Language of document : ECLI:EU:C:2016:760

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil-11 ta’ Ottubru 2016 (1)

Kawża C‑439/16 PPU

Emil Milev

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza – Artikoli 3 u 6 – Applikazzjoni ratione temporis – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprjobixxi, matul il-fażi ġudizzjarja tal-proċedura, l-eżami tal-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li l-akkużat ikkometta reat – ‘Opinjoni’ ta’ qorti suprema li tikkonstata l-kontradizzjoni bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-Artikolu 5(1)(c) u 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-qrati nazzjonali sabiex jiddeċiedu jekk japplikawx jew le l-imsemmija konvenzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Skont in-Nakazatelno-protsesualen kodeks (kodiċi tal-proċedura kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), il-qorti li tiddeċiedi dwar miżura ta’ detenzjoni provviżorja ma tistax tevalwa, fil‑fażi kontenzjuża tal-proċedura kriminali, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li ġie kommess reat. Tali leġiżlazzjoni wasslet għal diversi kundanni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal‑Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti EDB, l-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) “jirrikjedi qrati aditi b’talba għall-ħelsien, fost l-oħrajn, li jeżaminaw il‑kwistjoni jekk jeżistux suspetti raġonevoli li l-akkużat ikkometta reat kriminali (2)”.

2.        Il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, il-Bulgarija) ikkonstatat, fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija), kontradizzjoni bejn din il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali u l‑Artikolu 5(4) tal-KEBD moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(c) tagħha (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-qorti suprema”). Madankollu, hija ħalliet f’idejn il-qrati nazzjonali l-għażla li japplikaw jew il‑ġurisprudenza tal-Qorti EDB jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm ikun hemm intervent tal-leġiżlatur.

3.        Din il-kawża għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-konformità ta’ din l-opinjoni tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) mad-Direttiva 2016/343/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it‑tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (3). Il-karatteristika ta’ din il-kawża qiegħda fil‑fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra E. Milev u d-detenzjoni provviżorja tiegħu, waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja xi xhur wara d-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 2016/343 u ħafna qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ transpożizzjoni tagħha.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

4.        Skont l-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), “[k]ull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.”

5.        Skont l-Artikolu 47 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l‑Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[...]”

6.        L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.      Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

B –    Id-Direttiva 2016/343

7.        Skont il-premessi 16 u 22 tad-Direttiva 2016/343:

“(16) Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il‑persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta’ prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta’ akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall‑persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.

[…]

(22)      L-oneru tal-prova għall-istabbiliment tal-ħtija ta’ persuni suspettati u akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni, u kwalunkwe dubju għandu jibbenefika lill-persuna suspettata jew akkużata. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tinkiser jekk l-oneru tal-prova jkun trasferit mill‑prosekuzzjoni għad-difiża, mingħajr preġudizzju għal kull setgħa ex officio għad-determinazzjoni tal-fatti mill-qorti, għall-indipendenza tal-ġudikatura meta tiġi vvalutata l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għall-użu ta’ preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi dwar ir‑responsabbiltà kriminali ta’ persuna suspettata jew akkużata. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu limitati, f’limiti raġonevoli, b’kunsiderazzjoni tal-importanza tar-riskji involuti u ż-żamma tad‑drittijiet tad-difiża, u l-mezzi użati għandhom ikunu raġonevolment proporzjonati għall-għan leġittimu li jrid jintlaħaq. Tali preżunzjonijiet għandhom ikunu kontestabbli u fi kwalunkwe każ għandhom ikunu użati biss fejn id-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati.”

8.        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il‑liġi.”

9.        Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill‑awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l‑għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad‑deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill‑awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli miżuri xierqa fil-każ ta’ ksur tal-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l‑Artikolu li ma ssirx referenza għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja, f’konformità ma’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 10.”

10.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva, intitolat “Oneru tal-prova”, jaqra kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oneru tal-prova għad‑determinazzjoni tal-ħtija tal-persuni suspettati jew akkużati jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu fuq l-imħallef jew il-qorti kompetenti li jfittxu evidenza kemm inkriminanti kif ukoll li tiskaġuna, u għad-dritt tad‑difiża li tippreżenta evidenza skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dubju dwar il-ħtija jkun għall-benefiċċju tal-persuna suspettata jew akkużata, inkluż fejn il-qorti tivvaluta jekk il-persuna kkonċernata għandhiex tiġi assolta.”

11.      Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Rimedji”:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id‑Direttiva ma jiġux rispettati.

2.      Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l‑ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil‑valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.”

12.      Skont l-Artikolu 15 tagħha, id-Direttiva 2016/343, li ġiet ippubblikata fil‑11 ta’ Marzu 2016, daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mill-1 ta’ April 2018.

C –    Id-dritt Bulgaru

13.      Skont l-Artikolu 56(1) tan-NPK, l-akkużat jista’ jkun is-suġġett ta’ miżura koerċittiva meta “il-provi tal‑proċess juru suspett raġonevoli li kkommetta r-reat u meta teżisti waħda mill‑ġustifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57.” Skont l-Artikolu 57 tan-NPK, dawn il-miżuri koerċittivi jiġu adottati sabiex jiġi evitat li l‑akkużat jaħrab, jikkometi reat jew itellef l-eżekuzzjoni tal-kundanna kriminali finali. L-Artikolu 58(4) tan-NPK isemmi d-detenzjoni provviżorja fost dawn il-miżuri koerċittivi.

14.      Skont l-Artikolu 63(1) tan-NPK, id-detenzjoni provviżorja hija deċiża meta “jeżisti suspett raġonevoli li l-akkużat ikkometta reat li huwa ssanzjonat b’sentenza ta’ priġunerija jew piena oħra iktar severa u li mill-evidenza fil-kawża jirriżulta li hemm perikolu reali li l-akkużat jaħrab jew jikkommetti reat.” Skont l-Artikolu 64(4) tan-NPK, li jirrigwarda l-fażi prekontenzjuża: “il-qorti għandha tadotta l-miżura koerċittiva ta’ detenzjoni provviżorja meta l-kundizzjonjiet imsemmija fl-Artikolu 63(1) huma ssodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tadottax miżura koerċittiva jew li jadotta miżura inqas severa.”

