Language of document : ECLI:EU:C:2012:607

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawża C‑212/11

Jyske Bank Gibraltar Ltd

vs

Administración del Estado

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja)]

“Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu — Direttiva 2005/60/KE — Obbligu ta’ rapportaġġ ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu — Istituzzjoni li topera taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Identifikazzjoni tal-unità nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni — Interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 — Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali — Kapaċità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tilħaq l-għanijiet li jridu jintlaħqu — Proporzjonalità”





1.        Istituzzjoni ta’ kreditu għandha tikkomunika l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru li fih hija tipprovdi s-servizzi tagħha jew lil dik l-unità tal-Istat Membru li fih hija stabbilita s-sede tagħha?

2.        Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tidentifika l-unità tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli mill-ġbir, mill-analiżi, sussegwentement mit-trażmissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-prosekuzzjoni u l-pieni tal-kriminalità finanzjarja (iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet finanzjarji kompetenti”) ta’ informazzjoni relatata mat-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi. Il-kwistjoni hija importanti għaliex tiżgura l-implementazzjoni effikaċi u koerenti mhux biss tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu prevista mid-Direttiva 2005/60/KE (2), iżda wkoll il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2000/642/JHA (3) fir-rigward tal-iskambju tal-intelliġenza finanzjarja. L-għan huwa sempliċi, peress li jipprekludi lil dawk li jipprattikaw il-ħasil tal-flus milli japprofittaw u jieħdu vantaġġ mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi sabiex jiffaċilitaw l-attivitajiet kriminali tagħhom għad-detriment tal-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri.

3.        Din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ kawża bejn, oriġinarjament, is-Servicio Ejecutivo de la Comisión de Prevención del Blanqueo de Capitales e Infracciones Monetarias (4), li hija l-unità tal-intelliġenza finanzjarja Spanjola, u Jyske Bank Gibraltar Ltd (5), istituzzjoni ta’ kreditu li teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Spanja taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li s-sede tagħha tinsab f’Ġibiltà. Jyske kienet ikkundannata mill-Kunsill tal-Ministri Spanjol multa ta’ EUR 1 700 000 għaliex hija rrifjutat li tikkomunika l-informazzjoni relatata ma’ ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi rikjesta mis-Servicio Ejecutivo. Quddiem l-awtoritajiet nazzjonali, Jyske sostniet li hija ma hiijiex suġġetta għal tali obbligu ta’ informazzjoni ħlief fir-rigward tal-unità tal-intelliġenza finanzjarja tat-territorju li fih hija stabbilita, jiġifieri Ġibiltà, u dan skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60.

4.        F’din il-kawża, it-Tribunal Supremo (Spanja) li quddiemu Jyske ikkontestat il-multa li ġiet imposta fuqha, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni meta teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-libertà li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju nazzjonali jittrażmettu l-informazzjoni rikjesta għal-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja direttament lill-unità nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni. Ser nibbaża l-evalwazzjoni tiegħi mhux biss fuq it-termini tad-dispożizzjoni imsemmija iżda wkoll fuq l-istruttura ta’ din id-direttiva u fuq l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq.

6.        F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-imsemmija interpretazzjoni, se nesponi, sussidjarjament, li l-Istat Membru jista’, skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, jistabbilixxi dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu bil-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward ser nesponi li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u ser neżamina sa fejn din tista’ tkun iġġustifikata.

7.        Ser nindika li l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix l-imsemmija leġiżlazzjoni jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, li għandha tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet li trid tilħaq, li ma għandhiex teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex tilħaqhom u li għandha tkun applikata b’mod nondiskriminatorju. Fir-rigward ta’ dawn id-diversi kundizzjonijiet, jien ser nagħmel xi preċiżazzjonijiet.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2005/60

8.        Id-Direttiva 2005/60 ħassret id-Direttiva 91/308/KEE (6). Hija tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu billi teżiġi mingħand l-Istati Membri, minn naħa, li jipprojbixxu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxu responsabbiltà fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’mod partikolari, obbligi ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti kif ukoll obbligi tar-rapportaġġ dwar it-twettiq ta’ tranżazzjonijiet suspettużi. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu rekwiżiti minimi, komuni fl-Istati Membri kollha u jħallu lil dawn tal-aħħar, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60, marġni ta’ manuvra sabiex jadottaw jew iżommu standards iktar stretti fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom.

9.        In-natura u l-portata tal-obbligi tar-rapportaġġ huma stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/60.

10.      Skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditur jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe attività li huma jqisu li tista’ tkun relatata ma’ ħasil tal-flus jew ma’ finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi u, b’mod partikolari, lil tranżazzjonijiet kumplessi, insoliti jew ta’ ammonti partikolarment kbar.

11.      Permezz tal-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom iwaqqfu unità nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli li tiġbor, li tanalizza u li titrażmetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-informazzjoni relatata mal-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi.

12.      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2005/60 — li t-termini tiegħu għandhom jiġu hawn interpretati — jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet u l-persuni koperti b’din id-Direttiva, u fejn applikabbli d-diretturi u l-impjegati tagħhom, jikkoperaw b’mod sħiħ:

[...]

(b)      billi jipprovdu fil-pront lil [l-unità tal-informazzjoni finanzjarja], fuq talba tagħha, l-informazzjoni neċessarja kollha, skond il-proċeduri stabbiliti mil-liġi applikabbli.

2.      L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat lill-[unità tal-informazzjoni finanzjarja], ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istituzzjoni jew il-persuna li qed tibgħat l-informazzjoni. [...]”.

13.      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 39(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet amministrattivi kontra l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-imsemmija direttiva. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.      Id-Deċiżjoni 2000/642

14.      Id-Deċiżjoni 2000/642 tistabbilixxi l-arranġamenti fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-unitajiet nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja, bil-għan li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib u effikaċi bejn dawn id-diversi entitajiet (7). L-imsemmija deċiżjoni tapplika f’Ġibiltà, peress li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq nnominaw unità tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli mit-territorju imsemmi (8).

15.      L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-[unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja] stabbiliti jew nominati sabiex jirċievu l-isvelar ta’ l-informazzjoni finanzjarja għall-għan li jikkumbattu l-money laundering [ħasil tal-flus] għandhom jikkoperaw sabiex iqabblu, janalizzaw u jinvestigaw l-informazzjoni relevanti fi ħdan l-[unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja] dwar kwalunkwe fatt li jista’ jkun ta’ indikazzjoni ta’ ħasil tal-flus b’konformità mal-poteri nazzjonali tagħhom.

2.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-[unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja] iwettqu skambju, fuq bażi spontanja jew mat-talba u jew inkella b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni jew b’konformità mal-memoranda eżistenti jew futuri tar-rikonoxximent, kull informazzjoni disponibbli li tista’ tkun relelvanti għall-ipproċessar jew l-analiżi ta’ l-informazzjoni jew għal investigazzjoni mill-[unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja] li tirrigwarda tranżazzjonijiet finanzjarji relatati mal-money laundering u l-persuni naturali jew legali involuti fihom.

[...]”

16.      Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni:

“1.      Kull talba li ssir permezz ta’ din id-Deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata minn stqarrija fil-qosor tal-fatti relevanti magħrufa lill-[unità tal-intelliġenza finanzjarja] li tagħmel it-talba. L-[unità tal-intelliġenza finanzjarja] għandha tispeċifika, fit-talba dwar kif sejra tintuża l-informazzjoni miksuba.

2.      Meta ssir talba b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, l-[unità tal-intelliġenza finanzjarja] mitluba għandha tipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha, li tinkludi l-informazzjoni finanzjarja disponibbli u d-dettalji tal-enforzar tal-liġi mitluba, kif miksuba fit-talba, mingħajr il-ħtieġa ta’ ittra ta’ talba formali skont il-konvenzjonijiet jew il-ftehim applikabbli bejn l-Istati Membri.

3.      L-[unità tal-intelliġenza finanzjarja] jista’ jiċħad li jiżvela l-informazzjoni li tista’ toħloq ħsara għall-investigazzjoni kriminali li tkun qiegħda ssir fl-Istat Membru mitlub jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-iżvelar tal-informazzjoni tkun kjarament mhux proporzjonata għall-interessi leġittimi ta’ persuna naturali jew legali jew tal-Istat Membru ikkonċernat jew li inkella ma tkunx b’konformita mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali. Kull ċaħda bħal din għandha tkun spegjata b’mod xieraq lill-[unità tal-intelliġenza finanzjarja] li jkun jitlob l-informazzjoni.”

