.      Għalkemm l-O.P.A.P. hija kumpannija pubblika u d-dħul tagħha, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħha u l-profitti distribwibbli, jgħaddi għand l-Istat, hija topera abbażi tar-regoli tal-ekonomija privata, tgawdi eżenzjonijiet rigward ir-reklamar tal-logħob tagħha fuq it-televiżjoni, tista’ tuża 10 % mill-ispazju tar-reklamar fl-istejdjums Statali u muniċipali mingħajr ħlas u hija kkwotata fuq il-Borża ta’ Ateni, inkwantu hemm ipprovdut li 66 % tal-kapital azzjonarju tagħha jista’ jiġi offrut lil investituri. Barra minn hekk, il-ġugaturi jistgħu jipparteċipaw liberament, peress li hemm limitu biss fir-rigward ta’ kull forma u mhux fir-rigward ta’ kull ġugatur.

24.      Fid-dawl ta’ dan, il-maġġoranza tal-membri tal-qorti tar-rinviju kkonkludew li ma kienx qiegħed isir sforz koerenti u sistematiku biex il-provvista titnaqqas ġenwinament u biex jiġu limitati l-attivitajiet rilevanti u li, għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax titqies li hija adegwata biex jintlaħaq dak l-għan.

25.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-minoranza tal-membri sostnew, (għalkemm dan ma jaffettwax il-fehma tal-maġġoranza), li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma huwiex li jiġu limitati l-attivitajiet rilevanti. Pjuttost, il-legalità tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan ewlieni tagħha, li huwa li tikkontrolla l-attivitajiet kriminali abbażi ta’ linja politika għall-kontroll tal-espansjoni tas-servizzi tal-logħob tal-ażżard.

26.      Għal dak li jirrigwarda l-għan li tiġġieled il-kriminalità fir-rigward tal-logħob tal-ażżard u t-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ħadet il-pożizzjoni li meta d-dritt esklużiv li jingħata ma jirriżultax fi tnaqqis tal-provvista tal-logħob tal-ażżard iżda jirriżulta, fil-fatt, f’żieda, dik iż-żieda ma għandhiex teċċedi dak li jeħtieġ biex jintlaħaq l-għan imsemmi. Hija tinnota li l-maġġoranza tal-membri tagħha sostnew li l-għoti ta’ dak id-dritt esklużiv lil organizzazzjoni li għandha l-istess karatteristiċi u li tiffunzjona bħall-O.P.A.P. ma jistax jitqies bħala espansjoni kkontrollata, filwaqt li l-opinjoni tal-minoranza kienet li l-attivitajiet tal-O.P.A.P., speċjalment minħabba r-regoli tal-logħob tal-ażżard, huma kkontrollati bil-għan li jiġi eliminat il-logħob tal-ażżard illegali.

27.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija unanima fil-fehma tagħha li jekk, b’kuntrast mal-opinjoni tal-maġġoranza, jiġi kkonstatat li l-għoti tad-dritt esklużiv inkwistjoni lil O.P.A.P. għandu jitqies bħala espansjoni kkontrollata, ikollu jiġi kkonstatat li l-għoti tiegħu ma jeċċedix dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan li tiġġieled il-kriminalità.

28.      It-tielet domanda preliminari hija intiża li tindirizza l-problema tal-lakuna li tirriżulta f’każ li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni tikser id-dritt tal-UE.

29.      F’dan l-isfond, u b’ċerta dubji raġonevoli dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, is-Simvoulio tis Epikratias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin, li fiż-żewġ każijiet huma identiċi, lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1) Leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li tiġi limitata l-offerta [provvista] ta’ logħob tal-ażżard, tagħti d-dritt esklużiv ta’ amministrazzjoni, tmexxija, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard lil impriża waħda, li għandha l-istruttura ta’ kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata u li hija kkwotata fil-borsa [borża], hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 u 49 KE [illum l-Artikoli 49 u 56 TFUE], meta, minbarra dan, din l-impriża tirreklama l-logħob tal-azżard [ażżard] li hija torganizza u li hija għandha l-intenzjoni li torganizza f’pajjiżi barranin, fejn il-ġugaturi jipparteċipaw liberament u li l-ammont massimu ta’ mħatra u ta’ rebħa [rebħ] huwa ffissat skont bullettin [kull forma] u mhux minn [skont kull] ġugatur?

