Language of document : ECLI:EU:C:2014:2240

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

24 ta’ Settembru 2014 (1)

Kawża C‑359/13

B. Martens

vs

Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Finanzjament ta’ edukazzjoni ogħla f’territorji extra-Ewropej — Kundizzjoni ta’ residenza — ‘Regola tat-tliet snin minn sitta’ — Ex ħaddiem fruntalier”





1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża tikkonċerna għal darb’oħra l-eliġibbiltà għal finanzjament ipprovdut mill-Pajjiżi l-Baxxi għal edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi nnifishom — l-hekk imsejħa meeneembare studie financiering (iktar ’il quddiem “MNSF” jew “finanzjament portabbli ta’ studji”). Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C‑542/09 Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (2) il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-regola tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt liema kull persuna li titlob tali finanzjament kellha, minbarra li tkun eliġibbli għal finanzjament sabiex tistudja fil-Pajjiżi l-Baxxi, ukoll tirrisjedi legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi matul mill-inqas tlieta mill-aħħar sitt snin qabel l-iskrizzjoni (iktar ’il quddiem, “ir-regola tat-tliet snin minn sitta”) kienet tmur kontra l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (3) minħabba l-fatt li indirettament kienet diskriminatorja.

2.        Ir-regola tat-tliet snin minn sitta ġiet madankollu applikata lil Babette Martins, ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi li rrisjediet il-Belġju matul kważi l-edukazzjoni kollha tagħha, li applikat lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għal finanzjament portabbli ta’ studji biex tmur Curaçao sabiex tkompli bl-edukazzjoni ogħla. Missierha (ukoll ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi residenti fil-Belġju) kien jaħdem part‑time fil-Pajjiżi l-Baxxi għal ftit, u B. Martens ingħatat MNSF għall-istudji universitarji tagħha għal dak il-perijodu. Madankollu, hija ġiet miċħuda finanzjament ta’ studju għall-bqija tal-istudji tagħha ladarba missierha ma baqax ħaddiem fruntalier, għaliex sussegwentement ir-regola tat-tliet snin minn sitta ġiet applikata għas-sitwazzjoni tagħha u hija ma kinitx tissodisfaha.

3.        Is-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi) (Qorti tal-Appell Ċentrali) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) essenzjalment tistaqsi jekk (i) il-moviment liberu tal-ħaddiema jew (ii) drittijiet ta’ nazzjonalità tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Unjoni”) jipprekludux lill-Pajjiżi l-Baxxi milli japplikaw ir-regola tat-tliet snin minn sitta f’tali sitwazzjoni. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk is-Sur Martens jistax jinvoka kontra l-Pajjiżi l-Baxxi drittijiet li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-ħaddiema wara li ma baqax ħaddiem fruntalier f’dak l-Istat Membru. Jekk ma jistax, il-qorti tar-rinviju titlob li tiġi kkjarifikata l-kwistjoni dwar jekk B. Martens tistax tinvoka d-drittijiet tagħha nnifisha bħala ċittadina tal-Unjoni.

I –    Id-dritt tal-Unjoni

A –    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 20(1) jistabbilixxi ċ-ċittadinanzja tal-Unjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 20(2), iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom “igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati”. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(2)(a) jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni “d-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. L-Artikolu 21 jikkonferma dak id-dritt, filwaqt li jżid li huwa suġġett għall- “limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u ddispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq”.

5.        L-Artikolu 45(1) TFUE jipprovdi:

“1.      Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

2.      Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza [nazzjonalità] bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

[…]”

6.        Filwaqt li l-Artikolu 52(1) TUE jipprovdi li t-Trattati għandhom japplikaw, inter alia, għar-“Renju ta’ l-Olanda [il-Pajjiżi l-Baxxi]”, li minnha tagħmel parti l-Curaçao (4), l-Artikolu 52(2) TUE jagħmel riferiment għall-Artikolu 355 TFUE għad-definizzjoni tal-portata territorjali tat-Trattati. Konformement mal-Artikolu 355(2) TFUE, l-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa tat‑TFUE għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imsemmija fl-Anness II (iktar ’il quddiem il-“PTEE”) elenkati fl-Anness II ta’ dan it-Trattat. (5) Il-lista fl-Anness II tinkludi l-Antilles Olandiżi, li jinkludu Curaçao. Dawn il-pajjiżi u territorji huma deskritti fl-Artikolu 198(1) TFUE (l-ewwel artikolu tal-Parti Erbgħa) bħala “dawk il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej u li għandhom relazzjonijiet speċjali mad-Danimarka, Franza, l-Olanda [il-Pajjiżi l-Baxxi] u r-Renju Unit” li l-Istati Membri “jaqblu li jassoċjaw ma’ l-Unjoni”.

7.        Il-Parti Erbgħa tat‑TFUE tikkonċerna “L-Assoċjazzjoni ta’ Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej”. L-Artikolu 202 TFUE jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku, il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-pajjiżi u t-territorji fi Stati Membri, u tal-ħaddiema mill-Istati Membri fil-pajjiżi u t-territorji, għandu jiġi regolat b’atti adottati skond l-Artikolu 203”. (6)

B –    Ir-Regolament Nru 1612/68

8.        Ir-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi regoli supplimentari biex jiżgura l-libertà taċ-ċittadini ta’ Stat Membru sabiex jaħdmu fi Stat Membru ieħor u b’dak il-mod jimplementa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. L-ewwel premessa għal dan ir-regolament jiddeskrivi l-għan ġenerali tiegħu li hu li jikseb “l-abolizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq ċittadinanza [nazzjonalità] bejn ħaddiema ta’ l-Istati Membri f’dak li jirrigwardja mpjieg, rimunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra ta’ xogħol u mpjieg, kif ukoll id-dritt ta’ ħaddiema tali li jitħarrku ħielsa [fl-Unjoni] sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni mpjegati suġġetti għal kwalunkwe limitazzjonijiet ġustifikati fuq sisien ta’ xejra politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika”.

9.        It-tielet u r-raba’ premessi jipprovdu, rispettivament, li l-“libertà tal-moviment jikkonstitwixxi dritt fundamentali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom” u li dan id-dritt għandu jitgawda “minn ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi”.

10.      Skont il-ħames premessa, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà fundamentali, “bi standards oġġettivi, bil-libertà u d-dinjità, jeħtieġ li ugwaljanza ta’ trattament għandha tkun assigurata fil-fatt u fil-liġi fir-rigward tal-materji kollha li għandhom x’jaqsmu mat-twettiq attwali ta’ attivitajiet bħala persuni mpjegati u għall-eliġibilità għal dar fejn joqogħodu, u ukoll li ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema għandhom ikunu eliminati, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu u l-kondizzjonijiet għall-integrazzjoni ta’ dik il-familja fil-pajjiż li jospitaha”.

11.      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru “għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini” ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

12.      L‑Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68/KEE jipprovdi:

“It-tfal ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

[...]”

C –    Id-Direttiva 2004/38

13.      L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38/KE (7) jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat [...] qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet [għotjiet] [lil]l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom”.

II – Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

A –    L-Istatut tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

14.      Is-Statuut voor het Koninkrijk der Nederlanden (iktar ’il quddiem is-“Statut tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi”), kif emendat fl‑2010, jipprovdi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkonsisti fil-Pajjiżi l-Baxxi, Aruba, Curaçao u Saint Maarten. (8) Il-Pajjiżi l-Baxxi u l-entitajiet l-oħra li jiffurmaw parti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqsmu bejniethom nazzjonalità, kap ta’ Stat, politika u difiża waħda. Madankollu, oqsma bħall-edukazzjoni u l-finanzjament tal-istudji jibqgħu awtonomi, minkejja l-fatt li l-kooperazzjoni hija possibbli.

B –    Il-liġi dwar il-finanzjament tal-istudji

15.      Il-Wet Studiefinanciering (Liġi dwar il-Finanzjament tal-Istudji, iktar ’il quddiem il-“Wsf 2000”) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-istudji fil-Pajjiżi l-Baxxi u barra mill-pajjiż. Il-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa disponibbli għal studenti ta’ età bejn 18 u 29 sena, li jistudjaw f’ċerti stabbilimenti ta’ edukazzjoni jew stabbilimenti approvati u li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ nazzjonalità. L-Artikolu 2.2 jiddefinixxi l‑kundizzjoni ta’ nazzjonalità. Il-persuni eliġibbli jinkludu ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi u ċittadini li ma humiex tal-Pajjiżi l-Baxxi li huma kkunsidrati, fil-qasam tal-finanzjament tal-istudji, bħala ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi abbażi ta’ trattat jew deċiżjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali.

16.      Ma huwiex meħtieġ li ċittadini tal-Unjoni li huma ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-membri tal-familja tagħhom ikunu rrisjedew fil-Pajjiżi l-Baxxi biex jikkwalifikaw għal dan it-tip ta’ finanzjament. B’hekk, ħaddiema transkonfinali, (9) li jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li jirrisjedu barra mill-pajjiż, u l-membri tal-familja tagħhom huma koperti. Min-naħa l-oħra, ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi jikkwalifikaw għal finanzjament wara ħames snin ta’ residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

17.      Bis-saħħa tal-Artikolu 2.13(1)(d) tal-Wsf 2000, mill‑1 ta’ Settembru 2007, student ma huwiex intitolat għal finanzjament tal-istudji jekk, għall perijodu kkonċernat, huwa eliġibbli għal allowance għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ aċċess għall-edukazzjoni jew għal manteniment ipprovdut mill-awtoritajiet responsabbli għall-provvista ta’ tali allowances f’pajjiż li ma huwiex il-Pajjiżi l-Baxxi.

18.      Taħt l-Artikolu 2.14(2)(c)tal-Wsf 2000, studenti (irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom) li japplikaw għal finanzjament portabbli ta’ studji għandhom, minbarra li jkunu eliġibbli għal finanzjament għal edukazzjoni ogħla fil-Pajjiżi l-Baxxi, jissodisfaw ir-regola tat-tliet snin minn sitta. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-istudenti li kienu iskritti wara l‑31 ta’ Awwissu 2007 għal kors ta’ edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

19.      Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3.21, tal-Wsf 2000, ebda finanzjament tal-istudji ma jingħata fir-rigward ta’ perijodu ta’ studju qabel ma tkun saret it-talba għal finanzjament. Madankollu japplika ċertu ftehim tranżitorju. Għalhekk, pereżempju, l-Artikolu 12.1ba jipprovdi: “L-Artikoli [...] hekk kif inhuma fis-seħħ fil‑31 ta’ Awwissu 2007 jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ student li qabel l‑1 ta’ Settembru 2007 irċieva finanzjament tal-istudji sabiex ikompli bl-edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi, sakemm jirċievi l-finanzjament tal-istudji mingħajr interruzzjoni”.