15.      Skont il-punt 2 tal-Artikolu 256(1) tan-NPK, għall-finijiet tal‑preparazzjoni tas-seduta, l-Imħallef Relatur jiddeċiedi dwar il‑miżura koerċittiva mingħajr ma jevalwa l-kwistjoni dwar jekk jeżistix suspett raġonevoli li ġie kommess reat. Skont il-punt 3 ta’ din l‑istess dispożizzjoni, din il-limitazzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ talba dwar il‑miżura koerċittiva ta’ detenzjoni provviżorja, meta l-qorti teżamina jekk il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-bidla jew għall‑annullament tal-miżura koerċittiva humiex issodisfatti.

16.      Skont l-Artikolu 270(1) tan-NPK, il-kwistjoni dwar il-bidla tal‑miżura koerċittiva tista’ titqajjem fi kwalunkwe mument matul il‑proċedura kontenzjuża. Skont l-Artikolu 270(2) tan-NPK, il-qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet f’seduta ppubblika mingħajr ma tevalwa jekk jeżistix suspett raġonevoli li ġie kommess reat.

III – Il-kuntest fattwali u d-domandi preliminari

17.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li E. Milev għaddej proċeduri minħabba tmien reati, fosthom it-tmexxija ta’ grupp kriminali organizzat u armat; il-ħtif ta’ persuna; is-serq u l-għoti tan-nar ta’ vettura; l-attentat ta’ qtil ta’ uffiċjal tal-pulizija; is-serq ta’ bank u ta’ żewġ pompi tal-petrol. Dawn ir-reati huma suġġetti għal pieni ta’ priġunerija, bl-inqas piena tkun ta’ tliet snin priġunerija u l-iktar severa ta’ għomor ħabs mingħajr possibbiltà ta’ tnaqqis.

18.      E. Milev ilu taħt detenzjoni provviżorja mill-24 ta’ Novembru 2013. Fil-fażi tal-istruttorja il-qorti kompetenti kkunsidrat li kien għad hemm suspett raġonevoli li E. Milev kien ikkometta r-reati inkwistjoni.

19.      Minn meta l-kawża għaddiet fil-fażi kontenzjuża tagħha, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 2015, il-qorti tar-rinviju [Spetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata)] iddeċidiet, fuq talba tal‑akkużat, diversi drabi dwar il-ħelsien mid-detenzjoni provviżorja, mingħajr madankollu ma eżaminat il-preżenza jew in-nuqqas ta’ suspett raġonevoli li E. Milev kien ikkometta r-reat inkwistjoni. L‑Artikolu 270(2) tan-NPK, moqri flimkien mat-tieni sentenza tal‑Artikolu 256(3) tagħha, fil-fatt jipprojbixxu lill-qorti milli tanalizza, f’dan l-istadju tal-proċedura, is-suspett raġonevoli li persuna hija l-awtur ta’ reat.

20.      Il-qorti tar-rinviju kkonstatat kontradizzjoni bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali hawn fuq imsemmija u l-Artikolu 5(4) tal-KEDB moqri flimkien mal‑Artikolu 5(1)(c) tagħha, li jippermetti ż-żamma ta’ persuna taħt detenzjoni fil-każ fejn hemm “suspett raġonevoli li tkun ikkommettiet reat”. Peress li ma setax jiżgura l-istandards ta’ legalità tad-detenzjoni skont il-KEDB, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) annullat diversi drabi l-miżuri ta’ detenzjoni provviżorja. Dawn id-deċiżjonijiet ta’ annullament madankollu ġew mibdula fl-appell.

21.      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju talbet lill-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni. Waqt is-seduta tas-7 ta’ April 2016, is-Seduta Plenarja tal-Awla Kriminali tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) ikkonfermat l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn l-Artikolu 5(4) tal-KEDB, moqri flimkien mal‑Artikolu 5(1)(c) tagħha u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lill-qorti milli tiddeċiedi dwar suspett raġonevoli li l-akkużat ikkometta reat. Kif jirriżulta mill-proċess verbali tas-seduta, l‑imħallfin esprimew dubji dwar kemm kien possibbli li tiġi żgurata fl‑istess ħin l-osservanza tal-Artikolu 5(4) tal‑KEDB, moqri flimkiem mal-Artikolu 5(1)(c) tagħha, u tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB dwar l-imparzjalità tal-qrati. Il-ħatra ta’ kulleġġ ġudikanti differenti, li jkun esklużivament mitlub jiddeċiedi dwar il-motivi taż-żamma taħt detenzjoni, kienet ikkunsidrata problematika. Fil-fatt, skont l-imħallfin, tali miżura tippreżenta r-riskju li tostakola l-funzjonament tajjeb tal-qrati li għandhom biss numru limitat ta’ imħallfin.

22.      Il-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) għalhekk waslet għall-konklużjoni li ġejja: “[h]uwa evidenti li ma aħniex f’pożizzjoni li nipproponu xi soluzzjoni għall-problema. L-opinjoni tagħna hija b’mod ċar li kull kulleġġ ġudikanti għandu jevalwa jekk jagħtix il-prijorità lill-KEDB jew lil-liġi nazzjonali, u jekk jistax jiddeċiedi f’dan il-kuntest”. Il-President tas‑Seduta Plenarja tal-Awla Kriminali tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) ordna li kopja tal-proċess verbal jintbagħat lill-qorti tar-rinviju, kif ukoll lill‑Ministeru tal-Ġustizzja, sabiex issir emenda leġiżlattiva.

23.      Skont il-qorti tar-rinviju, din l-opinjoni tal-qorti suprema għandha l-valur ta’ sentenza interpretattiva. Hija għalhekk vinkolanti għal kull qorti ġurisdizzjonali, inkluż għad-diversi kulleġġi ġudikanti tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni).

