Language of document : ECLI:EU:C:2012:545

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawżi magħquda C‑237/11 u C‑238/11

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Parlament Ewropew

“Rikors għal annullament — Kalendarju tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew għas-snin 2012 u 2013 — Protokolli fuq l-iffissar tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti tal-Unjoni Ewropea”





I –    Introduzzjoni

1.        Bir-rikorsi tagħha ppreżentati fid-19 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Franċiża talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla d-deliberazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni ta’ dan il-Parlament għas-sena 2012 (Kawża C‑237/11) kif ukoll id-deliberazzjoni tal-Parlament tal-istess jum dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni ta’ dan il-Parlament għas-sena 2013 (Kawża C‑238/11) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deliberazzjonijiet ikkontestati”).

2.        Il-partikolarità ta’ dawn il-kalendarji qiegħda fil-fatt li, għax-xhur ta’ Ottubru 2012 u 2013, hemm previst li l-Parlament ikollu żewġ sessjonijiet plenarji fi Strasbourg (Franza) miġburin fl-istess ġimgħa u ta’ tul imnaqqas meta mqabblin ma’ dak tas-sessjonijiet stabbiliti għax-xhur l-oħra tas-sena.

II – Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

3.        Fl-1992, waqt il-laqgħa għolja ta’ Edinburgh, il-Gvernijiet tal-Istati Membri adottaw deċiżjoni, imsejħa d-“deċiżjoni ta’ Edinburgh”, fuq l-iffissar tas-sedi tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej, fuq il-bażi tal-Artikoli 216 KEE, 77 KEFA u 189 KEEA.

4.        L-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh jiddisponi:

“Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasbourg, fejn għandhom jitlaqqgħu it-tnax-il perjodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni ta’ l-estimi. Il-perjodi ta’ sessjonijiet plenarji l-oħra għandhom jiżammu fi Brussel. Il-Kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussel. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.”

5.        Matul il-konferenza intergovernattiva li wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, kien ġie deċiż li mat-Trattati tiġi annessa d-deċiżjoni ta’ Edinburgh. Bħalissa, huma l-Protokoll Nru 6 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE kif ukoll il-Protokoll Nru 3 anness mat-Trattat KEEA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Protokolli”) li jirriproduċu t-test tal-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh (2).

6.        Għalhekk, id-dritt primarju jobbliga lill-Parlament li jiltaqa’ fis-sessjoni plenarja ta’ kull xahar fi Strasbourg. Madankollu, hija tradizzjoni li s-sessjoni plenarja tax-xahar ta’ Awwissu tiċċaqlaq għax-xahar ta’ Ottubru, li matulha, b’hekk, ikun hemm żewġ sessjonijiet plenarji fi Strasbourg.

7.        Il-konferenza tal-presidenti, fit-3 ta’ Marzu 2011, adottat żewġ proposti għall-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni tal-Parlament għas-snin 2012 u 2013. Dawn iż-żewġ proposti kienu jipprevedu li l-Parlament iżomm sessjoni plenarja mill-1 sal-4 ta’ Ottubru 2012 imbagħad mit-22 sal-25 ta’ Ottubru 2012 kif ukoll mit-30 ta’ Settembru 2013 sat-3 ta’ Ottubru 2013 u mill-21 sal-24 ta’ Ottubru 2013.

8.        Fis-7 ta’ Marzu 2011, ġew ippreżentati żewġ emendi għall-proposta ta’ kalendarju ppreżentat mill-konferenza tal-presidenti, waħda li tirrigwarda l-kalendarju għas-sena 2012, l-oħra dwar il-kalendarju għas-sena 2013. Abbozzati f’termini identiċi, iż-żewġ emendi jipproponu li “jitneħħa l-perijodu ta’ sessjoni tal-erbgħin ġimgħa” (3) u li “jinqasam il-perijodu ta’ sessjoni ta’ Ottubru II [mit-22 ta’ Ottubru sal-25 ta’ Ottubru 2012 u mill-21 sal-24 ta’ Ottubru 2013] f’żewġ perijodi ta’ sessjoni distinti”. Għalhekk l-ewwel perijodu ta’ sessjoni tax-xahar ta’ Ottubru 2012 kien previst fit-22 u fit-23 ta’ Ottubru 2012 (għas-sena 2013, fil-21 u fit-22 ta’ Ottubru 2013), it-tieni perijodu ta’ sessjoni tax-xahar ta’ Ottubru 2012 għandu jkun fil-25 u fis-26 ta’ Ottubru 2012 (għas-sena 2013, fl-24 u fil-25 ta’ Ottubru 2013). Iż-żewġ emendi ġew sottomessi għall-vot u adottati.

9.        Għalhekk, il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni għas-sena 2012 jistabbilixxi li żewġ perijodi ta’ sessjoni jsiru fix-xahar ta’ Ottubru, matul l-istess ġimgħa, fit-22 u fit-23 ta’ Ottubru (l-ewwel perijodu ta’ sessjoni) u fil-25 u fis-26 ta’ Ottubru (it-tieni perijodu ta’ sessjoni).

10.      Għal dak li jirrigwarda l-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni għas-sena 2013, hemm previst li ż-żewġ perijodi ta’ sessjoni jkunu fix-xahar ta’ Ottubru, matul l-istess ġimgħa, fil-21 u fit-22 ta’ Ottubru (l-ewwel perijodu ta’ sessjoni) u fl-24 u fil-25 ta’ Ottubru (it-tieni perijodu ta’ sessjoni).

III – It-talbiet tal-partijiet u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      B’digriet tad-9 ta’ Jannar 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li jingħaqdu l-Kawżi C‑237/11 u C‑238/11 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

12.      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deliberazzjoni kkontestati;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

13.      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati; u

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

14.      B’digriet tal-21 ta’ Settembru 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu biex jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

15.      Ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Parlament ingħataw smigħ fis-seduta li saret fil-5 ta’ Ġunju 2012.

IV – Analiżi

16.      Ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika Franċiża fil-qafas tal-Kawża C‑237/11 inkiteb f’termini strettament identiċi għal dak ippreżentat fil-kuntest tal-Kawża C‑238/11 u billi l-istess jgħodd għan-noti ppreżentati mill-Parlament kif ukoll dawk ippreżentati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu (4), qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja analiżi waħda taż-żewġ rikorsi.

17.      Għalhekk, iż-żewġ rikorsi għal annullament imressqin mir-Repubblika Franċiża huma artikolati madwar motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Protokolli fuq is-sedi tal-istituzzjonijiet u li s-sentenza Franza vs Il‑Parlament (5) ġiet injorata. Billi l-Parlament poġġa fid-dubju l-ammissibbiltà tar-rikorsi, hemm lok li l-analiżi tibda minn dan l-aspett tal-kawża.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi

1.      L-argumenti tal-partijiet

18.      Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament u jargumenta li d-deliberazzjonijiet ikkontestati ma humiex atti kontestabbli fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Dawn id-deliberazzjonijiet jirrigwardaw esklużivament l-organizzazzjoni interna tal-Parlament u ma kienu jipproduċu l-ebda effett legali fir-rigward ta’ terzi, u dan jidher li huwa kkonfermat min-nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dawn id-deliberazzjonijiet. Barra minn hekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jekk ir-rikors għal annullament jista’ jsir kontra atti tal-Parlament intiżi biex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi, atti li jaffettwaw biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħol tal-Parlament ma jistgħux ikunu suġġetti għal rikors bħal dan (6). L-ippjanar tax-xogħol tal-Parlament jeħtieġ l-adozzjoni ta’ ċertu numru ta’ miżuri ta’ ordni intern, fosthom id-deliberazzjonijiet ikkontestati, dwar l-eżerċizzju mogħti mill-Artikolu 232 TFUE lil dik l-istituzzjoni. L-uniċi konsegwenzi ta’ dawn id-deliberazzjonijiet huma ta’ natura ekonomika u jikkonċernaw biss l-Istat Membru tas-sede. L-istituzzjoni konvenuta tikkunsidra li r-Repubblika Franċiża trid li jiġi kkonstatat nuqqas eventwali tal-Parlament li jwettaq l-obbligi tiegħu waqt li rimedju legali bħal dak ma huwiex previst mit-Trattati. Fl-aħħar nett, il-Parlament jikkontesta l-argument imressaq mir-rikorrenti u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet impliċitament imma neċessarjament fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament fil-qafas tas-sentenza tagħha Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq.

