Language of document : ECLI:EU:C:2012:621

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-4 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawżi magħquda C‑197/11 u C‑203/11

Eric Libert

Christian Van Eycken

Max Bleeckx

Syndicat national des propriétaires et copropriétaires (ASBL)

Olivier de Clippele (C-197/11)

vs

Gvern Fjamming

u

All Projects & Developments NV

Bouw- en Coördinatiekantoor Andries NV

Belgische Gronden Reserve NV

Bouwonderneming Ooms NV

Bouwwerken Taelman NV

Brummo NV

Cordeel Zetel Temse NV

DMI Vastgoed NV

Dumobil NV

Durabrik Bouwbedrijven NV

Eijssen NV

Elbeko NV

Entro NV

Extensa NV

Flanders Immo JB NV

Green Corner NV

Huysman Bouw NV

Imano BVBA

Immpact Ontwikkeling NV

Invest Group Dewaele NV

Invimmo NV

Kwadraat NV

Liburni NV

Lotinvest NV

Matexi NV

Novus NV

Plan & Bouw NV

7Senses Real Estate NV

Sibomat NV

Tradiplan NV

Uma Invest NV

Versluys Bouwgroep BVBA

Villabouw Francis Bostoen NV

Willemen General Contractor NV

Wilma Project Development NV

Woningbureau Paul Huyzentruyt NV (C-203/11)

vs

Vlaamse Regering

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju)]

“Leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta t-trasferiment ta’ artijiet u ta’ bini għall-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti tal-akkwirent jew kerrej potenzjali mal-muniċipalità destinatarja — Obbligu soċjali impost fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi — Inċentivi fiskali u skemi ta’ sussidju — Restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali — Ġustifikazzjoni — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Għajnuna mill-Istat — Kunċett ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet”





I –    Introduzzjoni

1.        F’dawn il-kawżi magħquda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ diversi artikoli ta’ dritt primarju kif ukoll fuq diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni. Fir-rigward tad-dritt primarju, dawn huma l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE, 63 TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE. Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni sekondarja, id-domandi li saru jirrigwardaw id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (2), id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (3), id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (4), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (5).

2.        Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tgħin lill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), li ressqet id-domandi preliminari, sabiex tiddeċiedi fuq il-kawżi għal annullament ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-digriet tar-Reġjun Fjamming, tas-27 ta’ Marzu 2009, dwar il-politika dwar l-artijiet u l-immobbli (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli”).

3.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑197/11 jiġbdu l-attenzjoni fuq id-dispożizzjonijiet tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli li jorbtu t-trasferiment ta’ artijiet u ta’ bini mibni fuqhom f’ċerti muniċipalitajiet Fjammingi bil-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti tal-akkwirent jew kerrej propost mal-muniċipalità kkonċernata, li sejjer jillimita l-possibiltà li l-proprjetà immobiljari tkun tista’ tiġi ttrasferita liberament.

4.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑203/11 jaraw r-raġuni tal-annullament tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli mhux biss fil-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti tal-akkwirent jew kerrej mal-muniċipalità kkonċernata, iżda wkoll fl-obbligu soċjali li għalih huma ssuġġettati l-iżviluppaturi u l-kuntratturi kif ukoll fl-inċentivi fiskali u l-iskemi ta’ sussidju li parzjalment jikkumpensaw dan l-obbligu soċjali.

II – Il-Kuntest ġuridiku

A –    Id-Dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2004/18

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.      Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.

2.      a)      ‘Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.

b)      Kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] huma kuntratti pubbliċi li għandhom bħala l-objettiv tagħhom jew l-wieħed l-esekuzzjoni, jew l-ieħor id-disinn u l-esekuzzjoni, ta’ xogħlijiet relatati ma’ waħda mill-attivitajiet fi ħdan it-tifsira ta’ l-Anness jew xi xogħol, jew xi realizzazzjoni bi kull mezz, ta’ xi xogħol li jikkorrispondi mal-kondizzjonijiet meħtieġa li huma speċifikati mill-awtorità kuntrattwali [awtorità kontraenti].