24.      Kien fl-okkażjoni ta’ talba oħra, imressqa minn E. Milev, għal bidla tad-detenzjoni provviżorja f’miżura inqas severa li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari segwenti:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali – b’mod partikolari opinjoni li għandha saħħa vinkolanti mogħtija mill-Varhoven [kasatsionen] Sad [qorti suprema ta’ kassazzjoni] (li ngħatat wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2016/343 [...] iżda qabel ma jkun skada t-terminu tat-traspożizzjoni tagħha) li konformement magħha l-Varhoven [kasatsionen] Sad, wara li kkonstatat kunflitt bejn l-Artikolu 5(4) moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(c) tal-[KEDB] u l‑leġiżlazzjoni nazzjonali (Artikolu 270(2) NPK), dwar it-teħid inkunsiderazzjoni jew le ta’ raġunijiet plawżibbli li wieħed jassumi l‑kummissjoni ta’ reat (fil‑kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ ta’ estensjoni ta’ miżura koerċittiva ta’ ‘detenzjoni provviżorja’ matul il-fażi prekontenzjuża tal‑proċedura kriminali), essenzjalment tat lill-qrati l-libertà li jiddeċiedu jekk hemmx lok li tiġi osservata l-[KEDB]– hija konformi mal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2016/343 [...] (dwar il‑preżunzjoni tal‑innoċenza u l-oneru tal-prova fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali)?”

25.      Peress li d-detenzjoni ta’ E. Milev għadha għaddejja, il‑qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Awwissu 2016 din il-proċedura ġiet awtorizzata.

27.      E. Milev u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub. Il-Kummissjoni biss ħadet sehem fis-seduta li saret fit-22 ta’ Settembru 2016.

IV – Analiżi

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

28.      Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-konformità mad-Direttiva 2016/343 tal-opinjoni tal-qorti suprema, kif riprodotta fil-proċess verbali tas-7 ta’ April 2016. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar din il-kwistjoni sa fejn, wara li kkonstatat kunflitt bejn il-liġi nazzjonali u l-Artikolu 5(4) tal‑KEDB, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(c) tagħha, l-opinjoni tal-qorti suprema rrikonoxxiet li l-qrati inferjuri għandhom il-libertà li jiddeċiedu jekk għandhomx josservaw il-KEDB jew inkella japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji.

29.      Din il-kwistjoni hija problematika fuq żewġ binarji. L-ewwel nett, it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/343 kien għadu ma skadiex fid-data li fiha d-deċiżjoni tar-rinviju ngħatat. It-tieni nett, ma jidhirlix li huwa evidenti li l-kontenut tal-opinjoni tal-qorti suprema jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

30.      Fir-rigward tal-ewwel punt, il-qorti tar-rinviju ġġustifikat l‑ammissibbiltà tat-talba tagħha stess għal deċiżjoni preliminari billi enfasizzat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu li jastjenu milli jieħdu miżuri tali li jistgħu jikkompromettu b’mod serju r-riżultat previst mid-direttivi matul it‑terminu ta’ traspożizzjoni. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, dan japplika fil-każ tal-opinjoni tal-qorti suprema, peress li din ingħatat wara d-dħul fis‑seħħ tad-Direttiva 2016/343.

31.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tkun ikkunsidrata inammissibbli. Din hija wkoll l-opinjoni tal-Kummissjoni.

32.      Fl-ewwel lok, sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, id-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali aditi b’kawża reali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (4).

33.      Fit-tieni lok, l-opinjoni tal-qorti suprema ngħatat fis-7 ta’ April 2016, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2016/343 li seħħ fil-31 ta’ Marzu 2016, skont l-Artikolu 15 tagħha. Skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn direttiva kienet diġà daħlet fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali, l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju sabiex tippermettilha tiddeċiedi billi tikkunsidra l-obbligu li ma tordnax miżuri tali li jikkompromettu b’mod serju r-riżultat previst minn din id-direttiva (5).

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nikkunsidra li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tingħata billi jkun hemm enfasi fuq l-opinjoni tal‑qorti suprema u l-obbligu ta’ astensjoni ċċitat iktar ’il fuq. Din l‑analiżi ser issir fit-taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet.

35.      Madankollu, il-kwistjoni li tirrigwarda l-obbligu sabiex ma jiġix kompromess b’mod serju r-riżultat tad-Direttiva 2016/343 matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni hija distinta minn dik, sottostanti, dwar il-kompatibbiltà tal-opinjoni tal-qorti suprema (u, konsegwentement, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali) mal-imsemmija direttiva.

36.      Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, din il-kawża ma għandhiex tagħti lok, fl-opinjoni tiegħi, għal tali analiżi. Madankollu, sabiex tingħata assistenza sħiħa lill-Qorti tal-Ġustizzja, saret evalwazzjoni fil‑qosor ta’ din il-kwistjoni fit-taqsima C.

B –    L-opinjoni tal-qorti suprema tikkomprometti b’mod serju l‑għanijiet tad-Direttiva 2016/343?

1.      L-effetti legali tad-direttivi qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni

37.      Fil-kuntest ta’ domanda preliminari magħmula ferm qabel l-iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri ma jistgħux jiġu kkritikati talli ma jkunux għadhom adottaw il-miżuri sabiex jimplementawha (6). Madankollu hija ġurisprudenza stabbilita li direttiva tipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward tal-Istati Membri destinatarji wara l-pubblikazzjoni tagħha jew mid-data tan-notifika tagħha (7). Fil-fatt, huwa paċifiku li, abbażi tal‑Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 288 TFUE, l-Istati Membri għandhom l‑obbligu li jastjenu milli jieħdu dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu b’mod serju li jinkiseb ir-riżultat previst minn direttiva (8). Dan l-obbligu ta’ astensjoni japplika għall-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha (9). Dan l-obbligu huwa impost fuq l‑awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali (10).

