Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Marzu 2017 mill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fl-10 ta’ Jannar 2017 fil-Kawża T-577/14, Gascogne Sack Deutschland u Gascogne vs L-Unjoni Ewropea

(Kawża C-138/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Inghelram u Á.M. Almendros Manzano, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Gascogne Sack Deutschland GmbH, Gascogne, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-punt 1) tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tiċħad bħala infondata t-talba ta’ Gascogne Sack Deutschland u ta’ Gascogne, ifformulata fl-ewwel istanza, intiża sabiex tinkiseb is-somma ta’ EUR 187 571 bħala telf allegatament subit mill-fatt tal-pagamenti addizzjonali tal-garanzija bankarja lil hinn minn terminu raġonevoli;

tikkundanna lil Gascogne Sack Deutschland u Gascogne għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ rabta kawżali, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur tat-terminu raġonevoli sabiex tingħata deċiżjoni kkostitwixxa r-raġuni determinanti tal-allegat dannu materjali li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja, filwaqt li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għażla proprja ta’ impriża li ma tħallasx il-multa matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni tikkostitwixxi r-raġuni determinanti tal-ħlas ta’ tali spejjeż.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ dannu, peress li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tapplika għall-allegat dannu materjali marbut mal-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja l-istess kundizzjoni bħal dik li kienet ifformulat fir-rigward tal-allegat dannu materjali marbut mal-ħlas tal-interessi fuq l-ammont tal-multa, jiġifieri li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kellhom jipprovaw li r-responsabbiltà finanzjarja marbuta ma’ dan l-aħħar pagament kienet ogħla mill-vantaġġ li huma setgħu jieħdu mill-assenza ta’ pagament tal-multa.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-perijodu li matulu l-allegat dannu materjali seħħ kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, mingħajr ma spjegat ir-raġuni, li l-perijodu li matulu l-allegat dannu materjali li jikkonsisti fil-pagament tal-ispejjeż ta’ garanzija bankarja seħħ seta’ jkun differenti mill-perijodu li matulu hija kienet identifikat l-eżistenza tal-aġir illegali li kien allegatament ikkawża dan id-dannu.

____________