[…]”

2.      Id-Direttiva 2004/38

6.        L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Firxa territorjali” jipprovdi:

“Id-dritt ta’ residenza u d-dritt ta’ residenza permanenti għandhom ikopru t-territorju kollu ta’ l-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta’ residenza u fuq id-dritt ta’ residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom.”

7.        L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Trattament ugwali”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.”

3.      Id-Deċiżjoni 2005/842

8.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2005/842, intitolat “L-Iskop” jipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom għandha titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni u eżenti mill-obbligu ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.”

9.        L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2005/842, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni tapplika għall-għajnuna mill-Istati li ġejja, fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku mogħti lil intrapriżi f’rabta ma’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 86(2) tat-Trattat:

[…]

b)      kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil sptarijiet u intrapriżi ta’ akkomodazzjoni soċjali li jkunu qed jagħmlu attivitajiet meqjusa bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-Istat Membru kkonċernat;

[…]”

10.      Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2005/842, intitolat “Kompatibbiltà u eżenzjoni min-notifika”:

“L-għajnujna mill-istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dn id-Deċiżjoni għandha tkun kumpatibbli mas-suq komuni u għandha tkun eżenti mill-obbligu ta’ notifika minn qabel kif stipulat fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar stretti dwar obbligi ta’ servizz pubbliku li hemm fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Komunità.”

B –    Id-Dritt Belġjan

11.      Il-Ktieb 4 tad-Digriet dwar il-politika tal-art u tal-immobbli, dwar il-“Miżuri għal Akkomodazzjoni Affordabbli”, jinkludi, fil-Kapitolu 3 tiegħu, intitolat “Obbligi soċjali”, l-Artikolu 4.1.16 li jipprovdi:

“§ 1. Meta proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew proġett ta’ kostruzzjoni huwa suġġett għal standard kif iddefinit bit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2, obbligu soċjali huwa marbut ipso jure mal-permess ta’ qsim ta’ artijiet, jew il-permess għal kostruzzjoni rispettivament.

Obbligu soċjali […] jobbliga lill-iżviluppatur jew lill-kuntrattur sabiex iwettaq l-atti sabiex tiġi offruta akkomadazzjoni soċjali li tkun fil-livell perċentwali applikabbli għall-proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew għall-proġett ta’ kostruzzjoni.”

12.      L-Artikolu 4.1.17 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli jipprovdi:

“L-iżviluppatur jew il-kuntrattur jista’ jeżegwixxi obbligu soċjali skont il-modalitajiet li ġejjin, fid-diskrezzjoni tiegħu:

1°      in specie, skont ir-regoli tal-Artikoli 4.1.20. sa 4.1.24.;

2°      bil-bejgħ tal-artijiet meħtieġa għall-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali ffissata minn organizzazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, skont ir-regoli tal-Artikolu 4.1.25.;

3°      bil-kiri ta’ djar ta’ abitazzjoni mibnija fil-kuntest ta’ qsim ta’ artijiet jew proġett ta’ kostruzzjoni, lil aġenzija ta’ kiri soċjali, skont ir-regoli tal-Artikolu 4.1.26.;

4°      permezz ta’ taħlita ta’ 1°, 2° u/jew 3°.”

13.      Skont l-Artikolu 4.1.19 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli:

“L-iżviluppatur jew il-kuntrattur jista’ jeżegwixxi obbligu soċjali in toto jew in parti permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni soċjali lill-muniċipalità li fiha l-proġett ta’ qsim ta’ artijiet jew il-proġett ta’ kostruzzjoni jitwettaq. Il-kontribuzzjoni soċjali għandha tiġi kkalkolata billi jiġi mmultiplikat in-numru ta’ abitazzjonijiet soċjali jew ta’ artijiet soċjali li għandhom jitwettqu fil-prinċipju b’EUR 50,000, u billi dan l-ammont jiġi indiċjat abbażi tal-indiċi ABEX, bl-indiċi bażi jkun dak ta’ Diċembru 2008.

