Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-13 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Svea hovrätt - l-Isvezja) – Nils Svensson, Sten Sjögren, Madelaine Sahlman, Pia Gadd vs Retriever Sverige AB

(Kawża C-466/12)1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE — Soċjetà tal-informazzjon — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati — Artikolu 3(1) — Avviż lill-pubbliku — Kunċett — Link tal-internet (‘links li tikklikkja fuqhom’) li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Svea hovrätt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nils Svensson, Sten Sjögren, Madelaine Sahlman, Pia Gadd

Konvenuta: Retriever Sverige AB

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Svea Hovrätt - Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) - Sit tal-internet ta’ riċerka u sorveljanza li jiżgura lill-abbonati tiegħu servizz ta’ aċċess għal xogħlijiet protetti, bi ħlas - Provvista minn persuna oħra li ma hijiex l-awtur tax-xogħol jew minn dawk li għandhom id-dritt għal link fuq il-paġna tal-web tagħha li tagħti aċċess għall-biċċa tax-xogħol

Dispożittiv

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista fuq sit internet ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit tal-internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi Stat Membru milli jagħti protezzjoni iktar wiesgħa lit-titulari ta’ dritt tal-awtur billi jipprovdi li l-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi iktar operazzjonijiet minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

____________

1 ĠU C 378, 8.12.2012.