B –    Id-dritt nazzjonali

17.      Fl-ewwel lok, id-Direttiva 91/308 kienet ittrasportata fid-dritt Spanjol bil-Liġi 19/1993 rigward diversi miżuri ta’ prevenzjoni tal-ħasil tal-flus (Ley 19/1993 sobre determinadas medidas de prevención de blanqueo de capitales), tat-28 ta’ Diċembru 1993 (9), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi 19/1993”).

18.      Skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi 19/1993:

“Huma [suġġetti] għall-obbligi previsti minn din il-liġi:

a)      l-istituzzjonijiet ta’ kreditu;

[...]

Jaqgħu wkoll fil-lista preċedenti l-persuni jew l-entitajiet barranin li jeżerċitaw fi Spanja attivitajiet tal-istess natura bħal dawk tal-persuni jew tal-entitatjiet fuq imsemmija permezz ta’ fergħat jew f’libertà li jiġu pprovduti servizzi [(10)], mingħajr ma jkollhom ebda stabbiliment permanenti.

Il-persuni kkonċernati huma suġġetti wkoll għall-obbligi stabbiliti minn din il-liġi għat-tranżazzjonijiet imwettqa permezz ta’ aġenti jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jaġixxu bħala l-intermedjarji tagħhom.”

19.      Skont l-Artikolu 3(4) tal-Liġi 19/1993, dawn il-persuni u dawn l-entitajiet għandhom jikkollaboraw mas-Servicio Ejecutivo u, għal dan il-għan, għandhom jikkomunikawlha, minn jeddhom, il-fatti u t-tranżazzjonijiet kollha li jistgħu jkunu l-indizji jew il-provi rrifjutabbli ta’ persuna allegatament marbuta ma’ ħasil tal-flus li ġej minn attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din il-Liġi [paragrafu (a)] u jagħtu l-informazzjoni li s-Servicio Ejecutivo jitlob fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu [paragrafu (b)].

20.      In-nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmija obbligi jikkostitwixxi reat gravi ħafna espressament imsemmi fl-Artikolu 5(3)(b) u (d) tal-Liġi 19/1993.

21.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(3) ta’ din il-liġi jipprovdi, fl-aħħar nett, li s-Servicio Ejecutivo u, fejn ikun il-każ, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u ta’ reati monetarji għandhom jikkollaboraw mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra li jeżerċitaw kompetenzi analogi, sabiex ifittxu b’mod partikolari li jiksbu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati li jeżerċitaw is-sovranità tagħhom fuq territorji li għandhom konfini mar-Renju ta’ Spanja.

22.      Il-Liġi 19/1993 ġiet imħassra mill-Liġi 10/2010 dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (Ley de prevención del blanqueo de capitales y de la financiación del terrorismo) tat-28 ta’ April 2010 (11). Din il-liġi għandha bħala għan it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60. Skont l-Artikolu 48(3) tal-liġi imsemmija, is-Servicio Ejecutivo jintrabat li jikkollabora mal-omologi tiegħu barranin. Huwa previst li l-iskambju ta’ informazzjoni jsir b’mod partikolari skont il-prinċipji tal-grupp Egmont u d-Deċiżjoni 2000/642.

23.      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(c) tad-Digriet Irjali Nru 925/1995, tad-9 ta’ Ġunju 1995, dwar regoli ta’ applikazzjoni tal-Liġi 19/1993 (12), jimponi li jiġu kkomunikati lis-Servicio Ejecutivo l-movimenti ta’ kontijiet li joriġinaw minn jew huma ddestinati għal rifuġji fiskali.

24.      L-Artikolu 7(2)(b) tad-Digriet Irjali 925/1995, kif emendat mid-Digriet Irjali 54/2005, jipprovdi:

“Fi kwalunkwe każ, il-persuni jew l-entitajiet suġġetti għall-obbligi għandhom jikkomunikaw kull xahar lis-Servicio Ejecutivo:

[...]

b)      it-tranżazzjonijiet imwettqa ma’ jew permezz ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu, jew li jaġixxu għan-nom tagħhom, f’territorji jew Stati nnominati għal dan l-għan permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija, kif ukoll it-tranżazzjonijiet li jimplikaw trasferiment ta’ fondi ddestinati jew ġejjin mill-imsemmija territorji jew Stati, indipendentament mill-post ta’ residenza tal-persuni involuti, bil-kundizzjoni li l-ammont tat-tranżazzjonijiet imsemmija jeċċedi EUR 30 000 jew il-kontravalur tagħhom f’muniti barranin.”

25.      It-territorji kkunsidrati bħala rifuġji fiskali u t-territorji non-kooperattivi ġew iddeterminati minn qabel bid-Dirgriet Irjali 1080/1991, tal-5 ta’ Lulju 1991, u bis-sentenza ECO/2652/2002, tal-24 ta’ Ottubru 2002, dwar l-implementazzjoni tal-obbligi ta’ komunikazzjoni tat-tranżazzjonijiet konnessi ma’ ċerti Stati lis-Servicio Ejecutivo Eżekuttiva tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u ta’ reati monetarji (13). Ġibiltà tinsab f’din il-lista.

26.      Skont it-Tribunal Supremo, l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-2007 dwar il-ħasil tal-flus u l-qligħ mill-kriminalità [Crime (Money Laundering and Proceeds) Act 2007], li ttraspona, fil-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà, id-Direttiva 2005/60, jimponi l-osservanza tas-sigriet bankarju.

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

27.      Jyske hija sussidjarja ta’ Jyske Bank stabbilit fid-Danimarka (14). Hija kostitwita taħt il-forma ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ddomiċiljat f’Ġibiltà u teżerċita l-attivitajiet tagħha fi Spanja permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Jyske taqa’ taħt il-kontroll tal-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Ġibiltà (Financial Services Commission).

28.      Fit-30 ta’ Jannar 2007, is-Servicio Ejecutivo informa lil Jyske li fin-nuqqas li huwa stess jinnomina mandatarju awtorizzat sabiex jittratta mal-imsemmija awtorità, huwa ser ikollu jikkontrolla l-istruttura tal-organizzazzjoni tagħha kif ukoll il-proċeduri konnessi mal-attivitajiet li hija twettaq fi Spanja permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. F’din l-okkażjoni, is-Servicio Ejecutivo talabha tibgħat, qabel l-1 ta’ Marzu 2007, dokumenti u informazzjoni dwar l-identità tal-klijenti tagħha.

29.      Din it-talba ġiet magħmula wara rapport tas-Servicio Ejecutivo tal-24 ta’ Jannar 2007, skont liema Jyske eżerċitat fi Spanja taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ attività sinjifikattiva konsistenti, b’mod partikolari, fl-għoti ta’ self b’garanzija ipotekarja għall-akkwist ta’ proprjetajiet immobbli fi Spanja. L-imsemmi rapport indika li “sabiex tiżviluppa tali attività fi Spanja, l-istituzzjoni għandha appoġġ jew sostenn doppju, jiġifieri dak tal-fergħa fi Spanja tal-kumpannija parent tagħha u dak, b’mod partikolari, ta’ żewġ uffiċċji ta’ avukati f’Marbella [Spanja]. Skont din l-informazzjoni pubblika, il-proprjetarju ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ uffiċċji kien investigat għal preżunzjoni tad-delitt ta’ ħasil tal-flus, u ismu deher, bħall-isem tal-uffiċċju tal-avukati l-ieħor fuq imsemmi, f’numru ta’ tranżazzjonijiet irrapportati lis-Servicio Ejecutivo, minn persuni oħrajn suġġetti għall-obbligu ta’ informazzjoni rigward l-eżistenza ta’ indizji ta’ ħasil tal-flus”. Fid-dawl ta’ dawn il-provi, is-Servicio Ejecutivo qies li jeżisti riskju ogħli ħafna li Jyske hija użata għal tranżazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha mwettqa fi Spanja taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Il-mekkaniżmu użat għal din il-fini kien jikkonsisti fil-ħolqien, f’Ġibiltà, “ta’ strutturi imprenditorjali intiżi, fl-aħħar mill-aħħar, li jevitaw li wieħed ikun jista’ jkun jaf l-identità tal-proprjetarju finali u reali tal-beni immobbiljari akkwistati fi Spanja, essenzjalment fil-Costa del Sol, kif ukoll [...] l-oriġini tal-fondi użati għall-imsemmi akkwist”.