(2) F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, leġiżlazzjoni nazzjonali li, [filwaqt li hija] intiża esklużivament sabiex tkun miġġielda l-kriminalità permezz tal-eżerċizzju ta’ kontroll fuq l-impriżi li joperaw fis-settur inkwistjoni, b’mod li tagħmel mezz li dawn l-attivitajiet ikunu eżerċitati unikament ġewwa ċirkuwiti kkontrollati, tagħti d-dritt esklużiv ta’ amministrazzjoni, tmexxija, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard lil impriża waħda hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43 u 49 KE, anki meta dan l-għoti għandu parallelment bħala effett espansjoni illimitata tal-offerta [provvista] kkonċernata? Jew inkella huwa meħtieġ, f’kull każ, li, sabiex il-limitazzjoni inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala adegwata sabiex jitwettaq l-għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità, il-portata tal-offerta [l-espansjoni tal-provvista] tkun, bi kwalunkwe mod [f’kull każ], ikkontrollata, jiġifieri li hija [tkun] estiża biss daqskemm meħtieġ [kemm meħtieġ] għat-twettiq ta’ dan [dak] l-għan? Fil-każ fejn din l-espansjoni għandha assolutament [dejjem] tiġi kkontrollata, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kkontrollata, minn din il-perspettiva, jekk [id-]dritt esklużiv jingħata fis-settur inkwistjoni lill-uniku korp li għandu l-karatteristiċi deskritti fl-ewwel domanda preliminari? Fl-aħħar nett, fil-każ fejn l-għoti tad-dritt esklużiv inkwistjoni huwa [jiġi] kkunsidrat bħala li jwassal għal espansjoni kkontrollata tal-offerta [provvista] ta’ logħob tal-ażżard, dan l-għoti li jsir lil impriża waħda u unika jeċċedi dak li huwa neċessarju, fis-sens li l-istess għan jista’ wkoll effettivament jintlaħaq jekk dan id-dritt jingħata lil iktar minn impriża waħda?

(3) Jekk, sussegwentement għaż-żewġ domandi preliminari msemmija iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-għoti, permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti f’dan il-każ, tad-dritt esklużiv ta’ amministrazzjoni, tmexxija, organizzazzjoni u operat tal-logħob tal-ażżard ma huwiex kompatibbli mal-Artikoli 43 u 49 [tat-Trattat KE]: a) Huwa ammissibbli, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-trattat [Trattat], li l-awtoritajiet nazzjonali ma jeżaminawx, matul it-tul ta’ [matul perijodu tranżitorju] neċessarju għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet kompatibbli mat-Trattat KE, id-domandi magħmula minn persuni legalment stabbiliti fi Stati Membri oħra bil-għan li jiġu eżerċitati [jeżerċitaw] l-attivitajiet ikkonċernati? b) F’każ ta’ risposta affermattiva, fuq il-bażi ta’ liema kriterji, it-tul ta’ dan il-perijodu tranżitorju huwa ffissat [stabbilit]? ċ) Jekk [il-]perijodu tranżitorju ma huwiex ammissibbli, fuq il-bażi ta’ liema kriterji[] l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw id-domandi kkonċernati?”

IV – Għaqda tal-kawżi

30.      Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-Kawża C‑186/11 u l-Kawża C‑209/11, dawn il-kawżi ngħaqdu b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2011 għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza.

V –    Analiżi legali

A –    L-ewwel u t-tieni domanda preliminari, li jikkonċernaw il-punt dwar jekk il-monopolju li ngħata lil O.P.A.P. huwiex konformi mal-Artikoli 49 u 56 TFUE

31.      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jixraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhomx ikunu interpretati bħala li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti d-dritt esklużiv biex tmexxi, tamministra, torganizza u topera l-logħob tal-ażżard lil impriża waħda bħalma hija l-O.P.A.P. li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, hija kkwotata fil-Borża u tirreklama u tespandi l-logħob tal-ażżard li hija torganizza. B’mod iktar partikolari, hija tixtieq tkun taf sa fejn ir-restrizzjonijiet imposti minn dak il-monopolju fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u fuq il-libertà ta’ stabbiliment jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan li tiġi limitata l-provvista tal-logħob tal-ażżard (kif imsemmija fl-ewwel domanda preliminari) jew mill-għan li tiġġieled il-kriminalità li tirrigwarda l-logħob tal-ażżard (kif imsemmi fit-tieni domanda preliminari).

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

32.      F’dak li jirrigwarda r-rinviji għal deċiżjoni preliminari preżenti, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn O.P.A.P., Stanleybet, William Hill, il-gvern Grieg, il-gvern Belġjan, u l-gvern Pollakk u mill-Kummissjoni. B’żieda ma’ dawn, Sportingbet u l-gvern Portugiż kienu rrappreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2012.

