Language of document : ECLI:EU:C:2014:2145

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Settembru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Artikolu 3(1) — Kunċett ta’ ‘proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn’ — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 1(2)(b) — Kunċett ta’ ‘falliment’ — Azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu mibdija mil-istralċjarju — Kreditu li jirriżulta minn trasport internazzjonali ta’ merkanzija — Relazzjonijiet bejn ir-Regolament Nru 1346/2000 u r-Regolament Nru 44/2001 u l-Konvenzjoni dwar it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq (CMR)”

Fil-Kawża C‑157/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Nickel & Goeldner Spedition GmbH

vs

“Kintra” UAB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, M. Berger (Relatur), u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nickel & Goeldner Spedition GmbH, minn F. Heemann, avukat

–        għal “Kintra” UAB, minn V. Onačko, avukat,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u G. Taluntytė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn M. Jametti, bħala aġent

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1) u 44(3) tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [stralċ] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), kif ukoll tal-Artikoli 1(2)(b), u 71 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nickel & Goeldner Spedition GmbH (iktar ʼil quddiem “Nickel & Goeldner Spedition”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, u “Kintra” UAB (iktar ʼil quddiem “Kintra”), kumpannija rregolata mid-dritt Litwan fi tinsab fi stralċ, dwar il-ħlas, prinċipalment, ta’ somma ta’ LTL 194 077.76 dovuta għal servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 1346/2000

3        Skont is-sitt premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 1346/2000 huwa limitat għal “dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment [stralċ] u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn.”

4        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jittratta l-ġurisdizzjoni internazzjonali, jistabbilixxi r-regola ta’ ġurisdizzjoni prinċipali li ġejja:

“Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu [għandhom] jkollu [jkollhom] l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ [jiftħu] il-proċedimenti ta’ falliment [insolvenza]. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat [s-sede] għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.”

5        L-Artikolu 44(3)(a) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika:

(a)      f’xi Stat Membru, sal-limitu li ma jkunx jaqbel ma’ l-obbligi li joriġinaw in relazzjoni ma’ falliment minn konvenzjoni konkluża minn dak l-Istat ma’ wieħed jew aktar pajjiżi terzi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

 Ir-Regolament Nru 44/2001

6        Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 44/2001, “[l]-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti”.

7        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ġej:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2.      Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

b)      falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi;

[...]”

8        Fir-rigward tar-regoli tal-ġurisdizzjoni, l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi r-regola ta’ prinċipju li ġejja:

“1.      Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

9        F’materji kuntrattwali, l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jipprevedi regola speċjali fit-termini li ġejjin:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)      a)     f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)      għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)      jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a);

[...]”

10      L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jittratta r-relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet relatati ma’ materji partikolari (iktar ʼil quddiem il-“konvenzjonijiet speċjali”) li l-Istati Membri jkunu parti fihom, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwari [fiha] l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola [tirregola il-]ġurisdizzjoni [,i]r-Rikonoxximent jew [l-] eżekuzzjoni ta’ sentenzi.”

 Iċ-CMR

11      Il-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem iċ-“CMR”), tapplika, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, “għal kull kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq bi ħlas permezz ta’ vetturi, meta l-post tat-teħid tal-merkanzija u l-post previst għall-kunsinna [...] jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, li għall-inqas wieħed minnhom huwa pajjiż kontraenti […] ikunu xi jkunu d-domiċilju u n-nazzjonalità tal-partijiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Iċ-CMR ġiet innegozjata fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Iktar minn 50 Stat, fosthom ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża, saru partijiet kontraenti fiċ-CMR.

13      Skont l-Artikolu 31(1) taċ-CMR:

“Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mit-trasport suġġett għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jadixxi, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, il-qrati tal-pajjiż li fit-territorju tagħhom:

a)      il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu jew il-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż, jew

b)      jinsab il-post tat-teħid tal-merkanzija jew il-post previst għall-kunsinna, u ma jista’ jadixxi biss dawn il-qrati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Fit-28 ta’ Mejju 2009, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnius) fetħet proċeduri ta’ insolvenza kontra Kintra, li għandha s-sede tagħha fil-Litwanja.