30.      Fit-23 ta’ Frar 2007, Jyske indirizzat komunikazzjoni lis-Servicio Ejecutivo, u informatu li hija għamlet talba għal opinjoni lill-awtorità ta’ kontroll tagħha, il-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Ġibiltà, sabiex jiġi stabbilit jekk hija setgħetx tagħti din l-informazzjoni mingħajr ma tikser il-leġiżlazzjoni ta’ Ġibiltà dwar is-sigriet bankarju u l-protezzjoni tad-data personali. Fl-14 ta’ Marzu 2007, l-imsemmija Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji indikat lis-Servicio Ejecutivo li l-mekkaniżmu adegwat għall-ġbir tal-imsemmija informazzjoni kien il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ kontroll, filwaqt li s-Servicio Ejecutivo rrisponda, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ April 2007, li Jyske kienet suġġetta għall-obbligi minħabba l-attivitajiet li hija twettaq fit-territorju Spanjol.

31.      Fit-12 ta’ Ġunju 2007, Jyske bagħtet lis-Servicio Ejecutivo parti mill-informazzjoni mitluba. Madankollu, hija rrifjutat li tikkomunika d-data dwar l-identità tal-klijenti tagħha, billi invokat ir-regola dwar is-sigriet bankarju applikabbli f’Ġibiltà. Din l-informazzjoni ma kinitx tinkludi la kopji tar-rapporti redatti minn Jyske wara l-1 ta’ Jannar 2004, dwar l-analiżi partikolari tat-tranżazzjonijiet kumplessi, insoliti jew mingħajr għan ekonomiku jew legali apparenti msemmija speċifikatament fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2005/60, u lanqas il-kopji tat-tranżazzjonijiet suspettużi mwettqa minn Jyske mill-1 ta’ Jannar 2004 fil-kuntest tal-attivitajiet imwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Spanja.

32.      Konsegwentement, fil-25 ta’ Ottubru 2007, is-segretarjat ġenerali tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u ta’ reati monetarji fetaħ investigazzjoni kontra Jyske, fejn akkużaha, b’mod partikolari, bil-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 19/1993.

33.      Fl-egħluq ta’ din l-investigazzjoni, fis-17 ta’ April 2009, il-Kunsill tal-Ministri Spanjol iddeċieda li Jyske kienet ikkommettiet reat gravi ħafna billi naqset li twettaq l-obbligi ta’ informazzjoni li hija għandha skont il-Liġi 19/1993. Konsegwentement, huwa ddikjara kontra tagħha żewġ ċanfiriet pubbliċi u impona fuqha żewġ sanzjonijiet finanzjarji ta’ ammont totali ta’ EUR 1 700 000.

34.      Fit-30 ta’ April 2009, Jyske ippreżentat rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni, li kien miċħud mill-Kunsill tal-Ministri fit-23 ta’ Ottubru 2009. Għalhekk Jyske ippreżentat rikors kontenżjuż amministrattiv quddiem it-Tribunal Supremo. Hija ssostni li, skont id-Direttiva 2005/60, hija ma hijix suġġetta għall-obbligu ta’ informazzjoni lejn l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà u li l-leġiżlazzjoni Spanjola, peress li testendi dan l-obbligu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fi Spanja permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma hijix konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

35.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Stat Membru jista’, b’applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 […], jeżiġi li l-informazzjoni li għandhom jipprovdu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju tiegħu mingħajr ma jkunu stabbiliti permanentement fih tingħata b’mod imperattiv u dirett lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu responsabbli għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew, għall-kuntrarju, it-talba għal informazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ibbażata l-istituzzjoni ta’ kreditu mitluba?”

III – Analiżi

A –    Dwar l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari

36.      Il-Gvern Spanjol ipoġġi fid-dubju l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari għar-raġuni li hija ipotetika. Huwa jirrileva, fil-fatt, li l-Istati Membri kellhom jittrasponu r-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/60 mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2007. Issa, huwa jinnota li t-talbiet għall-informazzjoni indirizzati mis-Servicio Ejecutivo lil Jyske huma datati 30 ta’ Jannar u 12 ta’ Ġunju 2007.

37.      Ma nemminx li d-domanda mressqa tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli.

38.      Infakkar li, skont l-Artikolu 46 tagħha, id-Direttiva 2005/60 daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2005, u l-Istati Membri kellhom, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tagħha, jittrasponuha fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom mhux iktar tard mill-15 ta’ Diċembru 2007 — li nfakkar li hija data finali. Issa, jekk il-fatti tal-kawża prinċipali jmorru lura effettivament għat-30 ta’ Jannar 2007, is-suġġett stess ta’ din il-kawża jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill tal-Ministri Spanjol fis-17 ta’ April 2009, li permezz tagħha Jyske ġiet irrikonoxxuta responsabbli għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li huma imposti fuqha għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u kkundannata. Il-kwistjoni f’din il-kawża saret għalhekk f’data ferm wara dik li fiha l-Gvern Spanjol kellu jittrasponi d-Direttiva 2005/60 fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu. Id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija għalhekk perfettament ammissibbli.

39.      Barra minn hekk, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni li tevalwa kemm in-neċessità tad-domanda preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja (15).

B –    Fuq il-mertu

40.      Skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2005/60, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu fil-pront lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tagħhom l-informazzjoni li hija tikkunsidra utili għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

41.      L-Artikolu 22(2) ta’ din id-direttiva — li t-termini tiegħu għandhom jiġu hawn interpretati — jippreċiża li din l-informazzjoni għandha tkun mibgħuta “lill-[unità tal-intelliġenza finanzjarja] tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-istituzzjoni jew il-persuna li tibgħat l-informazzjoni”.

42.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar, essenzjalment, jekk skont l-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva, Stat Membru jistax jeżiġi li istituzzjoni ta’ kreditu tikkomunika l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja ta’ dak l-Istat meta din l-istituzzjoni teżerċita l-attivitajiet tagħha fit-territorju nazzjonali permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

43.      Fi kliem ieħor, tali istituzzjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru li fih hija tipprovdi s-servizzi tagħha jew lil dik tal-Istat Membru li fih hija stabbilixxiet is-sede tagħha?

44.      Id-domanda tqum inkwantu Jyske stabbilixxiet is-sede tagħha f’Ġibiltà u ma għandha l-ebda fergħa fi Spanja. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Spanjol kif ukoll mir-rapport annwali tal-attività tal-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Ġibiltà (16) jirriżulta li Jyske hija istituzzjoni ta’ kreditu li l-attivitajiet tagħha ġew awtorizzati fl-Istat Membru tal-lokalità tagħha. Din l-awtorizzazzjoni huwa, fl-opinjoni tiegħi, ibbażat fuq id-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (17), u li ġiet issostitwita mid-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006 (18). Dawn id-direttivi stabbilixxew “passaport uniku Ewropew” ibbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxxenza reċiproka tal-liċenzja mogħtija mill-Istat Membru tal-lokalità. Dan il-“passaport” jippermetti lill-istituzzjoni ta’ kreditu li teżerċita l-attivitajiet li għalihom hija ġiet awtorizzata, fl-Istati Membri kollha, kemm permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, kif ukoll permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa permezz tal-provvista ta’ servizzi li Jyske għażlet għalhekk li teżerċita l-attivitajiet finanzjarji tagħha fi Spanja (19).

45.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u għar-raġunijiet li hawn se nesponi, naħseb li Stat Membu jista’ jeżiġi li istituzzjonijiet ta’ kreditu li jwettqu t-tranżazzjonijiet tagħhom fit-territorju nazzjonali mhux permezz ta’ stabbiliment ta’ fergħa, iżda bis-saħħa tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jiddikjaraw it-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja nazzjonali. Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 hija imposta fid-dawl tal-istruttura tad-Direttiva 2005/60 kif ukoll tal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq u tirrikkonċilja perfettament mat-termini tal-imsemmija dispożizzjoni.

1.      Dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60

46.      Fl-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60, il-leġiżlatur tal-Unjoni jidentifika l-unità tal-intelliġenza finanzjarja responsabbli mill-ġbir, mill-analiżi u mit-trażmissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi. F’dan ir-rigward, jirriżulta espressament mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni li l-unità kompetenti hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu “tinsab l-istituzzjoni” jew dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu “tinsab [...] il-persuna” li tibgħat l-imsemmija informazzjoni.

47.      L-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini titlob, qabelxejn, l-analiżi tal-istruttura u tal-għanijiet tad-Direttiva 2005/60.

a)      L-istruttura u l-għanijiet tad-Direttiva 2005/60

48.      Sabiex tinftiehem sew l-istruttura li fiha saret din id-dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta hawnhekk u sabiex ikunu magħrufa l-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq, huwa neċessarju li l-analiżi tad-Direttiva 2005/60 titqiegħed fil-kuntest li fih hija ġiet adottata.

