Language of document : ECLI:EU:C:2015:119

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Frar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/84/KE — Artikolu 1 — Proprjetà intellettwali — Irkant ta’ xogħlijiet oriġinali tal-arti — Dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali — Debitur tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid — Xerrej jew bejjiegħ — Deroga permezz ta’ ftehim”

Fil-Kawża C‑41/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Christie’s France SNC

vs

Syndicat national des antiquaires,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Christie’s France SNC, minn D. Théophile u A. Rios, avukati,

–        għas-Syndicat national des antiquaires, minn G. Lesourd u B. Edelman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 240).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Christie’s France SNC (iktar ’il quddiem “Christie’s France”) u s-Syndicat national des antiquaires (iktar ’il quddiem is-“SNA”) fir-rigward ta’ klawżola, inkluża fil-kundizzjonijiet ġenerali għall-bejgħ, li tgħid li Christie’s France tirċievi mingħand ix-xerrej somma ekwivalenti għall-ammont tar-royalty dovuta mill-awtur fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid (iktar ’il quddiem il-“klawżola inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 3, 4, 9, 10, 13 sa 15, 18 u 25 tad-Direttiva 2001/84 huma fformulati kif ġej:

“(3)      Id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa maħsub sabiex jassigura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ l-arti figurattivi jaqsmu s-suċċess ekonomiku tax-xogħlijiet oriġinali ta’ l-arti tagħhom. […]

(4)      Id-dritt għall-bejgħ mill-ġdid jifforma parti integrali tad-dritt ta’ l-awtur u huwa prerogattiv essenzjali għall-awturi. L-imposizzjoni ta’ dritt bħal dan fl-Istati Membri kollha tissodisfa l-ħtieġa li tipprovdi lill-kreaturi bil-livell ta’ protezzjoni adegwata u komuni.

[…]

(9)      Id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, fil-preżent, hemm ipprovdut għalih mil-leġislazzjoni domestika ta’ maġġoranza ta’ Stati Membri. Liġijiet bħal dawn, fejn ikunu jeżistu, juru ċerti differenzi, b’mod partikolari fir-rigward tax-xogħlijiet koperti, dawk intitolati jirċievu royalties, ir-rata applikata, it-transizzjonijiet soġġetti għal ħlas ta’ royalty, u l-bażi li fuqhom ikunu kkalkolati. […] Dan id-dritt huwa għalhekk fattur li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ tgħawwiġ fil-kompetizzjoni kif ukoll l-ispjazzament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità.

(10)      Disparitajiet bħal dawn dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid u l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandhom impatt negattiv dirett fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern tax-xogħlijiet ta’ l-arti kif ipprovdut bl-Artikolu 14 tat-Trattat. F’sitwazzjoni bħal din l-Artikolu 95 tat-Trattat jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa

[…]

(13)      Id-differenzi eżistenti bejn il-liġijiet għandhom ikunu eliminati fejn dawn ikollhom effett ta’ tfixkil fuq it-tħaddim tas-suq intern, u l-ħolqien ta’ kwalunkwe differenzi ġodda ta’ dak it-tip m’għandhomx jitħallew. M’hemmx ħtieġa għall-eliminazzjoni, jew prevenzjoni tal-ħruġ ta’, differenzi li ma jkunux mistennija li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern.

(14)      […] L-eżistenza ta’ differenza bejn disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid toħloq tfixkil tal-kompetizzjoni u spostament ta’ bejgħ fi ħdan il-Komunità u twassal għal trattament mhux ugwali bejn artisti li jiddependu fuq fejn jinbiegħu ix-xogħlijiet tagħhom. […]

(15)      Minħabba l-iskala ta’ diverġenzi bejn id-disposizzjonijiet nazzjonali, huwa għalhekk neċessarju li jkunu adottati miżuri ta’ armonizzazzjoni sabiex jieħdu ħsieb id-disparitajiet bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri fl-inħawi fejn disparitajiet bħal dawn jistgħu joħolqu jew iżommu kondizzjonijiet ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni. Iżda mhuwiex neċessarju li tkun armonizzata kull disposizzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid u, sabiex jitħalla kemm jista’ jkun skop għal deċiżjoni nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-disposizzjonijiet domestiċi li għandhom l-aktar impatt dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern.

[…]

(18)      L-iskop tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandu jkun estiż għall-atti kollha ta’ bejgħ mill-ġdid, bl-eċċezzjoni ta’ dawk effettwati direttament bejn persuni li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ professjonista tas-suq ta’ l-arti. […]

[…]

(25)      Il-persuna li għandha tħallas ir-royalty għandha, fi prinċipju, tkun il-bejjiegħ. L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal derogi minn dan il-prinċipju fir-rigward tar-responsabbilità għall-ħlas. Il-bejjiegħ huwa l-persuna jew intrapriża li f’isimha jkun konkluż il-bejgħ.”

