Language of document : ECLI:EU:T:2017:386

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Ġunju 2017 (*)(i)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta tliet laned – Disinn preċedenti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Impressjoni ġenerali differenti – Artikolu 6 u l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Numru ta’ oġġetti li jikkostitwixxu oġġett wieħed – Portata tad-deskrizzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Sostituzzjoni ta’ parti fil-kawża”

Fil-Kawża T‑9/15,

Ball Beverage Packaging Europe Ltd, stabbilita f’Luton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Renck, avukat, li ġiet ammessa biex tissostitwixxi lil Ball Europe GmbH,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Crown Hellas Can SA, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Coulson u J. Koepp, solicitors,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-8 ta’ Settembru 2014 (Każ R 1408/2012-3), fir-rigward ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Crown Hellas Can u Ball Europe,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, E. Buttigieg (Relatur) u L. Calvo‑Sotelo Ibáñez‑Martín, Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2015,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2015,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2015,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-10 ta’ Lulju 2015,

wara li rat il-kontroreplika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ottubru 2015,

wara li rat it-talba għal sostituzzjoni, taħt l-Artikolu 174 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ippreżentata mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ottubru 2016 u l-osservazzjonijiet tal-EUIPO u ta’ Ball Europe ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-2 u fit-18 ta’ Novembru 2016,

wara li rat l-Artikolu 174 u l-Artikolu 176(3) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura,

wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ball Europe GmbH hija proprjetarja tad-disinn Komunitarju rreġistrat taħt in-Nru 2309900006 fl-24 ta’ Settembru 2004 għal “laned [għal xarbiet]”. Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

2        Fil-kuntest tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), Ball Europe kienet invokat il-prijoritajiet ta’ żewġ disinni Ġermaniżi tas-27 ta’ Marzu 2004 u tas-27 ta’ April 2004, rispettivament.

3        L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat kienet saret bil-Ġermaniż u Ball Europe kienet indikat l-Ingliż bħala tieni lingwa, konformement mal-Artikolu 98(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-Disinni Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

4        Fil-parti tal-formola uffiċjali tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni pprovduta għad-deskrizzjoni tad-disinn li tiegħu kienet intalbet ir-reġistrazzjoni, Ball Europe kienet kitbet li ġej bl-Ingliż:

“Group of cans for drink, all having a sleek but high appearance with reduced neck, preferably made of thin sheet metal, especially for filling volumes of 250 ml, 300 ml or 330 ml, respectively.” (Grupp ta’ laned għal xarbiet, li għandhom dehra raffinata iżda għolja b’għonq ridott, preferibbilment magħmula minn folja metallika rqiqa, speċjalment għall-mili ta’ volumi ta’ 250 ml, 300 ml jew 330 ml, rispettivament).

5        Fl-14 ta’ Frar 2011, l-intervenjenti, Crown Hellas Can SA, ressqet quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Hija invokat bħala raġuni għal nullità l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 inkwantu d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament u ma kienx jippreżenta karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

6        B’mod partikolari, l-intervenjenti sostniet li d-disinn ikkontestat kien identiku għat-tliet laned riprodotti iktar ’il quddiem, li kienu ġew żvelati lill-pubbliku qabel id-data ta’ prijorità tad-disinn ikkontestat:

Image not found

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba li dan l-aħħar kellu l-karatteristika ta’ novità meħtieġa u kellu karattru individwali.

8        Fit-30 ta’ Lulju 2012, l-intervenjenti ressqet appell, taħt l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba li kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. Huwa ma tax deċiżjoni dwar il-karatteristika ta’ novità tal-imsemmi disinn.

10      Il-Bord tal-Appell eżamina l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat u kkonkluda li d-dehra tiegħu kienet tikkonsisti f’landa individwali rrappreżentata fi tliet daqsijiet differenti. Filwaqt li invokat l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 6/2002, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni bl-Ingliż tad-disinn ikkontestat, li kienet tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għar-raġuni li l-imsemmija deskrizzjoni ma kinitx ġiet prodotta fil-lingwa tal-applikazzjoni magħżula minn Ball Europe.

11      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, ikkonkluda li d-differenzi bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti kienu insinjifikanti u mingħajr konsegwenzi fuq l-impressjoni ġenerali ffurmata mill-utent informat li, f’dan il-każ, kien ġie ddefinit bħala l-persuna li, fl-industrija tax-xarbiet, hija inkarigata mill-imbottiljar.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ball Europe titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Ball Europe għall-ispejjeż.

14      L-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lil Ball Europe għall-ispejjeż sostnuti għal dan ir-rikors, għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

 Id-dritt

15      Wara li nstemgħu l-partijiet, hemm lok li Ball Beverage Packaging Europe Ltd tiġi ammessa tissostitwixxi lil Ball Europe, b’applikazzjoni tal-Artikolu 176(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

16      Għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 176(5) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk tintlaqa’ t-talba għal sostituzzjoni, l-aventi kawża tidħol fil-kawża fl-istat li din tkun tinsab fil-mument tas-sostituzzjoni. Dan ikun marbut bl-atti proċedurali ppreżentati mill-parti li minflokha jkun daħal fil-kawża.

17      Ir-rikorrenti, Ball Beverage Packaging Europe, tqajjem żewġ motivi insostenn tar-rikors, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni wieħed, fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 25(1)(b) u tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament.