15      L-istralċjarju ta’ Kintra adixxa l-Vilniaus apygardos teismas b’talba sabiex Nickel & Goeldner Spedition, li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, tiġi kkundannata għall-ħlas, prinċipalment, ta’ somma ta’ LTL 194 077.76, dovuti għal servizzi ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija pprovduti minn Kintra għall-benefiċċju ta’ Nickel & Goeldner Spedition, b’mod partikolari fi Franza u fil-Ġermanja.

16      Skont l-istralċjarju ta’ Kintra, il-ġurisdizzjoni tal-Vilniaus apygardos teismas kienet ibbażata fuq l-Artikolu 14(3), tal-liġi Litwana dwar l-insolvenza ta’ impriżi. Nickel & Goeldner Spedition ikkontestat din il-ġurisdizzjoni billi sostniet li l-kawża kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 31 taċ-CMR u tar-Regolament Nru 44/2001.

17      Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Awwissu 2011, il-Vilniaus apygardos teismas laqgħet it-talba tal-istralċjarju ta’ Kintra wara li kkunsidrat li l-ġurisdizzjoni tagħha kienet tirriżulta minn dispożizzjonijiet tal-liġi Litwana dwar l-insolvenza ta’ impriżi u mir-Regolament Nru 1346/2000.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012, il-Lietuvos apeliacinis teismas (Qorti tal-Appell tal-Litwanja) ikkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza. Hija qieset li l-kawża kienet taqa’ fl-eċċezzjoni fil-materja tal-falliment, prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, u li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża kellha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Litwana dwar l-insolvenza ta’ impriżi.

19      Meta ġiet adita b’dan l-appell, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Meta tiġi ppreżentata azzjoni mill-fiduċjarju [stralċjarju] ta’ impriża f’falliment [fi stralċ], li jkun qiegħed jaġixxi fl-interess tal-massa tal-kredituri u bil-għan li jistabbilixxi mill-ġdid il-likwidità u jkabbar l-assi tal-impriża f’falliment sabiex kemm jista’ jkun il-krediti jkunu jistgħu jiġu rregolati [jitħallsu l-kredituri] — għandu jiġi speċifikat [enfasizzat] li dawn l-istess effetti huma wkoll imfittxija, pereżempju, permezz tal-azzjonijiet ta’ revoka (actio pauliana) ippreżentati mill-fiduċjarju [stralċjarju], li fir-rigward tagħhom ġie deċiż li strettament jifformaw parti mill-proċeduri ta’ insolvenza –, u fid-dawl tal-fatt li f’dan il-każ qed jintalab il-ħlas, bis-saħħa tas-[...] CMR u tal-Kodiċi Ċivili Litwan (regoli ġenerali tad-dritt ċivili), ta’ dejn dovut għal trasport internazzjonali ta’ merkanzija, l-imsemmija azzjoni għandha titqies li strettament tifforma parti (permezz ta’ rabta diretta) mill-proċeduri ta’ insolvenza tar-rikorrenti, [b’tali mod li ] il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni tal-każ għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tar-Regolament Nru 1346/2000, u [li] din l-azzjoni taqa’ taħt l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk, meta l-obbligu inkwistjoni (obbligu tal-konvenut li jħallas id-debitu tiegħu li rriżulta minn trasport internazzjonali ta’ merkanzija u li jħallas interessi moratorji, liema obbligu jirriżulta mill-eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligi kuntrattwali tiegħu lejn ir-rikorrenti f’falliment) jippreċedi l-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward tar-rikorrenti, għandux jiġi applikat l-Artikolu 44(3)(a) tar-Regolament Nru 1346/2000 filwaqt li ma għandux jiġi applikat dan l-aħħar regolament, meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża jkollha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 31 ta[s]-CMR billi hija konvenzjoni speċjali?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u jekk din il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk, peress li l-Artikolu 31(1) ta[s]-CMR u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jikkontradixxux lil xulxin, f’dan il-każ, peress li l-kwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta[s]-CMR (billi hija konvenzjoni speċjali), għandhom jiġu applikati r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 31 tal-imsemmija konvenzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-Istat li fih il-qrati għandhom ġurisdizzjoni jieħdu konjizzjoni tal-kawża kkonċernata, bil-kundizzjoni li r-regoli msemmija fl-Artikolu 31(1) ta[s]-CMR ma jmorrux kontra l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 44/2001, ma jagħtux lok għal riżultati inqas favorevoli għat-twettiq tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu ċari u preċiżi biżżejjed?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu bbażata fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, eżerċitata mill-istralċjarju ta’ impriża fi stralċ, imressqa fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza mibdija fi Stat Membru, u diretta kontra l-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi, stabbilit fi Stat Membru ieħor, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 jew f’dik tar-Regolament Nru 44/2001.