4        L‑Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid”, jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu, għall-benefiċċju ta’ l-awtur ta’ xogħol oriġinali ta’ l-arti, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li għandu jkun definit bħala dritt mhux trasferibbli, li ma jistax jitneħħa, anki bil-quddiem, sabiex jirċievi royalty ibbażata fuq il-prezz tal-bejgħ għal kwalunkwe bejgħ mill-ġdid tax-xogħol, sussegwentament għall-ewwel trasferiment tax-xogħol mill-awtur.

2.      Id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jgħodd għall-atti kollha ta’ bejgħ mill-ġdid li jinvolvu bħala bejjiegħa, xerrejja jew intermedjarji professjonisti tas-suq ta’ l-arti, bħal kmamar fejn jinbiegħu oġġetti bl-irkant, galleriji ta’ l-arti u, b’mod ġenerali, kwalunkwe negozjanti tax-xogħlijiet ta’ l-arti.

[…]

4.      Ir-royalty għandha titħallas mill-bejjiegħ. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li wieħed mill-persuni naturali jew legali li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 2 minbarra l-bejjiegħ għandhom ikunu responsabbli weħidhom jew jaqsmu r-responsabbiltà mal-bejjiegħ għall-ħlas tar-royalty.”

 Id-dritt Franċiż

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/84 ġie traspost fid-dritt Franċiż bil-Liġi Nru 2006‑961, tal-1 ta’ Awwissu 2006, dwar id-drittijiet tal-awturi u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika (JORF tat-3 ta’ Awwissu 2006, p. 11 529).

6        Skont l-Artikolu L. 122‑8 tal-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali li jirriżulta minn din il-liġi:

“L-awturi ta’ xogħlijiet oriġinali […] igawdu minn dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li huwa dritt inaljenabbli għal parteċipazzjoni fir-rikavat minn kwalunkwe bejgħ ta’ xogħol wara l-ewwel trasferiment ta’ dak ix-xogħol mill-awtur jew minn dawk intitolati taħtu, meta professjonist fis-suq tal-arti jkun involut bħala bejjiegħ, xerrej jew intermedjarju […]

L-oneru tad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid huwa tal-bejjiegħ. Ir-responsabbiltà tal-ħlas tiegħu huwa l-obbligu tal-professjonist li jkun involut fil-bejgħ u, jekk it-trasferiment iseħħ bejn żewġ professjonisti, ir-responsabbiltà hija tal-bejjiegħ. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Christie’s France, sussidjarja Franċiża tal-multinazzjonali Christie, hija kumpannija ta’ bejgħ volontarju ta’ xogħlijiet ta’ arti fl-irkanti pubbliċi. Bħala tali, perjodikament torganizza bejgħ ta’ xogħlijiet ta’ arti fejn taġixxi f’isem il-bejjiegħa. Uħud minn dan il-bejgħ jagħti lok għall-ġbir ta’ dritt ta’ bejgħ mill-ġdid. Fil-kundizzjonijiet ġenerali għall-bejgħ tagħha, Christie’s France inkludiet il-klawżola inkwistjoni, li tippermettilha tiġbor somma, għal u f’isem il-bejjiegħ, għal kull lott suġġett għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, indikat bis-simbolu λ fil-katalgu tagħha, li sussegwentement għandha r-responsabbiltà li tgħaddi lill-organu inkarigat mill-ġbir ta’ dan id-dritt jew lill-artist innifsu.

8        Is-SNA huwa sindakat li l-membri tiegħu joperaw fl-istess suq ta’ Christie’s France u għalhekk, skont dan is-sindakat, huma f’kompetizzjoni magħha.

9        Is-SNA stmat, fir-rigward tal-bejgħ għas-snin 2008 u 2009, li l-klawżola inkwistjoni tqiegħed l-oneru tal-ħlas tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fuq ix-xerrej u li dan jikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali li jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 122‑8 tal-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali. Għalhekk, is-SNA fetħet kawża kontra Christie’s France sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ din il-klawżola.

10      Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Mejju 2011, it-Tribunal de grande instance de Paris ċaħad din il-kawża, peress li d-distribuzzjoni tal-piż tal-ħlas tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fiha nnifisha ma tikkostitwixxix att ta’ kompetizzjoni żleali.