18      Wara li saret mistoqsija mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li, fil-punt 21 tar-rikors, kien hemm tielet motiv espost b’mod impliċitu li kien ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwantu l-Bord tal-Appell imissu taha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni relatata mad-definizzjoni tal-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat, kwistjoni ttrattata għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. L-EUIPO u l-intervenjenti kkontestaw l-argument li l-imsemmi punt jinkludi motiv awtonomu bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u sostnew li, sa fejn huma ma kinux interpretaw dan il-punt b’dan il-mod, huma ma kinux setgħu jissottomettu osservazzjonijiet dwar dan l-allegat motiv.

19      Konformement mal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

20      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ma tintalab informazzjoni addizzjonali. (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni, T‑246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punt 221 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li s-sens u l-portata ta’ motiv imqajjem insostenn ta’ rikors għandhom jirriżultaw b’mod univoku mir-rikors (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il‑Kummissjoni, T‑249/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punt 262).

21      F’dan il-każ, ir-rikorrent jinvoka b’mod ċar, fir-rikors, żewġ motivi ppreżentat fil-punt 17 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi osservat li, fil-punt 21 tar-rikors, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli biddel l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat “meta huwa ma [kien] bl-ebda mod ma ġie adit f’dan ir-rigward”. Barra minn hekk, fil-punt 19 tar-rikors, ir-rikorrenti tikkonkludi li l-osservazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru rreġistrabbli tad-disinn ikkontestat taħt l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 huma neqsin minn rilevanza inkwantu l-partijiet ma setgħux jieħdu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, hekk kif tirrikjedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu, ma jistax jiġi konkluż minn dawn l-allegazzjonijiet li r-rikorrenti tippreżenta motiv awtonomu bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Dan il-motiv ma huwiex espliċitament invokat, kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, u lanqas ma hu suffiċjentement żviluppat. La l-istruttura u t-titoli użati fir-rikors, la l-parti tagħha intitolata “Sunt tal-motivi insostenn tar-rikors”, u lanqas il-kumplament tal-kontenut tiegħu ma juru li r-rikorrenti tqajjem motiv awtonomu bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi osservat li l-punti 19 u 21 tar-rikors tagħha huma mqiegħda taħt it-titolu “Obiter dictum fir-rigward tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament [Nru 6/2002]” u li l-kontenut tal-parti tar-rikors imqiegħda taħt dan it-titolu jislet, b’mod ċar, żewġ argumenti, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-karattru rreġistrabbli tad-disinn ikkontestat kienu neqsin minn rilevanza u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li huwa kien iddefinixxa b’mod żbaljat l-oġġett tal-protezzjoni tal-imsemmi disinn. Barra minn hekk, la l-EUIPO u lanqas l-intervenjenti ma fehmu li l-affermazzjonijiet imsemmija hawn fuq li jinsabu fil-punti 19 u 21 tar-rikors kienu jinkludu motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fejn dawn il-partijiet bl-ebda mod ma kienu wieġbu għalih fis-sottomissjonijiet tagħhom.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, allegatament espost fir-rikors, ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, fejn għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002

23      Ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent informat jaf bil-volumi komuni tal-laned għal xarbiet u ma jagħtix importanza lid-daqsijiet differenti relatati magħhom, hija nieqsa minn motivazzjoni, peress li ma tingħata ebda raġuni insostenn tagħha. Fil-fehma tagħha, din l-affermazzjoni kienet deċiżiva għall-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li wasslet lill-Bord tal-Appell tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat u, konsegwentement, l-assenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward kienet tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ddikjarat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002.

24      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti lmentat ukoll li l-Bord tal-Appell ma “ħax inkunsiderazzjoni” artikolu minn rivista speċjalizzata u dokumenti oħra sottomessi waqt il-proċedura amministrattiva li juru l-importanza mogħtija mill-utent informat lid-daqsijiet differenti ta’ laned għal xarbiet. L-assenza ta’ “teħid inkunsiderazzjoni” ta’ dawn il-provi tikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni.

25      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

26      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li skontu r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u inekwivoku, u jkollu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Madankollu, ma jistax ikun meħtieġ mill-Bordijiet tal-Appell li jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha [sentenzi tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN (Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn), T‑80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 37, u tat-18 ta’ Novembru 2015, Liu vs UASI – DSN Marketing (Basktijiet għal kompjuters li jistgħu jinġarru), T‑813/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:868, punt 15].

27      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Bell & Ross vs UASI – KIN Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn, T‑80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, il-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinn ikkontestat fuq l-utent informat fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Bord tal-Appell indika dan li ġej:

“Id-differenzi ta’ proporzjonijiet invokati mill-proprjetarju ma humiex perċettibbli. Ir-relazzjoni bejn l-għoli u l-wisgħa tirriżulta li hi ftit jew wisq identika fid-disinni li għandhom jiġu pparagunati. Anki li kieku l-utent informat kellu jipperċepixxi differenzi fil-proporzjonijiet, dawn ikunu mingħajr konsegwenzi fuq l-impressjoni ġenerali. Anki r-rappreżentazzjoni tad-[disinn] ikkontestat fi tliet daqsijiet differenti ma timmotivax differenza rilevanti. L-utent informat jaf bil-volumi komuni tal-laned għal xarbiet u ma jagħtix importanza lid-daqsijiet differenti relatati magħhom fl-impressjoni ġenerali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29      Il-kunsiderazzjonijiet magħmula fl-aħħar sentenza tal-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata u moqrija fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni ma humiex ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

30      Fil-fatt, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddefinixxa lill-utent informat bħala l-persuna, fl-industrija tax-xarbiet, li kienet inkarigata mill-imbottiljar tax-xarbiet u li kien iżomm lilu nnifsu informat dwar l-offerti rilevanti permezz ta’ rivisti speċjalizzati.