21      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, filwaqt li bbażat ruħha b’mod partikolari fuq ix-xogħlijiet storiċi marbuta mal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), liema test ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-aħħar regolament u r-Regolament Nru 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrapożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti f’dawn it-testi u kull vakwu ġuridiku. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dawn jaqgħu taħt “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analogi”, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simetriku, l-azzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (sentenza F‑Tex, C‑213/10, EU:C:2012:215, punti 21, 29 u 48).

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, kif tindika wkoll b’mod partikolari l-premessa 7 tar-Regolament Nru 44/2001, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jagħti kunċett wiesa’ tal-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” li jinsab fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament u, konsegwentement, kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000, skont il-premessa 6 tiegħu, ma għandux jiġi suġġett għal interpretazzjoni wiesgħa (sentenza German Graphics Graphische Maschinen, C‑292/08, EU:C:2009:544, punti 23 sa 25).

23      B’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss l-azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li huma marbuta mill-qrib magħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. Konsegwentement, huma biss dawn l-azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza F‑Tex, EU:C:2012:215, punti 23 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din id-distinzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-azzjoni sabiex jiġi kkompensat il-passiv tal-kumpannija, li, fid-dritt Franċiż, tista’ tiġi eżerċitata mil-istralċjarju fil-konfront tad-diretturi tal-kumpannija bil-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom, għandha tiġi kkunsidrata bħala azzjoni li tirriżulta direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li hija marbuta magħha mill-qrib. Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija bbażat ruħha, essenzjalment, fuq il-kunsiderazzjoni li din l-azzjoni għandha bħala l-bażi legali tagħha d-dispożizzjonijiet derogatorji mir-regoli ġenerali tad-dritt ċivili (ara, fil-kuntest tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, sentenza Gourdain, 133/78, EU:C:1979:49, punti 4 sa 6). Il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet evalwazzjoni simili fir-rigward tal-azzjoni ta’ revoka, li, skont id-dritt Ġermaniż, tista’ tiġi eżerċitata mil-istralċjarju bil-għan li jattakka l-atti eżegwiti qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza u li huma ta’ ħsara għall-kredituri. Hija rrilevat, f’dan il-kuntest, li l-azzjoni għandha bħala l-bażi legali tagħha r-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri ta’ insolvenza (sentenza Seagon, C‑339/07, EU:C:2009:83, punt 16).