[…]”

14.      Id-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli jipprovdi, favur l-impriżi privati li jwettqu l-“obbligu soċjali” in specie, l-inċentivi fiskali u l-iskemi ta’ sussidju li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ rata ridotta tat-taxxa fuq il-valur miżjud u ta’ rata ridotta ta’ drittijiet ta’ reġistrazzjoni (subparagrafu 2 tal-Artikolu 4.1.20, § 3); sussidji tal-infrastruttura (Artikolu 4.1.23), u garanzija ta’ rkupru għall-abitazzjonijiet mibnija (Artikolu 4.1.21).

15.      Barra minn hekk, il-Ktieb 3 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, intitolat “Attivazzjoni ta’ Artijiet u ta’ Bini”, jipprovdi sussidji mogħtija irrispettivament mill-eżekuzzjoni ta’ kull “obbligu soċjali”. B’mod partikolari, jingħataw sussidji għal “proġetti ta’ attivazzjoni” (Artikolu 3.1.2 tad-digriet imsemmi), tnaqqis tat-taxxa tad-dħul tal-persuni fiżiċi miksub fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ rinnovazzjoni (Artikoli 3.1.3 et seq tad-digriet imsemmi) u tnaqqis għal darba waħda tal-bażi suġġetta għal drittijiet ta’ reġistrazzjoni (Artikolu 3.1.10 tad-digriet imsemmi).

16.      L-Artikolu 5.1.1 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, li jifforma parti mill-Ktieb 5 tiegħu, intitolat “Abitazzjoni fiż-żona stess”, jipprovdi:

“Il-Gvern Fjamming għandu jistabbilixxi darba kull tliet snin u għall-ewwel darba matul ix-xahar kalendarju li fih dan id-digriet jidħol fis-seħħ lista tal-muniċipalitajiet li jissodisfaw iż-żewġ kriterji hawn taħt imsemmija fuq il-bażi tal-istatistiċi l-iktar riċenti:

1°      il-muniċipalità li tappartjeni sa 40 % lill-muniċipalitajiet Fjammingi li fihom il-prezz medju tal-artijiet għal kull metru kwadru huwa l-iktar għoli;

2°      il-muniċipalità li tappartjeni:

a)      jew sa 25 % lil muniċipalitajiet Fjammingi bl-ogħla rata ta’ migrazzjoni interna;

b)      jew sa 10 % lil muniċipalitajiet Fjammingi bl-ogħla rata ta’ migrazzjoni esterna.

Il-lista, imsemmija fl-ewwel paragrafu, għandha tiġi ppubblikata fil-Moniteur belge.

[…]”

17.      L-Artikolu 5.2.1 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, li wkoll jifforma parti mill-Ktieb 5, jipprovdi:

“§ 1. Hemm kundizzjoni speċjali għat-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom fir-reġjuni li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn taħt:

1°      huma jirriżultaw mid-destinazzjoni ta’ “żona ta’ estensjoni ta’ ħabitat” imsemmija fid-Digriet Irjali tat-28 ta’ Diċembru 1972 dwar il-preżentazzjoni u l-implementazzjoni tal-abbozzi ta’ pjanijiet u tal-pjanijiet ta’ settur, u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet;

2°      fil-mument tal-firma tal-att ta’ trasferiment taħt firma privata, huma jkunu jinsabu fil-muniċipalitjiet milquta li jkunu ppreżentati fuq il-lista l-iktar riċenti ppubblikata fil-Moniteur belge, imsemmija fl-Artikolu 5.1.1, filwaqt li huwa mifhum li l-att ta’ trasferiment taħt firma privata għandu jkun ikkunsidrat li ġie ffirmat sitt xhur qabel ma tinkiseb data fissa għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ikunu għaddew iktar minn sitt xhur bejn id-data tal-firma u d-data li fiha tinkiseb data fissa.