31      Fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-volum tal-laned għal xarbiet ma kienx normalment jeċċedi l-500 ml, li dan il-volum kien jikkorrispondi għall-kwantitajiet normali użati fil-kummerċ għall-bejgħ ta’ xarbiet u li l-imsemmi volum kien jaffettwa d-daqs tal-laned.

32      Fl-aħħar nett, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreċiża li la d-daqsijiet konkreti u lanqas il-volum ma kienu jinsiltu mid-disinn ikkontestat u li, għall-evalwazzjoni tal-karattru individwali, kienet rilevanti biss l-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinni li għandhom jiġu pparagunati.

33      Fid-dawl, l-ewwel nett, tal-konstatazzjoni tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tal-volum tal-laned għal xarbiet, it-tieni nett, tad-dikjarazzjoni tal-fatt li l-volum jaffettwa d-daqs tal-laned, it-tielet nett, tad-dikjarazzjoni tal-fatt li l-utent informat f’dan il-każ kien ġie ddefinit bħala l-imbottiljatur u, ir-raba’ nett, tal-konstatazzjonijiet li skonthom la d-daqsijiet konkreti u lanqas il-volum tagħhom ma kienu jinsiltu mid-disinn ikkontestat u li skonthom l-impressjoni ġenerali biss hija rilevanti, l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fl-aħħar sentenza tal-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent informat kien jaf il-volumi komuni tal-laned għal xarbiet u ma jagħtix importanza lid-daqsijiet differenti relatati magħhom fl-impressjoni ġenerali, hija mmotivata suffiċjentement skont kif meħtieġ mil-liġi.

34      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata kienu ta’ natura ġenerali u ma kinux determinanti għall-konklużjoni li għaliha wasal il-Bord tal-Appell. Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinn ikkontestat fuq l-utent informat ma kinitx differenti mill-impressjoni ġenerali prodotta fuq dan l-istess utent mid-disinni preċedenti, fejn il-Bord tal-Appell ikkonstata bil-quddiem, b’mod partikolari, li d-differenzi ta’ konċepiment tal-għonq u tal-qiegħ tal-laned kienu insinjifikanti (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata), li d-differenzi fil-proporzjonijiet invokati mir-rikorrenti ma kinux perċettibbli, li r-relazzjoni bejn it-tul u l-wisa’ kienet tirriżulta li hi ftit jew wisq identika (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata) u li la d-daqsijiet konkreti u lanqas il-volum ma setgħu jiġu dedotti mid-disinn ikkontestat (punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati, jeħtieġ li jiġi osservat li dan l-ilment ma jirrigwardax il-motivazzjoni iżda l-mertu tat-tilwima u għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tieni motiv.

36      Fl-aħħar nett jeħtieġ li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti, invokat waqt is-seduta, dwar l-assenza ta’ “teħid inkunsiderazzjoni” mill-Bord tal-Appell ta’ ċertu numru ta’ dokumenti sottomessi waqt il-proċedura amministrattiva (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fir-rigward tal-artikolu ta’ rivista speċjalizzata, suffiċjentement identifikat mir-rikorrenti fl-argumenti tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell isemmi espliċitament dan l-artikolu fit-tieni inċiż tal-punt 6 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-argumenti tar-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, sa fejn l-imsemmi artikolu kien intiż li jesponi d-differenza fid-dijametru bejn il-landa “sleek” (“raffinata”) introdotta fis-suq mir-rikorrenti u l-laned pre-eżistenti, żviluppi supplimentari fir-rigward ta’ dan l-artikolu ma kinux neċessarju għall-finijiet tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 34 tal-imsemmija deċiżjoni, li d-differenzi fid-daqsijiet bejn id-disinni pparagunati ma kinux perċettibbli u tal-konstatazzjoni, fil-punt 37 ta’ din id-deċiżjoni, li la d-daqsijiet konkreti u lanqas il-volum ma kienu jistgħu jiġu dedotti mid-disinn ikkontestat.

37      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ, għalhekk, li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 25(1)(b) u tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002

38      Dan il-motiv huwa maqsum, essenzjalment, f’żewġ partijiet.

39      L-ewwel parti hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata, mill-Bord tal-Appell, tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lid-disinn ikkontestat, inkwantu huwa rrifjuta li jqis li dan kien jirrappreżenta grupp ta’ tliet laned ta’ daqsijiet differenti, jiġifieri oġġett wieħed.

40      It-tieni parti hija bbażata fuq l-evalwazzjoni żbaljata, mill-Bord tal-Appell, tan-natura individwali tad-disinn ikkontestat.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-protezzjoni mogħtija lid-disinn ikkontestat

41      Jeħtieġ li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddefinixxa, preliminarjament, l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat. F’dan il-kuntest, huwa speċifika li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, l-oġġett ta’ disinn seta jkun biss oġġett wieħed u li t-tqegħid flimkien ta’ numru ta’ prodotti mhux assoċjati bejniethom seta jiġi evalwat bħala oġġett biss bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti jkunu estetikament mogħnija, ikollhom relazzjoni funzjonali u jiġu ta’ sikwit ikkummerċjalizzati bħala prodott wieħed. Huwa ta bħala eżempju dak tal-pożati ta’ fuq il-mejda komposti minn sikkina, furketta u kuċċarina u dak ta’ set kompost minn chessboard u l-pedini taċ-chess.

