Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-569/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Scharf, G. von Rintelen u I. Galindo Martín, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax, qabel il-21 ta’ Marzu 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 1 , jew, fi kwalunkwe maż, billi ma nnotifikax l-imsemmija dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ma wettaqx l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 42(1) tal-imsemmija direttiva;

timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991.60, li għandu jkollha effett mid-data tal-għoti tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jadotta jew, fi kwalunkwe każ, li jinnotifika lill-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-Direttiva 2014/17/UE;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/17/UE, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri nazzjonali neċessarji sabiex jikkonformaw id-dritt intern tagħhom mal-obbligi tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard mil-21 ta’ Marzu 2016. Peress li r-Renju ta’ Spanja ma nnotifikax it-traspożizzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi kontrih quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha timponi fuq ir-Renju ta’ Spanja, multa koerċittiva ta’ kuljum fl-ammont ta’ EUR 105 991.60. L-ammont ta’ din il-multa koerċittiva ġie kkalkulat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-perijodu ta’ ksur kif ukoll l-effett dissważiv fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tal-imsemmi Stat Membru.

____________

1  ĠU 2014, L 60, p. 34