Il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment timplika li l-artijiet u l-kostruzzjonijiet mibnija fuqhom jistgħu jiġu ttrasferiti biss lil persuni li għandhom, skont il-parir ta’ kummissjoni ta’ evalwazzjoni prinċipali, rabta suffiċjenti mal-muniċipalità. Fi ‘trasferimenti’, jidħlu: il-bejgħ, il-kiri għal iktar minn disa’ snin jew l-kostituzzjoni ta’ dritt ta’ emfitewsi jew ta’ superfiċje.

[…]

Il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment tiskadi, b’mod definittiv u mingħajr ma tkun tista’ tiġġedded, wara għoxrin sena li jibdew mill-mument li fih it-trasferiment oriġinali suġġett għall-kundizzjoni ngħata data fissa.

[…]

§ 2.      Għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-§ 1, persuna għandha rabta suffiċjenti mal-muniċipalità jekk hija tissodisfa waħda jew iktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

1°      tkun ilha residenti fil-muniċipalità jew f’muniċipalità viċina għal mhux inqas minn sitt snin b’mod kontinwu, bil-kundizzjoni li din il-muniċipalità tkun ukoll inkluża fil-lista li tissemma fl-Artikolu 5.1.1;

2°      fid-data tat-trasferiment, tkun teżerċita attivitajiet fil-muniċipalità, sakemm dawn l-attivitajiet jokkupaw medja ta’ mhux inqas minn nofs ġimgħa tax-xogħol;

3°      tkun bniet mal-muniċipalità rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika minħabba ċirkustanza importanti u żmien twil.”

[…]”

18.      B’applikazzjoni tal-Artikolu 5.1.1 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, ordni tal-Gvern Fjamming tad-19 ta’ Ġunju 2009 jistabbilixxi l-lista ta’ 69 muniċipalitajiet li għalihom il-kundizzjoni speċjali ta’ trasferiment ta’ proprjetà fis-sens tal-Artikolu 5.2.1 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli għandha tapplika (iktar ’il quddiem il-“muniċipalitajiet destinatarji”).

III – Id-Domandi preliminari

19.      L-unika domanda fil-Kawża C-197/11 hija fformulata kif ġej:

“L-Artikoli 21 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE], 56 [TFUE] u 63 [TFUE] u l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva [2004/38] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-iskema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-[Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli], intitolat ‘Għajxien fir-reġjun tiegħek stess’, li jissuġġetta, f’ċerti komuni [muniċipalitajiet] msejħa komuni mmirati, it-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom għall-prova, mix-xerrej jew mill-kerrej, ta’ rabta suffiċjenti mal-komuni skont l-Artikolu 5.2.1(2) tad-Digriet?”

20.      Id-domandi fil-kawża C‑203/11 jaqraw kif ġej:

“1)      L-Artikoli 107 [TFUE] u 108 [TFUE], moqrija flimkien mad-Deċiżjoni [2005/842] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikjedu li l-miżuri inklużi fl-Artikoli 3.1.3, 3.1.10, 4.1.20(3)(2), 4.1.21 u 4.1.23 tad-[Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli] jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea qabel l-adozzjoni jew id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

2)      Leġiżlazzjoni li timponi ipso iure fuq individwi privati, li l-qsim tal-art jew il-proġett ta’ kostruzzjoni tagħhom huwa ta’ daqs minimu partikolari, “obbligu soċjali” li jammonta għal minimu ta’ 10 % u għal massimu ta’ 20 % ta’ dan il-qsim tal-art jew ta’ dan il-proġett ta’ kostruzzjoni, li jista’ jitwettaq in specie jew permezz tal-ħlas ta’ somma ta’ EUR 50,000 għal kull plott jew akkomodazzjoni soċjali li ma jiġix kostruwit, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi jew tal-moviment liberu tal-kapital, jew inkella għandha tiġi kklassifikata bħala skema kumplessa li għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kull waħda minn dawn il-libertajiet?

