Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-506/17)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Sanfrutos Cano, M. Žebre)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Slovenja

Talbiet

tiddikkjara li r-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31/KE billi ma adottatx, għal kull waħda minn dawn il-landfills: Dragonja, Dvori, Rakek – Pretržje, Bukovžlak – Cinkarna, Suhadole, Lokovica, Mislinjska Dobrava, Izola, Mozelj, Dolga Poljana, Dolga vas, Jelšane, Volče, Stara gora, Stara vas, Dogoše, Mala gora, Tuncovec – steklarna, Tuncovec – OKP, e Bočna – Podhom, il-miżuri neċessarji, skont l-Artikoli 7(g) u 13 ta’ tali direttiva, sabiex jingħalqu kemm jista’ jkun malajr il-landfills li, skont l-Artikolu 8 tagħha, ma kisbux l-awtorizzazzjoni sabiex ikomplu jiffunzjonaw;

tiddikkjara li r-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(c) tad-Direttiva 1999/31/KE, billi [ma] adottatx, għal dak li jirrigwarda l-landfill ta’ Ostri Vrh, il-miżuri neċessarji li jikkonsistu fl-awtorizzazzjoni tax-xogħlijiet neċessarji u għall-fissazzjoni ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni għall-attwazzjoni sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u għat-tqegħid f’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/31/KE, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness I, fi żmien tmien snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 18(1) ta’ tali direttiva.

tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1.    Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31/KE (iktar ʼil quddiem id-“Direttiva”), l-Istati Membri kellhom jieħdu miżuri sabiex il-landfills eżistenti – jiġifieri “terraferma [landfills] li ġew mogħtija permess, jew li [kienu] diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva”, jiġifieri s-16 ta’ Lulju 2001 (fil-każ tas-Slovenja l-1 ta’ Mejju 2004, data tal-adeżjoni mal-Unjoni) – jiġu eżaminati fid-dawl tar-rekwiżiti tad-direttiva u, abbażi ta’ tali evalwazzjoni, jingħalqu kemm jista’ malajr jew tiġi ggarantita l-konformità tagħhom skont ir-rekwiżiti tad-direttiva fi żmien perijodu tranżitorju ta’ tmien snin, li skada fis-16 ta’ Lulju 2009. Dan it-terminu huwa validu wkoll għas-Slovenja, li, f’dan ir-rigward, ma kinitx tibbenefika minn perijodu tranżitorju abbażi tat-Trattat ta’ Adeżjoni.

2.    Fid-dawl tad-dikjarazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja fil-fażi prekontenzjuża u fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-organi amministrattivi Sloveni, li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għat-tħaddim tal-impjanti matul il-proċedura ta’ għeluq u ta’ amministrazzjoni wara l-għeluq, il-Kummissjoni tiddeduċi ġustament li, f’dak li jirrigwarda seba’ landfills (Mislinjska Dobrava, Volče, Izola, Dragonja, Dvori, Mozelj, Tuncovec – OKP), ix-xogħlijiet ta’ għeluq għadhom għaddejjin, u għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li fir-rigward ta’ tali landfills ir-Repubblika tas-Slovenja għadha ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) tad-direttiva.

3.    Mill-analiżi tal-informazzjoni kollha disponibbli, kif ukoll fid-dawl tal-affermazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja matul il-fażi prekontenzjuża u fl-assenza ta’ kwalunkwe prova kuntrarja, jirriżulta li ħames landfills (Bočna – Podhom, Dogoše, Mala gora, Tuncovec – steklarna e Stara vas) – minkejja d-dikjarazzjonijiet tar-Repubblika tas-Slovenja, li l-għeluq sar fil-parti l-kbira tiegħu – għadhom ma rċivewx deċiżjoni definittiva dwar l-għeluq, kif mitlub mill-Artikolu 14(b) moqri flimkien mal-Artikolu 13(b) tad-direttiva. Il-Kummissjoni minn dan tiddeduċi, għaldaqstant, li r-Repubblika tas-Slovenja, f’dak li jirrigwarda dawn il-ħames landfills, għadha ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva.

4.    Mill-analiżi tal-informazzjoni kollha disponibbli, kif ukoll fid-dawl tal-affermazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja fil-fażi prekontenzjuża u fl-assenza ta’ kwalunkwe prova kuntrarja, jirriżulta li tmien landfills (Dolga vas, Jelšane, Stara gora, Rakek – Pretržje, Lokovica, Dolga Poljana, Bukovžlak-Cinkarna, Suhadole) għadhom ma rċivewx deċiżjoni definittiva dwar l-għeluq, kif mitlub mill-Artikolu 14(b) moqri flimkien mal-Artikolu 13(b) tad-direttiva, minflok jirriżulta li għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet ta’ għeluq. Il-Kummissjoni minn dan tiddeduċi, għaldaqstant, li r-Repubblika tas-Slovenja, anki għal dak li jirrigwarda dawn it-tmien landfills, għadha ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva.

5.    Ir-Repubblika tas-Slovenja qatt ma ressqet prova tal-fatt li, f’dak li jirrigwarda l-landfill ta’ Ostri Vrh, ingħatat, fit-terminu għar-risposta għall-opinjoni motivata addizzjonali (jiġifieri qabel il-ġurnata tal-preżentazzjoni ta’ dan ir-rikors), awtorizzazzjoni ambjentali għat-tkomplija tat-tħaddim tal-imsemmija landfill, sabiex dan l-Istat Membru josserva l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 14(c). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li mill-awtorizzazzjoni miksuba a posteriori sabiex tkompli taħdem matul il-proċedura ta’ għeluq u sussegwentement għal din jirriżulta li x-xogħlijiet ta’ għeluq għadhom għaddejjin u li għandhom jintemmu sat-30 ta’ Mejju 2019, u għaldaqstant minn dan jirriżulta li fl-ebda każ ir-Repubblika tas-Slovenja ma wettqet l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14 tad-direttiva.

____________