49.      Il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja fl-Unjoni hija, fil-fatt, ibbażata fuq tliet fatturi.

50.      L-ewwel fattur huwa dak tal-kriminalizzazzjoni, fid-dritt tal-Istati Membri, tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

51.      Dan il-fattur inbeda mill-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, li stieden lill-Istati Membri kollha sabiex isibu ftehim dwar id-definizzjoni tar-reati tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, dwar il-kriminalizzazzjoni tagħhom u s-sanzjoni tagħhom fl-ordinamenti ġuridiċi interni.

52.      Dawn ir-reati huma illum iddefiniti f’numru ta’ testi tad-dritt internazzjonali u Ewropew, fosthom fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħasil, l-intraċċar, il-qbid u l-konfiska tal-qligħ mill-kriminalità. Il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti definizzjoni wkoll tal-imsemmija reati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/60, li jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu pprojbiti fit-territorju tagħhom.

53.      Rigward il-kriminalizzazzjoni u s-sanzjoni ta’ dawn ir-reati, għandu jsir riferiment għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/JHA tas-26 ta’ Ġunju 2001, dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar jew il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (20). Id-Deċiżjoni Qafas 2001/500 tistabbilixxi standard minimu, iżda madankollu komuni għall-Istati Membri kollha għal dak li jirrigwardja s-sanzjoni ta’ dawn r-reati billi teżiġi, fl-Artikolu 2 tagħha, li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex dawn jiġu puniti b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn erba’ snin.

54.      Attwalment, teżisti għalhekk definizzjoni komuni tar-reati tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni kif ukoll rekwiżiti minimi fir-rigward tal-kriminalizzazzjoni u s-sanzjoni tagħhom fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Madankollu, ma għandux jintesa li l-kompetenza sabiex jiġu investigati u ipproċessati dawn ir-reati finanzjarji għandha taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma mwettqa t-tranżazzjonijiet finanzjarji kriminali.

55.      It-tieni fattur huwa dak tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

56.      Dan il-fattur huwa bbażat fuq id-direttiva inkwistjoni, id-Direttiva 2005/60, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-Istati Membri kollha għal dak li jirrigwarda l-kontroll tat-tranżazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-intraċċar tad-delitti finanzjarji. L-għan huwa l-prevenzjoni ta’ riskji li jistgħu jaffettwaw l-integrità u l-funzjonament korrett tas-sistema finanzjarja li tirriżulta mill-introduzzjoni f’din is-sistema ta’ fondi ta’ oriġini kriminali u l-użu ta’ flus ta’ oriġini legali għal skopijiet terroristiċi.

57.      Kif jindika t-titolu tagħha, id-Direttiva 2005/60 tintroduċi għalhekk sistema ta’ kontroll preventiv, implementat fuq livell nazzjonali. Dan huwa bbażat fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskji. L-Istati Membri għandhom b’hekk jidentifikaw, jevalwaw u jifhmu r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terrorizmu b’tali mod li jnaqqsuhom u, fejn ikun il-każ, jiffriżaw, jaqbdu u jikkonfiskaw il-qligħ mill-kriminalità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-istituzzjonijiet u lill-persuni li jaqgħu taħt din id-direttiva li jissodisfaw dawn iż-żewġ obbligi.

58.      L-ewwel wieħed, previst fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/60, huwa obbligu tad-diliġenża dovuta mal-klijenti. Din id-direttiva b’hekk teżiġi lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li japplikaw, sabiex jevalwaw ir-riskji, miżuri ta’ diliġenza ftit jew wisq stretti skont, b’mod partikolari, it-tip ta’ klijent u r-relazzjoni ta’ negozju. Dawn il-miżuri jirriżultaw fl-identifikazzjoni tal-klijent, tal-għan u tan-natura tar-relazzjoni ta’ negozju, permezz taż-żamma ta’ dokumenti jew ukoll billi jipprojbixxu kontijiet anonimi jew libretti fittizji.

59.      It-tieni huwa obbligu ta’ rapportaġġ tat-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi li n-natura u l-portata tagħhom huma previsti fil-Kapitolu III tad-Direttiva 2005/60. B’hekk u skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżiġu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jagħtu attenzjoni speċjali lit-tranżazzjonijiet finanzjarji li huma jqisu li jistgħu jkunu marbuta ma’ attività kriminali, u b’mod partikolari dawk li jistgħu jidhru kumplessi, insoliti, mingħajr skop ekonomiku apparenti jew ta’ ammont insolitament kbir. Huwa skont it-termini tal-Artikolu 22 tal-imsemmija direttiva li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma għalhekk obbligati li jinformaw immedjatament lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja stabbilita speċifikatament għal din il-fini mill-Istat Membru. Infakkar li l-kawża prinċipali saret minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu imsemmi.

60.      Sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dawn l-obbligi, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa, fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, is-setgħat ta’ sorveljanza u ta’ kontroll imsaħħa, skont l-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2005/60. Dawn tal-aħħar jistgħu b’hekk jeżiġu wkoll li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tkun rilevanti għall-konformità tagħhom u jistgħu, b’mod partikolari, jagħmlu verifiki u spezzjonijiet fuq il-post. Barra minn hekk, dawn is-setgħat huma kompluti mill-obbligu li l-Istati Membri għandhom li jipprevedu sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-imsemmija obbligi, li, skont l-Artikolu 39(1) ta’ din id-direttiva, għandhom ikunu mhux biss effettivi u proporzjonati, iżda wkoll dissważivi.

61.      Dawn il-miżuri kollha, fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-setgħat ta’ kontroll u sanzjonijiet rikonoxxuti fil-poteri tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jikkostitwixxu miżuri preventivi u dissważivi, li, meta jkunu implementati b’mod effikaċi mill-Istati Membri kollha, għandhom jippermettu l-ġlieda effikaċi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u jiżguraw is-saħħa u l-integrità tas-sistema finanzjarja.

62.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, f’dan l-istadju, jagħmel biss armonizzazzjoni minima. Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60, huwa ħalla lill-Istati Membri l-libertà li jadottaw jew li jżommu dispożizzjonijiet ħafna iktar stretti sabiex jintraċċaw u jipprevjenu r-riskji tal-kriminalità finanzjarja.

63.      It-tielet fattur, finalment, huwa dak tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fl-Unjoni.

64.      Fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan il-fattur kien ibbażat fuq id-Deċiżjoni 2000/642 kif ukoll fuq l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2005/60.

65.      Id-Deċiżjoni 2000/642 hija intiża sabiex issaħħaħ u tintensifika l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja nazzjonali stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 91/308 b’tali mod li l-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw mill-qrib u direttament. Din id-deċiżjoni tistabbilixxi standards komuni għall-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi tal-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja tagħhom, il-kontenut tat-talbiet għall-informazzjoni kif ukoll il-portata tal-iskambju tal-intelliġenza.

66.      Madankollu, l-Istati Membri jżommu marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva fl-implementazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni. Minn naħa, l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi espressament li l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja għandhom jikkooperaw b’konformità mal-poteri nazzjonali tagħhom. Issa, l-Istati Membri żammew libertà kbira rigward id-determinazzjoni tal-istatus tal-unità nazzjonali tagħhom, li tista’ taqa’ taħt l-ordinament amministrattiv jew ġudizzjarju, jew tkun ikkostitwita taħt il-forma ta’ awtorità tal-pulizija, u b’hekk kull unità tkun suġġetta għar-regoli ta’ funzjonament, ta’ proċedura u ta’ kompetenzi estremament differenti skont l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2000/642 jippermettu lill-Istati Membri li jitolbu ċertu numru ta’ restrizzjonijiet rigward il-portata tal-iskambju tal-informazzjoni u l-użu ta’ din tal-aħħar. B’hekk, l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja jistgħu jirrifjutaw li jibagħtu ċerta informazzjoni meta din tkun marbuta ma’ investigazzjoni ġudizzjarja li tkun qiegħda ssir fi Stat Membru jew ukoll meta l-iżvelar tagħha ma josservax il-“prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali” jew jirriskja li jaffettwa l-“interessi tal-Istat Membru”, ta’ persuna fiżika jew ta’ persuna ġuridika. Madankollu, nista’ mingħajr problema nimmaġina li dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jostakolaw, jew saħansitra jipparalizzaw il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, fuq kollox, tad-diversità ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam tar-regolament u tas-superviżjoni tas-swieq jew ukoll tal-protezzjoni tas-sigriet professjonali u tad-data personali. Fil-fatt, din il-kawża turi perfettament dan l-aħħar punt.