33.      Essenzjalment, Stanleybet, William Hill, Sportingbet u l-Kummissjoni huma tal-fehma li monopolju bħalma huwa dak li ngħata lil O.P.A.P. fil-Greċja, u bil-karatteristiċi deskritti mill-qorti tar-rinviju, imur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

34.      Min-naħa l-oħra, skont O.P.A.P. u l-gvern Belġjan, il-gvern Grieg u l-gvern Portugiż, leġiżlazzjoni bħalma hija dik ineżami fil-kawża prinċipali, tista’ titqies bħala li hija konformi ma’ dawk l-artikoli. Fil-fehma tagħhom, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment li jwassal għalihom l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil O.P.A.P. fis-settur tal-logħob tal-ażżard, huma ġġustifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-logħob tal-ażżard.

2.      Analiżi

35.      Bħala punt preliminari, għandu jitfakkar li skont is-separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali waħedha li għandha tevalwa l-fatti tal-każ u li, fl-aħħar mill-aħħar, tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal kull każ partikolari (2). Għaldaqstant, peress li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha dubju dwar liema għanijiet huma fil-fatt ikkontemplati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jew dwar il-livell ta’ kontroll mill-Istat fuq l-attivitajiet tal-O.P.A.P. u l-espansjoni tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, minkejja l-eżistenza ta’ fehmiet kontrastanti fuq dawk il-punti fost il-membri tal-qorti tar-rinviju, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha f’dak ir-rigward ma’ dik tal-qorti tar-rinviju (3).

36.      Minkejja dan, illum il-ġurnata hemm ħafna ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-logħob tal-ażżard li tipprovdi l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu eżaminati d-domandi preliminari magħmula f’dawn il-każijiet.

37.      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, huwa paċifiku f’dawn il-każijiet li l-għoti, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tad-dritt esklużiv lill-O.P.A.P biex tmexxi, tamministra u topera logħob tal-ażżard jimponi restrizzjonijiet kemm fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u kif ukoll fuq il-libertà ta’ stabbiliment, kif iggarantiti mill-Artikoli 49 u 56 TFUE rispettivament, inkwantu tipprojbixxi lill-fornituri bħalma huma Stanleybet, William Hill u Sportingbet, li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor, milli joffru logħob tal-ażżard fit-territorju tal-Greċja u milli jwaqqfu aġenziji, fergħat jew sussidjarji għal dak l-għan.

38.      Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk tali restrizzjonijiet jistgħux ikunu ġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-miżuri derogatorji espressament previsti mit-TFUE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (4).

39.      Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jiġu aċċettati, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fis-settur tal-logħob tal-ażżard u tal-imħatri, ikkunsidrati b’mod sħiħ, huma ta’ spiss relatati mal-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati u, b’mod iktar ġenerali, tal-konsumaturi kif ukoll mal-protezzjoni tas-soċjetà. Hija ddeċidiet ukoll li tali għanijiet jinsabu fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ksur għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (5).

40.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li l-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u mal-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza, favur l-awtoritajiet nazzjonali, ta’ setgħa diskrezzjonali suffiċjenti li tippermettilhom jiddeterminaw, skont l-iskala tal-valuri tagħhom stess, l-eżiġenzi li tinvolvi l-protezzjoni tal-konsumatur u tas-soċjetà (6).

41.      Konsegwentement, fil-prinċipju, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom dwar il-logħob tal-ażżard u tal-imħatri u, jekk ikun il-każ, li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq (7).

42.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fid-deċiżjonijiet tagħha li Stat Membru jkun intitolat li jikkunsidra li huwa biss l-għoti ta’ monopolju li jista’ jippermettilu li jilħaq l-għan li jikkontrolla r-riskji marbuta mal-qasam tal-logħob tal-ażżard li huwa jista’ jkun li hekk iddefinixxa (8).

43.      F’dak li jirrigwarda l-għanijiet li jistgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet inkwistjoni — b’mod iktar partikolari, l-għoti ta’ monopolju f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi tal-logħob tal-ażżard lill-O.P.A.P. — f’dan il-każ, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tnaqqis tal-okkażjonijiet tal-logħob u mħatri, u, it-tieni nett, il-ġlieda kontra l-kriminalità billi jissuġġettaw lill-operaturi attivi f’dan is-settur għal kontroll u billi jiġbru l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard fis-sistemi hekk ikkontrollati; huwa minnu li dawn huma fost dawk l-għanijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza bħala li huma ta’ natura li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali fis-settur tal-logħob tal-ażżard (9).