20.      Taħt l-Artikolu 11.5 tal‑Wsf 2000, il-Minister van Onderwijs, Cultuur en Wetenschap (Ministru tal-Edukazzjoni, Kultura u Xjenza; iktar ’il quddiem, il‑“Ministru”) ma għandux bżonn japplika r-regola tat-tliet snin minn sitta inkwantu l-applikazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, fid-dawl tal-interessi protetti mill-Wsf 2000, jista’ jagħti lok għal każ manifest ta’ inġustizzja gravi (iktar ’il quddiem il‑“klawżola ta’ ekwità”).

21.      Qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, ir-regola tat-tliet snin minn sitta ma kinitx tapplika għal studenti (irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom) li talbu MNSF sabiex ikomplu bl-edukazzjoni ogħla fiż-“żoni konfinali” tal-Pajjiżi l-Baxxi. (10)

22.      Skont il-qorti nazzjonali, l-MNSF jikkonsisti minn: għajnuna bażika, li l-livell tagħha jiddependi fuq jekk l-istudent jgħixx id-dar (jiġifieri, fl-indirizz ta’ mill-inqas wieħed mill-ġenituri tiegħu) jew indipendentement; allowance għal spejjeż ta’ vjaġġar (iktar ’il quddiem il-“kumpens OV”); self addizzjonali, suġġett għal limitu massimu; għajnuna addizzjonali li l-ammont tiegħu jiddependi fuq id-dħul tal-ġenituri; u self sabiex jiġu koperti l-miżati limitat bħala prinċipju għall-miżata massima li tista’ tintalab minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għal kors ekwivalenti.

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23.      B. Martens twieldet fil-Pajjiżi l-Baxxi fit‑2 ta’ Ottubru 1987. Hija għexet hemm sakemm iċċaqilqet, f’Ġunju 1993 (meta kellha ftit inqas minn sitt snin), mal-ġenituri tagħha (li huma wkoll ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi) lejn il-Belġju fejn ġiet imrobbija u fejn temmet l-iskola. Missierha ħadem fil-Belġju u għadu jaħdem hemm. Madankollu, bejn l‑1 ta’ Ottubru 2006 u l‑31 ta’ Ottubru 2008, huwa ħadem ukoll part‑time fil-Pajjiżi l-Baxxi. Jidher mit-talba għal deċiżjoni preliminari li wara Ottubru 2008 huwa ma fittixx impjieg fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma kienx disponibbli mod ieħor għas-suq ta’ impjieg ta’ dan il-pajjiż. Minflok, huwa kellu impjieg full‑time fil-Belġju.

24.      Fil‑15 ta’ Awwissu 2006, B. Martens irreġistrat sabiex tibda’ lawrea ta’ baċellerat fl-Università tal-Antilles Olandiżi fil-Curaçao fis-sena akkademika 2006/2007. Matul l-istudji tagħha, il-ġenituri tagħha pprovdew għajnuna finanzjarja sostanzjali (spejjeż għall-għajxien u spejjeż ta’ edukazzjoni) u rċevew allowance għall-ulied fil-Belġju għal binthom. Il-qorti tar-rinviju spjegat li dan l-allowance għall-ulied huwa separat mill-boroż ta’ studju għal studenti adulti; u li l-Komunità Fjamminga normalment ma tagħtix din it-tip ta’ għajnuna għal edukazzjoni jew taħriġ segwit f’istituzzjonijiet edukattivi barra mill-hekk imsejħa Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Ogħla.

25.      Fl‑24 ta’ Ġunju 2008, B. Martens ressqet talba quddiem l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi għal finanzjament tal-istudji (għajnuna bażika u allowance għal spejjeż tal-ivvjaġġar). Hija ddikjarat li hija ma kinitx tirċievi finanzjament minn pajjiż ieħor u li, matul is-sitt snin qabel ir-reġistrazzjoni tagħha fl-Università tal-Antilles Olandiżi (jiġifieri, mill‑2000 sal‑2006), hija kienet irrisjediet fil-Pajjiżi l-Baxxi għal mill-inqas tliet snin. Jidher li l-qorti tar-rinviju ma tiddubitax mill‑bona fide tad-dikjarazzjoni ta’ B. Martens u tqis li seta’ kien hemm nuqqas ta’ ftehim f’dak iż-żmien fir-rigward tar-regola tat-tliet snin minn sitta.

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Awwissu 2008, B. Martens ingħatat finanzjament għall-istudji għall-perijodu minn Settembru 2007, jiġifieri hija rċeviet finanzjament mit-tieni sena tal-istudji tagħha. Din l-għajnuna ġiet imġedda perijodikament u kienet ibbażata fuq il-preżunzjoni li B. Martens kienet issodisfat ir-regola tat-tliet snin minn sitta.

27.      Fl‑1 ta’ Frar 2009, B. Martens talbet self addizzjonali li ngħata lilha wkoll.

28.      Sussegwentement, bħala riżultat ta’ verifika, fit‑28 ta’ Mejju 2010, il-Ministru stabbilixxa li, matul il-perijodu minn Awwissu 2000 sa Lulju 2006, B. Martens ma kinitx irrisjediet għal tliet snin fil-Pajjiżi l-Baxxi u ddeċieda li l-għajnuna li diġà kienet tħallset lilha (EUR 19 481.64) kellha tiġi kkanċellata. B. Martens intalbet tħallas lura l-ammonti li kienet irċeviet diġà.

29.      L-ilment ta’ B. Martens kontra dawn id-deċiżjonijiet ġie ddikjarat infondat, l-istess bħall-appell ulterjuri tagħha quddiem ir-Rechtbank ҆s‑Gravenhage (iktar ’il quddiem ir‑“rechtbank”). Sussegwentement hija appellat kontra d-deċiżjoni tar-rechtbank quddiem il-qorti tar-rinviju. B. Martens sostniet li d-deċiżjonijiet kienu jiksru l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u li l-allegat nuqqas ta’ konnessjoni suffiċjenti mal-Pajjiżi l-Baxxi ma setax jiġġustifika d-deċiżjoni tal-Ministru.

30.      Fl‑1 ta’ Lulju 2011, B.Martens kisbet il-lawrea ta’ baċellerat tagħha u marret tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi.

31.      Il-qorti tar-rinviju ssospendiet l-għoti ta’ deċiżjoni tal-appell sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, kif għamlet fl‑14 ta’ Ġunju 2012 (11).

32.      Sussegwentement il-Ministru aċċetta li missier B. Martens kien ħaddiem fruntalier fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn l‑1 ta’ Ottubru 2006 sal‑31 ta’ Ottubru 2008 u li B. Martens kienet għalhekk intitolata għal finanzjament portabbli ta’ studji għall-perijodu minn Settembru 2007 sa Ottubru 2008 (12). Dan kien għaliex, b’riżultat tas-sentenza mogħtija fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, ir-regola tat-tliet snin minn sitta ma setgħetx tiġi applikata f’tali ċirkustanzi. Madankollu, il-Ministru kompla jsostni d-deċiżjoni li tiġi kkanċellata l-borża mill-mument meta missier B. Martens ma baqax ħaddiem fruntalier fil-Pajjiżi l-Baxxi (jiġifieri, Novembru 2008).

33.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-Ministru ma bbażax id-deċiżjoni tiegħu fuq il-fatt li B. Martens jista’ jkollha aċċess għal għajnuna finanzjarja fil-Belġju (għalkemm, skont il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-Belġju jagħti finanzjament għall-istudji fi ħdan istituzzjonijiet edukattivi stabbiliti barra mill-Unjoni Ewropea) u għaldaqstant il-qorti tar-rinviju ma eżaminatx din il-kwistjoni ulterjorment (13).

34.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1A.      Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru tal-[Unjoni] (il-Pajjiżi l-Baxxi) itemm id-dritt għall-finanzjament għall-edukazzjoni barra mill-[Unjoni] ta’ wild maġġorenni dipendenti fuq ħaddiem transkonfinali [fruntalier] li għandu ċ-ċittadinanza [nazzjonalità] Olandiża, li jirrisjedi fil-Belġju u jaħdem parzjalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u parzjalment fil-Belġju, meta tali xogħol transkonfinali [fruntalier] jintemm u l-attivitajiet jibqgħu jiġu eżerċitati fil-Belġju, minħabba li l-wild ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ mill-inqas tliet snin fil-Pajjiżi l-Baxxi matul is-sitt snin li jippreċedu r-reġistrazzjoni tiegħu fl-istabbiliment ta’ edukazzjoni kkonċernat?

1B.      Jekk ir-risposta li tingħata għad-domanda 1A tkun fl-affermattiv, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi l-għoti ta’ finanzjament għall-edukazzjoni għal perijodu iqsar mit-tul ta’ tali edukazzjoni, filwaqt li jitqies li r-rekwiżiti l-oħra li jirregolaw l-eliġibbiltà għall-finanzjament ikunu ġew sodisfatti?

Jekk fir-risposta għad-domandi 1A u 1B, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal għall-konklużjoni li l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma tipprekludix deċiżjoni li tipprovdi li ma għandux jingħata finanzjament għall-edukazzjoni lil B. Martens matul il-perijodu bejn Novembru 2008 u Ġunju 2011, jew matul parti minn tali perijodu:

2.      L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru tal-[Unjoni] (il-Pajjiżi l-Baxxi) ma jestendix il-finanzjament għall-edukazzjoni fi stabbiliment ta’ edukazzjoni f’PTEE (Curaçao), li jagħti lok għalih ix-xogħol ta’ missier il-persuna kkonċernata bħala ħaddiem transkonfinali [fruntalier], minħabba li l-persuna kkonċernata ma tissodisfax il-kundizzjoni, applikabbli għal kull ċittadin tal-Unjoni, inklużi ċ-ċittadini tagħha stess, ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ mill-inqas tliet snin mis-sitt snin li jippreċedu r-reġistrazzjoni tagħha għal tali edukazzjoni?”

35.      Ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mill-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawn il-partijiet għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-2 ta’ Lulju 2014.

IV – Evalwazzjoni

A –    Rimarki preliminari

36.      L-edukazzjoni tinvolvi spejjeż minn tal-inqas għall-Istat Membru li jipprovdi l-edukazzjoni, għall-istudent innifsu (jekk huwa finanzjarjament awtonomu) jew għal dawk li fuqhom l-istudent huwa finanzjarjament dipendenti u għal sponsors (pubbliċi u privati) oħra ta’ edukazzjoni. Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqgħu komeptenti sabiex jiddeċiedu jekk għandhomx jiffinanzjaw l-edukazzjoni ogħla jew le, u, jekk dan ikun il-każ, b’liema mod. Id-dritt tal-Unjoni bħala prinċipju ma jinterferix ma’ deċiżjoni ta’ Stat Membru li jagħmel il-finanzjament disponibbli għal studji f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla stabbiliti barra mit-territorju tiegħu u possibbilment barra mill-Unjoni Ewropea u l-kundizzjonijiet li huwa jorbot ma’ tali finanzjament.

