Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-3 ta’ Lulju 2014 – B&S Global Transit Center BV vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-319/14)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: B&S Global Transit Center BV

Konvenuta: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

L-Artikoli 203 u 204 tal-Kodiċi Doganali 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 859 (b’mod partikolari l-punt 6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni 2 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta proċedura doganali ta’ tranżitu estern tal-Komunità ma tkunx intemmet, iżda dokumenti fornuti jippermettu li jiġi stabbilit li l-merkanzija tkun ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni, il-fatt li din il-proċedura ma ntemmietx ma jwassalx għat-tnissil ta’ dejn doganali minħabba t-tneħħija tas-sorveljanza doganali fis-sens tal-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, iżda, bħala prinċipju, għat-tnissil ta’ dejn doganali fuq il-bażi tal-Artikolu 204 ta’ dan il-Kodiċi Doganali?

Il-punt 6 tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tirrigwarda esklużivament in-nuqqas ta’ implementazzjoni tal-obbligi (jew ta’ wieħed minnhom) marbuta mal-esportazzjoni (mill-ġdid) tal-merkanzija, hekk kif iddefinit fl-Artikoli 182 sa 183 tal-Kodiċi Doganali? Jew il-frażi “mingħajr it-twettieq tal-formalitajiet meħtieġa” għandha tiġi interpretata fis-sens li l-“formalitajiet meħtieġa” jinkludu wkoll il-formalitajiet li għandhom jiġu ssodisfatti qabel l-(re)esportazzjoni sabiex tintemm il-proċedura doganali li taħtha tkun tpoġġiet il-merkanzija?

Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva, it-tielet inċiż tal-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nuqqas li jiġu ssodisfatti l-formalitajiet previsti fit-tieni domanda ma jipprekludix li, f’każ bħal dak inkwistjoni – fejn dokumenti juru li l-merkanzija ħarġet mit-territorju doganali tal-Unjoni matul it-tranżitu fl-Unjoni – il-kundizzjoni li “formalitajiet kollha meħtieġa ħalli tkun irregolarizzata s-sitwazzjoni tal-merkanzija jkunu saru sussegwentement” tista’ tkun ikkunsidrata bħala sodisfatta?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).