44.      Peress li d-digriet tar-rinviju huwa ambivalenti f’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-kwistjoni dwar liema għanijiet minn dawk iridu jintlaħqu b’mod effettiv mil-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni tifforma parti mill-kompetenza tal-qorti tar-rinviju (10).

45.      Fi kwalunkwe każ, minkejja l-imsemmija diskrezzjoni li ngħatat lill-Istati Membri fis-settur tal-logħob tal-ażżard, il-miżuri restrittivi li huma jimponu għandhom, xorta waħda, jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom, li hija wkoll kwistjoni li tibqa’ biex tiġi finalment deċiża mill-qorti nazzjonali (11).

46.      Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali għandha teżamina jekk ir-restrizzjoni kkonċernata hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu wieħed jew iktar mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata bil-livell ta’ protezzjoni li hija tixtieq, u jekk tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet (12).

47.      B’mod partikolari, f’dan il-kuntest għandu jitfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk verament hija tkun tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (13).

48.      Għaldaqstant, fil-kuntest tal-għan li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob tal-ażżard u mħatri, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura, b’mod partikolari, fid-dawl tal-modalitajiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni restrittiva kkonċernata, li din tirrispondi realment għar-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku (14).

49.      Il-qorti tar-rinviju indikat, madankollu, li skont il-maġġoranza tal-membri tagħha, hija tal-fehma li l-monopolju stabbilit fil-Greċja favur l-O.P.A.P. u l-mod li bih dan jopera fil-prattika ma jistax jitqies li jirrifletti din ir-rieda.

50.      Pjuttost, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni domanda preliminari u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-O.P.A.P. tidher li ssegwi politika kummerċjali espansjonista u d-dritt esklużiv li ngħatalha jwassal għal żieda fil-provvista tal-logħob tal-ażżard.

51.      Dawn iċ-ċirkustanzi, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, huma fil-fehma tiegħi manifestament inkonsistenti mal-allegat għan li jitnaqqsu l-okkażjonijiet ta’ logħob tal-ażżard u mħatri fil-Greċja.

52.      F’dan il-kuntest, f’dak li jirrigwarda l-elementi varji ċċitati mill-qorti tar-rinviju li jikkaratterizzaw il-qafas regolatorju tal-O.P.A.P. u l-mod li bih hija topera fil-prattika — jiġifieri, il-fatt li hija għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fil-Borża, li hija tgawdi ċerti drittijiet u privileġġi f’dak li jirrigwarda r-reklamar tal-logħob tal-ażżard tagħha, li hija tespandi f’pajjiżi barranin u li l-imħatri u rebħ massimi huma stabbiliti skont kull forma u mhux skont kull ġugatur —, għalkemm, jista’ jingħad li ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħudin individwalment, ma huma tali li jeskludu awtomatikament il-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprova, permezz tal-monopolju, tnaqqas l-okkażjonijiet ta’ logħob tal-ażżard u tillimita l-attivitajiet f’dan il-qasam, dawn l-elementi għandhom jittieħdu u jiġu evalwati flimkien sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni restrittiva hijiex ġenwinament koerenti mal-għan imsemmi.

53.      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tista’ tikkonkludi leġittimament li l-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni ma tirriflettix ġenwinament ir-rieda li jitnaqqsu l-okkażjonijiet tal-logħob tal-ażżard jew li jiġu limitati l-attivitajiet f’dak is-settur b’mod koerenti u sistematiku.

54.      It-tieni nett, inkwantu jirrigwarda l-għan li jiġi prekluż l-użu tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard u mħatri għal skopijiet kriminali jew frawdolenti billi dawn jiġu ddirezzjonati lejn sistema kkontrollata, il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi sentenzi ddeċidiet, fil-fatt li, minn dan l-aspett, linja politika li tikkontrolla l-espansjoni tal-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard tista’ tkun koerenti mal-għan li dawn jiġu diretti lejn ambjenti kkontrollati billi l-ġugaturi jinġibdu ’l barra minn attivitajiet ta’ logħob u mħatri klandestini pprojbiti, biex minflok jiġu diretti lejn attivitajiet awtorizzati u regolamentati (15).

55.      Sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ direzzjoni lejn ambjenti kkontrollati, l-operaturi awtorizzati jew id-detentur tal-monopolju pubbliku, skont il-każ, għandhom joffru alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attivitajiet mhux regolamentati, liema ħaġa tista’ fiha nnifisha timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, reklamar ta’ ċertu firxa u l-użu ta’ tekniki ġodda ta’ distribuzzjoni (16).