42      Il-Bord tal-Appell qies li, f’dan il-każ, id-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u ma setax jitqies bħala oġġett wieħed taħt il-forma ta’ grupp ta’ tliet laned, iżda li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-novità u tan-natura individwali tagħha, kien meħtieġ li tittieħed bħala bażi d-dehra tal-landa individwali rrappreżentata fit-tliet daqsijiet differenti.

43      Barra minn hekk, billi straħ fuq l-Artikolu 98(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Bord tal-Appell irrifjuta milli jieħu inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni bl-Ingliż tad-disinn ikkontestat, li tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, minħabba li din id-deskrizzjoni ma kinitx ġiet prodotta fil-lingwa tat-talba magħżula mir-rikorrenti.

44      Ir-rikorrenti tqajjem tliet ilmenti fir-rigward tal-analiżi tal-Bord tal-Appell inkwistjoni.

45      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli rrifjuta milli jipproteġi d-disinn ikkontestat inkwantu grupp ta’ laned minkejja l-fatt li kien ġie rreġistrat bħala tali.

46      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell li d-disinn ikkontestat ma jikkostitwixxix “prodott” fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002.

47      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni bl-Ingliż tad-disinn ikkontestat.

48      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza ta’ dawn l-ilmenti.

49      Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-rikorrenti, jeħtieġ li tiġi eżaminata, preliminarjament, il-premessa tal-argumenti tagħha li d-disinn ikkontestat kien ġie rreġistrat bħala grupp ta’ laned. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li minn korrispondenza bejnha u bejn l-EUIPO waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat jirriżulta li l-EUIPO kien aċċetta li jirreġistra dan id-disinn bħala grupp ta’ laned.

50      Kif jirriżulta mill-proċess, permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2004, l-EUIPO informa lir-rikorrenti, waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, li d-disinn ikkontestat, hekk kif riprodott fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kien jinkludi iktar minn disinn. L-EUIPO stieden lir-rikorrenti tirrimedja għal “dawn in-nuqqasijiet” sat-18 ta’ Jannar 2005, fejn fin-nuqqas ta’ dan l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet ser tiġi miċħuda.

51      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti talbet li l-oġġezzjoni tal-EUIPO tiġi rtirata inkwantu t-tliet laned irrappreżentati fid-disinn ikkontestat kienu jiffurmaw grupp u għalhekk jikkostitwixxu disinn wieħed.

52      Wara din l-ittra, id-disinn ikkontestat ġie finalment irreġistrat bħala “laned [għal xarbiet]”, hekk kif jirriżulta fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.

53      Minn dawn il-punti fattwali jirriżulta li huwa possibbli li tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tar-rikorrenti marbuta mar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned, mingħajr ma dan madankollu jkun ċert.

54      Madankollu, anki li kieku kellu jitqies li l-EUIPO iddeċidiet waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni li tirreġistra d-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned, din il-pożizzjoni ma torbotx lill-Bord tal-Appell fil-kuntest tal-eżami tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmi disinn.

55      Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tad-disinni Komunitarji stabbilita bir-Regolament Nru 6/2002 tikkonsisti f’verifika prima facie tan-natura essenzjalment formali, li, kif inhu indikat fil-premessa 18 tal-istess regolament, ma tirrikjedix eżami fil-fond intiż li jiddetermina, qabel ir-reġistrazzjoni, jekk id-disinn jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni u li, barra minn hekk, b’differenza mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), ma tipprevedix fażi li tippermetti lill-proprjetarju ta’ disinn irreġistrat preċedenti li jopponi r-reġistrazzjoni [sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Celaya Emparanza y Galdos International, C‑488/10, EU:C:2012:88, punti 41 u 43, u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Beifa Group vs UASI – Schwan‑Stabilo Schwanhäußer (Strumenti ta’ kitba), T‑608/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:334, punt 77].

56      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell intalab iwettaq eżami fuq il-mertu tar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat intiż li jiddetermina jekk dan kienx jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, fir-rigward tal-karattru individwali. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Bord tal-Appell kellu jevalwa l-impressjoni ġenerali prodotta mid-disinni pparagunati fuq l-utent informat. Il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat kienet kwistjoni preliminari li kellha tiġi deċiża peress li kienet mingħajr dubju marbuta mal-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali u, finalment, mal-evalwazzjoni tal-karattru individwali. Għalhekk, sa fejn id-definizzjoni tal-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat kienet tagħmel parti mill-eżami fuq il-mertu tar-reġistrazzjoni tal-imsemmi disinn, teħid ta’ pożizzjoni eventwali tal-EUIPO fuq din il-kwistjoni waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ma setgħetx torbot lill-Bord tal-Appell fid-dawl tan-natura essenzjalment formali u veloċi tal-verifika mwettqa mill-EUIPO waqt din il-proċedura ta’ reġistrazzjoni.

57      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li r-rifjut tal-Bord tal-Appell li jiddefinixxi l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned ma wassalx għal tqegħid inkwistjoni illegali tal-validità tad-disinn ikkontestat, hekk kif tallega r-rikorrenti. Fil-fatt, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, filwaqt li qies li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, inkwantu ma kienx jikkonsisti oġġett wieħed, ġustament, ippreċiża li, sa fejn l-intervenjenti ma kinitx invokat il-motiv ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità fl-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, dan il-fatt [jiġifieri, li ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002] ma setax jiġġustifika li tiġi ddikjarata l-invalidità tad-disinn ikkontestat.