3)      Fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(a) u (j) tagħha, id-Direttiva [2006/123/KE], dwar is-servizzi fis-suq intern hija applikabbli għall-kostruzzjoni obbligatorja ta’ djar u appartamenti soċjali, imposta ipso iure fuq persuni privati bħala “obbligu soċjali” marbut ma’ kull permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art fir-rigward ta’ proġett ta’ daqs minimu legali, fejn tali akkomodazzjoni tkun inxtrat bi prezzijiet massimi predeterminati minn kumpanniji tal-akkomodazzjoni soċjali sabiex jinkrew lil kategorija kbira ta’ individwi, jew inkella jinbiegħu, permezz ta’ sostituzzjoni tal-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali, lil persuni li jifformaw parti mill-istess kategorija?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ “rekwiżit li għandu jiġi evalwat” li jinsab fl-Artikolu 15 tad-Direttiva [2006/123/KE], dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt dan il-kunċett jaqa’ l-obbligu għall-persuni privati li jikkontribwixxu, minbarra l-attività abitwali tagħhom jew bħala parti minnha, għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali u għat-trasferiment, bi prezzijiet massimi, tal-akkomodazzjoni hekk kostruwita lil korpi pubbliċi jew permezz tas-sostituzzjoni tagħhom, minkejja li dawn il-persuni privati ma jkollhom ebda dritt ta’ inizjattiva ieħor fis-suq tal-akkomodazzjoni soċjali?

5)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-qorti nazzjonali għandha tapplika sanzjoni, u jekk fl-affermattiv, liema sanzjoni għal

a)      konstatazzjoni li rekwiżit ġdid suġġett għall-evalwazzjoni skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva [2006/123/KE], ma kienx speċifikament evalwat skont l-Artikolu 15(6) ta’ dik id-direttiva;

b)      konstatazzjoni li dan ir-rekwiżit il-ġdid ma ġiex innotifikat skont l-Artikolu 15(7) ta’ din id-direttiva?

6)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ “rekwiżit ipprojbit” imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva [2006/123/KE], dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, fis-sitwazzjonijiet deskritti f’dan l-artikolu, leġiżlazzjoni nazzjonali mhux biss jekk din tissuġġetta għal rekwiżit l-aċċess għall-attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha, iżda anki jekk tali leġiżlazzjoni sempliċement tipprovdi li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-rekwiżit ikollu l-konsegwenza li l-kumpens finanzjarju previst għall-provvista ta’ servizz impost mil-liġi ma jingħatax u li l-garanzija finanzjarja mogħtija fir-rigward tat-twettiq ta’ dan is-servizz ma tkunx irrimborsata?

7)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ “operatur li jikkompeti” imsemmi fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva [2006/123/KE], dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa wkoll applikabbli fir-rigward ta’ korp pubbliku li l-kompiti tiegħu jistgħu parzjalment jinterferixxu ma’ dawk tal-fornituri ta’ servizzi, jekk dan l-istess korp huwa dak li jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva u huwa wkoll marbut, fl-aħħar fażi tas-sistema ta’ kaskata, jixtri l-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali mibni minn fornitur ta’ servizz b’eżekuzzjoni tal-“obbligu soċjali” li kien impost fuqu?

8)      a)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva [2006/123/KE], dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika fir-rigward ta’ ċertifikati maħruġa minn korp pubbliku wara l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art, li huma meħtieġa sabiex jingħata dritt għal ċertu kumpens mogħti għall-eżekuzzjoni tal-“obbligu soċjali” li kien legalment marbut ma’ dan il-permess oriġinali u li huma wkoll neċessarji sabiex jinkiseb rimbors tal-garanzija finanzjarja imposta fuq il-fornitur ta’ servizz favur dan il-korp pubbliku?

b)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda preliminari, il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva [2006/123/KE], dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli għal ftehim li persuna privata tikkonkludi mal-korp pubbliku skont regola legali fil-kuntest tas-sostituzzjoni ta’ dan il-korp fir-rigward tal-bejgħ ta’ bini ta’ akkomodazzjoni soċjali li tali persuna bniet bħala eżekuzzjoni, in specie, tal-“obbligu soċjali” li huwa legalment marbut ma’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tikkundizzjona l-implementazzjoni ta’ dan il-permess?

9)      L-Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ “obbligu soċjali” li jikkonsisti fil-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandu jinbiegħ, bi prezz massimu, lil, jew bis-sostituzzjoni ta’, korp pubbliku?