37.      Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ ċerti persuni li jitolbu dan il-finanzjament tista’ tkun koperta mid-dritt tal-Unjoni. Dawn il-persuni li jitolbu finanzjament jistgħu għalhekk jisiltu drittijiet mid-dritt tal-Unjoni, inkluż b’rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Għalhekk, fl-eżerċizzju tal-kompetenza (mingħajr dubji) tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni (14). B’mod speċifiku, dawn għandhom jiżguraw li, pereżempju, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tali finanzjament la joħolqu restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru u lanqas jiddiskriminaw fuq il-bażi tan-nazzjonalità (15).

38.      F’din il-kawża għaldaqstant ma hijiex inkwistjoni d-deċiżjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-edukazzjoni ogħla tiġi ffinanzjata barra mill-Pajjiżi l-Baxxi; iżda pjuttost kundizzjoni (jiġifieri, ir-regola tat-tliet snin minn sitta) applikata f’li jiġi deċiż jekk għandux jingħata finanzjament jew le lil persuna speċifika li titlob tali finanzjament.

39.      Każijiet inizzjali li jirrigwardaw kundizzjonijiet ta’ residenza u finanzjament għall-istudji ta’ spiss kienu jinvolvu ħaddiema li saru studenti; u li ma kellhomx iżjed is-sostenn finanzjarju minn oħrajn (16). Madankollu, jiġri ta’ spiss li studenti jibqgħu dipendenti fuq membri tal-familja (normalment wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma) matul parti mill-perijodu jew il-perijodu kollu li matulu jistudjaw. F’dan il-każ, il-kisba ta’ finanzjament għall-istudji jista’ jtaffi l-oneru finanzjarju li nkella jiġi sostnut minn dawn il-membri tal-familja. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-għajnuna mogħtija għal manteniment u għal edukazzjoni għall-istudji universitarji ċċertifikati bi kwalifika professjonali, inkluż għal ulied ħaddiema migranti, hija vantaġġ soċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (17), iżda biss sa fejn il-ħaddiem migrant ikompli jsostni lil uliedu (18).

40.      F’dan il-każ, huwa paċifiku li missier B. Martens għenha matul l-istudji tagħha fil-Curaçao. Għalhekk il-finanzjament portabbli għall-istudji mitlub minn B. Martens huwa vantaġġ soċjali għal missierha fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68. Issa huwa paċifiku li B. Martens kienet intitolata għal MNSF għall-perijodu minn Ottubru 2007 sa Ottubru 2008 meta missierha kien ħaddiem fruntalier fil-Pajjiżi l-Baxxi. Li ma huwiex paċifiku huwa jekk kellhiex dan id-dritt sussegwentement.

41.      Permezz tal-ewwel domanda magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab teżamina l-pożizzjoni ta’ B. Martens bħala wild dipendenti ta’ ex ħaddiem fruntalier. Jekk B. Martens tista’ tinvoka l-istatus ta’ missierha bħala ħaddiem fruntalier fil-Pajjiżi l-Baxxi u tislet drittijiet minn dan sabiex ikompli jkollha aċċess għall-finanzjament tal-istudji għall-kumplament tal-istudji tagħha fil-Curaçao, ma jkunx mieħtieġ li tiġi kkunsidrata t-tieni domanda magħmula, li tirrigwarda d-drittijiet ta’ B. Martens innifisha bħala ċittadin tal-Unjoni (19). (Huwa biss fl-aħħar kuntest li l-Pajjiżi l-Baxxi ħadet pożizzjoni ċara dwar il-ġustifikazzjoni possibbli għal restrizzjoni ta’ drittijiet).

42.      Għall-kompletezza, ser nagħti risposta għaż-żewġ domandi. Madankollu, qabel ma nagħmel dan, ser neżamina jekk il-post tal-istudji ta’ B. Martens (il-Curaçao) iqajjimx mistoqsijiet dwar l-applikazzjoni territorjali kemm fir-rigward tad-drittijiet għal libertà ta’ moviment tal-ħaddiema kif ukoll taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

B –    Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni

43.      Il-Curaçao jifforma parti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi iżda huwa wkoll ikkaratterizzat bħala territorju extra-Ewropew. L-applikazzjoni tar-regola tat-tliet snin minn sitta għal B. Martens tissuġġerixxi li l-Ministru kien tal-fehma li B. Martens ma kinitx qed tistudja “fil-Pajjiżi l-Baxxi” (20). Waqt is-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma li l-pożizzjoni kienet din.

44.      Il-post tal-istudji ta’ B. Martens iqajjem mistoqsijiet fir-rigward tal-applikazzjoni territorjali ta’ drittijiet ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u/jew ta’ ċittadinanza tal-Unjoni?

45.      Huwa minnu li, fejn jeżisti ftehim speċjali bejn l-Unjoni Ewropea u territorji extra-Ewropej, għandhom japplikaw dispożizzjonijiet oħra mit-Trattati li ma humiex dawk li għalihom isir riferiment fil-Parti IV TFUE biss sa fejn ikun hemm riferiment espliċitu għal dan (21). Għalhekk, sakemm it-Trattati ma jipprovdux espliċitament li artikolu speċifiku għandu japplika wkoll għat-territorji barra mill-Unjoni Ewropea jew għal Stati terzi (22), dan l-artikolu ma għandux japplika għal territorji extra-Ewropej (23).

46.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-kwistjonijiet ma jirriżultawx f’dan il-każ.

47.      Il-kwistjoni hawnhekk ma hijiex dwar jekk id-dritt tal-Unjoni japplikax minħabba l-fatt li ċittadin tal-Unjoni (ekonomikament attiv jew inattiv) iċċaqlaqx minn Stat Membru lejn territorju extra‑Ewropew. Pjuttost, għandu jiġi kkonstatat jekk jistgħux jinsiltu drittijiet minn moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni bejn żewġ Stati Membri (il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju) u residenza sussegwenti fi Stat Membru (il-Belġju) li ma huwiex l-Istat Membru tan-nazzjonalità fil-kuntest ta’ finanzjament tal-istudji magħmul disponibbli minn wieħed minn dawk l-Istati Membri (il-Pajjiżi l-Baxxi) għal studji barra mill-pajjiż.

48.      Speċifikament, hawnhekk kundizzjoni (jiġifieri, ir-regola tat-tliet snin minn sitta) ġiet applikata għal ċittadin tal-Unjoni (B. Martens) li eżerċitat drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza meta ċċaqilqet mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Belġju u li kompliet tirrisjedi fil-Belġju mill-inqas sakemm iċċaqilqet lejn il‑Curaçao sabiex tistudja hemmhekk (24). Għalhekk hija kienet qed teżerċita drittijiet b’mod kontinwu taħt id-dritt tal-Unjoni mill-inqas sal-punt meta tiddeċiedi tinvoka dawk id-drittijiet sabiex ikollha aċċess għall-MNSF (25). B. Martens hija wkoll il-wild dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-drittijiet tiegħu bħala ħaddiem billi ċċaqlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (il-Pajjiżi l-Baxxi) lejn Stat Membru ospitanti (il-Belġju) biex jgħix u jaħdem hemmhekk, li sussegwentement ħadem part‑time fil-Pajjiżi l-Baxxi filwaqt li kompla jirrisjedi fil-Belġju qabel ma reġa’ beda bl-impjieg full‑time tiegħu fl-Istat Membru ospitanti li fih huwa jirrisjedi (il-Belġju).

49.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kemm is-sitwazzjoni ta’ B. Martens kif ukoll dik ta’ missierha jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

C –    L-ewwel domanda: moviment liberu tal-ħaddiema

a)      Introduzzjoni

50.      Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-Sur Martens, li huwa ex ħaddiem fruntalier, u bintu dipendenti li titlob MNSF jistax jinvoka drittijiet bis-saħħa tal-istatus tiegħu ta’ ħaddiem fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn ma jaħdimx iżjed minħabba l-fatt li huwa għandu impjieg full‑time fil-Belġju.

51.      Il-partijiet kollha li ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom u li dehru fis-seduta jaqblu li l-Artikoli 45 TFUE u 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludu lill-Pajjiżi l-Baxxi milli jimponu r-regola tat-tliet snin minn sitta bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ MNSF lil ħaddiema migranti u fruntaliera fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din kienet ukoll il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑542/09 (26). Sa kemm is-Sur Martens kien jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi (fil-fehma tagħhom), B. Martens setgħet tikseb il-finanzjament portabbli għall-istudji. Madankollu, huma jsostnu li, ladarba ħaddiem ma jibqax ħaddiem fruntalier, iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jibqgħux japplikaw.

52.      Jidhirli li dak li xi ħadd jista’ (jew ma jistax) jitlob bħala ex ħaddiem fruntalier huwa lil hinn mill-punt. Is-sempliċi fatt hu li s-Sur Martens għadu ħaddiem migrant. Il-partijiet, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq l-effetti tat-telfa tal-istatus tas-Sur Martens bħala ħaddiem fruntalier, ma ttrattawx il-konsegwenzi marbuta ma’ dan il-fatt.

b)      Limitazzjoni tad-dritt tas-Sur Martens taħt l-Artikolu 45 TFUE

53.      L-Artikolu 45 TFUE jagħti lok kemm għat-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità bejn ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjiegi, remunerazzjoni u kundizzjonijiet oħra ta’ impjieg kif ukoll id-dritt għal moviment liberu fit-territorju ta’ Stati Membri bil-għan ta’ aċċettazzjoni ta’ offerti ta’ impjieg.

54.      L-għan tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu għal persuni huwa sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jfittxu attivitajiet okkupazzjonali ta’ kull tip fi ħdan l-Unjoni. B’mod parallel ma’ dan l-għan, huma għaldaqstant jipprekludu wkoll ftehim li jista’ jqiegħed lil ċittadini tal-Unjoni fi żvantaġġ talli jkunu jixtiequ jwettqu attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (u għaldaqstant iħallu l-Istat ta’ oriġini tagħhom) (27). B’hekk, dawn il-provvedimenti jipprekludu miżuri li jistgħu jostakolaw jew li jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet minn ċittadini tal-Unjoni (28). Miżuri li għandhom l-effett li jikkawżaw telf lill-ħaddiema, b’konsegwenza tal-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema tagħhom, ta’ vantaġġi soċjali ggarantiti lilhom mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jistgħu jiġu deskritti bħala ostakli għal din il-libertà (29). Dan japplika wkoll fejn id-dritt nazzjonali tal-ħaddiem ikkonċernat, jipprekludi jew jostakola lil ċittadin milli jitlaq mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu (30).