2.      L-Opinjoni tal-Qorti Suprema

38.      Id-domanda preliminari saret mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) sabiex jiġi evalwat jekk l-opinjoni tal-qorti suprema kinitx tmur kontra l-obbligu ta’ astensjoni hawn fuq imsemmi. F’dan il‑kuntest għandu jiġi vverifikat jekk l-opinjoni tal-qorti suprema hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju l-kisba tar-riżultat previst mid‑Direttiva 2016/343.

39.      Id-deċiżjoni tar-rinviju turi li l-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni) kienet tasal għal soluzzjoni differenti ħafna li kieku applikat il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 2016/343, peress li din kienet diġà fis‑seħħ fil-mument li ngħatat l-opinjoni.

40.      Issa, qabel xejn għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jinterpretaw id-dritt intern b’mod konformi ma’ direttiva ma jeżistix ħlief mal-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni tagħha (11). L-obbligi, kif imsemmija fil-ġurisprudenza Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443) b’mod konformi mal-ġurisprudenza Inter‑Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628), li għandhom il-qrati nazzjonali matul il-perijodu ta’ transpożizzjoni huma inqas speċifiċi. Għalhekk, il-qrati nazzjonali huma obbligati li “jastjenu safejn huwa possibbli milli jinterpretaw id-dritt intern b’mod li jirriskja li jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, ir‑realizzazzjoni ta’ l-iskop imfittex minn din id‑Direttiva” (12).

41.      Konsegwentement, għandu jiġi ssalvagwardjat b’mod partikolari l-ispirtu li l-obbligu ta’ astensjoni ċċitat hawn fuq ma jfissirx li d‑Direttiva 2016/343 għandha tiġi applikata, u lanqas li d-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat skont l-imsemmija direttiva. Għall-kuntrarju, l-obbligu ta’ astensjoni jirrigwarda biss il-miżuri li jistgħu jpoġġu f’riskju serju l‑għanijiet imfittxija minn direttiva. Huwa jipprojbixxi għalhekk lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li joħolqu perikolu serju għal dawn l‑għanijiet u li l-effetti legali tagħhom jippersistu lil hinn mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni (13).

42.      Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2016/343, mill-Artikolu 1(a) tagħha jirriżulta li l-imsemmija direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni li jikkonċernaw ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Meta tagħmel dan, id-Direttiva 2016/343 għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal‑Istati Membri fis-sistemi tal-Istati Membri l-oħra u, konsegwentement, tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet kriminali (14).

43.      Minn perspettiva materjali, ma għandux jiġi eskluż li l-assenza, fil-kuntest tal-eżami ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja, ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ “suspett raġonevoli” jista’ jikkomprometti l‑protezzjoni effettiva tal-preżunzjoni ta’ innoċenza li l-osservanza tagħha hija żgurata mid-Direttiva 2016/343(15). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, it-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva ma għandux ikun kompromess minn miżura nazzjonali bħall-opinjoni tal‑qorti suprema.

44.      Ma jistax jiġi eskluż, b’mod ġenerali, li deċiżjoni ta’ qorti tista’ tikkomprometti b’mod serju li jinkiseb ir-riżultat previst wara l‑iskadenza ta’ dan it-terminu (16).

45.      Madankollu, tliet fatturi juru dan ma japplikax f’dan il-każ. Fl‑ewwel lok, l-opinjoni tal-qorti suprema – li ngħatat ftit wara d-dħul fis‑seħħ tad-Direttiva 2016/343 – ma tistax tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ traspożizzjoni tagħha. Lanqas tista’ tiġi kkunsidrata bħala interpretazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva. L‑Artikolu 270 tan-NPK fil-fatt la jikkostitwixxi miżura ntiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2016/343, u lanqas miżura li tista’ tiżgura l-konformità tad‑dritt nazzjonali magħha.

46.      Fit-tieni lok, l-opinjoni tal-qorti suprema toffri marġni ta’ diskrezzjoni lill-qrati nazzjonali billi tħallilhom il-possibbiltà li ma japplikawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-fatt li din l-opinjoni tista’ tidher li fiha struzzjonijiet vinkolanti (17) huwa mingħajr effett. Fil-fatt, l‑opinjoni ma twassal għal ebda bidla fis-sitwazzjoni preċedenti b’tali mod li tostakola l-kisba tar-riżultati previsti mid-direttiva.

47.      Fl-aħħar lok, l-opinjoni tal-qorti suprema bl-ebda mod ma tippreġudika l-għażla li l-leġiżlatur għandu jagħmel meta jittrasponi d‑Direttiva 2016/343.

48.      Minn perspettiva sostanzjali, l-opinjoni tadotta pożizzjoni dwar kunflitt bejn id-dritt nazzjonali u l-KEDB. Hija fil-fatt tenfasizza l‑kontradizzjoni li teżisti bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-Artikolu 5 tal-KEDB u tikkunsidra li huwa meħtieġ l-intervent tal-leġiżlatur nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Artikoli 5 u 6 tal-KEDB. F’dan ir-rigwad, il-fatt li l-opinjoni tal-qorti suprema ntbagħtet lill-Ministeru tal‑Ġustizzja sabiex issir emenda leġiżlattiva jikkonferma li, mhux talli l-opinjoni ma kinitx tikkomprometti b’mod serju l-għanijiet tad‑Direttiva 2016/343, iżda għall-kuntrarju tinċentiva sabiex dawn jintlaħqu.

49.      Konsegwentement, ma jistax jiġi ddikjarat li l-opinjoni tal-qorti suprema tikkomprometti r-riżultati previsti mid-Direttiva 2016/343 sa fejn tressaq soluzzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba tal‑għanijiet tagħha. Minn dan jirriżulta, a fortiori, li l-opinjoni tal‑qorti suprema ma hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju l-kisba tar-riżultati previsti mid-direttiva.