10)      L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ “obbligu soċjali” li jikkonsisti fil-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandu jinbiegħ, bi prezz massimu, lil, jew bis-sostituzzjoni ta’, korp pubbliku?

11)      Il-kunċett ta’ “kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi” li jinsab fl- Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva [2004/18/KE], fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni li għandha bħala effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ “obbligu soċjali” li jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jammonta għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandu jinbiegħ lil, jew bis-sostituzzjoni ta’, korp pubbliku?

12)      L-Artikoli 21 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE], 56 [TFUE] u 63 TFUE u l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva [2004/38/KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema stabbilita mill-Ktieb 5 tad-Digriet tar-Région flamande tas-27 ta’ Marzu 2009 dwar il-politika tal-art u tal-bini, intitolat “Abitazzjoni fiż-żona stess” (Wonen in eigen streek) li, f’ċerti komuni msejħa komuni mmirati, it-trasferiment tal-artijiet u tal-kostruzzjonijiet mibnija fuqhom huwa suġġett għall-prova li x-xerrej jew il-kerrej ikollu rabta suffiċjenti mal-komun fis-sens tal-Artikolu 5.2.1(2) tad-digriet?”

IV – Evalwazzjoni

A –    Fuq l-unika domanda fil-Kawża C‑197/11 u t-tnax-il domanda fil-Kawża C‑203/11

21.      L-unika domanda fil-Kawża C‑197/11 hija identika għat-tnax-il domanda fil-Kawża C‑203/11 u tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li minnhom titnissel projbizzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali kif ukoll dwar jekk l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38 jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta t-trasferiment ta’ proprjetà immobiljari, fil-muniċipalitajiet destinatarji, jiġifieri fil-muniċipalitajiet fejn il-prezz medju għal kull metru kwadru tal-artijiet huwa l-ogħla u fejn hemm l-iktar migrazzjoni interna jew esterna, għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti tal-akkwirent jew kerrej propost mal-muniċipalità kkonċernata.

22.      Rigward din il-kwistjoni, il-Gvern Fjamming jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw sitwazzjoni purament interna, billi r-rikorrenti kollha fil-kawżi prinċipali huma jew stabbiliti, jew domiċiljati fil-Belġju.

23.      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut li l-kawżi prinċipali ma fihom l-ebda element transkonfinali. Madankollu, dan ma jeliminax il-fatt li d-domandi preliminari saru fil-kuntest tal-proċedura partikolari quddiem il-qorti tar-rinviju. Din hija proċedura għal annullament ta’ att leġiżlattiv tad-dritt nazzjonali li japplika kemm għaċ-ċittadini tal-Belġju kif ukoll għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra. Huwa manifest li d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ tali proċedura ser ikollha effetti erga omnes, inkluż ukoll fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

24.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jipprevalixxu ruħhom mid-dritt tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament, tistax tistħarreġ l-att leġiżlattiv tad-dritt nazzjonali inkwistjoni mhux biss fid-dawl tad-dritt nazzjonali imma wkoll fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tafda lill-qorti tar-rinviju fis-sens li d-deċiżjoni preliminari hija neċessarja sabiex din tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha (6) u, għaldaqstant, tagħti l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali tas-suq intern (7).

25.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja bħala restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali.

26.      Jiena naqbel ma’ din il-fehma. Skont il-ġurisprudenza, l-aċċess għall-abitazzjonijiet u immobbli oħra hija kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati l-libertajiet fundamentali (8). Il-kundizzjoni ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja tfisser, fil-verità, il-projbizzjoni li ssir lil ċerti persuni, jiġifieri dawk li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni, li jixtru jew jikru għal iktar minn disa’ snin artijiet u kostruzzjonijiet mibnija fuqhom. Ma hemm ebda dubju dwar il-fatt li dik il-kundizzjoni hija ta’ natura li tiskoraġġixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom stipulati fit-Trattat.