56.      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni quddiemha, politika dinamika u espansiva tad-detentur tal-monopolju tistax titqies — fid-dawl b’mod partikolari, tal-firxa ta’ reklamar magħmul u tal-ħolqien ta’ logħob ġdid — bħala li taqa’ fil-kuntest ta’ politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob tal-ażżard intiża sabiex effettivament tidderieġi l-inklinazzjoni għal-logħob lejn ambjenti kkontrollati (17).

57.      Fir-rigward tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju f’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-linja politika ta’ espansjoni tal-logħob tal-ażżard tista’ titqies li hija koerenti biss jekk kemm-il darba jkun hemm problema reali ta’ attivitajiet kriminali u frawdolenti ta’ ċertu portata marbut mal-logħob tal-ażżard fil-Greċja, li l-espansjoni ta’ attivitajiet awtorizzati u regolati jkunu kapaċi li jsolvu (18).

58.      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet konsistement li l-istabbiliment ta’ miżura daqstant restrittiva bħalma huwa monopolju, bħalma huwa dak mogħti lill-O.P.A.P., għandu jkun akkumpanjat mill-implementazzjoni ta’ kuntest leġiżlattiv xieraq sabiex jiżgura li d-detentur tal-imsemmi monopolju jkun kapaċi li jfittex, b’mod koerenti u sistematiku, l-għan hekk stabbilit permezz ta’ offerta kwantitattivament meqjusa u kwalitattivament ippreparata skont l-għan imsemmi u suġġetta għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (19).

59.      Mir-rekwiżiti stretti relatati mal-proporzjonalità tal-monopolju kkonċernat jirriżulta ċar li politika ta’ espansjoni fi ħdan id-detentur ta’ monopolju li tkun ikkaratterizzata, inter alia, bl-espansjoni tal-provvista ta’ logħob tal-ażżard u b’reklamar ta’ dak il-logħob, għandha, l-ewwel nett, tibqa’ titkejjel u tibqa’ limitata strettament għal dak li hu neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu diretti lejn netwerks ta’ logħob ikkontrollati u, t-tieni nett, li l-provvista ta’ logħob għandha tkun suġġetta għal kontroll strett.

60.      Fil-fehma tiegħi, jirriżulta ċar mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet li, minkejja l-evalwazzjoni finali mill-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, l-attivitajiet tal-O.P.A.P. la huma suġġetti għal kontroll strett mill-awtoritajiet pubbliċi u lanqas huma limitati effettivament mill-qafas leġiżlattiv li japplika għalihom.

61.      B’mod partikolari, inkwantu l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lill-O.P.A.P. fis-settur tal-logħob tal-ażżard iwassal għal żieda fil-provvista tal-logħob tal-ażżard f’livell li jmur lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan li tiġġieled il-kriminalità billi tiġi ddirezzjonata d-domanda għalih jew ukoll twassal għal espansjoni illimitata ta’ dik il-provvista, il-qorti tar-rinviju tista’, kif fil-fatt għamlet bil-maġġoranza tal-opinjoni espressa fid-digriet tar-rinviju, tikkonkludi leġittimament li l-monopolju inkwistjoni ma jistax jitqies bħala li huwa intiż li jikkontrolla l-espansjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif deskritta hawn fuq.