25      Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni ppreżentata abbażi ta’ klawżola ta’ riserva ta’ titolu ta’ proprjetà fil-konfront ta’ stralċjarju tippreżenta biss rabta insuffiċjentement diretta u insuffiċjentement mill-qrib mal-proċeduri ta’ insolvenza minħabba, essenzjalment, li l-punt ta’ dritt imqajjem f’tali azzjoni huwa indipendenti mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenzi (sentenza German Graphics Graphische Maschinen, EU:C:2009:544, punti 30 u 31). Bl-istess mod, l-azzjoni mibdija minn rikorrent, abbażi ta’ ċessjoni ta’ kreditu kkonsentita mil-istralċjarju u li tirrigwarda d-dritt ta’ revoka kkonferit lil dan tal-aħħar mid-dritt Ġermaniż dwar il-falliment, ġiet ikkunsidrata bħala li ma hijiex marbuta mill-qrib mal-proċeduri ta’ insolvenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat f’dan ir-rigward li l-eżerċizzju tad-dritt miksub miċ-ċessjonarju tad-dritt miksub kien irregolat minn regoli li ma humiex dawk applikabbli fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza (sentenza F‑Tex, EU:C:2012:215, punti 41 u 42).

26      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-diversi tipi ta’ azzjonijiet li ħadet konjizzjoni tagħhom kienu eżerċitati fl-okkażjoni ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Madankollu, hija fuq kollox tagħmel l-għalmu tagħha sabiex tiddetermina kull darba jekk l-azzjoni inkwistjoni kinitx toriġina mid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza jew minn regoli oħra.

27      Isegwi li l-kriterju determinanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika l-qasam li taqa’ fih azzjoni taqa’ ma huwiex il-kuntest proċedurali li fih taqa’ din l-azzjoni, iżda l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni joriġinax minn regoli komuni tad-dritt ċivili jew kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza.

28      Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-azzjoni inkwistjoni hija azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi għal eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ trasport. Din l-azzjoni setgħet tiġi ppreżentata mill-kreditur stess, qabel ma ġie żvestit mill-awtorità tiegħu permezz tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront tiegħu u, f’dan il-każ, din kienet tkun irregolata mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli f’materji ċivili jew kummerċjali.

29      Il-fatt li, wara l-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza fil-konfront tal-fornitur tas-servizzi, l-azzjoni għall-ħlas tiġi eżerċitata mil-istralċjarju fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri u li dan tal-aħħar jaġixxi fl-interess tal-kredituri ma jbiddilx b’mod sostanzjali n-natura tal-kreditu invokat, li tibqa’ suġġetta, fil-mertu, għal regoli ta’ dritt li ma nbidlux.

30      Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex rabta diretta mal-proċeduri ta’ insolvenza miftuħa kontra r-rikorrenti.

31      Għaldaqstant u mingħajr il-bżonn li jiġi vverifikat jekk din hijiex marbuta mill-qrib mal-proċeduri ta’ insolvenza, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imsemmija azzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 u, b’mod simetriku, li hija ma taqax fil-falliment, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

32      Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kunċett ta “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu bbażata fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, eżerċitata mil-istralċjarju ta’ impriża fi stralċ, imsemmija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza mibdija fi Stat Membru, u diretta kontra l-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi, stabbilita fi Stat Membru ieħor.

 Fuq it-tieni domanda

33      It-tieni domanda saret biss f’każ li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000.

34      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq it-tielet domanda

35      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk, f’każ li l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll taċ-CMR, Stat Membru jistax, skont l-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-regolament, japplika r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti miċ-CMR u mhux dawk stabbiliti mill-imsemmi regolament.

36      Għalkemm jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda li l-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika qorti li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tivverifika jekk is-servizzi ta’ trasport li huma s-suġġett tat-talba għall-ħlas li hija adita jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni taċ-CMR, kif dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar.

37      F’każ li l-qorti tar-rinviju tasal għal din il-konklużjoni, hemm lok li jitfakkar li, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent jew dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet previsti mill-konvenzjonijiet speċjali li l-Istati Membri kienu diġà parti kontraenti fihom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, fil-prinċipju, għandhom l-effett li jeskludu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jittrattaw l-istess materja (sentenza TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punti 39, 45 sa 48). Iċ-CMR, dwar it-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, li r-Repubblika tal-Litwanja saret parti kontraenti tagħha fl-1993, hija waħda mill-konvenzjonijiet speċjali koperti minn din id-dispożizzjoni.