27.      Jiena tal-fehma li l-fatt li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja tapplika biss għal xi muniċipalitajiet, li attwalment huma 69, kif ukoll il-fatt li l-applikazzjoni tagħha hija limitata għal ċerti partijiet minn dawn il-muniċipalitajiet, ma għandhom l-ebda rilevanza fuq il-kwistjoni dwar jekk dik il-kundizzjoni tirrappreżentax jew le restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali. Il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ dik ir-restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali.

28.      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, il-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tagħhom, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (9).

29.      Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk id-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli li jintroduċi l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja għandux għan ta’ interess pubbliku u, min-naħa l-oħra, jekk il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja hijiex adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan stabbilit u jekk din il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

30.      Rigward l-għan imfittex mid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li bbażat ruħha fuq ix-xogħlijiet preparatorji fir-rigward tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, issemmi l-għan li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ proprjetà immobbli tal-popolazzjoni indiġena. Hija stess tistaqsi dwar jekk dan l-għan jistax jiġi kklassifikat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali.

31.      Sabiex tifhem aħjar l-għan tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, il-qorti tar-rinviju tiċċita x-xogħlijiet preparatorji tiegħu li jispjegaw li “l-prezz għoli tal-artijiet f’ċerti muniċipalitajiet Fjammingi jwassal għall-istabbiliment ta’ klassi soċjali ogħla. Din il-konstatazzjoni tfisser li gruppi ta’ popolazzjoni inqas ixxurtjati huma esklużi mis-suq minħabba l-wasla ta’ gruppi ta’ popolazzjoni finanzjarjament iktar b’saħħithom li jiġu minn muniċipalitajiet oħra. Il-gruppi ta’ popolazzjoni inqas ixxurtjati ma humiex biss il-persuni soċjalment dgħajfa imma sikwit huma gruppi żgħażagħ jew iżolati li għandhom ħafna spejjeż imma għadhom ma humiex f’qagħda li jkollhom kapital suffiċjenti”.

32.      Il-Gvern Fjamming jippreċiża li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taħseb essenzjalment sabiex tinkoraġġixxi r-residenza indiġena fiż-żoni ta’ estensjoni tal-abitazzjoni, li l-leġiżlatur ħass li kien neċessarju sabiex ikun jista’ jiggarantixxi d-dritt għal abitazzjoni xierqa u, b’estensjoni, il-koeżjoni soċjali, billi jippromwovi l-immaniġġjar tat-territorju u billi ma jħallix ir-rabtiet soċjali u ekonomiċi jiddgħajfu.

33.      Jekk id-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli għandu verament l-għan li jinkoraġġixxi r-residenza tal-popolazzjoni indiġena inqas ixxurtjata fil-muniċipalitajiet destinatarji, jiena tal-fehma li tali għan jista’ jiġi kklassifikat bħala għan soċjali marbut mal-politika tal-immaniġġjar tat-territorju. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan it-tip ta’ għan jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (10).

34.      Issa, jeħtieġ li nħarsu lejn l-ispirtu li jeżisti wkoll f’opinjonijiet oħra dwar l-għan imfittex mid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli. F’dan is-sens, il-Gvern tal-Komunità Franċiża jallega li l-għan veru tad-digriet ma huwiex dak li jillimita l-istabbiliment ta’ klassi ogħla, imma dak li jipproteġi n-natura Fjamminga tal-popolazzjoni tal-muniċipalitajiet destinatarji. Huwa ovvju li tali għan ma jistax jiġi kklassifikat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, għandna niftakru li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina l-għan preċiż tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli.

35.      Sejjer issa nikkunsidra jekk il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ proprjetà immobbli tal-popolazzjoni indiġena inqas ixxurtjata u jekk din il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi.

