Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2017 minn Equipolymers Srl, M&G Polimeri Italia SpA, Novapet SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-5 ta’ April 2017 fil-Kawża T-422/13, Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME) et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-363/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Equipolymers Srl, M&G Polimeri Italia SpA, Novapet SA (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, J. Beck, Solicitor)

Partijiet oħra fil-proċedura: Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME), Cepsa Química SA, Indorama Ventures Poland sp. z o.o., Lotte Chemical UK Ltd, Ottana Polimeri Srl, UAB Indorama Polymers Europe, UAB Neo Group, UAB Orion Global pet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn tiċħad it-talba għad-danni;

tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba għad-danni u tordna l-ħlas tad-danni, jew tirrinvija l-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għad-danni; u

tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet distorsjoni u evalwazzjoni ħażina tal-provi ppreżentati mill-appellanti meta ddeċidiet li ma hemmx rabta kawżali bejn l-adozzjoni illegali tad-Deċiżjoni 2013/226 1 u d-danni subiti mill-appellanti. (Sentenza appellata, punti 155 sa 197, u b’mod partikolari l-punt 187 sa 189).

____________

1 Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU 2013, L 136, p. 12).