19.      Ir-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu min-naħa tagħhom jikkunsidraw li s-sentenza inkwistjoni tikkostitwixxi mingħajr ebda dubju preċedent li bih il-Qorti tal-Ġustizzja wasslet għall-annullament tad-deliberazzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Settembru 1995 li ffissat il-kalendarju tiegħu għas-sena 1996. Huma jsostnu li, billi l-ammissibbiltà hija motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi mqajjem ex officio, is-silenzju tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt, fis-sentenza tagħha, kien jeżiġi li jiġi rrikonoxxut li hija, impliċitament imma neċessarjament, aċċettat l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat dakinhar kontra deliberazzjoni li hija għalkollox paragunabbli ma’ dawk li qed jiġu kkontestati llum. Ir-Repubblika Franċiża żżid tgħid li l-kwistjoni jekk id-deliberazzjonijiet ikkontestati jirrigwardawx l-organizzazzjoni interna tal-Parlament jew jekk jipproduċux effetti legali fir-rigward ta’ terzi hija kwistjoni intrinsikament marbuta mal-eżami tal-kontenut tagħhom u, għaldaqstant, mal-eżami tar-rikors fil-mertu (7).

2.      Il-kunsiderazzjoni

20.      Għal dak li jirrigwarda l-atti tal-Parlament, rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE jista’ jsir biss kontra atti intiżi biex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263(1) TFUE, huwa l-kontenut tiegħu li huwa importanti billi l-forma li fih jiġi adottat hija immaterjali minn dan l-aspett (8). F’dan il-każ, il-partijiet qed jikkontestaw preċiżament id-determinazzjoni tal-effetti ġuridiċi tad-deliberazzjonijiet ikkontestati.

21.      Skont is-sentenza Weber vs Il‑Parlament (9), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-atti tal-Parlament li “jolqtu biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħol tal-Parlament” ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament u li “ta’ din il-kategorija huma atti tal-Parlament li jew ma jipproduċux effetti legali, jew jipproduċu effetti legali fl-intern tal-Parlament biss fir-rigward tal-organizzazzjoni tax-xogħol tiegħu u huma suġġetti għal proċeduri ta’ verifika stabbiliti bir-regolamenti tiegħu” (10). Iddeċidiet ukoll li deċiżjoni tal-Parlament li tiċħad l-għoti, lil deputat, ta’ kumpens temporanju tal-aħħar tal-mandat tiegħu tipproduċi “effetti legali li jmorru lil hinn mill-organizzazzjoni interna tax-xogħol tal-istituzzjoni, sa fejn dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni patrimonjali tad-deputat meta jieqaf mill-funzjonijiet tiegħu” (11).

22.      F’kuntest ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li riżoluzzjoni tal-Parlament li ddeterminat preċiżament il-persunal inkarigat b’ċerti attivitajiet li l-istituzzjoni kkunsidrat li kien indispensabbli fi Brussell u li tat mandat lill-korpi kompetenti tal-Parlament sabiex jieħdu miżuri ta’ malajr meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ dik ir-riżoluzzjoni kellha “natura deċiżjonali u l-effetti tagħha setgħu, jekk ikun il-każ, jaffettwaw il-garanziji li jirriżultaw għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu mit-testi dwar is-sede u l-postijiet tax-xogħol tal-Parlament” (12).

23.      Iżda hija ċaħdet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-President tal-Parlament li kkunsidrat ammissibbli t-talba ta’ twaqqif ta’ kumitat ta’ inkjesta fejn iddeċidiet li “l-att ikkontestat ma huwiex ta’ natura li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi […] il-kumitati ta’ inkjesta [għandhom] biss poter li jindagaw u għaldaqstant, l-atti dwar it-twaqqif tagħhom jikkonċernaw biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħol fil-Parlament” (13). Hija għamlet l-istess fil-kuntest ta’ rikors li kkontesta r-regolarità tal-proċedura ta’ nomina tal-president ta’ delegazzjoni interparlamentari, li kellha biss kompetenza li tiġbor informazzjoni u tagħmel kuntatt u li l-atti kostituttivi tagħha jikkonċernaw biss l-organizzazzjoni interna tax-xogħol tal-Parlament (14).

24.      Fid-dawl ta’ dawn il-pożizzjonijiet differenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ser inqiegħdu d-deliberazzjonijiet ikkontestati?

25.      Niddubita kemm l-effetti tad-deliberazzjonijiet ikkontestati huma, kif qed isostni l-Parlament, limitati strettament fi ħdan l-istituzzjoni. Ċertament, prima facie, il-vot fuq il-kalendarju jippermetti lill-Parlament li jippjana x-xogħol tiegħu u jidher li jirrigwarda l-organizzazzjoni interna tiegħu. Madankollu, il-kalendarju jistabbilixxi għas-sena kollha l-perijodi mhux biss tax-xogħol tal-Parlament, imma wkoll il-preżenza tiegħu, tad-deputati li jikkomponuh u l-persunal konness miegħu fil-postijiet tax-xogħol differenti tiegħu. Għaldaqstant, għandi inklinazzjoni biex nikkondividi l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Lenz li “t-tqegħid għad-dispożizzjoni indispensabbli tal-infrastruttura [li trid tilqa’ s-sessjonijiet] toħloq […] indirettament obbligi legali fil-konfront ta’ terzi” (15) u ma neskludix il-possibbiltà li dawn id-deliberazzjonijiet jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

26.      Il-fatt li nikkondividi l-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz iġiegħelni wkoll niċħad l-argument tal-Parlament li jikkontesta n-natura ta’ preċedent, f’termini ta’ ammissibbiltà tar-rikors, tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, kif imsemmi iktar ’il fuq, jekk ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha “impliċitament imma neċessarjament” fuq l-ammissibiltà tar-rikors fil-kuntest ta’ din is-sentenza, il-Parlament isostni, għall-kuntrarju, li s-silenzju ta’ din is-sentenza fuq dan il-punt jgħodd bħala l-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, minbarra l-fatt li l-inammissibbiltà tar-rikors hija motiv ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tqajjem ex officio (16), kif ġustament sostnew ir-Repubblika Franċiża u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu, kienet inġibdet l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja wkoll preċiżament mill-Avukat Ġenerali Lenz fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat dakinhar mir-Repubblika Franċiża kontra d-deliberazzjoni tal-Parlament li kienet ġiet ikkontestata (17). Għaldaqstant, f’dik il-kawża, u b’għarfien sħiħ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-mertu.

27.      Fi kwalunkwe każ, anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ma hijiex f’pożizzjoni li tiddetermina a priori jekk l-att imsemmi fir-rikors għal annullament fil-fatt jipproduċix effetti legali, hija tqis li eżami fil-fond biss jippermettilha taċċerta dan. Għalhekk diġà ddeċidiet li “l-kunsiderazzjoni tal-effett legali tar-riżoluzzjoni kkontestata hija intrinsikament marbuta mal-eżami tal-kontenut tagħha u tal-osservanza tar-regoli tal-kompetenza. Għalhekk għandu jsir l-eżami fil-mertu” (18). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet ukoll din il-pożizzjoni meta kienet adita b’rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjonijiet tal-uffiċċju tal-Parlament fejn waħda minnhom ħadet il-forma ta’ nota dwar previżjonijiet għal żmien medju għall-attivitajiet tal-Parlament fit-tliet postijiet tax-xogħol (19).

28.      Għaldaqstant, fil-każijiet kollha dawn ma għandhomx jiġu miċħudin, f’dan l-istadju tal-analiżi, u r-rikorsi għandhom, għalhekk, jiġu ddikjarati ammissibbli.