58      Għaldaqstant l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn, anki li kieku kellu jitqies li l-EUIPO tkun aċċettat li tirreġistra d-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned, dan it-teħid ta’ pożizzjoni ma jorbotx lill-Bord tal-Appell.

59      Fil-kuntest tat-tieni lment imqajjem mir-rikorrenti, jeħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tar-rifjut tal-Bord tal-Appell li jiddefinixxi d-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned jew, fi kliem ieħor, li jikkunsidra t-tliet laned ta’ daqsijiet differenti rrappreżentati fid-disinn ikkontestat bħala oġġett wieħed. L-interess li tirrappreżenta għar-rikorrenti d-definizzjoni tad-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned jikkonsisti fil-fatt li d-disinni preċedenti invokati mill-intervenjenti ma kinux jirrappreżentaw grupp ta’ laned iżda landa waħda. Għalhekk, id-definizzjoni tad-disinn ikkontestat bħala grupp ta’ laned tkun tikkostitwixxi element ta’ differenzjar bejn dan id-disinn u d-disinni preċedenti, hekk kif, wara kollox, kien qal il-Bord tal-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2012.

60      Kif jinnota ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, l-oġġett ta’ disinn għandu jkun biss oġġett wieħed, fejn l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002 isemmi espressament id-dehra “ta’ prodott”. Barra minn hekk, huwa mingħajr ma jwettaq żball li l-Bord tal-Appell jippreċiża, fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li kollettiv ta’ oġġetti jista’ jikkostitwixxi “prodott” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jekk ikunu estetikament mogħnija, ikollhom relazzjoni funzjonali u jiġu ta’ sikwit ikkummerċjalizzati bħala prodott wieħed.

61      Minn dawn il-premessi li, qabel kollox, ma humiex ikkontestati mill-partijiet, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat ma kienx jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet ippreżentati fil-punt 60 iktar ’il fuq u li, konsegwentement, ma setax jiġi pperċepit bħala oġġett wieħed. Fil-fehma tiegħu, meta l-laned għal xarbiet kollha jiġu proposti, ikunu dejjem laned tal-istess daqs, liema fatt jista’ jiġi mifhum, b’mod partikolari, fid-dawl tat-trasport u tal-ħażna.

62      Il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza, f’dan il-każ, ta’ oġġett wieħed lanqas ma hija vvizzjata bi żball. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar il-mod kif il-laned għal xarbiet jiġu kkummerċjalizzati, huwa ċar li t-tliet laned irrappreżentati fid-disinn ikkontestat ma jissodisfawx funzjoni komuni fis-sens li huma ma jissodisfawx funzjoni li ma tistax tiġi sodisfatta għal kull waħda minnhom b’mod individwali bħal ma huwa l-każ, pereżempju, tal-pożati ta’ fuq il-mejda jew ta’ set kompost minn chessboard u l-pedini taċ-chess, invokati mill-Bord tal-Appell [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs UASI– Dusyma (Jeux), T‑231/10, mhux ippubblikata EU:T:2013:560, punt 32].

63      Mill-iżviluppi li jinsabu fil-punti 59 sa 62 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

64      Jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tat-tielet ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli rrifjuta, fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li jieħu inkunsiderazzjoni d-deskrizzjoni bl-Ingliż tad-disinn ikkontestat, minħabba li hija ma kinitx ġiet prodotta fil-lingwa tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni magħżula minnha, jiġifieri l-Ġermaniż. Dan l-iżball jidher li vvizzja d-deċiżjoni kkontestata, peress li billi ma ħax din id-deskrizzjoni inkunsiderazzjoni, il-Bord tal-Appell iddefinixxa b’mod mhux eżatt id-disinn ikkontestat bħala landa individwali rrappreżentata fi tliet daqsijiet differenti u mhux bħala grupp ta’ laned.

65      Dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

66      Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 36(3)(a) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-funzjoni tad-deskrizzjoni li tista’ tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn hija li tispjega r-rappreżentazzjoni jew il-kampjun u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 36(6) tal-imsemmi regolament jirriżulta li din id-deskrizzjoni ma tistax tippreġudika l-portata tal-protezzjoni tad-disinn bħala tali. L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Skop tal-protezzjoni”, jippreċiża li l-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju testendi għal kull disinn li ma jipproduċix impressjoni viżiva ġenerali differenti fuq l-utent informat.

67      Għalhekk id-deskrizzjoni eventwalment inkluża fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tistax tinfluwenza evalwazzjonijiet sostantivi relatati man-novità jew mal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni. Barra minn hekk dan huwa kkonfermat permezz tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, li jimplimenta r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 14), li b’mod partikolari jipprevedi li d-deskrizzjoni għandha tirrigwarda biss il-karatteristiċi li jinsabu fir-riproduzzjonijiet tad-disinn jew tal-kampjun u li din id-deskrizzjoni ma tistax tinkludi dikjarazzjonijiet dwar l-allegata novità jew il-karattru individwali tad-disinn, jew tal-valur tekniku tiegħu.

68      Jirriżulta wkoll li din id-deskrizzjoni lanqas ma tista’ tinfluwenza l-kwistjoni dwar liema huwa l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn inkwistjoni li huwa mingħajr dubju marbut mal-evalwazzjonijiet relatati man-novità jew mal-karattru individwali (ara l-punt 56 iktar ’il fuq).

