Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fis-7 ta’ Ġunju 2017 – Virginie Marie Gabriel Guigo vs Fond “Garantirani vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite”

(Kawża C-338/17)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Varhoven administrativen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Virginie Marie Gabriel Guigo

Konvenut: Fond “Garantirani vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite”

Domandi preliminari

L-Artikoli 151 u 153 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 3, 4, 11 u 12 tad-Direttiva 2008/94 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu dispożizzjoni nazzjonali, bħalma hija l-Artikolu 4(1) taż-Zakon za Garantiranite vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite pri nesastoyatelnost na rabotodatelia (liġi dwar dwar il-pretensjonijiet iggarantiti tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega), li tipprovdi li huma esklużi mill-protezzjoni ta’ pretensjonijiet pendenti marbuta mal-impjieg dawk il-persuni li r-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom ikunu ntemmu qabel il-perijodu stabbilit ta’ tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza fir-rigward tal-assi tal-persuna li timpjega?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv: Il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-għanijiet soċjali tal-Artikoli 151 u 153 TFUE u tad-Direttiva 2008/94, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jitqies li hija konformi miżura nazzjonali, bħall-Artikolu 25 taż-Zakon za Garantiranite vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite pri nesastoyatelnost na rabotodatelia, li tipprovdi li mal-iskadenza ta’ terminu ta’ xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza jintemm kemm id-dritt li jsiru u kemm id-dritt li jkunu mħallsa pretensjonijiet iggarantiti, sa fejn fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru teżisti dispożizzjoni, bħat-tielet punt tal-Artikolu 358(1) tal-Kodeks na truda (kodiċi tal-impjieg), li tipprovdi li t-terminu sabiex isiru pretensjonijiet pendenti fil-qasam tal-impjieg huwa ta’ tliet snin, ikkalkolat mid-data li fiha l-pretensjoni kien imissha tħallset, u li l-ħlasijiet li jsiru lil hinn minn dan it-terminu ma jiġux ikkunsidrati li huma ħlasijiet li ma kinux dovuti?

L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, ħaddiema u impjegati li jkollhom pretensjonijiet pendenti u li r-relazzjonijiet legali tagħhom intemmu qabel it-terminu stabbilit ta’ tliet xhur qabel ir-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, u dawk li r-relazzjonijiet legali tagħhom intemmu matul it-terminu stabbilit ta’ tliet xhur, u, min-naħa l-oħra, bejn tali ħaddiema u impjegati u dawk li huma intitolati għal protezzjoni fir-rigward tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom minħabba li r-relazzjonijiet legali ta’ impjieg tagħhom intemmu fit-terminu ta’ tliet snin mid-data li fiha l-pretensjoni kien imissha tħallset, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 358 tal-Kodeks na truda?

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/94, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 3 tagħha u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjoni, bħall-Artikolu 25 taż-Zakon za Garantiranite vzemania na rabotnitsite i sluzhitelite pri nesastoyatelnost na rabotodatelia, li tipprovdi li, b’mod awtomatiku u mingħajr il-possibbiltà ta’ eżami każ b’każ taċ-ċirkustanzi rilevanti, mal-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mid-data tar-reġistrazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, jintemm kemm id-dritt li jsiru u kemm id-dritt li jkunu mħallsa pretensjonijiet iggarantiti fil-qasam tal-impjieg?

____________

1     Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36).