Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2017 minn Alcohol Countermeasure Systems (International) Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fid-29 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-638/15, Alcohol Countermeasure Systems (International) vs EUIPO

(Kawża C-340/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Alcohol Countermeasure Systems (International) Inc. (rappreżentanti: E. Baud u P. Marchiset, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-Appellanti

preliminarjament u fl-assenza tal-approvazzjoni bil-miktub tal-EUIPO għas-sospenzjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza;

tannulla s-sentenza għall-motivi invokati f’dan ir-rikors […];

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO fil-Każ R 1323/2014-1, bid-data tal-11 ta’ Awwissu 2015;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza u tordna s-sospensjoni tal-proċedura sakemm jintemm il-proċess Brexit jew sal-31 ta’ Mejju 2019 l-iktar kmieni, jiġifieri sad-data limitu stabbilita fl-Artikolu 50 tat-Trattat;

tikkundanna lil Lion Laboratories u lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea jbatu l-ispejjeż tagħhom u kif ukoll dawk ta’ ACS sostnuti kemm fil-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T-638/15 kif ukoll fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

1)    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-iżnaturament tad-dikjarazzjonijiet ta’ ACS fir-rikors tagħha, riprodotti fil-punt 86 tas-sentenza, li skonthom 64 strument inbiegħu “matul il-perijodi rilevanti”, meta din iċ-ċifra (mhux ikkontestata) kienet marbuta mal-ewwel perijodu biss (mill-5 ta’ Ottubru 2004 sal-4 ta’ Ottubru 2009).

2)    It-tieni aggravju huwa wkoll ibbażat fuq l-iżnaturament ta’ ittra datata l-21 ta’ Marzu 2013 mibgħuta mill-avukat ta’ Lion Laboratories lill-EUIPO, kif ukoll fuq ksur tar-Regolament Nru 207/2009 1 , b’mod partikolari tal-Artikolu 57(2) tiegħu u tar-Regolament Nru 2868/95 2 (Regola 22(2) u Regola 40(5)). Din l-ittra ma kienet tinkludi ebda riferiment għan-numru ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti (trade mark tar-Renju Unit Nru 2040518), iżda għamlet, minflok, żewġ riferimenti għat-trade mark tar-Renju Unti Nru 2371210, fis-sens li Lion Laboratories (i) ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tipprovdi provi li jippermettu li jiġi stabbilit l-użu tat-trade mark tar-Renju Unti Nru 2040518 jew tat-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni, jew (ii) bidlet it-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-imsemmija proċedura.

3)    It-tielet aggravju huwa relatat mal-mod kif il-Qorti Ġenerali (i) injorat il-kunċett ta’ “użu ġenwin”, kif previst mir-Regolament Nru 207/2009 u interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C-40/01, EU:C:2003:145) u (ii) applikat metodoloġija żbaljata. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tillimita l-analiżi tagħha għall-ewwel perijodu u milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċifri ta’ bejgħ previsti miftiehma fil-ftehim ta’ liċenzja esklużiva. Barra minn hekk, u fid-dawl tal-użu kwantitattiv dgħajjef ħafna u limitat fiż-żmien matul l-ewwel perijodu, l-użu ġenwin ma ġiex stabbilit b’riferiment għal diversi fatturi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa (bħal (i) iċ-ċifri ta’ bejgħ previsti mill-partijiet fil-ftehim ta’ liċenzja, (ii) il-karatteristiċi tas-suq (li jinkludi 30 miljun klijent) u (iii) in-natura tal-prodotti (fosthom breathalyzers), (iv) l-eżistenza tat-trade mark tar-Renju Unit Nru 2371210 ippreżentata fl-2004). Il-Qorti Ġenerali tat attenzjoni sproporzjonata lil ċerti dokumenti, inklużi elementi relatati mas-servizzi, meta t-trade mark preċedenti kienet invokata insostenn tal-oppożizzjoni għal prodotti fil-klassi 9 biss.

4)    Ir-raba’ aggravju janalizza l-mod li bih il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-kunċett ta’ “użu ġenwin” billi applikat kriterju mhux xieraq sabiex tiddetermina jekk il-marka preċedenti ġietx użata bħala trade mark. Barra minn hekk, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline (C-17/06, EU:C:2007:497) ma tistax tiġi applikata fil-każ fejn (i) trade marks oħra huma mwaħħla fuq il-prodotti, (ii) tali prodotti għandhom ismijiet oħra u (iii) it-trade mark kienet ukoll meqjusa bħala isem komuni minn xi klijenti. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu ostakolu addizzjonali għall-istabbiliment ta’ rabta, f’moħħ il-klijent, bejn it-trade mark preċedenti u s-sinjal użat bħala isem komuni jew bħala denominazzjoni ta’ kumpannija.

5)    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju ta’ ordni pubbliku: dritt tar-Renju Unit preċedenti ma jistax jippermetti l-annullament ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-proċess tal-Brexit u tan-notifika mibgħuta mir-Renju Unit skont l-Artikolu 50 TUE. L-awtorizzazzjoni ta’ dan l-annullament ikollha l-effett li żżid l-ispejjeż u toħloq ostakoli inutli u sproporzjonati għall-protezzjoni unitarja tat-trade marks, meta fi żmien sentejn jew inqas, ir-Renju Unit ma jkunx għadu jagħmel parti mis-sistema tat-trade mark unitarja tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali kisret, għaldaqstant, il-prinċipju ta’ territorjalità stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi tal-1883 kif ukoll l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU 1995, L 303, p. 1).