69      F’dan il-każ, hekk kif diġà ġie kkonstatat, il-Bord tal-Appell, mingħajr ma wettaq żball, iddefinixxa l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat bħala li jikkonsisti fil-forma ta’ landa individwali rrappreżentata fi tliet daqsijiet differenti u rrifjutat li tiddefinixxi dan l-oġġett bħala grupp ta’ laned. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 66 sa 68 iktar ’il fuq, jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, it-teħid inkunsiderazzjoni ipotetiku mill-Bord tal-Appell tad-deskrizzjoni bl-Ingliża tad-disinn ikkontestat ma jistax iwassal għat-tqegħid inkwistjoni tad-definizzjoni tal-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn ikkontestat skont kif mogħtija mill-Bord tal-Appell. F’dan is-sens, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

70      Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika wkoll, b’mod impliċitu, lill-Bord tal-Appell talli ma ħax inkunsiderazzjoni deskrizzjonijiet ta’ disinni Ġermaniżi li għalihom kienet intalbet il-prijorità (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat, peress li ma teżisti ebda regola ta’ dritt li timponi, f’dan il-każ, lill-Bord tal-Appell li tieħu l-imsemmija deskrizzjonijiet inkunsiderazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dan l-ilment huwa wkoll ineffettiv għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punti 66 sa 69 iktar ’il fuq.

71      Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat

72      Ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti kontra l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell dwar l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

73      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-relazzjoni bejn l-għoli u l-wisa’ (jiġifieri l-proporzjonijiet) tirriżulta li hija ftit jew wisq identika fid-disinni li qed jiġu pparagunati. Billi jagħmel din il-konstatazzjoni, jidher li l-Bord tal-Appell jinjora l-fatt li d-disinn ikkontestat jirrappreżenta grupp ta’ tliet laned ta’ proporzjonijiet differenti u huwa ċar li d-disinni preċedenti ma jistgħux simultanjament jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn it-tliet laned.

74      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli qies, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent informat ma jagħtix importanza lid-daqsijiet differenti ta’ laned għal xarbiet u li ma ħax inkunsiderazzjoni l-istat ta’ għarfien ta’ dan l-utent informat.

75      Mill-kliem tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-karattru individwali għandu jiġi evalwat, fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, fid-dawl tal-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent informat. L-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent informat għandha tkun differenti minn dik prodotta minn kull disinn żvelat lill-pubbliku qabel id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għal prijorità, qabel id-data ta’ prijorità.

76      L-impressjoni ġenerali mfakkra tirrigwarda impressjoni ġenerali viżiva prodotta mill-karatteristiċi viżivi tad-disinn inkwistjoni. Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, li jiddefinixxi “disinn” bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, jagħmel riferiment għal impressjoni ġenerali li, hekk kif diġà ddikjarat il-Qorti Ġenerali, tista’ tkun biss viżiva [ara, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Repreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 50].

77      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-libertà tal-awtur fl-iżvilupp ta’ dan id-disinn.

78      Konformement mal-ġurisprudenza, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni ġenerali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent informat, meta mqabbel ma kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju ta’ disinn, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi mhux evidenti biżżejjed li jaffettwaw l-imsemmija impressjoni ġenerali, minkejja li jkunu juru dettalji insinjifikanti, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement evidenti biex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti [sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Félin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 29, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 16].

79      Il-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni għandu jkun fil-qosor u ma jistax ikun paragun analitiku ta’ elenkar u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jirrigwarda biss l-elementi effettivament protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi esklużi mill-protezzjoni (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Félin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 30).

80      Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-perspettiva tal-utent informat. Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “utent informat” fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jfissirx produttur u lanqas bejjiegħ ta’ prodotti li fihom id-disinni inkwistjoni jkunu maħsuba li jiġu inkorporati jew li magħhom ikunu maħsuba li jiġu applikati. L-utent informat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-eċċellenza preċedenti, jiġifieri tal-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jew jekk ikun il-każ, fid-data li fiha tiġi sostnuta l-prijorità [sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 62, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punti 18 u 23].

81      Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent informat, il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li, filwaqt li dan ma huwiex il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li jipperċepixxi ta’ sikwit disinn bħala ħaġa waħda u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti tiegħu, u lanqas ma huwa l-espert jew il-persuna involuta fl-arti kapaċi li tosserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti. B’hekk, id-definizzjoni “avżat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59).

82      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

83      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iddefinixxa lill-utent informat bħala l-persuna li, fl-industrija tax-xarbiet, kienet inkarigata milli timbottilja x-xarbiet u li kienet tinforma ruħha dwar l-offerti rilevanti permezz ta’ rivisti speċjalizzati u ta’ katalogi kif ukoll billi jattendi fieri speċjalizzati. Il-partijiet ma kkontestawx din id-definizzjoni tal-utent informat u mill-proċess ma jirriżultax li din hija żbaljata.