B –    Fuq il-motiv uniku dwar il-ksur tal-protokolli kif ukoll in-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997 Franza vs Il‑Parlament

1.      Argumenti tal-partijiet

29.      Permezz tal-ewwel parti tal-motiv uniku, ir-Repubblika Franċiża ssostni li, billi l-Protokolli sempliċement itennu d-deċiżjoni ta’ Edinburgh, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tinterpreta dik id-deċiżjoni, hija għalkollox rilevanti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi. Ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat dakinhar, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh, li l-Istati Membri kienu kkonfermaw il-prattika tal-Parlament li jiltaqa’ kull xahar fi Strasbourg u li jressaq is-sessjoni tax-xahar ta’ Awwissu għax-xahar ta’ Ottubru. Billi t-testi jsemmu “t-”tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, id-deċiżjoni, bħall-Protokolli, għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu neċessarjament għall-prattika kif kienet teżisti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh. Issa, jirriżulta mill-punt 5 tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet perijodu ta’ sessjoni plenarja ta’ kull xahar, li għandha ssir fi Strasbourg, bħala li testendi mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Skont ir-Repubblika Franċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet dakinhar “impliċitament imma neċessarjament” aċċettat li d-deċiżjoni ta’ Edinburgh kienet iffissat ukoll it-tul tas-sessjonijiet. Għalhekk, bit-tnaqqis taż-żewġ perijodi ta’ sessjoni li kellhom isiru fix-xahar ta’ Ottubru 2012 imbagħad fix-xahar ta’ Ottubru 2013 għal jumejn, id-deliberazzjonijiet ikkontestati ppreġudikaw fis-sustanza l-Protokolli msemmijin iktar ’il fuq billi approċċ bħal dak wassal għal tnaqqis ta’ 1/12 tat-tul annwali tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji li jsiru fi Strasbourg u, għaldaqstant, fir-realtà li jiġu ffissati biss ħdax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-deliberazzjonijiet ikkontestati jikkonformaw mal-Protokolli, ir-Repubblika Franċiża twissi kontra r-riskji ta’ ġeneralizzazzjoni ta’ approċċ bħal dan u, ’il quddiem, tnaqqis iktar importanti tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji li għandhom isiru fi Strasbourg.

30.      Bit-tieni parti tal-motiv, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li l-Parlament kiser ir-regolarità tar-ritmu li bih għandhom isiru s-sessjonijiet plenarji. Issa, skont dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 29 tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ Edinburgh tiddefinixxi s-sede tal-Parlament bħala l-“post fejn għandhom isiru, b’ritmu regolari, tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji ta’ din l-istituzjoni”. Ma humiex ittollerati interruzzjonijiet f’din ir-regolarità ħlief għas-sessjoni tax-xahar ta’ Awwissu kif ukoll, fis-snin tal-elezzjonijiet, f’dik tax-xahar ta’ Ġunju.

31.      Bit-tielet parti tal-motiv, ir-Repubblika Franċiża ssostni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-istess punt bħal qabel tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Parlament ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi ż-żamma ta’ sessjonijiet addizzjonali fi Brussell, ikkunsidrat il-fatt li tali ffissar tas-sessjonijiet addizzjonali ma jistax jitwettaq ħlief jekk tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji huma stabbiliti minn qabel. Billi l-kalendarju għas-snin 2012 u 2013 jipprevedi biss ħdax-il sessjoni plenarja, il-Parlament ma setax jistabbilixxi sessjonijiet addizzjonali għas-sentejn ikkonċernati.

32.      Bir-raba’ parti tal-motiv, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-Parlament kiser il-prinċipju tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Parlament kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. Hija ssostni li l-għan segwit mid-deliberazzjonijiet ikkontestati huwa biss it-tnaqqis tal-preżenza ta’ deputati Ewropej fi Strasbourg. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-kalendarju għax-xhur ta’ Ottubru 2012 u 2013 kien ġie vvotat f’termini identiċi, prova li din ma kinitx risposta puntwali għal bżonn okkażjonali imma prattika intiża li ssir dejjiema. Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li d-deliberazzjonijiet ikkontestati jiżvelaw ċertu paradoss li jikkonsisti fit-tnaqqis tat-tul tas-sessjonijiet plenarji tal-Parlament fiż-żmien meta l-ammont tax-xogħol ta’ din l-istituzzjoni dejjem qed jikber. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tfakkar fil-kontenut ta’ sessjoni plenarja tal-Parlament u tispjega li ma hux ser ikun possibbli li dawn l-attivitajiet kollha jitwettqu bl-istess mod jekk it-tul tas-sessjonijiet jitnaqqas għal jumejn.

33.      Fil-qafas tal-intervent tiegħu insostenn tar-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkondividi l-konklużjonijiet ta’ din tal-aħħar u jsostni li fil-fatt organizzazzjoni aħjar interna tax-xogħol ma hijiex il-veru għan segwit mid-deliberazzjonijiet ikkontestati. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jfakkar li l-kuntest attwali huwa b’mod ċar dak li jitpoġġew fid-dubju l-ħafna postijiet tax-xogħol tal-Parlament u, b’mod iktar partikolari, l-obbligu tiegħu ta’ preżenza fi Strasbourg. Permezz tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, il-Parlament kellu l-intenzjoni li jiffissa huwa stess is-sede tiegħu. Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jsemmi wkoll li l-Parlament ma spjegax b’liema mod din l-organizzazzjoni tas-sessjonijiet tax-xahar ta’ Ottubru tippermettilu li jorganizza aħjar ix-xogħol tiegħu u li ż-żieda konstanti tal-kompetenzi tal-Parlament tirrendi inkoerenti t-tnaqqis tat-tul u tal-frekwenza tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. Fl-aħħar nett, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jikkunsidra li teżisti differenza netta ħafna bejn il-perijodi ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar u l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali li huma distinti kemm mit-tul tagħhom (erbat ijiem għall-perijodi ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar, jumejn għall-perijodi ta’ sessjonijiet addizzjonali) kif ukoll mill-post fejn għandhom isiru (Strasbourg għall-perijodi ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar u Brussell għall-perijodi ta’ sessjonijiet addizzjonali). Għalhekk, kemm jekk wieħed jikkunsidra li ż-żewġ sessjonijiet ta’ jumejn previsti fix-xahar ta’ Ottubru mid-deliberazzjonijiet ikkontestati għandhom fil-fatt jiġu kkunsidrati bħala sessjoni waħda ta’ erbat ijiem. F’dan il-każ, il-kalendarji kkonċernati jistabbilixxu biss ħdax-il perijodu ta’ sessjonijiet preliminari ta’ kull xahar. Kif ukoll jekk wieħed jikkunsidra li dawn huma fil-fatt żewġ perijodi ta’ sessjonijiet ta’ jumejn u sessjonijiet ta’ dan it-tul għandhom jerġgħu jiġu kkwalifikati bħala sessjonijiet plenarji addizzjonali li l-Parlament ma kellux dritt jistabbilixxi billi l-iffissar ta’ dawn il-perijodi jista’ jsir biss wara li l-Parlament kien effettivament iffissa tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. Tkun xi tkun l-interpretazzjoni magħżula, id-deliberazzjonijiet ikkontestati injoraw il-Protokolli.

34.      Il-Parlament jibda r-risposta tiegħu b’espożizzjoni tal-evoluzzjoni storika tal-poteri tiegħu u jenfasizza li t-tqassim fi tliet postijiet tax-xogħol dejjem kien jikkostitwixxi żvantaġġ għall-funzjonament tiegħu. Madankollu, jikkunsidra li dejjem irrispetta l-obbligi li ġejjin mid-dritt primarju. Għar-rigward tal-kalendarji għas-snin 2012 u 2013, jippreċiża li għal kull sena hemm previst li jinżammu tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji fi Strasbourg, jiġifieri għaxar perijodi ta’ erbat ijiem tul u żewġ perijodi ta’ jumejn tul. B’kollox, il-Parlament għandu jiltaqa’, għal kull sena mit-tnejn ikkonċernati mid-deliberazzjonijiet ikkontestati, erbgħa u erbgħin jum fi Strasbourg (20) kontra t-tmint ijiem ta’ preżenza f’sessjonijiet plenarji addizzjonali fi Brussell.