67.      Min-naħa l-oħra, għandu jkun rilevat li d-Deċiżjoni 2000/642 ma tistabbilixxi l-ebda mekkaniżmu ta’ sorveljanza rigward l-azzjoni tal-Istati Membri, u lanqas mekkaniżmu li jobbliga azzjoni min-naħa tal-unità nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja. Jekk ir-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni huma intiżi għalhekk li jarmonizzaw l-elementi fundamentali tal-kooperazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja, dawn jibqgħu minimi u jħallu lill-Istati Membri marġni wiesgħa ta’ manuvra rigward il-firxa tal-kooperazzjoni tagħhom.

68.      Dan il-mekkaniżmu ma ġiex imsaħħaħ fil-kuntest tad-Direttiva 2005/60, għalkemm din kienet adottata iktar minn ħames snin wara. Għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni semma’, fil-premessa 40 ta’ din id-direttiva, il-kooperazzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni 2000/642, dan jagħmlu unikament sabiex tiġi mħeġġa l-koordinazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja stabbilita minn din id-deċiżjoni.

69.      Huwa minnu li, fl-Artikolu 38 tad-Direttiva 2005/60, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeċċedi l-kuntest sempliċi tal-kooperazzjoni intergovermentali billi integra, f’din is-sistema, lill-Kummissjoni Ewropea. Issa, l-ambizzjoni baqgħet timida u r-rwol ta’ din l-istituzzjoni ġiet relattivament imħassra. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, “[i]l-Kummissjoni għandha tagħti dik l-għajnuna li tista’ tkun meħtieġa sabiex taġevola l-koordinazzjoni, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-[unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja] fil-Komunità”. L-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi l-unika artikolu ta’ taqsima unika intitolata “Koperazzjoni” u l-ebda element ieħor ta’ dan l-artikolu ma jippreċiża l-mod kif din l-għajnuna għandha tiġi kkonkretizzata fil-prattika. Il-premessa 40 ta’ din id-direttiva tippreċiża, madankollu, li l-imsemmija għajnuna għandha tkun imwettqa, b’mod partikolari, permezz ta’ assistenza finanzjarja. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jirrikonoxxix għalhekk, fi ħdan il-Kummissjoni, la s-setgħa tad-deċiżjoni u lanqas is-setgħa li ġġiegħel lill-Istati Membri u lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tagħhom, kultant indispensabbli sabiex tkun ggarantita l-effikaċità tal-kooperazzjoni.

70.      Għandu għalhekk jiġi konkluż li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-kooperazzjoni stabbilita mill-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tal-kriminalità finanzjarja kienet biss fil-bidu tagħha u kienet prinċipalment ibbażata fuq ir-rieda tajba tal-Istati Membri.

71.      Din is-sistema wriet għalhekk limiti li l-leġiżlatur tal-Unjoni illum għandu l-intenzjoni li jaqbeż billi stabbilixxa, fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (21), awtorità superviżorja Ewropea, l-Awtorità Bankarja Ewropea. Għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1039/2010 ma japplikax għal din il-kawża, fid-dawl tad-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, huwa interessanti li jiġu rilevati l-ambizzjonijiet tiegħu b’tali mod li jinftiehmu aħjar il-limiti tal-kooperazzjoni stabbiliti bid-Direttiva 2005/60 u jinftiehmu aħjar il-kompetenzi li, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kellhom jiddevolvu fuq l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja nazzjonali.

72.      Skont l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1039/2010 huwa intiż li jistabbilixxi sistema Ewropea ta’ sorveljanza finanzjarja li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-effikaċità tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, u tkopri b’hekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/60. Fil-premessi 8 u 9 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika dan li ġej:

“(8)       L-Unjoni laħqet il-limiti ta’ x’jista’ jsir permezz tal-istat attwali tal-Kumitati tas-Superviżuri Ewropej. L-Unjoni ma tistax tibqa’ f’sitwazzjoni fejn ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu li jiżgura li s-superviżuri nazzjonali jaslu għall-aqwa deċiżjoni superviżorja possibbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali; fejn hemm kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni insuffiċjenti fost is-superviżuri nazzjonali; fejn azzjoni konġunta mill-awtoritajiet nazzjonali teħtieġ arranġamenti kkumplikati biex titqies il-frammentazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji; fejn soluzzjonijiet nazzjonali spiss ikunu l-unika alternattiva fattibbli b’reazzjoni għall-problemi fil-livell tal-Unjoni [(22)], u fejn ikun hemm interpretazzjonijiet differenti għall-istess test legali. Is-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (minn hawn ’il quddiem “is-SESF”) għandha titfassal biex tegħleb dawk in-nuqqasijiet u tipprovdi sistema li tkun konformi mal-għan ta’ suq finanzjarju tal-Unjoni uniku u stabbli għas-servizzi finanzjarji, li tgħaqqad is-superviżuri nazzjonali f’netwerk tal-Unjoni b’saħħtu.

(9)       Is-SESF għandha tkun netwerk integrat ta’ awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tal-Unjoni, li tħalli s-superviżjoni ta’ kuljum għal-livell nazzjonali [(23)] [...].”

73.      Fil-kuntest tas-SESF, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa għalhekk Awtorità Bankarja Ewropea, li ma għandhiex biss rwol ta’ tmexxija u koordinazzjoni fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni, iżda għandha wkoll setgħa ta’ superviżjoni u li ġġiegħel fir-rigward tal-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni u l-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. L-Awtorità Bankarja Ewropea għandha b’hekk tiggarantixxi wkoll l-osservanza mill-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja tal-obbligi ta’ sorveljanza u kooperazzjoni li huma imposti fuqhom mid-Direttiva 2005/60 kif ukoll mid-Deċiżjoni 2000/642 (24) u tiżgura riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil li jista’ jinqala’ bejniethom fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ proċedura jew nuqqas ta’ kooperazzjoni (25).

74.      Fl-aħħar nett, għandu jkun rilevat li d-Direttiva 2006/48, li tistabbilixxi regoli transversali rigward l-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni, tipprovdi wkoll skambji ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru li jospita. Madankollu dawn l-iskambji huma limitati għas-sorveljanza prudenti tal-istituzzjoni finanzjarja (26).

75.      Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, naħseb li r-Renju ta’ Spanja kellu dritt li jissuġġetta għal obbligu tar-rapportaġġ lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fit-territorju tiegħu permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

76.      Fl-ewwel lok, ikkonstatajt li l-approċċ meħud fil-qasam tal-kriminalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu għadu prinċipalment intergovermentali. Għalkemm teżisti definizzjoni komuni ta’ dawn ir-reati fl-Unjoni kif ukoll rekwiżiti minimi f’dak li jirrigwarda l-kriminalizzazzjoni u s-sanzjoni tagħhom fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li l-kompetenza li jiġu investigati u pproċessati dawn ir-reati finanzjarji għadha taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji kriminali. Għalhekk, jidhirli li huwa leġittimu u koerenti li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jikseb mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali l-informazzjoni li huwa jqis utili għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tiegħu.

77.      Barra minn hekk, irrilevajt li taħt id-Direttiva 2005/60 is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ intraċċar ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi hija stabbilita unikament fuq livell nazzjonali.

78.      Infakkar li din is-sistema hija bbażata, qabelxejn, fuq l-obbligi tad-diliġenza u ta’ rapportaġġ li l-implementazzjoni tagħha taqa’ unikament fir-responsabbiltà tal-Istati Membri li fit-territorji tagħhom jinsabu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, peress li dawn tal-aħħar għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskji. L-effikaċità ta’ dawn il-miżuri hija żgurata bir-rikonoxximent, fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-setgħat ta’ ipproċessar u ta’ infurzar imsaħħa, li tippermettilhom, b’mod partikolari, li jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll ta’ setgħat ta’ sanzjoni (27).

79.      Issa, l-imsemmija sistema hija bbażata fuq l-istabbiliment ta’ unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja li jikkostitwixxu unitajiet nazzjonali ċentrali, li l-istatus ġuridiku tagħhom huwa ddefinit mill-Istat Membru. Sal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1093/2010, l-azzjoni tagħhom ma kienet suġġetta għall-ebda sorveljanza jew kontroll fil-livell tal-Unjoni, peress li dawn kienu għadhom ma humiex integrati fil-kuntest ta’ netwerk integrat Ewropew.