55.      F’dan il-każ, ir-regola tat-tliet snin minn sitta japplika lil B. Martens għaliex l-impjieg ta’ missierha bħala ħaddiem fruntalier fil-Pajjiżi l-Baxxi ntemm. Il-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju ma jissuġġerixxux li huwa żamm l-istatus ta’ ħaddiem fil-Pajjiżi l-Baxxi (pereżempju, li kien qed ifittex xogħol hemmhekk, jew inkella li kien disponibbli fis-suq tal-impjiegi tal-Pajjiżi l-Baxxi) (31). Madankollu, is-Sur Martens ma sarx ekonomikament inattiv jew mhux disponibbli għas-suq tal-impjiegi. Huwa pjuttost eżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu bħala ħaddiem biex jaċċetta impjieg full‑time fil-Belġju, fejn għadu jirrisjedi u jaħdem (32). B’hekk huwa jista’ jinvoka l-Artikolu 45 TFUE bħala protezzjoni kontra l-miżuri li jqegħduh fi żvantaġġ talli għażel jaħdem fi Stat Membru ieħor.

56.      L-applikazzjoni tar-regola tat-tliet snin minn sitta essenzjalment iġġiegħel lis-Sur Martens jew sabiex ma jeżerċitax id-dritt tiegħu għal moviment liberu bħala ħaddiem u sabiex ifittex impjieg ulterjuri fil-Pajjiżi l-Baxxi (sabiex iżomm l-MNSF għal bintu) jew inkella sabiex jeżerċita din il-libertà iżda jaċċetta telf finanzjarju tal-finanzjament għall-istudji u r-riskju possibbli li ma jkun jista’ jinsab ebda finanzjament alternattiv ieħor.

57.      Tali miżura tirrestrinġi d-drittijiet ta’ missier B. Martens taħt l-Artikolu 45 TFUE. Sakemm ma tkunx iġġustifikata oġġettivament, hija pprojbita taħt din id-dispożizzjoni (33).

58.      Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-analiżi, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-portata tad-deċiżjoni fil-Kawża C‑542/09, il-livell ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (u/jew l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament) u fl-aħħar nett li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom status ta’ ex ħaddiem jista’ jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu.

c)      Portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑542/09 Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi

59.      Il-punt tat-tluq tal-partijiet f’din il-kawża hija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑542/09. Il-konstatazzjonijiet f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu saru taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 u kienu jikkonċernaw diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità kontra ħaddiema migranti u ħaddiema fruntalieri meta pparagunati ma’ ħaddiema nazzjonali.

60.      Hekk kif naqra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, hija ma ttrattatx espressament is-sitwazzjoni ta’ resident ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi barra mill-Istat Membru tiegħu iżda li kien qed jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni sabiex jaħdem fil-Pajjiżi l-Baxxi. (Ser nirreferi għal din il-kategorija, għal raġunijiet ta’ konvenjenza, bħala “ħaddiema fruntalieri mill-Pajjiżi l-Baxxi”).

61.      Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Pajjiżi l-Baxxi kienu naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 billi rrikjedew li ħaddiema migranti u ħaddiema fruntaliera u l-membri tal-familja dipendenti tagħhom jikkonformaw ruħhom mar-regola tat-tliet snin minn sitta (stabbilita fl‑Artikolu 2.14(2) tal-Wsf 2000) sabiex ikunu eliġibbli għal finanzjament għal edukazzjoni ogħla barra mill-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 7(2) jiggarantixxi li ħaddiema migranti li jirrisjedu fi Stat Membru ospitanti u ħaddiema fruntalieri impjegati f’dak l-Istat Membru filwaqt li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor igawdu mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħall-ħaddiema nazzjonali (34).

62.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li miżura bħal dik tar-regola tat-tliet snin minn sitta “prinċipalment tkun ta’ detriment għall-ħaddiema migranti u għall-ħaddiema transkonfinali [fruntalieri] ċittadini ta’ Stati Membri oħra, sa fejn dawk li ma humiex residenti ħafna drabi ma humiex ċittadini” (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni indiretta, “ma huwiex neċessarju li [il-miżura] jkollha l-effett li tiffavorixxi ċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tiffavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali” (36). Sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat is-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu pparagunati, għal skopijiet ta’ aċċess għal finanzjament portabbli, bħala sitwazzjoni ta’ (i) minn naħa, ħaddiema migranti impjegati u residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda li ma jissodisfawx ir-regola tat-tliet snin minn sitta u (ii) min-naħa l-oħra, ħaddiema mill-Pajjiżi l-Baxxi impjegati u li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi (37).

63.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx separatament il-pożizzjoni tal-ħaddiema fruntalieri tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-identifikazzjoni tagħha taż-żewġ kategoriji sabiex tipparagunahom flimkien, hija ffukat fuq diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

64.      Ħaddiem fruntalier mill-Pajjiżi l-Baxxi bħal missier B. Martens essenzjalment jiġi ttrattat differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba l-fatt li eżerċita drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza, mhux minħabba n-nazzjonalità tiegħu, li hija l-istess bħal tagħhom. B’riżultat ta’ dan, mingħajr ma nelabora ulterjorment, jidhirli li huwa ma jistax jinvoka mingħajr elaborazzjoni ulterjuri l-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fil-Kawża C‑542/09.

65.      Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi esplorat f’iktar dettall l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.

d)      Ugwaljanza fit-tratttament taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68

66.      Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 (u dawk fl-Artikolu 12) tar-Regolament Nru 1612/68 huma espressjonijiet ulterjuri tal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE (38). Bis-saħħa tar-raba’ premessa għal dan ir-regolament, dan id-dritt għandu jitgawda wkoll mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema fruntaliera. B’hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jiggarantixxi li ħaddiema migranti u ħaddiema fruntaliera għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħalma jiġu ttrattati ħaddiema nazzjonali. Huwa jipproteġi kontra diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità (39).

67.      Sabiex ħaddiem ikun jista’ jinvoka d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament sabiex jikseb għajnuna għall-finanzjament tal-istudji bħala vantaġġ soċjali taħt l-Artikolu 7(2), il-ħaddiem għandu jkompli jsostni l-membru tal-familja tiegħu (40). Dan jidher li kien il-każ hawnhekk. Ma huwiex neċessarju li l-wild jirrisjedi fl-Istat Membru fejn il-ħaddiem jirrisjedi u jaħdem (jew fejn jaħdem il-ħaddiem fruntalier) (41).

68.      F’dan il-każ, is-Sur Martens qed jiġi ttrattat b’mod inqas favorevoli minħabba l-fatt li huwa eżerċita drittijiet ta’ moviment liberu bħala ħaddiem u mhux minħabba n-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi tiegħu.

69.      Fit-test tal-Artikolu 7(2), li jipprovdi “għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini” ħaddiema, il-kelma “għandu” tirreferi għall-ħaddiem deskritt immedjatament qabel fl-Artikolu 7(1) — jiġifieri, il-ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru u impjegat fi Stat Membru ieħor. Dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1612/68, b’mod partikolari dawk li jifformaw parti mit-Titolu II dwar “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, jirreferu wkoll għal ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru u li huwa impjegat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

70.      Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li t-trattament ugwali stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa usa’ mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità (42).

71.      B’hekk, fis-sentenza Hartmann, il-Qorti tal-ġustizzja kkonfermat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jinkludi “kull ċittadin ta’ Stat Membru, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor differenti minn dak ta’ residenza” (43). Din il-persuna wkoll kienet taqa’ taħt il-portata tar-Regolament Nru 1612/68 (44). B’hekk, G. Hartman, li kien jirrisjedi fi Stat Membru iżda li kien jaħdem fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, tqies li kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u għaldaqstant kien jaqa’ wkoll taħt dawk tar-Regolament Nru 1612/68 (45). Huwa seta’ jitlob l-istatus ta’ ħaddiem migrant għall-iskopijiet tar-Regolament Nru 1612/68 u jinvoka l-Artikolu 7 fuq l-istess bażi bħal kull ħaddiem ieħor li għalih tapplika dik id-dispożizzjoni (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja pparagunat it-trattament ta’ persuna fis-sitwazzjoni tiegħu (ħaddiem li eżerċita d-dritt tiegħu għal libertà ta’ moviment) mat-trattament ta’ ħaddiema nazzjonali (jiġifieri, ħaddiema nazzjonali li ma kinux eżerċitaw drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza).

72.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ukoll riferiment għar-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1612/68 li tgħid li d-dritt għal libertà ta’ moviment għandu jitgawda “mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema permanenti, staġjonali u tal-fruntiera [...]” (47). Ħaddiem jista’ bl-istess mod jinvoka l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 kontra l-Istat Membru tiegħu ta’ ċittadinanza fejn huwa kien jirrisjedi u kien impjegat fi Stat Membru ieħor (48).

73.      Għaldaqstant jidher li l-kunċett ta’ “ħaddiem nazzjonali” fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jinftiehem fis-sens ta’ ħaddiem nazzjonali li ma eżerċitax drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza, u li l-livell ta’ protezzjoni taħt din id-dispożizzjoni jikkonsisti f’ugwaljanza fit-trattament irrispettivament min-nazzjonalità għall-promozzjoni tal-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni.

74.      Għalhekk jirriżulta li kemm l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludu lil Stat Membru milli jqiegħed fi żvantaġġ ħaddiema (sew jekk ħaddiema permanenti, staġjonali jew fruntalieri) (49) li eżerċitaw drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Minkejja t-test litterali tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 45 TFUE għaldaqstant jipprekludu lill-Pajjiżi l-Baxxi milli jiċħdu finanzjament għall-istudji lill-wild dipendenti ta’ ħaddiem fruntalier ta’ nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tar-regola tat-tliet snin minn sitta sakemm jibqa’ ħaddiem fruntalier. Dan huwa minħabba l-fatt li r-regola tat-tliet snin minn sitta tqiegħed lil ħaddiem fruntalier fi żvantaġġ meta mqabbel ma’ ħaddiem nazzjonali f’ċirkustanzi simili.

2.      Telf tal-istatus ta’ ħaddiem

75.      Diġà spjegajt għalfejn inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tiddeċiedi dwar (u, jekk huwa hekk, sa fejn) persuna tista’ tkompli tinvoka (ċerti) dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema wara li tkun tilfet l-istatus ta’ ħaddiem migrant jew ta’ ħaddiem fruntalier (50). Sabiex inkun eżawrjenti, xorta waħda ser nindirizza din il-kwistjoni b’mod astratt.

76.      Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni tirriżulta biss meta persuna ma tibqax teżerċita din il-libertà billi taħdem, billi ġenwinament tfittex li taħdem (51), jew li inkella tibqa’ disponibbli għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti (52). Dan ikun il-każ, pereżempju, li kieku persuna fis-sitwazzjoni tas-Sur Martens kellha ttemm il-ħajja tax-xogħol tagħha u tirtira (fil-Belġju jew xi mkien ieħor).