35.      Huwa jkompli billi juri d-differenzi fattwali u legali li jiddistingwu din il-kawża mill-kawża li tat lok għas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. L-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Parlament tevolvi fl-istess ħin mal-kompetenzi tiegħu. Wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, b’mod partikolari, il-proċedura tal-baġit ġiet issimplifikata u ma teħtieġx iktar minn qari wieħed, li, skont il-Parlament, jagħmel superfluwa ż-żamma ta’ “sessjoni tal-baġit” kif stabbilit mill-Protokolli. Fil-prinċipju s-sessjoni tal-baġit hija waħda miż-żewġ sessjonijiet tax-xahar ta’ Ottubru. Il-Parlament isemmi mbagħad ċertu numru ta’ pożizzjonijiet attribwibbli kemm lill-Parlament innifsu, kif ukoll lid-deputati Ewropej li jikkomponuh, kif ukoll lis-soċjetà ċivili li kollha jilmentaw bl-inkonvenjenti marbutin mad-diversi postijiet tax-xogħol, u partikolarment mal-ivjaġġar lejn Strasbourg, kemm f’termini ekonomiċi, ambjentali jew ta’ produttività. Id-deliberazzjonijiet ikkontestati, skont il-Parlament, għandhom jinqraw fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li magħhom jiżdied kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja.

36.      B’risposta għall-argumenti mressqin mir-Repubblika Franċiża, il-Parlament isostni li l-Protokolli ma jistabbilixxu l-ebda tul tal-perijodi ta’ sessjoni. L-Artikolu 341 TFUE jistabbilixxi l-kompetenza tal-Istati Membri biex jiffissaw is-sede tal-istituzzjonijiet. Din il-bażi legali għandha tiġi interpretata strettament u l-eżerċizzju mill-Istati Membri ta’ din il-kompetenza ma għandux ikollha effett fuq il-poter ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament. Anki jekk jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni ta’ Edinburgh fiha xi indikazzjoni dwar it-tul tas-sessjonijiet ta’ kull xahar tal-Parlament, għandu jiġi kkonstatat li l-Istati Membri, meta għamlu hekk, eżerċitaw il-kompetenza li jirrikonoxxilhom l-Artikolu 341 TFUE b’mod ultra vires. Fil-fatt xejn ma hu espliċitament previst, la fit-Trattati, la fil-Protokolli u lanqas fir-regolament intern tal-Parlament, dwar it-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji. Il-Parlament jikkontesta wkoll l-interpretazzjoni li tagħti r-Repubblika Franċiża tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li jenfasizza l-fatt li s-sitwazzjoni fattwali li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalkollox differenti minn dik fil-qalba ta’ dan ir-rikors.

37.      Għall-kuntrarju huwa jsostni li f’termini ta’ tul tal-perijodi ta’ sessjoni, hija s-sentenza Wybot (21) li hija rilevanti, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li “fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tat-Trattati f’dan ir-rigward, l-iffissar tat-tul tas-sessjonijiet jirrigwarda l-poter ta’ organizzazzjoni interna li għandu l-Parlament”. Għalhekk huwa dan tal-aħħar li għandu dritt li liberament jiffissa t-tul ta’ dawn is-sessjonijiet.

38.      Il-Parlament jikkontesta bil-qawwa l-interpretazzjoni li għamlet ir-Repubblika Franċiża tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh. Skont dan, billi d-deċiżjoni ta’ Edinburgh ikkonkretizzat il-kristallizzazzjoni tal-prattika preċedenti, ir-Repubblika Franċiża qed tipprova ċċaħħad l-istituzzjoni mill-poter li jevolvi l-prattika tagħha, evoluzzjoni tal-prattika li saret meħtieġa mill-evoluzzjoni tar-rwol u tal-kompetenzi tal-Parlament. Għalkemm il-Parlament ma jaħbix il-fatt li l-għan tiegħu huwa li jnaqqas l-impatt tal-iffissar tas-sede tiegħu fuq il-funzjonament tiegħu u li jillimita l-effetti marbutin mad-diversi postijiet ta’ xogħol tiegħu, isostni li, fl-istat attwali tal-previżjonijiet għas-snin 2012 u 2013, Strasbourg tibqa’ ċ-ċentru ta’ gravità tas-sede. Josserva wkoll li x-xahar ta’ Ottubru huwa l-uniku xahar tas-sena fejn it-tnaqqis taż-żewġ sessjonijiet huwa possibbli, il-perijodi l-oħrajn ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar, mis-sena 2001, isiru matul erbat ijiem, u jikkunsidra li r-riskju li jitnaqqas iktar it-tul tagħhom hija biss spekulazzjoni pura.

39.      Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Parlament jeżerċita l-kompetenzi tiegħu fir-rigward tal Bank Ċentrali Ewropew u tal-Qorti tal-Awdituri anki għalkemm dawn l-istituzzjonijiet ma għandhomx is-sede tagħhom fi Brussell. Għalhekk, il-Parlament ma huwiex obbligat li jkollu s-sede fl-istess belt fejn tkun tinsab l-istituzzjoni li fir-rigward tagħha jeżerċita l-kompetenza tiegħu.

40.      Barra minn hekk, hija tikkontesta l-affermazzjonijiet tal-Parlament dwar is-sessjoni tal-baġit u tikkunsidra li l-vot tal-baġit mill-Parlament, f’sessjoni plenarja, fil-preżenza tal-Kunsill tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea, kien jeħtieġ mill-Parlament qari iktar attent milli uniku. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sessjoni tal-baġit tibqa’ għalkollox importanti.

41.      Fir-rigward tad-diversi pożizzjonijiet imsemmijin mill-Parlament, ir-Repubblika Franċiża tilmenta li jeżisti preġudizzju u tfakkar li l-iffissar tas-sede tal-istituzzjonijiet jirrigwarda l-kompetenza tal-Istati Membri biss. Matul is-seduta, ir-Repubblika Franċiża kkontestat ukoll iċ-ċifri li ressaq il-Parlament f’termini ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju u f’termini ta’ spejjeż ikkawżati minħabba l-firxa ġeografika tal-postijiet tax-xogħol tal-Parlament (22).

42.      Barra minn hekk, l-invokazzjoni tas-sentenza Wybot, iċċitata iktar ’il fuq, ma hijiex ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Franċiża tal-Protokolli dwar it-tul tas-sessjonijiet, billi din is-sentenza ngħatat f’kuntest tant differenti li ma hijiex rilevanti fil-kuntest tar-rikorsi tal-lum. Dejjem skont ir-Repubblika Franċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja meta ammettiet “impliċitament imma neċessarjament” li d-deċiżjoni ta’ Edinburgh kienet ikkodifikat il-prattika eżistenti, inklużi f’termini ta’ tul tal-perijodi ta’ sessjoni, hija ma kkunsidratx li l-Istati Membri kienu eċċedew il-kompetenza tagħhom. Għalhekk, il-Parlament ma ressaq l-ebda argument ta’ natura li jiġġustifika l-bidliet magħmulin mid-deliberazzjonijiet ikkontestati.