3.      Il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali

50.      Ir-riferiment tal-qorti tar-rinviju għas-sentenza Mangold (18), ma twassalx għal konklużjoni differenti.

51.      Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipji ġenerali tad‑dritt – kif ukoll il-Karta – huma applikabbli fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (19). Għal dan il-għan, jistgħu jiġu kkunsidrati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu l-imsemmija direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis‑seħħ tad-direttiva msemmija, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jistgħu jiżguraw il-konformità tad-dritt nazzjonali magħha (20).

52.      Issa, f’dan il-każ, l-opinjoni tal-qorti suprema la tikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tad-direttiva, u lanqas miżura li tista’ tiżgura l-konformità tad-dritt nazzjonali magħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi riferiment mill-qorti tar-rinviju għal direttiva li l-perijodu ta’ transpożizzjoni tagħha għadu ma skadiex u li l-għanijiet tagħha ma ġewx kompromessi b’mod serju ma huwiex tali li s‑sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (21).

4.      Konklużjoni

53.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata) li opinjoni tal-qorti suprema mogħtija matul il-perijodu ta’ transpożizzjoni tad-Direttiva 2016/343 ma hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva meta tagħti lill-qrati l-għażla li jiddeċiedu bejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB, moqri flimkien mal‑Artikolu 5(1)(c), tagħha u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet.

C –    Interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343

1.      Kunsiderazzjonijiet preliminari

54.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ssegwi l-proposta mressqa fil-punt preċedenti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l‑kunsiderazzjonijiet sottostanti relatati mal-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343.

55.      Il-qorti tar-rinviju sostniet li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali konformi mad-Direttiva 206/343 hija possibbli. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni pproponiet, wara li kkonkludiet li l-opinjoni tal-qorti suprema ma kinitx tikkomprometti b’mod serju r-riżultati previsti minn din id-direttiva, ir‑riformulazzjoni tad-domanda preliminari. Hija ssuġġeriet b’mod partikolari li tingħata interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva u jsir l-eżami tal‑kompatibbiltà magħha ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija s‑suġġett tal-opinjoni tal-qorti suprema.

56.      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li tali domanda tkun ammissibbli sa fejn ma jistax jiġi eskluż li ċerti sistemi nazzjonali jirrikonoxxu obbligu intern sabiex jipproċedu b’interpretazzjoni konformi, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ transpożizzjoni.

57.      F’din il-kawża, ma hemm xejn fil-proċess quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja li jindika li dan huwa l-każ fil-Bulgarija. Fl-assenza ta’ indikazzjonijiet ċari mill-qorti tar-rinviju, l-adozzjoni ta’ tali approċċ imur kontra, fl-opinjoni tiegħi, il-ġurisprudenza li imponiet restrizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ domandi preliminari purament ipotetiċi (22).

58.      Minkejja dawn l-eżitazzjonijiet, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 sabiex jassistu b’mod sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li din tixtieq tadotta l-approċċ propost mill-Kummissjoni – li ma nagħtix parir li tagħmel. Fi kwalunkwe każ, dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom biss rilevanza fil-każ fejn is-sistema nazzjonali tipprevedi l-interpretazzjoni konformi qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni. Bl-ebda mod ma jistgħu jinftehmu bħala li jestendu l-obbligi tal-Istati Membri matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/343.

2.      L-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343

59.      Il-Kummissjoni sostniet li s-sitwazzjoni ta’ E. Milev taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/343 inkwantu qed jiġi pproċessat fl-istadju kontenzjuż ta’ proċedura kriminali.

60.      Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt.

61.      Fil-fatt, minkejja li d-detenzjoni provviżorja ma hijiex is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jikkonċernaw id-detenzjoni provviżorja jaqgħu fil-protezzjoni tal‑preżunzjoni ta’ innoċenza, kif żgurata mid-Direttiva 2016/343.

62.      Kif il-Kummissjoni enfasizzat, dan jirriżulta mill-Artikolu 2 u l‑premessa 12 tad-Direttiva 2016/343, li jipprovdu li din tapplika għal persuni fiżiċi li huma persuni suspettati jew akkużati, fl-istadji kollha tal‑proċedura kriminali, mill-mument li fih hemm suspett li persuna kkommettiet reat. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id‑detenzjoni provviżorja huma msemmija bħala eżempju fil‑premessa 16 ta’ din id-direttiva bħala li tifforma parti mill-miżuri koperti bl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva bħala “deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali”.

63.      Konsegwentement, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tista’ tiġi applikata għal deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar detenzjoni provviżorja.

64.      Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar id-detenzjoni provviżorja jistgħu, f’każijiet speċifiċi, iwasslu għal ksur tad-dritt fundamentali għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif previst fl‑Artikolu 48(1) tal-Karta. Is-sens u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni huma l-istess bħal dawk tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, kif jirriżulta mill‑Artikolu 52(3) tal-Karta u tal-ispjegazzjonijiet relatati magħha.

65.      F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddeċidiet, fil-kuntest taż-żamma taħt detenzjoni provviżorja, li s-suspetti u l-konstatazzjoni formali ta’ ħtija ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod (23). Fil-fatt, il-Qorti EDB tagħmel distinzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet “li jirriflettu l-opinjoni li l‑persuna kkonċernata hija ħatja u dawk li sempliċement jiddeskrivu stat ta’ suspett” filwaqt li tikkonkludi li “tal-ewwel jiksru l-preżunzjoni ta’ innoċenza, filwaqt li tat-tieni huma kkunsidrati bħala konformi mal‑ispirtu tal-Artikolu 6 tal-KEDB” (24).

66.      B’hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 48 tal-Karta tippermetti li jiġi kkonstatat, kif għamlet il‑Kummissjoni, li s-sistema Bulgara li tipprovdi li l-qorti li quddiemha qed jinstema’ l-istadju kontenzjuż tal-proċeduri kriminali, ma tistax tiddeċiedi dwar is-“suspett raġonevoli” ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-perspettiva tal‑imparzjalità tal-qorti, u lanqas mill-perspettiva tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (25).