84      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward ta’ laned għal xarbiet, il-livell ta’ libertà ta’ kreatur kien limitat biss sa fejn il-forma bażika ċilindrika kienet ġiet stabbilita bħala standard u fejn il-forma tonda tal-għatu u tal-qiegħ kienu imposti minn din il-forma bażika. Barra minn hekk, huwa kkonstata li minħabba l-volum kienu jirriżultaw limitazzjonijiet fir-rigward tad-daqs tal-laned, li normalment ma jaqbżux il-500 ml u jkunu jikkorrispondu għall-kwantitajiet użati fil-kummerċ għall-bejgħ tax-xarbiet. Fil-fehma tiegħu, ma kienx hemm limitazzjonijiet oħra u r-rikorrenti ma kinitx esponiet oħrajn. Huwa kkonkluda, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-libertà tal-awtur kienet illimitata f’dak li kien jirrigwarda l-konfigurazzjoni tal-forma bażika ċilindrika, tal-għonq u tal-qiegħ tal-landa. Biex jikkorrobora din il-konklużjoni, huwa rrefera għar-riproduzzjoni ta’ landa użata għall-birra tat-trade mark Heineken sottomessa mill-intervenjenti.

85      Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, li, inizjalment, ma ġewx ikkontestati mill-partijiet, għandhom jiġu approvati.

86      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell għamel paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti.

87      F’dan il-kuntest, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata, ġustament, li d-disinn ikkontestat kien juri tliet laned għal xarbiet, mingħajr test stampat, f’iswed u abjad u li ma kienx possibbli li wieħed jiddetermina b’mod ċar, mir-rappreżentazzjoni, jekk il-laned kellhomx għatu. Il-Bord tal-Appell ikkonkluda, ġustament, li, sa fejn il-paragun seta’ jikkunsidra bħala bażi biss il-karatteristiċi żvelati fid-disinn ikkontestat, il-konfigurazzjoni tal-għatu tal-landa ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali.

88      Fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata, ġustament, li d-disinni pparagunati kollha kemm huma kienu juru landa ċilindrika bil-ġnub lixxi li kienet kemmxejn irtundjata kemm lejn il-qiegħ kif ukoll lejn l-għatu, fejn għalhekk id-dijametru tal-qiegħ u tal-għonq tal-landa kien kemmxejn iżgħar.

89      Fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li d-differenzi fil-konċepiment tal-għonq u tal-qiegħ tal-landa invokati mir-rikorrenti kienu, l-iktar, ta’ natura insinjifikanti u ma kinux perċettibbli mingħajr analiżi approfondita. Fil-fehma tiegħu, anki sa fejn id-disinni pparagunati kienu jippreżentaw differenzi fil-konċepiment tal-profil tal-qiegħ, dawn kienu neqsin minn konsegwenzi fuq l-impressjoni ġenerali.

90      Fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li d-differenzi ta’ proporzjonijiet tal-laned, li ġew invokati mir-rikorrenti, ma kinux perċettibbli u li r-relazzjoni bejn l-għoli u l-wisa’ rriżultat li hi ftit jew wisq identika fid-disinni pparagunati. Fil-fehma tiegħu, anki li kieku l-utent kellu jipperċepixxi fil-proporzjonijiet, dawn ikunu mingħajr konsegwenzi fuq l-impressjoni ġenerali. Barra minn hekk, huwa qies li r-rappreżentazzjoni fi tliet daqsijiet tad-disinn ikkontestat ma kinitx turi l-eżistenza ta’ differenza rilevanti inkwantu l-utent informat kien jaf il-volumi komuni għal laned għal xarbiet u ma kienx jagħti importanza għad-differenzi fid-daqsijiet relatati magħhom fl-impressjoni ġenerali.

91      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali.

92      L-evalwazzjonijiet u l-konklużjoni inkwistjoni tal-Bord tal-Appell ma humiex ivvizzjati bi żball. B’mod partikolari, huma ma humiex imqiegħda inkwistjoni biż-żewġ ilmenti mqajma mir-rikorrenti.

93      Fir-rigward tal-ewwel ilment (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li l-paragun rilevanti ma huwiex dak imwettaq bejn it-tliet laned, ċertu daqsijiet (jiġifieri volumi) differenti, irrappreżentati fid-disinn ikkontestat, iżda dak imwettaq bejn dawn it-tliet laned u l-laned irrappreżentati fid-disinni preċedenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan il-paragun għandu jsir bejn l-impressjoni ġenerali prodotta għat-tliet laned irrappreżentati fid-disinn ikkontestat u l-impressjoni ġenerali prodotta mit-tliet laned irrappreżentati fid-disinni preċedenti ma ssirx bejn karatteristiċi iżolati. Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi kkonstatat li la d-daqsijiet u lanqas il-volumi konkreti ma jiġu dedotti mir-rappreżentazzjoni tal-laned li jinsa u fid-disinn ikkontestat, hekk kif jinnota barra minn hekk, ġustament, il-Bord tal-Appell fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata.

94      F’dan il-kuntest, l-ewwel ilment tar-rikorrenti huwa ineffettiv, peress li, anki li kieku kellu jitqies li r-relazzjoni bejn l-għoli u l-wisa’ ma tirriżultax li hi ftit jew wisq identika fid-disinni pparagunati, hekk kif iddikjara l-Bord tal-Appell fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, din iċ-ċirkustanza ma turix differenza fl-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent informat. Il-Bord tal-Appell innifsu indika l-karattru ineffettiv ta’ dan l-argument billi sostna, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki li kieku l-utent informat kellu jipperċepixxi differenzi fid-daqsijiet (jiġifieri fir-relazzjoni bejn l-għoli u l-wisa’), huma jkunu mingħajr konsegwenzi fuq l-impressjoni ġenerali. Din l-affermazzjoni għandha tiġi approvata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, mhux ivvizzjati bi żball, fil-punti 32 u 33 tad-deċiżjoni kkontestata.