43.      Fil-qafas tal-kontroreplika tiegħu, il-Parlament essenzjalment itenni l-istess argumenti bħal dawk imressqa fil-kuntest tar-risposta tiegħu, jiġifieri li l-kompetenza tal-Istati Membri biex jistabbilixxu s-sede tal-istituzzjonijiet ma testendix sal-iffissar tat-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet ta’ kull xahar li jirrigwarda biss l-organizzazzjoni interna tal-Parlament. Fl-awtonomija li għandha neċessarjament tiġi rrikonoxxuta biex jorganizza b’mod iktar effiċjenti u b’mod irħas ix-xogħol tiegħu, il-Parlament qed jikkontesta li jrid ipoġġi fid-dubju l-iffissar tas-sede tiegħu fi Strasbourg. Il-Parlament jirrimarka li t-tul tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali, li għandhom isiru fi Brussell, ukoll ġie mnaqqas. Il-Parlament ifakkar li fir-rigward tal-modifika tal-prattika dwar it-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji fl-2000 bit-tneħħija tas-seduti ta’ nhar ta’ Ġimgħa, ir-Repubblika Franċiża ma ressqet l-ebda rikors. Issa, fi proporzjon, id-deliberazzjonijiet ikkontestati jirrappreżentaw fl-agħar ipoteżi tnaqqis ta’ 1/12 filwaqt li l-emenda tal-prattika imdaħħla fl-2000 u fis-seħħ mis-sena 2001 kienet tikkostitwixxi tnaqqis ta’ 1/5. Il-Parlament jissuġġerixxi li jista’ jiġi dedott min-nuqqas ta’ kontestazzjoni mir-Repubblika Franċiża tat-tneħħija ta’ seduti ta’ nhar ta’ Ġimgħa li kien hemm għarfien, impliċitu imma neċessarju wkoll, tal-libertà tal-Parlament li jiffissa t-tul tal-perijodi ta’ sessjoni tiegħu. Il-Parlament iżid jgħid li l-ġestjoni tax-xogħol tiegħu għandha bħala għan li tiżdied l-effiċjenza u jirrimarka li llum il-ġurnata huma l-attivitajiet tal-kumitati li huma l-iktar importanti iktar milli x-xogħol fil-kamra. Fi kwalunkwe każ, l-effettività tad-dritt ta’ organizzazzjoni awtonomu tal-Parlament għandha tiġi ppreżervata, iktar u iktar peress li din l-istituzzjoni hija l-unika waħda eletta miċ-ċittadini. Fl-aħħar nett, b’risposta għall-argumenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, il-Parlament jiċħad l-idea li sessjoni titlef in-natura plenarja ordinarja tagħha jekk iddum biss jumejn. Ma tistax tingħata interpretazzjoni lid-deċiżjoni ta’ Edinburgh u, għaldaqstant, lill-Protokolli li tispiċċa ma tippermettix lill-Parlament milli jżomm is-seduti plenarji tiegħu mit-Tnejn filgħodu sal-Ġimgħa filgħaxija mingħajr ebda rigward lejn il-bżonnijiet reali tiegħu.

2.      Il-kunsiderazzjonijiet

44.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinjora l-kuntest ta’ tqegħid fid-dubju qawwi tal-obbligu tal-Parlament li jiltaqa’ fi Strasbourg, li wara kollox il-partijiet semmew, huwa importanti li jitfakkar li qed tiġi mitluba tiddeċiedi fil-kuntest tar-rikorsi tal-lum.

45.      Bl-uniku motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-deliberazzjonijiet ikkontestati jiksru l-Protokolli kif ukoll is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, minħabba t-tul previst tas-sessjonijiet plenarji stabbiliti li ser jinżammu fix-xahar ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013 (l-ewwel parti), l-interruzzjoni tar-regolarità taż-żamma tas-sessjonijiet maħluqa bl-allegata żamma ta’ żewġ sessjonijiet plenarji ta’ jumejn fl-istess ġimgħa (it-tieni parti), il-konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji u sessjonijiet plenarji addizzjonali li jippreġudikaw id-deliberazzjonijiet ikkontestati (it-tielet parti) u fl-aħħar nett, ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Parlament (ir-raba’ parti).

46.      Sabiex nifhmu aħjar il-kawża, nissuġġerixxi li nibda l-analiżi tiegħi billi nirreferi għall-kontribuzzjonijiet essenzjali tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. Imbagħad ser nipproponi analiżi trasversali tal-partijiet differenti tal-motiv imqajjem mir-rikorrenti li ser tikkonsisti, fl-ewwel lok, f’li nuri li l-kwistjoni tat-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar ma tistax tkun l-uniku kriterju li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża r-raġunament tagħha f’din il-kawża għaliex ma teżistix regola espliċita li tiddetermina a priori dan it-tul u, fit-tieni lok, biex nipproponi test usa’ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dak tal-koerenza globali.

a)      Il-kontribuzzjonijiet tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament

47.      Fil-qafas tar-rikors għal annullament li kien ġie ppreżentat dakinhar, kif fakkart diġà iktar ’il fuq, kontra d-deliberazzjoni tal-Parlament li stabbilixxa l-kalendarju tax-xogħol tiegħu għas-sena 1996, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, dwar il-firxa tax-xogħol tal-Parlament fuq tliet postijiet tax-xogħol, li “minħabba dawn id-diversi postijiet tax-xogħol, l-eżerċizzju [tal-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu bi ftehim komuni s-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni] ifisser mhux biss l-obbligu li jiġi stabbilit il-post tas-sede tal-Parlament imma jimplika wkoll il-poter li dan il-kunċett jiġi ppreċiżat bl-indikazzjoni tal-attivitajiet li għandhom jiżvolġu hemmhekk” (23). Għalhekk ikkunsidrat li l-Istati Membri, meta adottaw id-deċiżjoni ta’ Edinburgh, “kellhom l-intenzjoni li jiddikjaraw li s-sede tal-Parlament, stabbilita fi Strasbourg, kienet tikkostitwixxi l-post fejn l-istituzzjoni tiltaqa’ primarjament f’sessjonijiet plenarji ordinarji u ppreċiżaw għal dan l-iskop, b’mod obbligatorju, in-numru tal-perijodi ta’ sessjonijiet li għandhom jinżammu hemmhekk” (24). Barra minn hekk, l-Istati Membri, skont l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ikkonfermaw il-prattika ta’ din l-istituzzjoni li tiltaqa’ fil-prinċipju kull xahar fi Strasbourg” (25). Fir-rigward tas-sessjoni tal-baġit, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-deċiżjoni ta’ Edinburgh fis-sens li dik is-sessjoni “għandha tinżamm matul wieħed mill-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji li jsir fis-sede tal-istituzzjoni” (26).

48.      Għalhekk, is-sede tal-Parlament ġiet iddefinita, skont interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh bħala, “il-post fejn għandhom jinżammu, b’ritmu regolari, tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji ta’ din l-istituzzjoni inklużi dawk li matulhom il-Parlament għandu jeżerċita l-poteri tal-baġit li jagħtih it-Trattat. Għalhekk, ma jistgħux jiġu ffissati perijodi ta’ sessjonijiet plenarji addizzjonali f’post ieħor tax-xogħol ħlief jekk il-Parlament iżomm it-tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji fi Stasbourg, post tas-sede tal-istituzzjoni” (27).

49.      Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet demarkazzjoni bejn il-kompetenza ta-Istati Membri li jistabbilixxu s-sede tal-istituzzjonijiet u l-kompetenza ta’ organizzazzjoni interna li l-Parlament għandu jiġi rrikonoxxut li għandu. Għalhekk hija ddeċidiet li, “għalkemm il-Parlament huwa awtorizzat li, bis-saħħa ta’ dan il-poter ta’ organizzazzjoni interna, jieħu miżuri xierqa sabiex jiġi assigurat il-funzjonament tajjeb u l-iżvolġiment tal-proċeduri tiegħu, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu s-sede” (28). Min-naħa l-oħra, “l-Istati Membri għandhom id-dmir, fl-eżekuzzjoni tal-kompetenza tagħhom […], li jirrispettaw il-kompetenza ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament u biex iħarsu li deċiżjoni bħal din ma ttellifx il-funzjonament tajjeb ta’ din l-istituzzjoni” (29). Meta għamlet hekk hija xorta rrikonoxxiet li, “jekk jingħad sew li d-deċiżjoni ta Edinburgh timponi fuq il-Parlament ċerti restrizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol tiegħu, dawn ir-restrizzjonijiet huma inerenti fil-ħtieġa li tiġi ddefinita s-sede tiegħu, filwaqt li jinżammu d-diversi postijiet ta’ xogħol tal-Parlament” (30).