80.      Issa, sabiex tiżgura l-effikaċità ta’ tali sistema ta’ sorveljanza u ta’ intraċċar li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2005/60, jidhirli li huwa indispensabbli li l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja jkunu jistgħu jiġbru l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali, kemm jekk dawn joperaw permezz ta’ fergħa jew permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

81.      Qabelxejn, l-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istati Membru li jospita hija, kuntrarjament għall-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru tal-oriġini, l-eqreb lejn is-suq nazzjonali, u taf aħjar minn oħrajn ir-riskji marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu fit-territorju nazzjonali. Din l-unità hija informata bil-fatti kollha li jistgħu jkunu marbuta mal-kriminalità finanzjarja fl-imsemmi territorju mhux biss mill-istituzzjonijiet u mill-persuni msemmija fid-Direttiva 2005/60, iżda wkoll mill-awtorijiet nazzjonali kollha responsabbli mill-prosekuzzjoni u mill-pieni tal-kriminalità finanzjarja, sew jekk huma awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji jew li jinforzaw jew korpi ta’ sorveljanza tal-Borża jew ta’ prodotti finanzjarji derivattivi (28). B’hekk, meta tirċievi direttament l-informazzjoni li tindika tranżazzjonijiet finanzjarji atipiċi, meta tanalizzaha u meta tista’ tordna, jekk ikun il-każ, investigazzjonijiet addizzjonali, l-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru li jospita tiġbor l-indizji kollha marbuta mal-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi u tippermetti li jsiru fil-pront azzjonijiet ta’ iffriżar, ta’ qbid jew ta’ konfiska tal-beni li jistgħu jikkostitwixxu qligħ mill-kriminalità.

82.      Sussegwentement, l-effikaċità tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskji titlob li dawn tal-aħħar jiġu evalwati mhux biss mill-unità tal-intelliġenza finanzjarja li l-iktar li tista’ tevalwa r-riskji marbuta mas-suq nazzjonali, iżda wkoll minn dik li tippermetti lill-Istat Membru tat-territorju li minnu saret it-tranżazzjoni finanzjarja suspettuża li jadotta reazzjoni rapida, billi jeżiġi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha, skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2005/60. Ma għandux jintesa, fil-fatt, li ż-żmien tal-azzjoni amministrattiva huwa iktar bil-mod miż-żmien tal-finanzi.

83.      Fl-aħħar nett, jidhirli li din l-interpretazzjoni biss tippermetti tiżgura l-effettività tas-setgħat tas-sorveljanza u ta’ investigazzjoni msaħħa mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2005/60 kif ukoll l-effikaċità tas-sanzjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jimponu fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu li jonqsu li jwettqu d-dmirijiet tagħhom ta’ diliġenza u ta’ rapportaġġ, skont l-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva.

84.      Fit-tieni lok, nirriskjaw li nikkompromettu l-effettività tad-Direttiva 2005/60 jekk nintroduċu regoli ta’ proċedura differenti skont is-sistema ta’ negozju magħżula mill-istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tipprovdi s-servizzi finanzjarji tagħha, kemm jekk teżerċitahom permezz tas-sistema tradizzjonali ta’ fergħa — li infakkar li ma huwa xejn ħlief sede ta’ negozju mingħajr personalità ġuridika — jew li tiddeċiedi, min-naħa l-oħra, li tipprovdi s-servizzi tagħha permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

85.      Fil-fatt, għandu jkun evitat li istituzzjoni ta’ kreditu tagħżel is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sabiex taħrab mis-sorveljanza iktar stretta eżerċitata mill-Istat Membru li jospita, u tistabbilixxi hekk is-sede tagħha jew il-fergħa tagħha fi Stat Membru li fih il-kontroll jista’ jkun inqas strett. F’tali ipoteżi, ix-xewqa li tingħata predominanza lill-awtorità tal-Istat Membru tal-oriġini mhux biss tirriskja li tikkomprometti b’mod serju l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, iżda wkoll tippermetti l-iżvilupp ta’ traffiku u ta’ finanzjament bil-għan li jiġu destabbilizzati l-Istati Membri stess, kif jidher li turi din il-kawża.

86.      Barra minn hekk, distinzjoni skont is-sistema ta’ negozju tas-servizzi finanzjarji twassal għall-introduzzjoni ta’ differenza fit-trattament li, fl-opinjoni tiegħi, hija artifiċjali u ma hijiex iġġustifikata. Fil-fatt l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi finanzjarji tagħhom permezz ta’ fergħa jew skont is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi joperaw mhux biss fl-istess suq ġeografiku, iżda wkoll fl-istess suq ta’ prodotti, bil-firxa ta’ servizzi offruti illum tista’ tkun wiesgħa l-istess kemm f’każ kif ukoll f’ieħor, fid-dawl tal-mezzi teknoloġiċi ġodda. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’servizzi simili, tal-ewwel ikunu obbligati li jirrapportaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi lill-unità tal-intelliġenza tal-Istat Membru li fih huma jkollhom fergħa, filwaqt li tat-tieni jkunu eżentati. Tali sitwazzjoni turi, b’mod ċar, in-nuqqas ta’ effikaċità tas-sorveljanza stabbilita fil-kuntest tad-Direttiva 2005/60 u dawk li jaħslu l-flus jistgħu japprofittaw u jieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni sabiex jaġevolaw l-attivitajiet kriminali tagħhom.

87.      Għalhekk, jidhirli li huwa ċar li l-istituzzjoni ta’ kreditu li teżerċita l-attivitajiet tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha tkun suġġetta għas-sistema ta’ sorveljanza effikaċi bħal dik li għaliha hija suġġetta l-istituzzjoni ta’ kreditu li topera fuq l-istess territorju nazzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, u b’dan il-mod ikun iggarantit li kulħadd josserva l-obbligi applikabbli, fl-istess kundizzjonijiet.

88.      Fit-tielet lok, naħseb li d-dispożizzjonijiet previsti fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2000/642 u tad-Direttiva 2005/60 ma humiex biżżejjed sabiex jiżguraw kooperazzjoni msaħħa b’tali mod li sservi effikaċament il-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu ma tipprovdix minn rajha l-informazzjoni rikjesta u l-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru tal-oriġini ma titlobhiex, fin-nuqqas ta’ indizji jew fin-nuqqas ta’ konoxxenza tar-riskji marbuta mas-suq li fih l-istituzzjoni ta’ kreditu tipprovdi s-servizzi tagħha, ma teżisti l-ebda miżura li tippermetti li ġġiegħel lil din l-awtorità teżiġi l-komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni min-naħa tal-istituzzjoni ta’ kreditu u tikkomunikahom lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membu li jospita.

89.      Kif rajna, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni kienu iktar ibbażati fuq ir-rieda tajba tal-Istati Membri milli fuq netwerk integrat ta’ awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u Ewropew fejn l-azzjoni hija kkontrollata u l-omissjonijiet kkundannati, kif ġie introdott illum fis-sistema l-ġdida Ewropea ta’ sorveljanza finanzjarja.

90.      Fir-raba’ lok, ma naħsibx li d-dispożizzjonijiet previsti fil-kuntest tad-direttiva dwar l-aċċess għal u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, jiġifieri d-Direttivi 2000/12 u 2006/48 u d-Direttiva 2004/39, dwar is-swieq fl-instrumenti finanzjarji, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, jippermettu li l-kompetenza tal-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru tal-oriġini tiġi bbażata fuq ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproku li fuqhom huma bbażati dawn it-testi huma intiżi biss għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu u għas-sorveljanza prudenti tagħha. Jiena rrid li ssir il-prova tal-fatt li, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2006/48, l-Istat Membru li jospita jista’, minkejja l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Istat Membru tal-oriġini, jadotta l-miżuri kollha xierqa fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu sabiex jipprevjeni jew jippenalizza l-atti li din tikkommetti fit-territorju tiegħu bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali li huwa ddeċieda għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, peress li l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja hija parti minnhom b’mod ċar.

91.      Għalhekk, fid-dawl tal-kuntest li fiha tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni u tal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jrid jilħaq, jien tal-opinjoni li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 għandu jkun interpretat fis-sens li jinkludi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-attivitajiet finanzjarji tagħhom huma eżerċitati mhux biss permezz tal-istabbiliment ta’ sede jew ta’ fergħa, iżda wkoll permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

92.      Huwa f’dan is-sens li għandhom jiġu interpretati t-termini stess ta’ din id-dispożizzjoni.

b)      Il-formulazzjoni tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60

93.      Infakkar li mit-termini tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 jirriżulta espressament li l-unità tal-intelliġenza finanzjarja kompetenti hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu “tinsab l-istituzzjoni” jew dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu “tinsab [...] il-persuna” li tikkomunika l-informazzjoni.