95      It-tieni lment tar-rikorrenti (ara l-punt 74 iktar ’il fuq) għandu jiġi miċħud ukoll.

96      Fil-fatt, il-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Bord tal-Appell isostni li l-utent informat kien jaf il-volumi komuni għal laned għal xarbiet u ma jagħtix importanza lid-daqsijiet differenti tagħhom fl-impressjoni ġenerali, għandu jinqara flimkien mal-punt 27 tal-imsemmija deċiżjoni, li fiha l-Bord tal-Appell isostni, mingħajr ma jiġi kkontestat, li l-volum tal-laned għal xarbiet, li jiddetermina d-daqs tagħhom, normalment ma jeċċedix il-500 ml u jikkorrispondi għall-kwantitajiet komuni użati fil-kummerċ għall-bejgħ ta’ xarbiet. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-kriterju determinanti tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat huwa l-impressjoni ġenerali viżiva li jipproduċi fuq l-utent informat ipparagunat mal-impressjoni viżiva ġenerali prodotta fuqu mid-disinni preċedenti u li din l-impressjoni ġenerali tirriżulta minn numru ta’ karatteristiċi tad-disinn u mhux minn karatteristika iżolata.

97      F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jinsabu fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll tal-ispjegazzjonijiet tiegħu li jinsabu fil-punti 32 u 33 tal-imsemmija deċiżjoni, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm, ċertament, l-imbottiljatur, li huwa l-utent informat f’dan il-każ, jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs, jiġifieri l-volum, ta’ landa fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jinfluwenzax, f’dan il-każ, il-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni pparagunati, fid-dawl tal-fatt li l-laned kollha jippreżentaw karatteristiċi simili, hekk kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ din id-deċiżjoni, u li l-volumi tal-laned (li jinfluwenza id-daqs tagħhom) huma, sa ċertu punt, standardizzati, hekk kif jirriżulta mill-punt 27 tal-istess deċiżjoni.

98      Għall-finijiet tal-kontestazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell magħmula fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tibbaża lilha nnifisha essenzjalment fuq artikolu ta’ rivista speċjalizzata. Fil-fehma tagħha, dan l-artikolu juri li, qabel l-introduzzjoni tal-“landa sleek” irrappreżentata fid-disinn ikkontestat, kienu jeżistu biss “laned standard” u “laned slim” u li, għalhekk, din l-introduzzjoni kienet tikkostitwixxi innovazzjoni. L-imsemmi artikolu juri wkoll li d-daqs u l-forma ta’ landa huma ta’ importanza partikolari għall-utent informat.

99      L-artikolu inkwistjoni jiddeskrivi l-ġenesi tal-landa “sleek” u jsemmi d-differenza bejn id-dijametru ta’ din il-landa u dak tal-laned li diġà kienu jeżistu fis-suq, jiġifieri l-laned “standard” u “slim”. Madankollu, l-imsemmi artikolu ma jqiegħedx inkwistjoni l-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tinsab fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-utent informat jaf il-volumi komuni għal-laned għal xarbiet u ma jagħtix importanza għad-differenzi fid-daqsijiet relatati magħhom fl-impressjoni ġenerali. Barra minn hekk, sa fejn dan l-artikolu jiffoka fuq id-differenza fid-dijametru li tikkaratterizza l-landa “sleek” meta mqabbla mal-laned “standard” u “slim”, jeħtieġ li jitfakkar il-karattru ineffettiv tal-ewwel ilment tar-rikorrenti dwar id-differenza fil-proporzjonijiet tal-laned ipparagunati (ara l-punt 94 iktar ’il fuq). Fil-fatt, anki li kieku kellu jitqies li l-imsemmija laned għandhom dijametri differenti, li, inizjalment, ma jinsilitx mill-apparenza tagħhom, din iċ-ċirkustanza ma turix differenza fl-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent informat. Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tiffoka, fl-argumenti tagħha, fuq il-karattru “sleek” tal-laned irrappreżentati fid-disinn ikkontestat, dan il-karattru ma jistax jinsilet mill-apparenza ta’ dawn il-laned u jikkorrispondi pjuttost għal kunċett li għandu għan ta’ marketing, hekk kif jirriżulta wkoll mill-artikolu inkwistjoni. Għaldaqstant il-karattru “sleek” lanqas ma jikkostitwixxi karatteristika li tista’ tipparteċipa fil-formazzjoni tal-impressjoni ġenerali fi ħdan l-utent informat.

100    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, il-motiv kollu kemm hu. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

101    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li tiġi kkundannata għal-ispejjeż skont kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervenjenti.

102    Barra minn hekk, l-intervenjenti talbet li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż li hija sostniet fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. Madankollu, l-istess ma jgħoddx fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Kaxxa ta’ arloġġ tal-idejn, T-80/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:214, punt 164). Għaldaqstant, it-talba tal-intervenjenti dwar l-ispejjeż li hija sostniet fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO tista’ tintlaqa’ biss fir-rigward tal-ispejjeż indispensabbli, sostnuti għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ball Beverage Packaging Europe Ltd hija ammessa sabiex tissostitwixxi lil Ball Europe GmbH bħala rikorrenti.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.

3)      Ball Beverage Packaging Europe hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn Crown Hellas Can SA għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

Kanninen

Buttigieg

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i Fil-punti 66 u 80 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.