50.      Billi d-deċiżjoni ta’ Edinburgh ġiet ikkodifikata legalment mill-Protokolli, ma hemmx bżonn li jsir riferiment għall-interpretazzjoni li għamlet dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-kunsiderazzjoni tal-legalità tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, iktar u iktar meta l-partijiet ma humiex qed ipoġġuha fid-dubju.

b)      In-nuqqas ta’ regola stabbilita dwar it-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar

51.      Il-partijiet ma jaqblux fuq il-punt jekk id-deċiżjoni ta’ Edinburgh kif ikkodifikata fil-Protokolli tistabbilixxix obbligi li l-Parlament huwa obbligat li jirrispetta f’termini ta’ tul tas-sessjonijiet plenarji tiegħu.

52.      L-ewwel nett, ma naċċettax ir-rilevanza, għall-kawża tagħna, tar-riferiment għas-sentenza Wybot iċċitata iktar ’il fuq. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hemmhekk, kif ifakkar il-Parlament, li “fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni tat-Trattati f’dan ir-rigward, l-iffissar tat-tul tas-sessjonijiet jirrigwarda l-poter ta’ organizzazzjoni interna rikonoxxuta fil-konfront tal-Parlament” (31), dan jingħad fil-kuntest tas-sentenza li tat lok għas-sentenza Wybot, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, din il-kawża tidħol f’qafas legali differenti ħafna u tirrigwarda l-kwistjoni tad-determinazzjoni tat-tul tas-sessjoni annwali (32), jiġifieri t-tul totali tal-perijodu li matulu l-Parlament kien fis-sessjoni u li kien liberu li jiddetermina. Huwa evidenti li kienet għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tafferma li l-iffissar tat-tul tas-sessjonijiet, intiżi bħala sessjonijiet annwali, kien jirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar, mill-poter ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament. Dan bl-ebda mod ma jfisser li tista’ tiġi dedotta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, tali libertà għall-iffissar tat-tul tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar.

53.      Anki jekk, b’reductio ad absurdum, wieħed irid jiddeduċi minn din is-sentenza Wybot li, fir-rigward tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar ukoll, l-iffissar tat-tul tas-sessjonijiet jirrigwarda l-poter ta’ organizzazzjoni interna tal-Parlament, jibqa’ l-fatt li dan il-poter għandu jiġi eżerċitat b’rispett lejn id-dritt primarju. Fil-fehma tiegħi, teżisti rabta evidenti bejn id-determinazzjoni tat-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji u l-osservanza tad-deċiżjoni tal-Istati Membri li jistabbilixxu s-sede tal-Parlament fi Strasbourg. Ngħidha bla tlaqliq li deliberazzjoni li tistabbilixxi li l-perijodi kollha ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar li għandhom jinżammu fi Strasbourg idumu biss nofstanhar kull waħda tikser il-Protokolli li jistabbilixxu s-sede tal-Parlament. Meta wieħed iħares lejha minn dan l-angolu, il-kompetenza eżerċitata mill-Istati Membri meta stabbilixxew is-sede tal-Parlament neċessarjament kellha effett fuq iż-żmien ta’ preżenza ta’ dik l-istituzzjoni fi Strasbourg, mingħajr ma wasslet, b’daqshekk, għall-iffissar ta’ regola riġida. Fuq kollox il-Qorti tal-Ġustizzja dan irrikonoxxietu meta qalet li “is-sede […] tikkostitwixxi l-post fejn l-istituzzjoni tiltaqa’ primarjament” (33). Għaldaqstant, l-iffissar tas-sede għandu, min-natura tiegħu, effett kwantitattiv mingħajr ma jista’ jiġi lmentat, minħabba f’hekk, li l-Istati Membri, kif ippretenda l-Parlament, eżerċitaw il-kompetenza tagħhom ultra vires.

54.      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi rrikonoxxut li, għal dak li jirrigwarda t-tul konkret tal-perijodi tas-sessjonijiet plenarji, it-test tal-Protokolli ma tantx huwa ċar u għandu jiġi kkonstatat, flimkien mal-Parlament, li ma teżisti l-ebda regola espliċita f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, għandi t-tendenza li nirrelativizza l-obbligi f’termini ta’ tul li r-Repubblika Franċiża tiddeduċi mill-punt 5 tas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. Dan il-punt, li jippreċiża biss li kien “stabbilit bejn il-partijiet li l-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji li jestendu mit-Tnejn sal-Ġimgħa jsiru fi Strasbourg”, b’mod ċar qiegħed fil-parti ta’ din is-sentenza li tfakkar il-fatti li wasslu għall-kawża b’mod li fil-verità l-ebda konsegwenza fid-dritt ma tista’ tiġi dedotta. Il-pożizzjoni partikolarment riġida li adottat ir-Repubblika Franċiża f’dan ir-rigward hija mdgħajfa b’mod kunsiderevoli mill-fatt li, mis-sena 2001, il-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar kienu ġew estiżi biss mit-Tnejn sal-Ħamis mingħajr ma r-Repubblika Franċiża wriet xi forma ta’ oppożizzjoni (34).

55.      Għalhekk, mhux sempliċement wieħed jgħaddi għat-test tal-legalità tad-deliberazzjonijiet ikkontestati u ssir verifika ma’ regola stabbilita b’mod ċar li tiffissa t-tul tal-perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżerċizzju, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-istħarriġ tagħha jeħtieġ l-implementazzjoni ta’ test iktar komplet.

c)      It-test tal-koerenza globali

56.      In-nuqqas ta’ regola espliċita flimkien mal-evoluzzjoni naturali tar-rwol tal-Parlament u, għalhekk, tax-xogħol tiegħu, jagħmilha evidenti li wieħed għandu jipproċedi lejn interpretazzjoni dinamika tal-Protokolli fl-osservanza tal-prinċipji ta’ rispett reċiproku msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tas-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-analiżi għandha tkun iktar globali, u għalhekk ma huwiex iktar it-tul, stricto sensu, li huwa determinanti sabiex tiġi deċiża l-legalità tad-deliberazzjonijiet ikkontestati, imma l-ewwel nett il-koerenza globali tal-kalendarji.

57.      Għaldaqstant, it-test tal-koerenza globali isir f’żewġ fażijiet.

58.      L-ewwel nett, huwa l-kalendarju tax-xogħol għas-snin 2012 u 2013 fl-intier tiegħu li għandu jiġi eżaminat, billi jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-frekwenza u t-tul tat-tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar previsti.

59.      Imbagħad, il-konstatazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ interruzzjoni fir-ritmu jew f’inkoerenza fl-organizzazzjoni tal-kalendarji ma għandux awtomatikament iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonkludi li kien hemm ksur tal-Protokolli, għaliex jirriżulta mis-sentenza tagħha Franza vs Il‑Parlament li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet lill-Parlament il-possibbiltà li jiġġustifika dawn l-irregolaritajiet. F’dan ir-rigward, minbarra l-motivi differenti ta’ ġustifikazzjoni ta’ tip ċikliku li jistgħu jiġu mressqin, il-Qorti tal-Ġustizzja trid toqgħod attenta b’mod partikolari biex tippreżerva l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċeduri tiegħu.

60.      Fl-applikazzjoni ta’ dan it-test għad-deliberazzjonijiet ikkontestati, test li jidhrili li huwa l-iktar adattat biex jippreżerva l-bilanċ li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tilħaq u li l-iktar jirrispetta kemm il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu s-sede tal-Parlament u tal-kompetenza tal-Parlament li jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tiegħu, x’jista’ jiġi kkonstatat?

i)      Iż-żamma ta’ żewġ perijodi plenarji ta’ kull xahar fl-istess ġimgħa tax-xahar ta’ Ottubru turi inkoerenza

61.      Għas-snin 2012 u 2013, id-deliberazzjonijiet ikkontestati jistabbilixxu, għal kull xahar tas-sena ħlief għax-xhur ta’ Awwissu u ta’ Ottubru, li perijodu ta’ sessjoni plenarja ta’ kull xahar jiżvolġi fuq perijodu ta’ erbat ijiem (iktar preċiż mit-Tnejn fil-5 ta’ wara nofsinhar sal-Ħamis fil-5 ta’ wara nofsinhar). Għal dak li jirrigwarda x-xhur ta’ Ottubru, u wara l-adozzjoni ta’ emenda intiża biex “jitneħħa l-perijodu ta’ sessjoni tal-erbgħin ġimgħa” u “jinqasam il-perijodu ta’ sessjoni ta’ Ottubru II” (35), żewġ sessjonijiet ta’ jumejn (mit-Tnejn sat-Tlieta imbagħad mill-Ħamis sal-Ġimgħa) isiru fl-istess ġimgħa.