11      Is-SNA appellat din is-sentenza quddiem il-Cour d’appel de Paris. Din tal-aħħar ikkunsidrat, fl-ewwel lok, li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid kienet imfassla bħala miżata mħallsa mill-bejjiegħ, li arrikkixxa ruħu permezz tal-bejgħ ta’ xogħol, lill-awtur, għaliex ir-remunerazzjoni oriġinali wara l-ewwel trasferiment tax-xogħol seta’ kien wieħed modest, meta wieħed iqis iż-żieda sussegwenti fil-valur ta’ dan. Fit-tieni lok, skont il-Cour d’appel de Paris, kull deroga permezz ta’ ftehim li ssir mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/84 kienet tmur kontra l-għan ta’ din tal-aħħar, li tfittex li tiżgura uniformità tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid. Konsegwentement, il-Cour d’appel de Paris iddikjarat il-klawżola inkwistjoni nulla.

12      Christie’s France ppreżentat appell ta’ kassazzjoni, fejn b’mod partikolari sostniet li d-Direttiva 2001/84 tistabbilixxi mingħajr ma tipprovdi ebda preċiżjoni ulterjuri jew restrizzjoni li d-dritt tal-bejgħ mill-ġdid huwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ u ma teskludix bidla fir-responsabbiltà tal-ħlas ta’ dak id-dritt permezz ta’ ftehim.

13      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-regola stabbilita mill-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84/KE […], li timponi fuq il-bejjiegħ il-ħlas tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, għandha tiġi interpretata fis-sens li dan tal-aħħar għandu jsostni b’mod definittiv l-ispiża mingħajr il-possibbiltà ta’ deroga permezz ta’ ftehim?”

 Fuq id-domanda preliminari

14      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi li l-bejjiegħ ikollu definittivament ibati, f’kull każ, l-ispejjeż fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid jew jekk huwiex possibbli li jkun hemm deroga minn dan permezz ta’ ftehim.

15      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/84 għandha, b’mod partikolari, l-għan, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tagħha, li tiżgura li l-awturi ta’ xogħlijiet ta’ arti grafika u plastika jkollhom sehem ekonomiku mis-suċċess tax-xogħlijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fundación Gala‑Salvador Dalí u VEGAP, C‑518/08, EU:C:2010:191, punt 27).

16      Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/84 tfittex, hekk kif jirriżulta mill-premessi 13 u 14 tagħha, li telimina d-differenzi eżistenti bejn il-liġijiet li b’mod partikolari jwasslu għal inugwaljanza fit-trattament bejn l-artisti li tiddependi fuq fejn jinbiegħu x-xogħlijiet tagħhom.

17      Sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, l-Istati Membri għandhom, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, jipprovdu, għall-benefiċċju tal-awtur, dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, li għandu jkun definit bħala dritt inaljenabbli, li ma jistax jitneħħa, anki bil-quddiem, u li jiżgura għall-awturi, permezz ta’ royalty li l-ammont tagħha huwa ekwivalenti għal perċentwali fuq il-prezz ta’ kull bejgħ mill-ġdid tax-xogħol tagħhom, ċertu livell ta’ remunerazzjoni.

18      F’dan il-kuntest, huwa xieraq li wieħed jinnota li peress li d-Direttiva 2001/84 timponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, dawn għandhom jinżammu responsabbli sabiex tali royalty effettivament tinġabar, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva ma jkunux imċaħħda minn kull effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza Stichting de Thuiskopie, C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 34).

19      Din ir-responsabbiltà tal-Istati Membri timplika wkoll li dawn huma l-uniċi li jistgħu jiddeterminaw, fi ħdan il-kuntest stabbilit mid-Direttiva 2001/84, il-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty, li hija responsabbli għall-ħlas ta’ din ir-royalty lill-awtur.

20      Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 4 ta’ din id-direttiva, li teżisti neċessità li tiżgura lill-awturi livell ta’ protezzjoni adegwata u uniformi. Madankollu, il-garanzija ta’ tali livell ta’ protezzjoni preċiżament tassumi li l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid tkun indikata biss mill-Istati Membri waħedhom fil-leġiżlazzjoni tagħhom.

21      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84 moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ din, jistabbilixxi li l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty għad-dritt ta’ bejgħ mill-ġdid għandha, bħala prinċipju, tkun il-bejjiegħ.

22      Din is-soluzzjoni hija faċilment spjegata fid-dawl tal-fatt li fl-att ta’ bejgħ mill-ġdid, huwa l-bejjiegħ li normalment jikseb il-prezz tax-xiri f’għeluq it-tranżazzjoni.

23      Madankollu, jirriżulta wkoll mit-tieni sentenza tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84, moqrija flimkien mal-premessa 25 ta’ din, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu derogi mill-prinċipju li l-bejjiegħ għandu jkun il-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty, iżda jkunu limitati fl-għażla ta’ persuna oħra li, waħedha jew mal-bejjiegħ, għandha tkun il-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty.

24      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84 jippreċiża li, fil-każ fejn Stat Membru jipprevedi persuna oħra li ma tkunx il-bejjiegħ bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty, huwa għandu jagħżilha minn fost il-professjonisti msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva li jkunu involuti bħala bejjiegħa, xerrejja jew intermedjarji fl-atti ta’ bejgħ mill-ġdid li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/84.