77.      Bħala prinċipju, tali persuna ma tistax iżjed tislet drittijiet mill-istatus preċedenti tagħha ta’ ħaddiem (53). It-telf ta’ dan l-istatus ifisser it-telfa tal-protezzjoni mogħtija lilha taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, sempliċi bidla fl-impjieg mhux bilfors ittemm din il-protezzjoni (54).

78.      Fejn tali ċittadin tal-Unjoni jkompli jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti huwa jista’, fi kwalunkwe każ, jinvoka l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi fl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 li jipproteġih bis-saħħa taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiegħu (55). F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li preċedentement huwa kien ħaddiem u/jew żamm dak l-istatus jista’ jkun il-bażi għal dritt ta’ residenza (56). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni nnifisha tista’ tipprovdi li drittijiet jirriżultaw minn jew huma marbuta ma’ status ta’ ex ħaddiem (57).

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li l-istatus ta’ ex ħaddiem migrant jew fruntalier jista’ jipproduċi effetti wara li tkun intemmet ir-relazzjoni ta’ impjieg (58). Din il-protezzjoni (usa’) tista’ tapplika xorta waħda minkejja l-fatt li tali persuna tista’ tkun protetta bid-drittijiet li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni meta ma tibqax ekonomikament attiva. Il-moviment liberu tal-ħaddiema joffri protezzjoni usa’. B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-finanzjament għall-istudji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa kemm il-ġenitur igawdi mill-istatus ta’ ħaddiem migranti jew fruntalier, Stat Membru ma jistax japplika kundizzjoni ta’ residenza u jistrieħ fuq l-għan li jevita oneru finanzjarju mhux raġjonevoli bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tista’ tiġġustifika nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema nazzjonali u ħaddiema fruntalieri u migranti (59). B’hekk, huwa ma jistax jadotta miżura bħal kundizzjoni ta’ residenza sabiex jillimita s-solidarjetà finanzjarja li għandha tintwera ma’ ħaddiema migranti u ħaddiema fruntalieri meta pparagunati ma’ ħaddiema nazzjonali. B’riżultat ta’ dan, b’differenza mill-ġustifikazzjoni ta’ tali miżura fuq il-bażi tal-istess għan fil-kuntest ta’ drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, ma jirriżultawx kwistjonijiet li jirrigwardaw il-proporzjonalità ta’ tali kundizzjoni (60).

80.      F’liema ċirkustanzi ex ħaddiem fruntalier jew ex ħaddiem migranti għandu jkompli jkun protett bid-drittijiet ta’ moviment liberu tal-ħaddiema (jiġifieri, li jgawdi minn protezzjoni li ma tkunx dik espressament mogħtija mil-leġiżlazzjoni)?

81.      Huwa ċar għalfejn l-effetti ta’ ċerti vantaġġi soċjali għandhom ikomplu irrispettivament mill-post ta’ residenza. Dan huwa, kjarament, il-fatt fejn il-vantaġġ huwa intrinsikament marbut mat-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew mal-ħajja tax-xogħol ta’ ħaddiem (61). B’hekk, kumpens mat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg huwa essenzjalment disponibbli biss għal persuna li preċedentement kienet, iżda li ma għadhiex, impjegata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun possibbli li wieħed jinvoka l-ex status ta’ ħaddiem. Id-dritt derivat jikkonferma din il-pożizzjoni (62).

82.      Fejn l-avveniment jew is-sitwazzjoni li fir-rigward tagħha jingħata vantaġġ soċjali sseħħ wara tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg u ma tkunx marbuta ma’ dak il-fatt jew mal-impjieg preċedenti tal-ħaddiem, bħala prinċipju ma huwiex possibbli li wieħed ikompli jinvoka, pereżempju, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jew l-Artikolu 45 TFUE (63). B’hekk, fejn l-ex ħaddiem innifsu sussegwentement jistudja fl-Istat Membru ospitanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa jżomm l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem u għaldaqstant jista’, meta jfittex li jkollu aċċess għal finanzjament ta’ borża għal manteniment jew għal taħriġ, jinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 bil-kundizzjoni li jkun hemm konnessjoni bejn l-attività okkupazzjonali preċedenti u l-istudji segwiti (64). Min-naħa l-oħra, fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg preċedenti tkun sempliċement anċillari għall-istudji li għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-borża, huwa ma jżommx l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem u dan ma jistax jiġi invokat iżjed (65). B’mod eċċezzjonali, fejn ħaddiem ikun sar volontarjament qiegħed u jkun obbligat bil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jsegwi taħriġ vokazzjonali fi sfera ta’ attività differenti, ma tkun meħtieġa ebda rabta mal-impjieg preċedenti (66).

83.      X’jiġri jekk l-avveniment jew is-sitwazzjoni li tat lok għall-ħtieġa ta’ aċċess għall-vantaġġ soċjali seħħet qabel it-telf tal-istatus ta’ ħaddiem fruntalier jew ta’ ħaddiem migrant, iżda mbagħad tkompli wara t-telf ta’ dan l-istatus?

84.      Fil-fehma tiegħi, din tiddependi għal darb’oħra fuq il-portata tal-vantaġġ u fuq ir-raġuni għalfejn dan jingħata.

85.      F’dan il-kuntest, numru ta’ partijiet invokaw is-sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro-Pinedo Amado. Għaldaqstant ser neżamina din il-kawża fid-dettall.

86.      F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda ċirkustanza speċjali ma kienet tiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju li t-telf tal-istatus ta’ ħaddiem fruntalier jew ta’ ħaddiem migranti jfisser it-telf tal-protezzjoni assoċjata ma’ dak l-istatus f’ċirkustanzi fejn ex ħaddiem (li ma kienx għadu residenti fl-Istat Membru ospitanti) ipprova jinvoka l-moviment liberu tal-ħaddiema sabiex jikseb minn dan l-Istat Membru finanzjament għall-istudji taħt l-istess ċirkustanzi bħal dawk applikati minnu għaċ-ċittadini tiegħu stess (67).

87.      Il-fatti tal-kawża kienu jikkonċernaw ex ħaddiem li kien igawdi minn allowance għall-ulied, waqaf jaħdem, kiseb allowance għal invalidità u konsegwentement, b’riżultat ta’ riforma leġiżlattiva fejn id-dritt għal allowance għall-ulied inbidel f’titolu għall-għoti ta’ borża ta’ studju (68), tilef din l-allowance minħabba l-fatt li t-tifla tiegħu temmet l-edukazzjoni sekondarja tagħha u għaldaqstant ma kinitx baqgħet tissodisfa l-kundizzjoni tal-iskema tranżitorja fejn l-ulied kellhom ikomplu jsegwu l-istess tip ta’ edukazzjoni bħalma kienu qed isegwu fl‑1 ta’ Ottubru 1995.

88.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ma setax jiġi sostnut li kundizzjonijiet għal aċċess għall-finanzjament għall-istudji jistgħu jipprekludu drittijiet taħt l-Artikolu 45 TFUE f’ċirkustanzi fejn ħaddiem migranti waqaf jaħdem u mar lura l‑Istat Membru ta’ oriġini tiegħu fejn uliedu jgħixu wkoll (69). Billi waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li (i) l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 ma għandux jiġi interpretat fis-sens li ex ħaddiema jistgħu jinvokawh sabiex jingħataw aċċess mingħajr diskriminazzjoni għal benefiċċji soċjali mogħtija mill-Istati Membri ospitanti (70); iżda li (ii) l-effetti jistgħu jkomplu fejn il-vantaġġ huwa intrinsikament marbut mat-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg jew tal-ħajja tax-xogħol ta’ ħaddiem (71) u fejn leġiżlazzjoni tipprovdi espressament għalihom (72).

89.      Ftit wara, f’Leclere u Deaconescu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, fejn ħaddiem jieqaf mill-okkupazzjoni tiegħu, “huwa jibqa’ intitolat għal ċerti benefiċċi miksuba permezz tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu” (73) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Jacobs kien tal-fehma li huwa importanti jekk l-ex ħaddiem nazzjonali (li ma eżerċitax id-drittijiet tiegħu ta’ libertà ta’ moviment) jingħatax il-vantaġġ minħabba l-istatus tiegħu bħala ex ħaddiem irrispettivament mir-residenza tiegħu. Jekk ir-risposta tkun negattiva, allura l-ex ħaddiem migranti jew l-ex ħaddiem fruntalier ma jkunx jista’ jgawdi iżjed mill-protezzjoni mogħtija għal dan l-istatus (74).

90.      Nikkonkludi — u nenfasizza mill-ġdid li qed nitratta din il-kwistjoni fl-astratt — li ex ħaddiem ma huwiex intitolat ikompli jgawdi mill-vantaġġi miksuba matul ir-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu. Il-kunċett ta’ “vantaġġi soċjali” fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 huwa wiesa’ ħafna u jkopri benefiċċji li jistgħu jew jistgħu ma jkunux marbuta mal-kuntratt ta’ impjieg u li jingħataw lil ħaddiema nazzjonali primarjament minħabba l-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema jew minħabba s-sempliċi fatt tar-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali (75). Ex ħaddiem jista’ jkompli jinvoka drittijiet ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fir-rigward ta’ dawk il-vantaġġi soċjali li huma marbuta mar-relazzjoni ta’ impjieg preċedenti tiegħu. Madankollu, finanzjament portabbli għall-istudji bħall-MNSF ġeneralment ma jingħatax lil ħaddiema (jew l-ulied dipendenti tagħhom) minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom. Dan huwa vantaġġ soċjali li l-Pajjiżi l-Baxxi qiegħdu għad-disponibbiltà taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jixtiequ jistudjaw barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u li huma integrati biżżejjed fil-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant id-dritt tal-Unjoni jipprekludi lill-Pajjiżi l-Baxxi milli jiċħdu tali vantaġġ lil ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw moviment liberu tal-ħaddiema (minħabba l-fatt li l-istatus oġġettiv tagħhom bħala ħaddiema huwa prova ab initio ta’ integrazzjoni).

91.      Dan iffisser ukoll li, bħalma indika l-Avukat Ġenerali Jacobs (76), fejn Stat Membru jkompli jipprovdi vantaġġ soċjali lil ex ħaddiema minkejja t-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom u irrispettivament minn residenza, huwa ma jistax jiddiskrimina kontra ex ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew li eżerċitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema. F’dan il-kuntest, ex ħaddiem fruntalier jew ex ħaddiem migrant jista’ jkompli jiddependi fuq il-protezzjoni ggarantita mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward tal-vantaġġi miksuba qabel tmiem l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem fruntalier jew l-istatus tiegħu ta’ ħaddiem migrant.