67.      Madankollu, deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirrigwardaw id‑detenzjoni provviżorja jistgħu, f’ċirkustanzi partikolari, jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju tal-imparzjalità tal-qorti kif ukoll tal‑osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza – li hija relatata mill-qrib ma’ dan il-prinċipju. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta l-qorti tibbaża d-detenzjoni provviżorja fuq “suspetti partikolari b’saħħithom li l‑persuna kkonċernata kkommettiet ir-reati” (26) jew meta deċiżjoni ta’ detenzjoni fiha dikjarazzjonijiet li jmorru lil hinn mid-deskrizzjoni ta’ stat ta’ suspett (27).

68.      Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża tirrigwarda madankollu xenarju kompletament bil-maqlub, jiġifieri l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta r-reat.

69.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta reat ma tirriżulta la mill-prinċipju ġenerali ta’ osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, u lanqas mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva. Tali rekwiżit jirriżulta biss, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, mill-Artikolu 5 tal-KEDB bħala garanzija proċedurali tad-dritt fundamentali tal-libertà. Skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 2016/343 ma fihiex dispożizzjonijiet li jispjegaw ir-rekwiżiti ta’ ordni jew żamma ta’ detenzjoni provviżorja. Peress li din il-kwistjoni la hija rregolata mid-direttiva u lanqas minn xi strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni, hija għalhekk ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

70.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-interpretazzjoni.

71.      Fil-fatt, fil-kuntest tal-KEDB li tikkostitwixxi sistema kompleta ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-Artikolu 5 tal-KEDB jikkostitwixxi dispożizzjoni speċifika dwar miżuri li jirrigwardaw teħid ta’ libertà. Konsegwentement, il-Qorti EDB teżamina l-eżistenza ta’ “suspett raġonevoli” fil-kuntest tad-detenzjoni provviżorja fid-dawl tal-Artikolu 5 tal-KEDB. Din l-aħħar dispożizzjoni fiha regola speċifika fil‑paragrafu 4, moqri flimkien mal-paragrafu 1(c) tal-imsemmi artikolu, li jipprovdi li l-qrati aditi b’talba għal libertà għandhom jeżaminaw jekk jeżistix suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta reat kriminali. Għalhekk, ma huwiex sorprendenti li t-talbiet kontra r-Repubblika tal-Bulgarija f’dan ir-rigward kienu bbażati fuq l-Artikolu 5 tal-KEDB (28), peress li din ir-regola tista’ tiġi kkunsidrata bħala lex specialis (29) meta mqabbla mal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

72.      Madankollu, il-fatt li, fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, l-obbligu li jiġi eżaminat is-“suspett raġonevoli” huwa sistematikament ibbażat fuq l-Artikolu 5 tal-KEDB ma jipprekludix li tali obbligu jirriżulta wkoll mir-rekwiżiti marbuta mal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

73.      Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, is‑sens u l-portata tad-drittijiet żgurati minnha huma l-istess bħal dawk tad-drittijiet korrispondenti kif stipulati fl-imsemmija konvenzjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li standards speċifiċi, żviluppati mill-ġurisprudenza tal‑Qorti EDB fil-kuntest ta’ dritt fundamentali partikolari, ma jistgħux jikkostitwixxu, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, elementi li huma parti mill-kontenut protett minn drittijiet fundamentali oħra.

74.      B’mod partikolari, tali limitazzjoni ma għandhiex tkun applikata fil-kuntest tal-interpretazzjoni, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, ta’ att ta’ dritt sekondarju li jsegwi loġika interna differenti. Fil-fatt, is‑sistema tal-Qorti EDB tippermetti li jiġu eżaminati l-ilmenti inkwistjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi, filwaqt li s‑sistema ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Karta hija differenti f’dan ir-rigward peress li taqa’ esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

75.      Konsegwentement, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343 li tirrigwarda ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, il-kontenut u s‑sens tal-garanziji previsti fl-Artikolu 3 tagħha kif ukoll fl‑Artikolu 48(1) tal-Karta ma għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv għar-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta ma jipprekludix lid-dritt tal-Unjoni milli jagħti protezzjoni iktar estiża meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mill-KEDB.

76.      F’dan il-kuntest, ir-rabta loġika bejn il-kriterju ta’ “suspett raġonevoli” fl-istadju tad-detenzjoni provviżorja u l-preżunzjoni ta’ innoċenza kif żgurata bl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343 u bl-Artikolu 48(1) tal‑Karta hija ċara ħafna. Kif issostni l-qorti tar-rinviju, il-preżunzjoni ta’ innoċenza fil-prattika twassal għall-impossibbiltà li jittieħdu miżuri ripressivi fir-rigward ta’ persuna akkużata li kkommettiet reat, qabel tal-inqas ma tkun ipprovata l-eżistenza ta’ suspett raġonevoli li huwa l‑awtur tiegħu. Kull detenzjoni mingħajr kundanna tikkostitwixxi mingħajr dubju “deroga serja għall-prinċipji tal-libertà individwali u tal‑preżunzjoni ta’ innoċenza” (30). Huwa għalhekk li l-eżistenza ta’ “suspett raġonevoli” tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-KEDB, waħda mill-kriterji li tippermetti li persuna tiġi mċaħħda mil-libertà tagħha qabel xi kundanna, minkejja l-preżunzjoni ta’ innoċenza (31). B’hekk, fil‑kuntest speċifiku tad-detenzjoni provviżorja, ir-rekwiżit relatat mas‑“suspett raġonevoli” huwa marbut mal-garanzija tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

77.      Fl-opinjoni tiegħi, l-assenza ta’ kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju tas-suspett raġonevoli li l-akkużat ikkommetta reat jista’ jikser il‑preżunzjoni ta’ innoċenza.