25      Fit-tieni lok, jekk ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84, bħal dawk bl-Ispanjol, bil-Franċiż, bit-Taljan jew bil-Portugiż, jistgħu jinqraw bħala li jagħmlu differenza bejn, minn naħa, il-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty lill-awtur, u, min-naħa l-oħra, il-persuna li għandha definittivament tbati l-ispejjeż, għandu jkun innotat li verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-istess dispożizzjoni, bħal dawk bid-Daniż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bir-Rumen u bl-Isvediż, ma jwettqux tali distinzjoni.

26      In-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata skont il-kuntest u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45, kif ukoll Bark, C‑89/12, EU:C:2013:276, punt 40).

27      Fir-rigward tal-kuntest li fih jitqiegħed l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84, għandu jiġi nnotat li jirriżulta mill-premessi 9, 10 u 25 ta’ din id-direttiva li fir-rigward tal-benefiċjarji tad-dritt tal-bejgħ, għalkemm din tispeċifika ċerti elementi relatati max-xogħlijiet koperti bir-rata applikata għat-tranżazzjonijiet suġġetti għad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid fil-bażi ta’ kalkolu, kif ukoll dawk relatati mal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty, din ma ssemmi xejn dwar l-identità tal-persuna li għandha definittivament tbati l-ispejjeż tar-royalty dovuta lill-awtur fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid.

28      Sabiex tiġi interpretata tali assenza ta’ indikazzjoni, huwa xieraq li ssir referenza għall-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/84. F’dan ir-rigward, jekk din b’mod partikolari hija intiża sabiex jintemmu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-arti, dan l-għan għadu ma nkisibx minħabba fil-limiti ppreċiżati fil-premessi 13 u 15 ta’ din id-direttiva.

29      Partikolarment, kif jirriżulta minn dawn il-premessi, ma hemmx lok li jitneħħew id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ma jistgħux jippreġudikaw l-operat tas-suq intern, u, sabiex jitħalla l-ikbar marġni possibbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali, huwa biżżejjed li l-eżerċizzju ta’ armonizzazzjoni jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-ikbar impatt dirett fuq l-operat tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fundación Gala-Salvador Dalí u VEGAP, EU:C:2010:191, punt 27 kif ukoll punt 31).

30      Għalkemm it-twettiq ta’ dan l-għan hekk ifformulat jeżiġi li jkunu indikati l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid lill-awtur kif ukoll ir-regoli għall-istabbiliment tal-ammont ta’ din tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li għad fadal il-kwistjoni li tikkonċerna min għandu definittivament ibati l-ispejjeż.

31      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż immedjatament li dan l-aħħar element x’aktarx jipproduċi effett ta’ distorsjoni fuq it-tħaddim tas-suq intern, madankollu, tali effett fuq is-suq intern ikun f’kull każ, biss indirett, peress li huwa prodott minn organizzazzjoni li sseħħ permezz ta’ ftehim magħmul indipendentement mill-ħlas tal-ammont tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, li tibqa’ r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty.

32      Konsegwentement, id-Direttiva 2001/84 ma tipprekludix li, fil-każ li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-bejjiegħ jew professjonist tas-suq tal-arti involut fit-tranżazzjoni huwa l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty, dawn jaqblu li fil-bejgħ mill-ġdid ma’ kull persuna oħra, inkluż x-xerrej, li dan tal-aħħar definittivament ibati l-ispejjeż tar-royalty dovuta lill-awtur fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid u tali ftehim kuntrattwali bl-ebda mod ma jaffettwa l-obbligi u r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty fil-konfront tal-awtur.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, indikata bħala tali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm jekk tkun il-bejjiegħ jew professjonist tas-suq tal-arti involut fit-tranżazzjoni, tista’ tikkonkludi ma’ kull persuna oħra, inkluż x-xerrej, li dan tal-aħħar definittivament ibati l-ispejjeż kollha jew parti tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid sa fejn tali ftehim kuntrattwali bl-ebda mod ma jaffettwa l-obbligi u r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty fil-konfront tal-awtur.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty dovuta fir-rigward tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid, indikata bħala tali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm jekk tkun il-bejjiegħ jew professjonist tas-suq tal-arti involut fit-tranżazzjoni, tista’ tikkonkludi ma’ kull persuna oħra, inkluż x-xerrej, li dan tal-aħħar definittivament ibati l-ispejjeż kollha jew parti tad-dritt tal-bejgħ mill-ġdid sa fejn tali ftehim kuntrattwali bl-ebda mod ma jaffettwa l-obbligi u r-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ħlas tar-royalty fil-konfront tal-awtur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.