92.      Għaldaqstant, huwa Stat Membru li għandu jiddeċiedi jekk ex ħaddiema (nazzjonali) għandhomx ikomplu jgawdu minn vantaġġ soċjali bħall-finanzjament għall-istudji wara tmiem ir-relazzjoni ta’ impjieg minħabba l-impjieg preċedenti tagħhom. Jekk dan ikun il-każ, Stat Membru ma jistax jitratta b’mod inqas favorevoli lil dawk il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru ieħor u/jew eżerċitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema.

3.      Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68

93.      Minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju titlob biss kjarifika dwar l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, il-partijiet kollha ddiskutew ukoll l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tar-risposta tagħhom għall-ewwel domanda (inkluż jekk jistax jiġi applikat, jekk ikun il-każ, għal wild il-ħaddiem fruntalier). Għall-finijiet ta’ kompetezza, ser nikkonkludi din il-parti tal-Konklużjonijiet tiegħi billi nitratta din id-dispożizzjoni.

94.      L-Artikolu 12 jagħti benefiċċju separat u distint lil ulied ħaddiema li jaħdmu jew li ħadmu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (77). Huwa jiggarantilhom aċċess, inter alia, għall-korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali fl-Istat Membru fejn jinsab il-ġenitur jew fejn kien impjegat (għaldaqstant huwa jew kien ħaddiem migrant) taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, dejjem sa fejn jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti (78). Għaldaqstant, l-ulied f’dik is-sitwazzjoni jistgħu jwettqu u, jekk ikun il-każ, jikkompletaw l-edukazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti (79). Huma jistgħu jinvokaw ukoll l-Artikolu 12 fejn l-Istat Membru ospitanti joffri liċ-ċittadini tiegħu l-opportunità li jingħataw borża għall-edukazzjoni jew taħriġ opprovdut barra mill-pajjiż (80). Biex tinvoka l-Artikolu 12, persuna ma għandhiex tkun il-wild dipendenti ta’ ħaddiem migrant, biex turi li l-ġenituri tagħha għandhom it-tnejn li huma dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti jew sabiex tipprova li l-ġenituri tagħha għadhom ħaddiema migranti (81). Lanqas ma għandhom il-ġenituri tagħha jibqgħu miżżewġin jew ikunu t-tnejn li huma ċittadini tal-Unjoni (82). Jeħtieġ sempliċement li l-wild għex mal-ġenituri tiegħu (jew ma wieħed mill-ġenituri tiegħu) fl-Istat Membru ospitanti filwaqt li mill-inqas wieħed mill-ġenituri rrisjeda hemmhekk bħala ħaddiem (83). B’dan il-mod, l-Artikolu 12 jikkontribwixxi għall-għan ġenerali tar-Regolament Nru 1612/68 li jipprovdi l-aqwa kundizzjonijiet possibbli għall-integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem migrant fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (84). Wild ħaddiem migrant għandu jkollu l-possibbiltà li jmur l-iskola u jkompli l-edukazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikun jista’ jikkompleta din l-edukazzjoni b’suċċess (85). Għal din ir-raġuni, id-dritt ta’ aċċess għall-edukazzjoni u d-dritt ta’ residenza assoċjat ikompli sakemm il-wild ikun temm l-edukazzjoni tiegħu (86).

95.      Madankollu, mid-definizzjoni tiegħu, ħaddiem fruntalier ma jirrisjedix u ma jaħdimx fl-Istat Membru ospitanti.

96.      Għaldaqstant, it-test litterali tal-Artikolu 12 jindika li huwa ma japplikax għal ulied ħaddiema fruntalieri. Madankollu, tali interpretazzjoni tidher li diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata mal-prinċipju li ħaddiema migranti u fruntalieri għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, li jirriżulta mir-raba’ premessa tar‑Regolament Nru 1612/68 kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (87).

97.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-ġenitur (ħaddiem fruntalier) ma għandux jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti sabiex jagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 (kwistjoni li nħalli miftuħa espressament), il-wild għandu, jidhirli — ikollu wera xi forma ta’ konnessjoni lejn jew integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti permezz ta’ residenza jew ta’studji hemmhekk. Hawnhekk ma nesprimix fehma konkluża preċiżament dwar kif għandha ssir din id-delimitazzjoni. F’dan il-każ, B. Martens ma rrisjedietx fil-Pajjiżi l-Baxxi meta missierha kien ħaddiem fruntalier hemmhekk u hija applikat għal finanzjament għall-istudji f’istituzzjoni edukattiva barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

98.      Nikkonkludi li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma huwiex rilevanti f’dan il-każ.

D –    It-tieni domanda: drittijiet ta’ libertà ta’ moviment u residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni

99.      Ma naħsibx li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tieni domanda dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. L-Artikoli 20 u 21(1) TFUE jsibu espressjoni speċifika fl-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (88); u s-Sur Martens jista’ jkompli jinvoka l-aħħar dispożizzjoni. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx u tiddeċiedi tagħti risposta għat-tieni domanda, inqis li l-ġurisprudenza eżistenti tipprovdi l-elementi neċessarji ta’ gwida għall-qorti tar-rinviju.

100. Is-sentenza fil-Kawża C‑542/09 ma eżaminatx l-applikazzjoni tar-regola tat-tliet snin minn sitta għal ulied dipendenti ta’ ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi la ma huma la ekonomikament attivi fil-Pajjiżi l-Baxxi u lanqas ma huma residenti hemmhekk. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat miżuri simili f’okkażjonijiet sussegwenti fi ħdan il-kuntest ta’ drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, b’mod partikolari f’rinviji għal deċiżjonijiet preliminari li jinvolvu ċittadini Ġermaniżi li jgħixi barra mill-Ġermanja li applikaw għal finanzjament għall-istudji fil-Ġermanja (89).

101. Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li Stati Membri li joħolqu boroż għal edukazzjoni jew taħriġ għal studji fi Stati Membri oħra għandhom jiżguraw li r-regoli dettaljati għall-għoti ta’ dawn il-boroż ma joħolqux restrizzjoni mhux ġustifikata għad-dritt għal moviment u għal residenza fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE (90). Kundizzjoni li tirrikjedi residenza mingħajr interruzzjoni matul perijodu speċifiku tqieset li kienet restrizzjoni tali: tista’ tiddisswadi lil ċittadini milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor, għaliex jekk jagħmlu hekk jistgħu jitilfu d-dritt tagħhom għall-borża ta’ edukazzjoni jew ta’ taħriġ (91).

102. Meta eżaminat jekk tali restrizzjoni tistax tkun ġustifikata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta’ interess pubbliku (irrispettivament min-nazzjonalità) u l-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni b’rabta mal-għan leġittimu segwit minnha, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li huwa leġittimu li Stat Membru jagħti sostenn finanzjarju għall-kors kollu ta’ studji barra mill-pajjiż suġġett għall-kundizzjoni li l-istudenti juru livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru li jipprovdi l-finanzjament (92). Dan l-għan ġie deskritt mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala mezz għal għan ieħor, b’mod speċifiku li jiġi evitat li jitqiegħed oneru mhux raġonevoli fuq l-Istat Membru li qed jiffinanzja u li jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-livell globali ta’ għajnuna li tista’ tingħata minn dan l-Istat Membru (93). Madankollu, is-sempliċi kundizzjoni ta’ residenza mingħajr interruzzjoni matul perijodu speċifikat tqieset li hija ġenerali u esklużiva wisq u li tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex; għaldaqstant ma tqisitx li kienet proporzjonata (94). Fatturi oħra jistgħu juru wkoll l-eżistenza ta’ livell suffiċjenti ta’ konnessjoni mal-Istat Membru li qed jiffinanzja, bħaċ-ċittadinanza, l-edukazzjoni, il-familja, l-impjieg, għarfien lingwistiku jew l-eżistenza ta’ fatturi oħra soċjali u ekonomiċi (95).

103. B’hekk, anki fejn ċittadin tal-Unjoni ma huwiex (jew ma għadux) ekonomikament attiv, l-impjieg u l-familja jistgħu juru konnessjoni ma’ Stat Membru li minnu qed jintalab finanzjament. Din il-konnessjoni tkopri b’mod partikolari l-impjieg (passat) tal-istudent ikkonċernat iżda potenzjalment ukoll l-impjieg preżenti jew passat tal-membri tal-familja li fuqhom huwa dipendenti l-istudent (tipikament il-ġenituri) (96). Peress li l-livell tal-konnessjoni huwa sempliċement kundizzjoni użata sabiex jiġi limitat il-grupp ta’ benefiċjarji sabiex jiġi evitat ir-riskju li jinħoloq oneru finanzjarju mhux raġonevoli fuq l-Istat Membru li qed jiffinanzja, inqis li l-fatt li l-ġenitur ikkontribwixxa għall-baġit pubbliku fil-passat ma jistax jiġi injorat.

104. F’ċerti ċirkustanzi, huwa possibbli li l-post u t-tip ta’ studji jistgħu wkoll jagħtu ħjiel meta jiġi evalwat jekk ċittadin tal-Unjoni jurix livell ta’ konnessjoni suffiċjenti mal-Istat Membru li qed jiffinanzja; madankollu nqis li dan huwa element addizzjonali, pjuttost milli mandatorju.

105. F’dan il-każ, B. Martens hija, permezz tan-nazzjonalità tagħha, ċittadina tal-Unjoni li eżerċitat il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri meta bħala tifla ċċaqalqet mal-ġenituri tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Belġju. Għaldaqstant hija tista’ tinvoka l-Artikoli 20 u 21 TFUE, anki kontra l-Istat Membru ta’ nazzjonalità tagħha (il-Pajjiżi l-Baxxi).

106. Is-sempliċi fatt li għadda żmien kunsiderevoli minn meta eżerċitat dawn id-drittijiet ta’ moviment liberu ma jistax fih innifsu jaffettwa l-kwistjoni dwar jekk jistgħux jinsiltu drittijiet mill-Artikoli 20 u 21 TFUE f’ċirkustanzi fejn kien hemm eżerċizzju kontinwu tad-dritt għal residenza fi Stat Membru ieħor (97).

107. Filwaqt li jista’ jkun minnu li l-MNSF kien għadu ma jeżistix fiż-żmien meta B. Martens u l-familja tagħha marru joqogħdu l-Belġju (u għal din ir-raġuni ma pprekludiex l-eżerċizzju tal-moviment liberu tagħhom f’dak iż-żmien), l-applikazzjoni tar-regola tat-tliet snin minn sitta xorta waħda tqegħedha fi żvantaġġ minħabba r-residenza kontinwa tagħha barra mill-Pajjiżi l-Baxxi.

108. Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jagħtu l-istess trattament fil-liġi irrispettivament min-nazzjonalità tal-persuni li jitolbu l-finanzjament, meta jiddeċiedu min għandu jikseb il-finanzjament li huma jqiegħdu disponibbli għal studji, sew jekk fi Stati Membri oħra sew jekk barra mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, meta jieħdu din id-deċiżjoni, huma ma għandhomx iqiegħdu fi żvantaġġ lill-persuni li jitolbu l-finanzjament li eżerċitaw id-drittijiet tagħhom biex jiċċaqilqu lejn u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor. Fis-sentenza tagħha D’Hoop, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat b’mod ċar li “ikun inkompatibbli mad-dritt tal-moviment liberu li ċ-ċittadin jista’ jkun is-suġġett, fl-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin, ta’ trattament anqas favorevoli minn dak li kien jibbenefika minnu li kieku ma għamilx użu mill-opportunitajiet mogħtija lilu mit-Trattat f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu” (98). F’ċirkustanzi bħal dawn, l-Istat Membru effettivament jippenalizza liċ-ċittadin tiegħu talli eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu (99).

109. L-applikazzjoni tar-regola tat-tliet snin minn sitta fil-konfront ta’ B. Martens ma tistax tissodisfa din ir-regola peress li, billi marret tgħix il-Belġju mill-Pajjiżi l-Baxxi meta kienet għadha tifla żgħira, hija kompliet tirrisjedi fil-Belġju mill-inqas sa meta iskriviet ruħha mal-Università tal-Antilles Olandiżi.

110. Sabiex jiġġustifikaw ir-regola tat-tliet snin minn sitta, il-Pajjiżi l-Baxxi jinvokaw l-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja li Stati Membri jistgħu jagħtu din l-għajnuna biss lil studenti li wrew ċertu livell ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat (100).

111. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja effettivament irrikonoxxiet dan l-għan, hija għamlitha ċara wkoll li l-użu tar-residenza biss bħala kriterju huwa wisq esklużiv u ġenerali. Fil-fehma tiegħi, ma tagħmel ebda differenza f’dan ir-rigward li, b’mod differenti mill-kundizzjoni ta’ residenza Ġermaniża inkwistjoni f’Kawżi bħal Prinz u Thiele Meneses, il-Wsf 2000 ma jirrikjedix li student ikun irrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu mingħajr interruzzjoni ta’ tliet snin immedjatament qabel ma jkun beda l-edukazzjoni barra mill-pajjiż. Din id-distinzjoni ma tbiddilx in-natura assoluta u esklużiva tal-kundizzjoni ta’ residenza.

112. Għall-kompletezza, ninnota li r-regola tat-tliet snin minn sitta ma hijiex regola assoluta (peress li huwa possibbli li l-Ministru jeskludiha billi japplika l-klawżola ta’ ekwità) (101). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ftit jew ebda informazzjoni dwar il-portata u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-klawżola. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li tista’ tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni ministerjali sabiex ma tiġix applikata restrizzjoni mhux ġustifikata ta’ drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni f’ċerti ċirkustanzi ma jbiddilx l-analiżi. Dak li huwa prekluż bid-dritt tal-Unjoni huwa prekluż. (L-istess japplika fir-rigward tal-eċċezzjoni għat-(tfal ta’) ħaddiema fruntalieri u persuni b’ċittadinanza tal-Pajjiżi l-Baxxi li jgħixu f’reġjun fruntalier u jixtiequ jistudjaw f’istituzzjoni edukattiva hemmhekk.)

 Konklużjoni

113. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mis-Centrale Raad van Beroep kif ġej:

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità jipprekludu lill-Pajjiżi l-Baxxi milli jiċħdu finanzjament għall-istudji għall-wild dipendenti ta’ ħaddiem fruntalier li għandu ċ-ċittadinanza tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi tar-regola tat-tliet snin minn sitta sakemm jibqa’ ħaddiem fruntalier. Fil-każ fejn dan il-ħaddiem fruntalier itemm l-impjieg tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi u jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu tal-ħaddiema sabiex jimpjega ruħu full-time fi Stat Membru ieħor, u irrispettivament mill-post ta’ residenza tiegħu, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi lill-Pajjiżi l-Baxxi milli japplikaw miżuri li, sakemm ma jkunux oġġettivament ġustifikati, ikollhom l-effett li jiskoraġġixxu lil tali ħaddiem milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 45 TFUE u jġiegħluh jitlef, b’konsegwenza tal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu, vantaġġi soċjali ggarantiti lilu mil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħall-finanzjament għall-istudji portabbli għall-wild dipendenti tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – EU:C:2012:346.


3 – Regolament tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti. Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, p. 1) ħassar ir-Regolament Nru 1612/68 b’effett mis‑16 ta’ Ġunju 2011 (u għaldaqstant wara l-fatti rilevanti inkwistjoni f’din il-kawża). Fi kwalunkwe każ, it-testi tal-Artikoli 7(2) u 12 tar-Regolament Nru 1612/68 baqgħu l-istess fir-Regolament Nru 492/2011 u għaldaqstant ser nirreferi għaż-żewġ dispożizzjonijiet fit-temp tal-preżent.


4 – Ara l-Artikolu 1 tas-Statuut voor het Koninkrijk der Nederlanden (punt 14 iktar ’il quddiem).


5 – Anness II, Pajjizi u territorji extra-Ewropej li ghalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Parti Erbgħa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2012 C 326, p. 336).


6 – Il-leġiżlazzjoni adottata taħt l-Artikolu 203 TFUE ma tipprovdix gwida dwar jekk is-Sur Martens jew it-tifla tiegħu jistgħux jinvokaw id-dritt tal-Unjoni f’dan il-każ.


7 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


8 – Il-komponenti l-oħra tal-Antilles Olandiżi elenkati fl-Anness II tat‑TFUE (speċifikatament Il-Bonaire, Sint Eustasius u Is-Saba) jidhru li għandhom status differenti taħt l-Istatut.


9 – Din il-kategorija hija usa’ minn dik ta’ ħaddiema fruntaliera. Dawn tal-aħħar jaħdmu fi Stat Membru wieħed u jirrisjedu f’reġjun konfinali ta’ Stat Membru ġar. Min-naħa l-oħra, tal-ewwel tkopri wkoll lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu fi Stat Membru u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor iżda mhux biss f’reġjun konfinali ta’ Stat Membru ġar. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza S. C‑457/12, EU:C:2014:136, punti 38 u 39.


10 – Dawn ir-reġjuni huma Flanders u r-Région de Bruxelles-Capitale, fil-Belġju, u Nordrhein-Westfalen, Niedersachsen u Bremen fil-Ġermanja.


11 – EU:C:2012:346.


12 – Ara wkoll il-punti 19 u 20 iktar ’il fuq.


13 – Ara l-punti 17 u 24 iktar ’il fuq.


14 – Ara, pereżempju, is-sentenza Prinz (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:524, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Morgan u Bucher (C‑11/06 u C‑12/06, EU:C:2007:626, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata); Prinz (EU:C:2013:524, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Elrick (C‑275/12, EU:C:2013:684, punt 25).


16 – Ara, pereżempju, is-sentenza Förster (C‑158/07, EU:C:2008:630).


17 – Ara wkoll il-punt 90 iktar ’il quddiem.


18 – Sentenza Il‑Kummissjon vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punti 34, 35 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – Dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 21 u 45 TFUE, ara, pereżempju, is-sentenza Caves Krier Frères (C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Ara l-punt 15 iktar ’il fuq. Li kieku l-Ministru kkunsidra li l-kors ta’ studji ta’ B. Martens kien “fil-Pajjiżi l-Baxxi” u mhux xi mkien ieħor (b’tali mod li kienet teħtieġ finanzjament portabbli ta’ studji), hija kienet tkun eliġibbli għal finanzjament b’mod awtomatiku, bħala ċittadina tal-Pajjiżi l-Baxxi.


21 – Ara, pereżempju, is-sentenza X u Thermotraffic Holland BV u TBG (C‑24/12 u C‑27/12, EU:C:2014:1385, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Għalhekk, pereżempju, ma hemmx dispożizzjoni espressa dwar movimenti ta’ kapital bejn Stati Membri u territorji extra‑Ewropej. Madankollu, il-moviment liberu ta’ kapital huwa espress f’dispożizzjoni (Artikolu 63 TFUE) li għandha kamp ta’ applikazzjoni territorjali u għaldaqstant neċessarjament tapplika għal movimenti ta’ kapital lejn u minn territorji extra‑Ewropej fil-kapaċità tagħhom bħala Stati li ma humiex membri. Ara, pereżempju, is-sentenza Prunus (C‑384/09, EU:C:2011:276, punti 20 u 31).


23 – Ara s-sentenza Prunus (EU:C:2011:276, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Ma huwiex ċar mid-digriet tar-rinviju jekk hija saritx residenti fil-Curaçao meta hija bdiet l-istudji tagħha hemmhekk, jew jekk baqgħetx legalment residenti fil-Belġju.


25 – Ara wkoll il-punt 106 iktar ’il quddiem.


26 – Ara d-deċiżjoni Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, (EU:C:2012:346, punt 64).


27 – Ara, pereżempju, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C-212/06, EU:C:2008:178, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – Ara, pereżempju, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Ara, pereżempju, is-sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (EU:C:2008:178, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Ara, pereżempju, is-sentenza Terhoeve (C‑18/95, EU:C:1999:22, punti 38 u 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom ċittadin tal-Unjoni jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha għall-iskopijiet tal-Artikolu 7(1), b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom li jitolbu dritt għal residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal perijodu itwal minn tliet xhur.


32 – Għaldaqstant is-Sur Martens ma jinsabx fl-istess pożizzjoni bħas-Sinjura Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado. Fis-sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado (C‑33/99, EU:C:2001:176), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li dik il-mara ma setgħetx tinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 sabiex titlob iż-żamma ta’ vantaġġ soċjali bħall-finanzjament għall-istudji minħabba l-fatt li hija waqfet milli teżerċita attività fl-Istat Membru ospitanti u marret lura lejn l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha (punti 46 u 47). Madankollu, b’mod differenti mis-Sur Martens, is-Sinjura Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado ma eżerċitatx il-moviment liberu tal-ħaddiema billi ċċaqilqet (lura) lejn l-Istat Membru ta’ oriġini tagħha.


33 – Ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema jista’ jiġi aċċettat jekk ikollu għan leġittimu kompatibbli mat-Trattati u huwa ġġustifikat permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Il-miżura għandha tkun approprjata sabiex jinkiseb l-għan inkwistjoni u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan l-għan. Ara, pereżempju, is-sentenza Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu f’dan il-każ għadu ma ġie prodott ebda element quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja insostenn ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva taħt l-Artikolu 45 TFUE.


34 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punti32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:3462, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata (enfasi miżjuda minni)). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 44).