94.      L-ewwel ipoteżi hija, b’mod ċar, is-sitwazzjoni li fiha l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha sede jew fergħa fl-Istat Membru. Sa hawnhekk u fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, inqis li l-espressjoni użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni tippermetti wkoll li tkopri sitwazzjoni li fiha istituzzjoni ta’ kreditu hija preżenti fis-suq nazzjonali billi toffri s-servizzi finanzjarji tagħha mhux permezz tal-istabbiliment ta’ sede ta’ operazzjoni, jiġifieri billi teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

95.      Rigward it-tieni ipoteżi, nikkonstata li din hija miktuba b’mod estremament vag u wiesa’. Hija tinkludi mingħajr l-ebda dubju l-persuni msemmija fl-Artikolu 2(1)(3) tad-Direttiva 2005/60, li fosthom insibu dawk li jipprovdu servizzi li għandhom l-istess obbligi ta’ rapportaġġ bħal dawk imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, ebda element ma jista’ jeskludi li din l-ipoteżi tista’ tkopri wkoll sitwazzjoni li fiha dak li jipprovdi servizzi ta’ trasferiment ta’ fondi jew ta’ titoli finanzjarji jopera fit-territorju nazzjonali permezz ta’ aġenti.

96.      Nikkonstata għalhekk, li t-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprekludux li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 ikun interpretat fis-sens li l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jiġu trażmessi lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-istituzzjoni ta’ kreditu tipprovdi s-servizzi tagħha. Għall-kuntrarju, jien inqis li din l-interpretazzjoni timponi ruħha fir-rigward tal-għanijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jilħaq fil-kuntest ta’ din il-leġiżlazzjoni u tal-istruttura tagħha.

97.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li jien inqis, għalhekk, li l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60 għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkomunikaw l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja ta’ dan l-Istat meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

98.      Interpretazzjoni simili tippermetti, fl-opinjoni tiegħi, rispett lejn is-setgħat li għandhom l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-intraċċar, is-sorveljanza u l-pieni tal-kriminalità finanzjarja fit-territorju tagħhom. Sa hawn, għandi ninnota li b’mod ċar hija ma teskludix l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istat Membru li jospita u l-Istat Membru tal-oriġini, għall-kuntrarju, dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jkollu informazzjoni estremament utili sa fejn huwa jospita s-sede tal-istituzzjoni kkonċernata.

99.      Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni tiegħi ta’ din id-dispożizzjoni, nindika li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/60, Stat Membru jista’ jadotta, fil-qasam kopert minnu, dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti sabiex jipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ssaħħaħ l-obbligu tar-rapportaġġ imsemmi fl-Artikoli 20 et seq tad-Direttiva 2005/60, taqa’ mingħajr kontestazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 5 tagħha.

100. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tiżgura li tali leġiżlazzjoni hija konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilit fl-Artikolu 56 TFUE. Fil-fatt, kif indikajt, Jyske hija stabbilita f’Ġibiltà u teżerċita l-attivitajiet finanzjarji tagħha fi Spanja permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għalhekk, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tkun eżaminata wkoll fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

101. Sa fejn jirrigwarda kunsiderazzjonijiet fformulati b’mod sussidjarju, nikkuntenta li nagħmel il-ftit osservazzjonijiet segwenti.

2.      Dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

102. Infakkar, qabelxejn, li skont ġurisprudenza stabbilita l-Artikolu 56 TFUE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dak li jippresta servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, ukoll jekk tapplika indistintament għal dawk li joffru servizzi nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, meta hija ta’ natura li tipprojbixxi, li tostakola, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta’ min joffri servizz fi Stat Membru ieħor, fejn hu legalment jagħti servizzi simili (29).

a)      L-eżistenza ta’ restrizzjoni

103. Indubbjament u barra minn hekk mingħajr ebda kontestazzjoni, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

104. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni teżiġi li dak li jippresta servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor barra r-Renju ta’ Spanja jinforma fil-pront lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja, minn rajh jew fuq talba tagħha, bit-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha li qegħdin jitwettqu jew li diġà twettqu, li jistgħu jkunu marbuta mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu. Huwa ċar, li tali leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tostakola u tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, b’mod partikolari meta dawn is-servizzi jirrikjedu ċerta azzjoni ta’ malajr. Fil-fatt, l-obbligu tar-rapportaġġ jista’ jwassal għal dewmien fit-twettiq tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom u jikkostitwixxi sors ta’ spejjeż addizzjonali. Barra minn hekk, dan l-obbligu jista’ jwassal għal preġudizzju għall-protezzjoni tad-data kif ukoll għas-sigriet tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra li għandha l-istituzzjoni ta’ kreditu. Dawn il-ftit elementi juru, jekk ikun hemm il-bżonn, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ għalhekk tkun ta’ xkiel għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji.

105. Madankollu, tali restrizzjoni hija konformi mal-Artikolu 56 TFUE jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti, li għandhom ikunu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li din il-leġiżlazzjoni għandha tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet li hija trid tilħaq, li għandha tkun proporzjonali u li għandha, fl-aħħar nett, tkun applikata b’mod nondiskriminatorju (30). F’dan ir-rigward, dawn huma xi preċiżazzjonijiet li nista’ nressaq għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

b)      Il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

106. F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni għandha tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali li jivverifikaw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju ma jwettqux tranżazzjonijiet finanzjarji għall-finijiet oħrajn ħlief dawk li għalihom huma ġew awtorizzati fl-Istat Membru tal-oriġini, marbuta mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu. L-obbligu ta’ rapportaġġ stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għandu jippermetti l-implementazzjoni tar-rekwiżit stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u l-prevenzjoni tal-integrità tas-sistema finanzjarja, billi jipprevjeni t-twettiq tat-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi.

107. Madankollu, infakkar li l-għan tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jikkostitwixxi, skont it-termini tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwistjoni (31).

c)      Il-kapaċità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li tilħaq l-għanijiet tagħha

108. Infakkar, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat biss jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (32). Din l-analiżi trid issir fid-dawl tal-kuntest li fih il-leġiżlazzjoni ġiet adottata u, għal dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, naħseb li tissodisfa l-kundizzjonijiet fuq imsemmija.

109. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tippermetti lill-Istat Membru li jissorvelja t-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha mwettqa fit-territorju tiegħu mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, u dan ikun x’ikun il-mod li bih iddeċidew li jipprovdu s-servizzi tagħhom, permezz tal-istabbiliment ta’ sede jew ta’ fergħa jew permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’dan il-mod, kollha huma suġġetti għal obbligi simili, li jidhirli li huwa perfettament koerenti hekk kif huma jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq l-istess suq u joffru servizzi finanzjarji simili li jistgħu, fuq livell ikbar jew inqas, ikunu użati għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tippermetti lill-Istat Membru, fid-dawl tas-setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni msaħħa mogħtija lilu mid-Direttiva 2005/60, li jissospendi t-twettiq tal-imsemmija tranżazzjonijiet. Fl-aħħar nett, sa fejn l-Istat Membru għandu kompetenza esklużiva rigward il-kriminalizzazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-intraċċar tal-kriminalità finanzjarja fit-territorju tiegħu, din il-leġiżlazzjoni tippermettilu li jeżiġi, kull darba li jeżisti dubju raġonevoli rigward il-legalità ta’ tranżazzjoni finanzjarja, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li huwa jqis utili sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu, u jekk ikun il-każ, li jieħu proċeduri ġudizzjarji u jippenalizza lil dawk responsabbli.

110. Dawn l-elementi jistgħu għalhekk ikunu ta’ natura li juru, fl-opinjoni tiegħi, li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tippermetti li jkun hemm il-ġlieda, b’mod effettiv u koerenti, kontra l-kriminalità finanzjarja.

d)      Il-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni

111. Għandi nevalwa, f’dan l-istadju, jekk l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni jistgħux jiġu manifestament milħuqa b’miżura inqas restrittiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minix konvint li, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, dan seta’ kien il-każ.