62.      Fid-dawl ta’ dan kollu, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari tkun li l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tagħti d-dritt esklużiv li tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fuq il-borża, tista’ tkun iġġustifikata inkwantu dik il-leġiżlazzjoni tkun tfittex verament l-għan li tillimita l-provvista ta’ logħob tal-ażżard jew l-għan li tiġġieled il-kriminalità relatata mal-logħob tal-ażżard billi tiddirezzjona lill-ġugaturi lejn sistemi kkontrollati u li hija tirrifletti ġenwinament ir-rieda li tilħaq dawk l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi liema minn dawk l-għanijiet huwa, fil-fatt, imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u jekk dik il-leġiżlazzjoni tissodisfax ġenwinament ir-rieda li jintlaħaq dak l-għan b’mod koerenti u sistematiku. B’mod iktar partikolari, inkwantu l-qorti nazzjonali kkonstatat li l-għan rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa dak li tillimita l-provvista ta’ logħob tal-ażżard fil-Greċja, dik il-qorti ma tistax tikkonkludi li dik il-leġiżlazzjoni tirrifletti ġenwinament ir-rieda li jintlaħaq dak l-għan b’mod koerenti u sistematiku jekk hija tikkonstata li d-detentur tal-monopolju għandu, fil-verità, politika espansjonista u li d-dritt esklużiv li ngħatalu jwassal għal żieda fil-provvista ta’ logħob tal-ażżard iktar milli għal tnaqqis. Min-naħa l-oħra, inkwantu l-qorti nazzjonali tidentifika l-ġlieda kontra l-kriminalità relatata mal-logħob tal-ażżard billi l-ġugaturi jiġu ddirezzjonati f’ċirkuwiti awtorizzati u regolamentati, bħala li hija l-unika għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-linja politika ta’ espansjoni li jkollu d-detentur tal-monopolju, li tkun ikkaratterizzata, inter alia, bl-espansjoni tal-provvista tal-logħob tal-ażżard u bir-reklamar ta’ dak il-logħob, tista’ titqies koerenti biss inkwantu jkun hemm problema reali ta’ attivitajiet kriminali u frawdolenti f’livell sinifikattiv marbutin mal-logħob tal-ażżard fil-Greċja, li jistgħu jkunu ttrattati bl-espansjoni ta’ attivitajiet awtorizzati u regolamentati. Barra minn hekk, l-espansjoni tal-provvista tal-logħob tal-ażżard u r-reklamar ta’ dak il-logħob għandu, l-ewwel nett, jibqa’ jitkejjel u limitat strettament għal dak li hu neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu ddirezzjonati lejn netwerks tal-logħob tal-ażżard ikkontrollati u, t-tieni nett, il-provvista tal-logħob tal-ażżard min-naħa tad-detentur tal-monopolju għandha tkun suġġetta għal kontroll strett mill-awtoritajiet pubbliċi.

B –    It-tielet domanda preliminari li tikkonċerna l-konsegwenzi li għandhom jaslu għalihom l-awtoritajiet nazzjonali f’każ ta’ konstatazzjoni fis-sens li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni huma inkompatibbli mal-Artikoli 49 u 56 TFUE

63.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment x’inhuma l-konsegwenzi li għandha tasal għalihom f’każ li tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. F’dan ir-rigward, hija tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux, għal perijodu tranżitorju, jastjenu milli jiddeċiedu talbiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ liċenzji fis-settur tal-logħob tal-ażżard.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

64.      Għalkemm f’ċertu dettall irrispondew differenti, fis-sustanza l-gvern Grieg, il-gvern Pollakk u dak Belġjan jaqblu fir-risposti tagħhom fis-sens li jekk il-leġiżlazzjoni Griega inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-UE, għandu jingħata perijodu tranżitorju sabiex tiġi adottata leġiżlazzjoni ġdida li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Skont dawn il-partijiet, fin-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida adegwata, ma hemmx bażi legali jew bażi legali suffiċjenti fid-dritt tal-UE jew fid-dritt nazzjonali biex jiġu deċiżi l-applikazzjonijiet inkwistjoni.

65.      Min-naħa l-oħra, Stanleybet, William Hill, Sportingbet u l-Kummissjoni jargumentaw li, fid-dawl tal-effett dirett u s-supremazija tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Winner Wetten (20), ma hemm ebda lok li jingħata perijodu tranżitorju kif imsemmi fit-tielet domanda li matulu l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tkompli tapplika. Dawn il-partijiet jipproponu essenzjalment li t-talbiet għall-permessi biex joperaw fis-settur tal-logħob tal-ażżard għandhom jiġu pproċessati mill-awtoritajiet nazzjonali każ b’każ u/jew fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw direttament mid-dritt tal-UE jew, b’analoġija, mill-bqija tal-qafas nazzjonali regolatorju.

2.      Analiżi

66.      Għandu jitfakkar li fis-sentenza tagħha Winner Wetten (21), l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq analiżi tal-ġurisprudenza tagħha dwar is-supremazija u l-applikabbiltà diretta tad-dritt tal-Unjoni (22) (b’mod partikolari s-sentenzi Simmenthal (23) u Factortame et (24)) diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar monopolju tal-Istat fuq l-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn qorti nazzjonali, tinkludi restrizzjonijiet inkompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi dawn ir-restrizzjonijiet ma jikkontribwixxux sabiex jiġu limitati l-attivitajiet ta’ mħatri b’mod koerenti u sistematiku, ma tistax tkompli tapplika matul perijodu tranżitorju (25).