62.      Għalhekk jirriżulta minn eżami għalkollox oġġettiv tal-kalendarji li d-deliberazzjonijiet ikkontestati approvaw interruzzjoni fir-regolarità tar-ritmu tas-sessjonijiet. Għalhekk diffiċli jiġi kkontestat li, għalkemm in-nuqqas ta’ perijodu ta’ sessjoni fix-xahar ta’ Awwissu neċessarjament jikkawża irregolarità fil-kalendarju fis-sens fejn żewġ sessjonijiet għandhom jinżammu fl-istess xahar, din l-irregolarità hija, għal dak li jirrigwarda s-snin 2012 u 2013, amplifikata bid-differenza f’termini ta’ tul b’relazzjoni max-xhur l-oħrajn tas-sena li matulhom għandu jinżamm perijodu ta’ sessjoni plenarja ta’ kull xahar – li jkopri erbat ijiem.

ii)    In-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni

63.      Madankollu, kif fakkart diġà, il-Parlament jista’ jieħu, bis-saħħa tal-poter ta’ organizzazzjoni interna, miżuri xierqa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u l-iżvolġiment tal-proċeduri tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja, dejjem fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, qatt ma ppronunzjat ruħha f’sens differenti billi ammettiet li jistgħu jsiru derogi għall-prinċipju taż-żamma ta’ tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji, bil-kundizzjoni li jkunu ġġustifikati (36). Għalhekk, il-Protokolli ma jistgħux jiġu interpretati b’tali mod li din il-kompetenza ta’ organizzazzjoni tiġi miċħuda.

64.      Il-fatt li ż-żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar ippjanati għax-xahar ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013 ma jkunux ta’ tul ekwivalenti bħal dawk ta’ xhur tas-sena oħrajn jista’, għalhekk, jiġi ġġustifikat.

65.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Parlament ma huwiex konvinċenti fir-rigward tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw, jew tal-inqas jispjegaw, ir-raġunijiet għaliex it-tul ta’ żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji tax-xhur ta’ Ottubru 2012 u 2013 sar ta’ jumejn permezz tad-deliberazzjonijiet ikkontestati.

66.      Minn naħa, għandu jiġi ammess li l-argumenti legali tal-Parlament regolarment jiddgħajfu bir-rieda tiegħu ddikjarata b’mod ċar li jkun jista’ jiddetermina huwa stess is-sede tiegħu, sa tali punt li ma huwiex faċli li ssir distinzjoni bejn dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet reali tal-Parlament f’termini ta’ organizzazzjoni tax-xogħol tiegħu u dak li jirrigwarda manipulazzjoni intiża tal-kompetenza tiegħu ta’ organizzazzjoni interna sabiex jevita r-regoli imposti fuqu mid-dritt primarju. Issa, ir-rikonoxximent li għandu l-Parlament tal-libertà li jistabbilixxi huwa nnifsu s-sede tiegħu, mixtieqa kemm hi mixtieqa, ma jistax isir bl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu ta’ organizzazzjoni interna, imma jeħtieġ, għall-kuntrarju, biċċa xogħol ta’ reviżjoni tad-dritt primarju, li, jekk ikun il-każ, tista’ tinbeda mill-Parlament (37).

67.      Min-naħa l-oħra, il-Parlament ma jagħti l-ebda raġuni partikolari li tippermetti li jiġu mifhuma r-raġunijiet għaliex hemm lok li jiġu organizzati, kif previst fid-deliberazzjonijiet ikkontestati, is-sessjonijiet plenarji tax-xahar ta’ Ottubru.

68.      Huwa sostna li s-sessjoni tal-baġit, li fir-rigward tagħha l-Protokolli jistabbilixxu li għandha ssir fi Strasbourg, bħalissa u wara emendi suċċessivi tal-proċedura tal-baġit, ma għandhiex l-istess importanza bħal fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ Edinburgh. Minkejja l-fatt li l-eżerċizzju mill-Parlament tal-kompetenza tal-baġit jikkostitwixxi mument fundamentali tal-ħajja demokratika tal-Unjoni u għalhekk għandu jsir bl-attenzjoni, bir-rigorożità u bl-impenn kollu li teżiġi responsabbiltà bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex obbligu li timponi a priori tul medju tas-sessjoni tal-baġit. Madankollu, anki jekk jiġi ammess — u jiena minix konvint — li sessjoni bħal dik tista’ tinżamm f’tul iktar limitat b’relazzjoni ma’ dak tal-perijodi oħrajn ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, dan ma jostorx il-fatt li t-tieni perijodu ta’ sessjoni plenarja ta’ kull xahar stabbilit fl-istess ġimgħa tax-xahar ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013, li għalhekk ma huwiex is-sessjoni tal-baġit, ġie mqassar imqabbel mas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar tax-xhur l-oħrajn tas-sena, mingħajr raġuni apparenti.

69.      F’dan ir-rigward ftit li xejn huwa konvinċenti li jiġi kkunsidrat, pereżempju, li l-attività tal-Parlament matul is-sessjoni plenarja tax-xahar fix-xahar ta’ Ottubru 2013 li ma tkunx iddedikata għall-baġit tkun ħafifa u li sessjoni ta’ jumejn (38) tkun biżżejjed. Eżami ta’ malajr tal-aġenda tal-aħħar sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar juri li hija partikolarment mgħobbija u testendi għal erbat ijiem (39). Mistoqsi fuq dan il-punt matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Parlament ma spjegax kif preċiżament, minbarra fil-każ tas-sessjoni tal-baġit, ikun hemm lok biex wieħed jippreżumi li l-aġenda tal-perijodu l-ieħor ta’ sessjoni previst fix-xahar ta’ Ottubru ser ikun ħafif, għalkemm irrikonoxxa wkoll li ma huwiex possibbli għall-Parlament li jantiċipa, fil-mument tal-vot fuq il-kalendarju tiegħu, il-kontenut tal-aġenda tas-sessjonijiet differenti.

70.      L-argument imressaq dwar ix-xogħol tal-Parlament f’kumitat, għad-detriment tax-xogħol plenarju, huwa interessanti ħafna u jirrifletti ċertament evoluzzjoni reali fl-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Parlament. Għal darba oħra, la hu hekk, il-kwistjoni għaliex it-tul ta’ dan il-perijodu ta’ sessjoni ta’ Ottubru biss huwa kkonċernat, għadni ma nistax nifhimha.

71.      Fl-aħħar nett, il-Parlament sostna wkoll il-fatt li d-deliberazzjonijiet ikkontestati għandhom jinqraw fid-dawl tal-ispejjeż magħmulin minħabba d-diversi postijiet tax-xogħol tal-Parlament, spejjeż li huma iktar akuti fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika. Bla dubju, dan huwa l-iktar argument b’saħħtu. Il-kuntest attwali jeżiġi verosimilment li ssir riflessjoni fuq din it-tema. Jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi magħmulin mit-Trattati, din hija responsabbiltà li taqa’ fuq l-Istati Membri. Inżid ngħid li, fil-fehma tiegħi, dawn l-ispejjeż jagħmlu parti mir-“restrizzjonijiet inerenti” fid-diversi postijiet tax-xogħol tal-Parlament li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (40). Billi l-Protokoll jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, iż-żamma ta’ tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, iż-żamma, fl-istess xahar, ta’ żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji li, kull wieħed minnhom, ikollu tul ekwivalenti għal dawk tax-xhur l-oħrajn tas-sena ma tirrappreżentax spiża supplimentari fir-rigward ta’ dak li jirriżulta miż-żamma, matul is-sena kollha, ta’ tali perijodu fix-xahar, ix-xahar ta’ Awwissu inkluż.