112. Minn naħa, din il-leġiżlazzjoni saret fil-kuntest ta’ kontroll preventiv li jeżiġi komunikazzjoni ta’ informazzjoni malajr u qabel ma tiġi mwettqa t-tranżazzjoni finanzjarja suspettuża u li, jekk ikun il-każ, għandha tkun akkumpanjata minn reazzjoni estremament ta’ malajr tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti minn meta d-dubji jkunu kkonfermati. Għalhekk, it-twettiq ta’ għan bħal dan ma jistax jintlaħaq jekk mhux b’kooperazzjoni bejn l-unitajiet nazzjonali tal-intelliġenza finanzjarja li verament tippermetti lill-Istat Membru li jospita li jwettaq il-missjoni tiegħu billi jintervjeni qabel ma titwettaq tranżazzjoni finanzjarja suspettuża. Issa, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-imsemmija unitajiet, bħalma rrikonoxxa l-leġiżlatur tal-Unjoni, ma kinux biżżejjed, u kienu pparalizzati minn nuqqas ta’ fiduċja u minn nuqqas ta’ konsistenza fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (33).

113. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika biss għall-informazzjoni relatata mat-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi li l-unità tal-intelliġenza finanzjarja tqis utili għal-finijiet tat-twettiq tal-missjoni tagħha u mhux mad-data relattiva għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha mwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan ir-rekwiżit huwa, għalhekk, estremament speċifiku. Barra minn hekk, jien minix konvint li r-rikonoxximent lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ setgħa esklużiva rigward il-ġbir tal-imsemmija informazzjoni huwa daqstant effikaċi sa fejn hija ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar sabiex tiddetermina l-informazzjoni l-iktar rilevanti rigward it-tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru li jospita.

114. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja, u fid-dawl ukoll tal-konsegwenzi negattivi li tali nuqqas jista’ jiġġenera rigward l-effikaċità tal-ġlieda kontra d-delinkwenza finanzjarja u rigward l-integrità tas-sistema finanzjarja Ewropea u nazzjonali, jien tal-opinjoni għalhekk, li Stat Membru seta’ leġittimament iqis li l-obbligi li huma imposti fuqu mid-Direttiva 2005/60 ikunu żgurati aħjar permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

e)      L-applikazzjoni mhux diskriminatorja

115. Skont il-fatti quddiemna, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tidhirx diskriminatorja. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni, sa fejn tissuġġetta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha kif ukoll il-persuni jew l-entitajiet barranin kollha li jeżerċitaw attivitajiet fi Spanja permezz ta’ fergħat jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tidher li tolqot mingħajr distinzjoni l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li huma stabbiliti fit-territorju nazzjonali jew fi Stat Membru ieħor. Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li, fl-implementazzjoni tagħha, l-imsemmija leġiżlazzjoni hija applikata wkoll b’mod nondiskriminatorju.

116. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha u fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60, inqis li l-Artikolu 56 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkomunikaw l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja ta’ dan l-Istat meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jekk din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħqu l-għan li trid tilħaq, jekk ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan l-għan u jekk hija tapplika b’mod nondiskriminatorju.

117. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        Rigward ir-riskji għall-integrità tas-suq finanzjarju li jwasslu għall-kriminalità finanzjarja, Stat Membru jista’ leġittimament jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali jikkomunikaw l-informazzjoni relatata mat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi bil-għan li jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

–        Leġiżlazzjoni simili hija adegwata sabiex tilħaq dan il-għan jekk tippermetti lill-Istat Membru li jissorvelja u li jissospendi effettivament it-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi mwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali u, jekk ikun il-każ, li jipproċessaw u jippenalizzaw lil dawk responsabbli.

–        L-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jintlaħaq dan il-għan fin-nuqqas, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ta’ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja.

–        Tali leġiżlazzjoni, fiha nnifisha, ma hijiex diskriminatorja.

IV – Konklużjoni

118. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lit-Tribunal Supremo b’dan il-mod:

1)      L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif emendat bid-Direttiva 2008/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008, għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jikkomunikaw l-informazzjoni rikjesta għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu direttament lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja ta’ dan l-Istat meta dawn l-istituzzjonijiet jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju nazzjonali permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

2)      a)      Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 56 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni jekk din hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk hija adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan tagħha, jekk ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dan il-għan u jekk hija tapplika b’mod nondiskriminatorju.

b)      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        Rigward ir-riskji għall-integrità tas-suq finanzjarju li jwasslu għad-delinkwenza finanzjarja, Stat Membru jista’ leġittimament jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprestaw is-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali, jikkomunikaw l-informazzjoni relatata mat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi bil-għan li jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

–        Leġiżlazzjoni simili hija adegwata sabiex tilħaq dan il-għan jekk tippermetti lill-Istat Membru li jissorvelja u li jissospendi effettivament it-tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi mwettqa mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali u, jekk ikun il-każ, li jipproċessaw u jippenalizzaw lil dawk responsabbli.

–        L-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jikkostitwixxi miżura proporzjonata sabiex jintlaħaq dan il-għan fin-nuqqas, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ta’ mekkaniżmu effikaċi li jiggarantixxi kooperazzjoni sħiħa u kompleta tal-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja.

–        Tali leġiżlazzjoni, fiha nnifisha, ma hijiex diskriminatorja.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, p. 15), kif emendata bid-Direttiva 2008/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU L 76, p. 46, iktar ’il quddiem “Direttiva 2005/60”). Id-Direttiva 2005/60 kienet emendata, fl-aħħar lok, bid-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 331, p. 120), iżda din ma tapplikax għal din il-kawża.


3 – Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2000 li tikkonċerna l-arranġamenti għall-koperazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelliġenza finanzjarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-iskambju tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 15).


4 – Awtorità Eżekuttiva tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tar-reati monetarji, iktar ’il quddiem is-“Servicio Ejecutivo”.


5 – Iktar ’il quddiem “Jyske”.


6 – Direttiva tal-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 166, p. 77).


7 – Ara l-premessi 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni.


8 – Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2000/642.


9 – BOE Nru 311, tad-29 ta’ Diċembru 1993, p. 37327.


10 –      Enfażi tiegħi.


11–      BOE Nru 103, tad-29 ta’ April 2010, p. 37458.


12 – BOE Nru 160, tas-6 ta’ Lulju 1995, p. 20521. Digriet Irjali kif emendat mid-Digriet Irjali Nru 54/2005, tal-21 ta’ Jannar 2005 (BOE Nru 19, tat-22 ta’ Jannar 2005, p. 2573).


13 –      BOE Nru 260, tat-30 ta’ Ottubru 2002, p. 38033.


14 –      Il-grupp Jyske Bank huwa b’mod partikolari kompost mill-kumpanija parent, stabbilita fid-Danimarka, u ħames sussidjarji stabbiliti fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi, f’Ġibiltà kif ukoll fl-Isvizzera (ara l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit internet tal-grupp fl-indirizz segwenti http//www.jyskebank.dk).


15 – Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-15 ta’ April 2011, Debiasi (C‑613/10, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Ara r-rapport annwali ta’ attività tal-2002 tal-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Ġibiltà, disponibbli fuq is-sit internet http://www.fsc.gi.


17 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 32, p. 272.


18 – ĠU L 239M, p. 1. Ara wkoll, id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263) kif emendata, fl-aħħar lok, bid-Direttiva 2010/78 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/39”). Id-Direttiva 2004/39 għandha tippermetti lill-impriżi ta’ investiment, lill-banek u lill-Boroż jipproponu s-servizzi tagħhom lil hinn mill-fruntieri abbażi tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.


19 – Skont l-Artikolu 299(4) KE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE huma applikabbli f’Ġibiltà — li tikkostitwixxi territorju Ewropew li fih ir-Renju Unit jassumi r-relazzjonijiet esterni — suġġett għall-esklużjonijiet previsti fl-att relattiv għall-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u għall-addattamenti tat-Trattat (ĠU 1972, L 73, p. 14). Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll l-atti ta’ dritt sekondarju adottati sabiex jiżguraw l-istabbiliment ta’ din il-libertà huma għalhekk applikabbli għaliha. Operatur ekonomiku bħal Jyske, stabbilit f’Ġibiltà, huwa għalhekk fid-dritt li jipprevalixxi ruħu mill-imsemmija regoli.


20 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 41.


21 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, p. 12).


22 –      Enfażi tiegħi.


23 –      Idem.


24 – Ara l-premessi 27 u 28 kif ukoll l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1093/2010.


25 – Ara l-premessa 32 u l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament.


26 –      Ara, b’mod partikolari, Titolu V, Kapitolu I, Taqsimiet I u II ta’ din id-direttiva.


27 – Ara l-Artikoli 37 u 39 ta’ din id-direttiva.


28 – Ara l-Artikolu 25 ta’ din id-direttiva.


29 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑244/04, Ġabra p. I‑885, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C­470/11, punti 35 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2011, Zeturf (C‑212/08, Ġabra p. I‑5633, punti 45 u 46).


32 –      Ibidem (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1093/2010.