38      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-applikazzjoni, fil-materji rregolati minn konvenzjonijiet speċjali, tar-regoli previsti minn dawn tal-aħħar ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, bħall-prinċipji, espressi fil-premessi 6, 11, 12 u 15 sa 17 tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ ċirkulazzjoni libera tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili jew kummerċjali, ta’ previdibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-persuni suġġetti għal-liġi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċeduri simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni (sentenzi TNT Express Nederland, EU:C:2010:243, punt 49, u Nipponkoa Insurance Co. (Europe), C‑452/12, EU:C:2013:858, punt 36).

39      Fir-rigward tar-regoli li huma s-suġġett tat-tielet domanda, jiġifieri r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR, jirriżulta b’mod partikolari minn din id-dispożizzjoni li hija tippermetti lir-rikorrenti li jagħżel bejn il-qrati tal-pajjiż li fih il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, dawk tal-pajjiż tat-teħid tal-merkanzija u dawk tal-pajjiż li fih hija prevista l-kunsinna.

40      L-għażla b’hekk miftuħa għar-rikorrenti tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik prevista mir-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, f’materji kuntrattwali, ir-rikorrenti jista’, skont l-Artikoli 2(1) u 5(1) ta’ dan ir-regolament, jagħżel bejn il-qrati tal-Istat Membru li fih il-konvenut huwa ddomiċiljat u dawk tal-post li fih ġie jew għandu jiġi eżegwit l-obbligu li fuqu hija bbażata t-talba. Fir-rigward tal-kuntratt ta’ trasport, li jaqa’ fil-kategorija ta’ kuntratti għall-provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rehder, C‑204/08, EU:C:2009:439, punti 29 u 30), dan il-post huwa, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, dak tal-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti.

41      Ċertament, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, li l-kliem tiegħu jipprevedi biss post ta’ eżekuzzjoni wieħed, joffri lir-rikorrent għażla iktar ristretta meta mqabbel mal-Artikolu 31(1) taċ-CMR, li jippermettilu li jagħżel bejn il-post tat-teħid u dak tal-kunsinna tal-merkanzija. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-kompatibbiltà tal-Artikolu 31(1) taċ-CMR mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili jew kummerċjali fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet f’materji ta’ kuntratti ta’ trasport li, f’ċerti sitwazzjonijiet, ir-rikorrent jista’ jkollu l-għażla bejn il-qrati tal-post tat-tluq u dawk tal-post tal-wasla. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li din il-fakultà ta’ għażla mogħtija lir-rikorrent, barra illi tosserva l-kriterju ta’ prossimità, tissodisfa wkoll ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sa fejn hija tippermetti sew lir-rikorrent u kemm lill-konvenut li jidentifika faċilment il-qrati li jistgħu jkunu aditi. Barra minn hekk, peress illi l-possibbiltà tal-għażla għar-rikorrent hija limitata, fil-kuntest tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, għal żewġ qrati possibbli, hija tissodisfa l-għan taċ-ċertezza legali (sentenza Rehder, EU:C:2009:439, punt 45).

42      Fid-dawl ta’ dan li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ li l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-imsemmi regolament kif ukoll ta’ dak taċ-CMR, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, japplika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ fil-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-azzjoni għall-ħlas ta’ kreditu bbażata fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, eżerċitata mil-istralċjarju ta’ impriża fi stralċ, imsemmija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza miftuħa fi Stat Membru, u diretta kontra l-benefiċjarju ta’ dawn is-servizzi, stabbilita fi Stat Membru ieħor.

2)      L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ li l-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ta’ dan ir-regolament kif ukoll f’dak tal-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Genève fid-19 ta’ Mejju 1956, kif emendata mill-Protokoll iffirmat f’Genève fil-5 ta’ Lulju 1978, Stat Membru jista’, skont l-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, japplika r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) ta’ din il-konvenzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.