78.      Tali approċċ tal-preżunzjoni ta’ innoċenza huwa barra minn hekk sostnut minn eżami sistematiku tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/343 li jirrigwardaw l-aspetti partikolari tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

79.      B’hekk, ir-rabta bejn il-ħtieġa li jintwera suspett minimu raġonevoli u l-preżunzjoni ta’ innoċenza tirriżulta mill-Artikolu 4 tad‑Direttiva 2016/343, moqri fid-dawl tal-premessa 16 tagħha.

80.      Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, l-obbligu li jiġi żgurat li d‑deċiżjonijiet ġudizzjarji minbarra dawk li jiddeċiedu l-ħtija ma jippreżentawx lil persuna suspettata bħala ħatja qabel ma tiġi stabbilita l-ħtija tagħha huwa “mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali [...] [li] huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti”. Fost dawn id-deċiżjonijiet, l-imsemmija premessa 16 isemmi b’mod partikolari d-deċiżjonijiet ta’ detenzjoni provviżorja. Barra minn hekk, hija tindika b’mod espliċitu li, qabel tieħu tali deċiżjoni, l-awtorità kompetenti “għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata”. L-imsemmija deċiżjoni “tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi”.

81.      B’hekk, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 iżomm il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri filwaqt li fl-istess ħin jirrifletti l-obbligu li deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħad-detenzjonoi provviżorja, jkunu bbażati fuq provi suffiċjenti. Minn naħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi li tali deċiżjonijiet ma jikkostitwixxux fihom infushom ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, anki jekk jirreferu għall-eżistenza ta’ suspetti. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur madankollu espressament ħaseb sabiex il-qrati jkunu jistgħu jiġu obbligati jibbażaw dawn id‑deċiżjonijiet fuq provi suffiċjenti. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tirrifletti r-rekwiżit ta’ eżami ta’ raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw deċiżjonijiet preliminari bbażati fuq suspetti, bħad-detenzjoni provviżorja. Konsegwentement, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l‑osservanza tal-garanziji li jirriżultaw mill-Karta meta jużaw il‑possibbiltà ċċitata iktar ’il fuq dwar id-“deċiżjonijiet proċedurali”.

82.      Il-garanziji tal-preżunzjoni ta’ innoċenza li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/343 għalhekk jidhirli li huma applikabbli kemm fil-każ ta’ azzjoni “pożittiva” tal-qorti (pereżempju, deċiżjoni li fiha dikjarazzjonijiet ta’ ħtija) kif ukoll ta’ omissjoni li min-natura tagħha hija “negattiva” riflessa fl-assenza totali ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ suspetti abbażi ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja matul il-fażi kontenzjuża tal-proċedura kriminali.

83.      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/343 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżuri xierqa fil-każ ta’ ksur tal-obbligu li ma jsirx riferiment għal persuni suspettati jew akkużati bħala li huma ħatja, skont l-Artikolu 10 tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikolu 10, il-persuni suspettati u akkużati għandu jkollhom rimedju effettiv. Issa, fl-assenza ta’ kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju fuq is-“suspett raġonevoli”, tali rimedju ma jistax ikun effettiv.

84.      Huwa għal dawn ir-raġunijiet li ż-żamma ta’ persuna taħt detenzjoni mingħajr ebda stħarriġ ġudizzjarju ta’ “suspett raġonevoli” jista’, fl‑opinjoni tiegħi, jikser il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, fis-sens tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/343, kif ukoll il-garanzji offruti mill-Artikoli 4 u 10 tal-imsemmija direttiva.

V –    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata, il-Bulgarija) fis-sens li ġej:

Opinjoni tal-Varhoven kasatsionen sad (qorti suprema ta’ kassazzjoni, il-Bulgarija), mogħtija matul il‑perijodu ta’ transpożizzjoni tad‑Direttiva (UE) 2016/343/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it‑tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, ma hijiex tali li tikkomprometti b’mod serju l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva meta tagħti lill-qrati l-għażla li jiddeċiedu bejn l‑applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, moqri flimkien mal‑Artikolu 5(1)(c) tagħha, u l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal dawn id-dispożizzjonijiet.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 27 ta’ Marzu 2012, Nikolay Gerdjikov vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2012:0327JUD002706104, §26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


3–      ĠU 2016 L 65, p. 1.


4–      Sentenza tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable (C‑119/09, EU:C:2011:208, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 35 sa 41), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 69).


6–      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 43); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 114), kif ukoll u tat-15 ta’ Ottubru 2009, Hochtief u Linde‑Kca‑Dresden (C‑138/08, EU:C:2009:627, punt 25).


7–      Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, paragrafu 119).


8–      Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45); tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, paragrafu 121), kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Jetair u BTWE Travel4you (C‑599/12, EU:C:2014:144, punt 35).


9–      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


10–      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 122).


11–      Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 115).


12–      Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 123).


13–      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2011:651, punt 108).


14–      Ara l-premessi 9 u 10 tal-imsemmija direttiva.


15–      Ara l-punti 59 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


16–      Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fil-każ ta’ deċiżjoni li tikkonċerna miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottati waqt il-perijodu ta’ transpożizzjoni. Ara, f’dan is-sens, it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Kadzoev (C‑357/09 PPU, EU:C:2009:691, punt 35).


17–      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-opinjoni ngħatat wara proċedura kemmxejn partikolari. L-iSpetsializiran nakazatelen sad (qorti kriminali speċjalizzata), li talbet l‑opinjoni kkontestata tal-qorti suprema, fil-fatt tammetti, fid-digriet tagħha tad‑9 ta’ Marzu 2016, li t-talba għal interpretazzjoni tagħha ma għandhiex bażi legali. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tiddikjara, minn naħa tagħha, li l‑opinjoni inkwistjoni għandha natura vinkolanti. F’dan il-kuntest, se nillimita ruħi sabiex nikkonstata li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tiddefinixxi l-kuntest leġiżlattiv u fattwali taħt ir-responsabbiltà tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tivverifika l-korrettezza ta’ dan.


18–      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709).


19–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21).


20–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C‑81/05, EU:C:2006:529, punt 29), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 70).


21–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2008, Bartsch (C‑427/06, EU:C:2008:517, punt 15 et seq.).