36 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Giersh et (EU:C:2013:411, punt 45).


37 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punt 44).


38 – Ara, pereżempju, l-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament Nru 1612/68. Fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, ara, pereżempju, is-sentenza Hendrix (C‑287/05, EU:C:2007:494, punt 53).


39 – Ara, pereżempju, is-sentenza Giersch et (EU:C:2013:411, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41 – Ara, pereżempju, is-sentenza Meeusen (C‑337/97, EU:C:1999:284, punt 25).


42 – L-Avukat Ġenerali Kokott qalet li, minkejja l-fatt li (it-test tal‑)Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jidher li jonqos milli jipprovdi l-garanzija prevista mill-Artikolu 45 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 45 b’mod parallel u tinterpreta l-Artikolu 7 bl-istess mod bħall-Artikolu 45: ara l-Konklużjonijiet Hendrix (C‑287/05, EU:C:2007:196, punt 31).


43 – Ara s-sentenza Hartmann [C‑212/05, EU:C:2007:437, punt 17 (enfasi miżjuda minni)] fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet sunt tal-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Ritter‑Coulais (C‑152/03, EU:C:2006:123, punti 31 u 32). Fiha, G. Hartmann kien sempliċement ittrasferixxa r-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor. F’din il-kawża, is-Sur Martens l-ewwel ittrasferixxa kemm ir-residenza u l-impjieg tiegħu lejn Stat Membru ieħor biex imbagħad reġa’ ttrasferixxa ruħu billi mar il-Pajjiżi l-Baxxi biex jeżerċita impjieg part‑time hemmhekk filwaqt li baqa’ residenti fil-Belġju. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Hendrix (EU:C:2007:494, punt 46): D. P. W. Hendrix, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, ħadem u rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi; sussegwentement biddel ir-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor biex imbagħad biddel l-impjieg tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (EU:C:2008:178, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata); Caves Krier Frères (EU:C:2012:798, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); u Saint Prix (C‑507/12, EU:C:2014:2007, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44 – Sentenza Hartmann (EU:C:2007:437, punt 19).


45 – Sentenza Hartmann (EU:C:2007:437, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46 – Sentenza Hartmann (EU:C:2007:437, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47 – Sentenza Hartmann (EU:C:2007:437, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Hendrix (EU:C:2007:494, punt 47).


48 – Ara, pereżempju, is-sentenza Terhoeve (EU:C:1999:22, punti 28 u 29). F’din il-kawża, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema taħt (dak li attwalment huwa) l-Artikolu 45 TFUE, u għalhekk ma kienx neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk kienx hemm ukoll diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tan-nazzjonalità taħt (dawk li attwalment huma) l-Artikoli 18 u 45 TFUE u taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara l-punt 41).


49 – Ara r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 1612/68.


50 – Ara l-punti 52 sa 57, iktar ’il fuq.


51 – Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ripetutament li persuna li ġenwinement qed tfittex xogħol hija ħaddiema: ara, pereżempju, is-sentenza Martínez Sala (C‑85/96, EU:C:1998:217, punt 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, is-sitwazzjoni ta’ tali persuna hija differenti minn dik ta’ ħaddiem fruntalier jew migrant li tilef dak l-istatus u li ma huwiex qed ifittex xogħol.


52 – Ara, pereżempju, is-sentenza Saint Prix (EU:C:2014:2007, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


53 – B’hekk (pereżempju), ħaddiem li jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ nazzjonalità tiegħu li, wara jirtira, ibiddel ir-residenza lejn Stat Membru ieħor mingħajr ebda intenzjoni li jaħdem f’dak l-Istat Membru l-ieħor ma jistax jinvoka d-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema: ara s-sentenza van Delft et (C‑345/09, EU:C:2010:610, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54 – Għal illustrazzjoni, ara l-punti 53 sa 58 iktar ’il fuq.


55 – Ara l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38.


56 – Ara, pereżempju, l-Artikoli 7(3), 17 u 24(2) tad-Direttiva 2004/38.


57 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.


58 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Saint Prix (EU:C:2014:2007, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Caves Krier Frères (EU:C:2012:798, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:3462, punt 69).


60 – Ara wkoll il-punt 102 iktar ’il quddiem.


61 – Ara, pereżempju, is-sentenza Leclere u Deaconescu (C‑43/99, EU:C:2001:303, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1612/68 li jipprovdi għal standard ta’ trattament ugwali fir-rigward ta’ “[...] kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk [il-ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru] jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid”.


63 – Ara, pereżempju, is-sentenza Leclere u Deaconescu (EU:C:2001:303, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


64 – Ara, pereżempju, is-sentenza Lair (39/86, EU:C:1988:322, punt 39).


65 – Ara, pereżempju, is-sentenza Brown (197/86, EU:C:1988:323, punti 27 u 28).


66 – Ara, pereżempju, is-sentenza Raulin (C‑357/89, EU:C:1992:87, punt 21). Dan il-prinċipju huwa rifless ukoll fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38.


67 – Sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado (EU:C:2001:176, punt 51).


68 – L-MNSF kienet ukoll inkwistjoni f’din il-kawża, anki jekk dan kien fi stadju bikri tal-iżvilupp tagħha.


69 – Sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado (EU:C:2001:176, punt 43).


70 – Sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro‑Pinedo Amado (EU:C:2001:176, punti 46 u 47).


71 – Sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro Pinedo Amado (EU:C:2001:176, punt 47). Ara wkoll il-punt 81 iktar ’il fuq.


72 – Sentenza Fahmi u Esmoris Cerdeiro Pinedo Amado (EU:C:2001:176, punt 49).


73 – Ara s-sentenza Leclere u Deaconescu (EU:C:2001:303, punt 58 (enfasi miżjuda minni)). Madankollu, ma nqisx li s-sempliċi fatt li persuna tkompli tirċievi l-benefiċċju neċessarjament ifisser li huwa għandu jitqies li għad għandu l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68 (f’dan ir-rigward, ara l-punt 59 tas-sentenza).


74 – Konklużjonijiet Leclere u Deaconescu (C‑43/99, EU:C:2001:97, punt 98).


75 – Ara, pereżempju, is-sentenza Even u ONPTS (207/78, EU:C:1979:144, punt 22).


76 – Konklużjonijiet Leclere u Deaconescu (EU:C:2001:97, punt 98).


77 – Ara l-punt 36 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑542/09, EU:C:2012:79); ara wkoll is-sentenza mogħtija f’din il-kawża (EU:C:2012:346, punt 49).


78 – Ara, pereżempju, is-sentenza Teixeira (C‑480/08, EU:C:2010:83, punt 44 u 45).


79 – Ara, pereżempju, is-sentenza Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 69).


80 – Ara, pereżempju, is-sentenza di Leo (C‑308/89, EU:C:1990:400, punti 12 u 15).


81 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


82 – Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Ibrahim (C‑310/08, EU:C:2010:80, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


83 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (EU:C:2012:346, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi Ibrahim (EU:C:2010:80, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Czop u Punakova (C‑147/11 u C‑148/11, EU:C:2012:538, punt 26).


84 – Ara, pereżempju, is-sentenza Hadj Ahmed (C‑45/12, EU:C:2013:390, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


85 – Ara, pereżempju, is-sentenza Hadj Ahmed (EU:C:2013:390, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


86 – Ara, pereżempju, is-sentenza Alarape u Tijani (C‑529/11, EU:C:2013:290, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


87 – Ara, pereżempju, is-sentenza Giersch et (EU:C:2013:411, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hawnhekk ma nesplorax ulterjorment jekk l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġustifikazzjoni possibbli ta’ trattament diskriminatorju f’din il-kawża jipprekludix jew le l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema migranti u ħaddiema fruntaliera.


88 – Ara, pereżempju, is-sentenza S (EU:C:2014:136, punt 45 u l-ġurispridenza ċċitata).


89 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (C‑220/12, EU:C:2013:683); Elrick (EU:C:2013:684), u Prinz (EU:C:2013:524).


90 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (EU:C:2013:683, punt 25); Elrick (EU:C:2013:684, punt 25), u Prinz (EU:C:2013:524, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


91 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (EU:C:2013:683, punti 27 u 28), u Prinz (EU:C:2013:524, punti 31 u 32).


92 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (EU:C:2013:683, punt 35), u Prinz (EU:C:2013:524, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġustifikazzjoni ma hijiex disponibbli meta ssir talba għal finanzjament permezz tal-Artikolu 45 TFUE u/jew l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68: ara l-punt 79 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


93 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (EU:C:2013:683, punt 35), u Prinz (EU:C:2013:524, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, dwar id-deskrizzjoni ta’ dan l-għan, il-punti 65 sa 72 tal-Konklużjonijiet tiegħi Prinz u Seeberger (C‑523/11 u C‑585/11, EU:C:2013:90).


94 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (EU:C:2013:683, punt 38), u Prinz (EU:C:2013:524, punt 40).


95 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Thiele Meneses (EU:C:2013:683, punt 38), u Prinz (EU:C:2013:524, punt 38).


96 – Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi Giersch et (EU:C:2013:41, punt 78), u Stewart, (C‑503/09, EU:C:2011:500, punt 100). Hekk kif osservajt diġà fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Prinz (EU:C:2013:90, nota ta’ qiegħ il-paġna 30), il-Kawża Stewart kienet tinvolvi tip differenti ta’ vantaġġ soċjali. Madankollu, fir-rigward tal-għan leġittimu li jiġi żgurat li jkun hemm konnessjoni ġenwina bejn persuna li titlob benefiċċju u l-Istat Membru kompetenti, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-fatt li ċirkustanzi familjari (inkluż fejn il-ġenituri tal-persuna li titlob il-benefiċċju kienu ħadmu u rċevew benefiċċji ta’ invalidità u pensjonijiet ta’ rtirar) jistgħu juru elementi li jistgħu jipprovaw l-eżistenza ta’ tali konnessjoni ġenwina.


97 – Għalhekk, pereżempju, H. Nerkowska, ċittadina Pollakka, ħalliet il-Polonja fl‑1985 (wara li studjat u ħadmet hemm għal iktar minn 20 sena) sabiex tmur tgħix b’mod permanenti fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat fil-Kawża C‑499/06 li tista’ tislet drittijiet miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħha fir-rigward ta’ benefiċċju li talbet mill-awtoritajiet Pollakki fl‑2000: ara s-sentenza Nerkowska (C‑499/06, EU:C:2008:300, punti 11 u 12 (dwar il-fatt) u l-punt 47).


98 – Sentenza D’Hoop (C‑224/98, EU:C:2002:432, punt 30).


99 – Sentenza D’Hoop (EU:C:2002:432, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenzi Morgan u Bucher (EU:C:2007:626, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Prinz (EU:C:2013:524, punt 28).


100 – Ara l-punt 102 iktar ’il fuq.


101 – Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.