72.      Għaldaqstant, il-Parlament la ressaq raġunijiet ċikliċi li jistgħu jiġġustifikaw ġestjoni puntwali tal-kalendarju tiegħu u lanqas wera li ż-żamma, fix-xahar ta’ Ottubru, ta’ żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji ta’ tul ekwivalenti għal dak tax-xhur l-oħrajn tas-sena kienet ittellef il-funzjonament tajjeb tiegħu jew tippreġudika l-iżvolġiment tal-proċeduri tiegħu.

d)      Konklużjoni

73.      Wara li jiġi kkunsidrat is-sinjifikat ġenerali tal-kalendarji għas-snin 2012 u 2013, jidher ċar li ż-żewġ perijodi ta’ sessjoni stabbiliti fl-istess ġimgħa ta’ Ottubru tas-snin 2012 u 2013 ikopru perijodu wieħed ta’ sessjoni, fejn wieħed jista’ leġittimament jippreżumi, minħabba n-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet konvinċenti mill-Parlament fil-qafas ta’ dawn il-proċeduri, li dan inqasam artifiċjalment fi tnejn biex jirrispondi, xejn inqas artifiċjalment, għall-ħtiġijiet stabbiliti mill-Protokolli.

74.      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li ż-żewġ perijodi ta’ sessjoni stabbiliti fl-istess ġimgħa ta’ Ottubru ma jistgħux jiġu kkwalifikati, ikkunsidrati individwalment, bħala perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar fis-sens tal-Protokolli. Għaldaqstant, id-deliberazzjonijiet ikkontestati ma jiffissawx, għas-snin 2012 u 2013, it-tnax-il perijodu ta’ sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar meħtieġa minn dawn il-Protokolli.

75.      Il-motiv uniku mqajjem fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi mir-Repubblika Franċiża jidher, għalhekk, fondat u hemm lok li jiġi milqugħ.

V –    Fuq l-ispejjeż

76.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-Repubblika Franċiża għamlet talba f’dan is-sens, hemm lok li l-Parlament jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż.

77.      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati l-ispejjeż tiegħu skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

VI – Konklużjoni

78.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi kif ġej:

1)      Id-deliberazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar il-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni tal-Parlament għas-sena 2012 u tal-kalendarju tal-perijodi ta’ sessjoni tal-Parlament għas-sena 2013 huma annullati fejn jiffissaw għall-istess ġimgħa, għax-xahar ta’ Ottubru tas-snin ikkonċernati, żewġ perijodi ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji ta’ tul imnaqqas fir-rigward tal-perijodi li għandhom isiru matul ix-xhur l-oħrajn tas-sena meta differenza bħal dik ma hijiex iġġustifikata.

2)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ara l-Artikolu Uniku ta’ dawn il-Protokolli, paragrafu (a).


3 – Jiġifieri dak mill-1 sal-4 ta’ Ottubru 2012 u dak mit-30 ta’ Settembru sat-3 ta’ Ottubru 2013.


4 – Fil-fatt, ir-riferiment biss tas-sena kkonċernata mill-kalendarju tax-xogħol tal-Parlament hija differenti.


5 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997 (C‑345/95, Ġabra p. I‑5215).


6 – Il-konvenuta, f’dan ir-rigward, tiċċita s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, Ġabra p. 1339, punti 25 et seq); tat-23 ta’ Marzu 1993, Weber vs Il‑Parlament (C‑314/91, Ġabra p. I‑1093, punt 12), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2003, Le Pen vs Il‑Parlament (T‑353/00, Ġabra p. II‑1729, punt 77).


7 – Ir-Repubblika Franċiża hawnhekk tistrieħ b’mod partikolari fuq is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (230/81, Ġabra p. 255, punt 30); tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament (358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 15); kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 1991, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament (C‑213/88 u C‑39/89, Ġabra p. I‑5643, punt 16).


8 – Sentenza tat-28 ta’ Novembru 1991, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15).


9 – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 1993 (C‑314/91, Ġabra p. I‑1093).


10 – Sentenza Weber vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punti 9 u 10).


11 – Ibidem (punt 11).


12 – Sentenza tat-28 ta’ Novembru 1991, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punti 26 u 27). Għal eżempju dettaljat tal-għarfien impliċitu tan-natura deċiżjonali ta’ emenda għar-regolament intern tal-Parlament, ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004, Rothley et vs Il‑Parlament (C‑167/02 P, Ġabra p. I‑3149).


13 – Digriet tal-4 ta’ Ġunju 1986, Groupe des droites européennes vs Il‑Parlament (78/85, Ġabra p. 1753, punt 11).


14 – Digriet tat-22 ta’ Mejju 1990, Blot u Front national vs Il‑Parlament (C‑68/90, Ġabra p. I‑2101, punti 10 u 11).


15 – Ara l-punt 16 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq. L-Avukat Ġenerali Mancini kien tkellem qablu fuq il-possibbiltà li l-atti ta’ organizzazzjoni interna jipproduċu effetti legali [ara l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (p. 255)].


16 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L‑Istat Belġjan (6/60, Ġabra p. 1125 u 1147).


17 – Ara l-punti 9 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq.


18 – Sentenza tal-10 ta’ Frar 1983, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).


19 – Sentenza tat-28 ta’ Novembru 1991, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).


20 – Matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-Parlament wassal din iċ-ċifra għal 34 jum, is-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar jibdew biss mit-Tnejn fil-5 ta’ filgħaxija u jispiċċaw il-Ħamis fl-istess ħin.


21 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986 (149/85, Ġabra p. 2391, punt 16).


22 – Il-Parlament, b’referenza għal studju tas-sena 2007, semma ċ-ċifra ta’ 19 000 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju. Ir-Repubblika Franċiża, li tiċċita studju ieħor tas-sena 2012, tistma l-ispiża ambjentali u l-ivvjaġġar lejn Strasbourg f’4 699 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju. Għal dak li jirrigwarda l-ispiża ekonomika, skont studju tas-sena 2011, il-Parlament isemmi ċifra ta’ EUR 160 miljun. Ir-Repubblika Franċiża, min-naħa tagħha, li tiċċita l-istess studju li stima l-ispiża ambjentali, tistma f’EUR 51 miljun is-somma tal-ispejjeż inerenti fl-iffissar tas-sede tal-Parlament fi Strasbourg.


23 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


24 – Ibidem (punt 25).


25 – Ibidem (punt 26).


26 – Ibidem (punt 28).


27 – Ibidem (punt 29).


28 – Ibidem (punt 31).


29 – Ibidem (punt 32).


30 – Ibidem (punt 32).


31 – Ara s-sentenza Wybot, iċċitata iktar ’il fuq (punt 16).


32 – Dan sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-immunità parlamentari ta’ deputat Ewropew.


33 – Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25). Korsiv miżjud minni.


34 – Iżda l-fatt li r-Repubblika Franċiża ma kinitx opponiet din l-emenda tal-prattika meta din tal-aħħar kienet, fi proporzjon u skont il-Parlament, ferm iktar importanti minn dik imdaħħla mid-deliberazzjonijiet ikkontestati, ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħmel fuq dawn id-deliberazzjonijiet.


35 – Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33).


37 – Ara l-Artikolu 48 TUE.


38 – Għall-preċiżjoni kompleta, mit-Tnejn sat-Tlieta jew mill-Ħamis sal-Ġimgħa.


39 – Biżżejjed wieħed jara l-aġenda tal-aħħar sessjoni plenarja miżmuma mill-Parlament fi Strasbourg mit-2 sal-5 ta’ Lulju 2012 biex dak li jkun jikkonvinċi ruħu (ara d-dokument tas-seduta tat-2 ta’ Lulju 2012, Nru 491.927).


40 – Ara s-sentenza Franza vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).