22–      F’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm parallel mal-linja ġurisprudenzjali mibdija permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar domandi preliminari relatati mad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, iżda fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba rinviju. Madankollu, “minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, twettaq l-interpretazzjoni invokata, ma huwiex kompitu tagħha li tieħu tali inizjattiva jekk ma jirriżultax mid-deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju għandha effettivament tali obbligu”. Ara d-digriet tat-12 ta’ Mejju 2016, Sahyouni (C‑281/15, EU:C:2016:343, punt 28). Ara wkoll id-digriet tat-30 ta’ Jannar 2014, C., C‑122/13, EU:C:2014:59, punt 15).


23–      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 20 ta’ Diċembru 2005, Jasiński vs Il-Polonja, CE:ECHR:2005:1220JUD003086596, § 55; 22 ta’ April 2010, Chesne vs Franza, CE:ECHR:2010:0422JUD002980806 § 36 u 13 ta’ Ġunju 2013, Romenskiy vs Ir‑Russja CE:ECHR:2013:0613JUD002287502 § 27.


24–      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 31 ta’ Marzu 2016, Petrov u Ivanova vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2016:0331JUD004577310, § 44 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25–      F’dan is-sens, il-Qorti EDB iddikjarat, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni Bulgara li tipprojbixxi lill-qrati milli janalizzaw is-suspetti raġonevoli li l-persuna kkonċernata kkommettiet reat kriminali, li “l-għan li tiġi żgurata l-imparzjalità tal-qorti kriminali ma jistax jiġġustifika limitazzjoni tali tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qrati dwar il-legalità tad-detenzjoni provviżorja”. Ara, pereżempju, Qorti EDB, 26 ta’ Lulju 2001, Ilikov vs Il‑Bulgarija CE:ECHR:2001:0726JUD003397796 § 97, u 27 ta’ Marzu 2012, Gerdjikov vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2012:0327JUD002706104 § 28.


26–      Fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB (imparzjalità tal-qrati), ara Qorti EDB, 24 ta’ Mejju 1989, Hauschildt vs Id-Danimarka, CE:ECHR:1989:0524JUD001048683, § 52. F’ċerti kawżi, il-QEDB qabel xejn eżaminat l-ilmenti abbażi tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Imbagħad, ma kkunsidratx li kien neċessarju tipproċedi għal tali eżami fid-dawl tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB. Ara, Qorti EDH, 13 ta’ Ġunju 2013, Romenskiy vs Ir-Russja CE:ECHR:2013:0613JUD002287502 § 31.


27–      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2007, Nešťák vs Is-Slovakkja, CE:ECHR:2007:0227JUD006555901, § 88 sa 91; 20 ta’ Novembru 2011, Fedorenko vs Ir-Russja, CE:ECHR:2011:0920JUD003960205, § 88 sa 93; kif ukoll 10 ta’ Novembru 2015, Slavov et vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2015:1110JUD005850010 § 130.


28–      Ara, pereżempju, is-sentenzi ċċitati mill-qorti tar-rinviju Qorti EDB 25 ta’ Marzu 1999, Nikolova vs Il-Bulgarija [GC] CE:ECHR:1999:0325JUD003119596, § 61 sa 66; 26 ta’ Lulju 2001, Ilikov vs Il-Bulgarija CE:ECHR:2001:0726JUD003397796, § 95 sa 97; 21 ta’ Lulju 2003, Hristov vs Il-Bulgarija CE:ECHR:2003:0731JUD003543697, § 116 sa 120; 9 ta’ Ġunju 2005, I.I. vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2005:0609JUD004408298, § 103 sa 106; 21 ta’ Diċembru 2006, Vassilev vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2006:1221JUD006254400, § 33 sa 39; 13 ta’ Novembru 2008, Bochev vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2008:1113JUD007348101, § 64 sa 66 u 71; 21 ta’ April 2009, Rangelov vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2009:0423JUD001438703, § 44 sa 47; 22 ta’ Ottubru 2009, Dimitrov vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2009:1022JUD003627502, § 86 sa 90; 26 ta’ Novembru 2009, Koriyski vs Il-Bulgarija (ECHR:2009:1126JUD001925703, § 44 sa 46, kif ukoll 27 ta’ Marzu 2012, Gerdjikov vs Il-Bulgarija CE:ECHR:2012:0327JUD002706104.


29–      Ara, f’dan is-sens, Trechsel, S., Human Rights in Criminal Proceedings, OUP 2005, p. 180. Pereżempju, fil-Kawża Erdem vs Il-Ġermanja r-rikorrent kien sostna li t-tul tad-detenzjoni provviżorja tiegħu kien imur kontra l-Artikoli 5(3) u 6(2) tal‑KEDB. Wara li l-Qorti EDB iddeċidiet li tali detenzjoni kienet kisret l‑Artikolu 5(3) tal-KEDB, ma kkunsidratx neċessarju li teżamina b’mod separat l‑ilment tar-rikorrent mill-perspettiva tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB (Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 2001, Erdem vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:2001:0705JUD003832197, § 49).


30–      Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 1969, Stögmüller vs L-Awstrija, CE:ECHR:1969:1110JUD000160262 § 4.


31–      Meta ddeċidiet dwar l-Artikolu 5(3) tal-KEDB [dwar it-tul tad-detenzjoni skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1)(c) tal-KEDB)], il-Qorti EDB iddikjarat li “it‑tkomplija tal-arrest ma hijiex iġġustifikata f’kawża partikolari ħlief jekk indizji konkreti juru rekwiżit reali ta’ interess pubbliku li jipprevalixxi, minkejja l‑preżunzjoni ta’ innoċenza, fuq ir-regola ta’ osservanza tal-libertà individwali stabbilita bl-Artikolu 5 tal-KEDB”. Ara, pereżempju, Qorti EDB, 26 ta’ Ottubru 2000, Kudla vs Il-Polonja, CE:ECHR:2000:1026JUD003021096 §110.