67.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-ġurisprudenza tagħha dwar iż-żamma tal-effetti ta’ att tal-Unjoni Ewropea li ġie annullat jew iddikjarat invalidu, li huwa maħsub sabiex ma jkunx hemm lakuna legali, tista’ tiġi applikata b’analoġija u twassal, eċċezzjonalment, għal sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni li r-regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li hija direttament applikabbli għandha fuq id-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Madankollu, hija eskludiet il-possibbiltà li jkun hemm tali sospensjoni f’dak il-każ minħabba n-nuqqas ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw is-sospensjoni fis-sens tal-ġurisprudenza (26).

68.      F’dan il-kuntest, skont il-qorti tar-rinviju f’dak il-każ, il-leġiżlazzjoni restrittiva inkwistjoni f’dak il-każ ma kinitx tikkontribwixxi, effettivament, biex jiġu limitati l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard b’mod koerenti u sistematiku, u għaldaqstant skont il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali leġiżlazzjoni tikser l-Artikoli 43 KE u 49 KE (illum l-Artikoli 49 u 56 TFUE).

69.      Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jidhrux li huma sostanzjalment differenti minn dawk tas-sentenza Winner Wetten, ma hemmx lok li jiġi deċiż li, jekk il-leġiżlazzjoni restrittiva inkwistjoni tinstab mill-qorti tar-rinviju li tmur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE, skont il-kriterji pprovduti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda n-natura sistematika u koerenti tal-miżura restrittiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tibqa’ tapplika għal perijodu tranżitorju.

70.      Din il-konklużjoni ma tiġix affettwata bis-sentenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (27). F’dak il-każ, li kien jikkonċerna digriet li ġie adottat bi ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni ambjentali kif preskritt fid-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju, jekk ikun hemm kunsiderazzjoni imperattiva li tirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent u suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet, tista’ eċċezzjonalment tkun awtorizzata tuża d-dispożizzjoni nazzjonali li tippermettilha żżomm ċerti effetti ta’ miżura nazzjonali annullata (29).

71.      Madankollu, mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza, huwa ċar li l-awtorizzazzjoni biex tinżamm il-miżura li tkun tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea hija intiża li tkun strettament eċċezzjonali u suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi ħafna kif ifformulati f’dik is-sentenza, li manifestament ma japplikawx għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ (30).

72.      Fuq kollox, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ kunsiderazzjoni imperattiva li tirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent (31). F’dan il-każ ma jidher li hemm ebda kunsiderazzjoni imperattiva simili li hija tali li tiġġustifika s-sospensjoni.

73.      Fid-dawl tas-suespost, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari fis-sens li, inkwantu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li tagħti d-dritt esklużiv li jitmexxew, jiġu amministrati, organizzati u operati logħob tal-ażżard hija inkompatibbli mal-Artikoli 46 u 56 TFUE, minħabba li ma tikkontribwixxix biex tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jew biex tiddirezzjona lill-ġugaturi f’sistemi kkontrollati b’mod koerenti u sistematiku, dik il-leġiżlazzjoni ma tistax tkompli tapplika għal perijodu tranżitorju.

VI – Konklużjoni

74.      Għar-raġunijiet hawn fuq premessi, nipproponi li għad-domandi magħmula mis-Simvoulio tis Epikratias (il-Greċja) tingħata r-risposta li ġejja:

“1) l-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tagħti d-dritt esklużiv li tmexxi, tamministra, torganizza u topera logħob tal-ażżard lil impriża waħda li għandha l-istruttura ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata u hija kkwotata fuq il-borża, tista’ tkun iġġustifikata inkwantu dik il-leġiżlazzjoni tkun tfittex verament l-għan li tillimita l-provvista ta’ logħob tal-ażżard jew l-għan li tiġġieled il-kriminalità relatata mal-logħob tal-ażżard billi tiddirezzjona lill-ġugaturi lejn sistemi kkontrollati u li hija tirrifletti ġenwinament ir-rieda li tilħaq dawk l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi liema minn dawk l-għanijiet huwa, fil-fatt, imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u jekk dik il-leġiżlazzjoni tissodisfax ġenwinament ir-rieda li jintlaħaq dak l-għan b’mod koerenti u sistematiku. B’mod iktar partikolari, inkwantu l-qorti nazzjonali kkonstatat li l-għan rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa dak li tillimita l-provvista ta’ logħob tal-ażżard fil-Greċja, dik il-qorti ma tistax tikkonkludi li dik il-leġiżlazzjoni tirrifletti ġenwinament ir-rieda li jintlaħaq dak l-għan b’mod koerenti u sistematiku jekk hija tikkonstata li d-detentur tal-monopolju għandu, fil-verità, politika espansjonista u li d-dritt esklużiv li ngħatalu jwassal għal żieda fil-provvista ta’ logħob tal-ażżard iktar milli għal tnaqqis. Min-naħa l-oħra, inkwantu l-qorti nazzjonali tidentifika l-ġlieda kontra l-kriminalità relatata mal-logħob tal-ażżard billi l-ġugaturi jiġu ddirezzjonati f’ċirkuwiti awtorizzati u regolamentati, bħala li hija l-unika għan imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-politika ta’ espansjoni li jkollu d-detentur tal-monopolju, li tkun ikkaratterizzata, inter alia, bl-espansjoni tal-provvista tal-logħob tal-ażżard u bir-reklamar ta’ dak il-logħob, tista’ titqies koerenti biss inkwantu jkun hemm problema reali ta’ attivitajiet kriminali u frawdolenti f’livell sinifikattiv marbutin mal-logħob tal-ażżard fil-Greċja, li jistgħu jkunu ttrattati bl-espansjoni ta’ attivitajiet awtorizzati u regolamentati. Barra minn hekk, l-espansjoni tal-provvista tal-logħob tal-ażżard u r-reklamar ta’ dak il-logħob għandu, l-ewwel nett, jibqa’ jitkejjel u limitat strettament għal dak li hu neċessarju sabiex il-konsumaturi jiġu ddirezzjonati lejn netwerks tal-logħob tal-ażżard ikkontrollati u, t-tieni nett, il-provvista tal-logħob tal-ażżard min-naħa tad-detentur tal-monopolju għandha tkun suġġetta għal kontroll strett mill-awtoritajiet pubbliċi;

2) inkwantu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li tagħti d-dritt esklużiv li jitmexxew, jiġu amministrati, organizzati u operati logħob tal-ażżard hija inkompatibbli mal-Artikoli 46 u 56 TFUE, minħabba li ma tikkontribwixxix biex tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard jew biex tiddirezzjona lill-ġugaturi f’sistemi kkontrollati b’mod koerenti u sistematiku, dik il-leġiżlazzjoni ma tistax tkompli tapplika għal perijodu tranżitorju.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Winner Wetten (C-409/06, Ġabra p. I‑8015, punt 49); IKA (C-326/00, Ġabra p. I‑1703, punt 27); International Mail Spain (C-162/06, Ġabra p. I‑9911, punt 24); u l-kawżi maqgħuda van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I‑4233, punti 22 u 23).


3 – Ara, f’dan is-sens, pereżempju, s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010 Sporting Exchange (C-203/08, Ġabra p. I‑4695, punt 29), u s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011 Dickinger u Ömer (C-347/09, Ġabra p. I‑8185, punti 50 u 51),.


4 – Ara, inter alia, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C-42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 55).


5 – Kawżi magħquda Stoß et (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I‑8069, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6 – Ara inter alia, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, u Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 76.


7 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 59.


8 – Ara f’dan is-sens, is-sentenza Zeturf (C-212/08, Ġabra p. I‑5633, punt 41), u Stoß et., iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 81 u 83.


9 – Ara l-Kawżi Magħquda Costa (C-72/10 u C-77/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61), u l-Kawżi Magħquda Placanica et (C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I‑1891, punti 46 u 52).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 51, u Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 29.


11 – Ara s-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 43, u s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 59 u 60.


12 – Ara, f’dan is-sens, pereżempju s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 60.


13 – F’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Costa, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 63 u s-sentenza Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 48 u 53.


14–      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 56 u Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 98.


15–      Ara s-sentenza Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 63; Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 101 u 102; u Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 55.


16–      Ara s-sentenza Dickinger et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 64, u Placanica et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 55.


17 – Ara pereżempju, is-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 69, u s-sentenza Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (C-258/08, Ġabra p. I‑4757, punt 37).


18 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dickinger u Ömer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 66 u 67, u Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, punti 29 u 30.


19 –      Ara s-sentenza Zeturf, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 58, u Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 83.


20 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


21 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


22 – Ara s-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, b’mod partikolari l-punti 53 sa 61.


23 – Ara s-sentenza 106/77, Ġabra p. 629.


24 –      Ara s-sentenza C-213/89, Ġabra p. I‑2433.


25 – Ara s-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 69 u d-dispożittiv tas-sentenza.


26–      Ara s-sentenza Winner Wetten, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 66 u 67.


27–      Kawża (C-41/11).


28–      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.


29 – Ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 57 sa 62.


30 – Ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 63.


31 – Ara s-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 57 u 58.