36.      L-Artikolu 5.2.1(2) tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli jipprovdi tliet kriterji alternattivi sabiex il-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja tkun sodisfatta. L-ewwel kriterju jikkonsisti fir-rekwiżit ta’ residenza tal-persuna li lilha l-proprjetà immobbli għandha tiġi ttrasferita fil-muniċipalità destinatarja għal mhux inqas minn sitt snin qabel it-trasferiment. Skont it-tieni kriterju, l-akkwirent jew kerrej propost għandu, fid-data tat-trasferiment, ikun iwettaq attivitajiet fil-muniċipalità inkwistjoni. It-tielet kriterju jipprovdi għal rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika tal-akkwirent jew kerrej propost mal-muniċipalità inkwistjoni minħabba ċirkustanza importanti u żmien twil. Hija l-kummissjoni ta’ evalwazzjoni provinċjali li għandha tevalwa jekk l-akkwirent jew il-kerrej propost tal-proprjetà immobbli jissodisfax waħda jew diversi mill-kriterji msemmija.

37.      Jista’ jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minn dawn il-kriterji ma jirrifletti l-aspetti soċjoekonomiċi li jikkorrispondu għall-għan tal-protezzjoni tal-popolazzjoni indiġena inqas ixxurtjata fis-suq tal-proprjetà immobbli. Il-kriterji inkwistjoni imposti mil-leġiżlatur nazzjonali mhux biss huma favur il-popolazzjoni indiġena inqas ixxurtjata imma wkoll favur parti mill-popolazzjoni indiġena li tgawdi minn mezzi suffiċjenti u, għaldaqstant, ma għandha l-ebda bżonn ta’ protezzjoni fis-suq tal-proprjetà immobbli.

38.      Kif diġà semmejt, il-kundizzjoni ta’ rabta suffiċjenti mal-muniċipalità destinatarja tfisser, fil-verità, il-projbizzjoni kontra ċerti persuni, jiġifieri dawk li ma jissodisfawx din il-kundizzjoni, li jixtru jew jikru għal iktar minn disa’ snin l-artijiet u l-kostruzzjonijiet mibnija fuqhom. Jiena naqbel mal-opinjoni ppreżentata mir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑197/11 fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jiġifieri li miżuri oħra setgħu kienu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex bid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli mingħajr ma neċessarjament iwasslu għal projbizzjoni ta’ akkwist jew ta’ kiri minn persuni oħra. Seta’ kien hemm, pereżempju, miżuri ta’ premiums għax-xiri, ta’ regolament tal-prezzijiet fil-muniċipalitajiet destinatarji jew ta’ miżuri ta’ appoġġ deċiżi mill-awtorità favur il-popolazzjoni indiġena protetta.

39.      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti min-naħa tal-akkwirent jew kerrej propost tal-proprjetà immobbli mal-muniċipalità destinatarja li tirrikjedi kemm ir-residenza tal-akkwirent jew tal-kerrej propost fil-muniċipalità destinatarja għal mhux inqas minn sitt snin qabel it-trasferiment, kif ukoll it-twettiq ta’ attivitajiet min-naħa tal-akkwirent jew tal-kerrej propost fil-muniċipalità jew anki rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika tal-akkwirent jew tal-kerrej propost minħabba ċirkustanza importanti u żmien twil, ma tikkostitwixxix miżura li hija xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ proprjetà immobbli tal-popolazzjoni indiġena inqas ixxurtjata. Anki jekk jiġi aċċettat li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti min-naħa tal-akkwirent jew kerrej propost ta’ proprjetà immobbli tista’ tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex mid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, din il-miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

40.      F’dak li jirrigwarda l-Artikoli 22 u 24 tad-Direttiva 2004/38 li jaħsbu biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat u li għandhom b’mod partikolari bħala għan li jirrinforzaw id-dritt imsemmi (11), niddubita kemm huwa meħtieġ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-fatt li dawn ma jinkludux raġunijiet ġodda partikolari li jiġġustifikaw restrizzjoni fuq id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istati Membri. Rigward l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38, dan jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE.

41.      Fir-rigward tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/38, dan jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm ċerti dubji marbuta mat-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, li skontu [l-Istati Membri] “jistgħu jimponu restrizzjonijiet territorjali fuq id-dritt ta’ residenza u fuq id-dritt ta’ residenza permanenti biss meta l-istess restrizzjonijiet japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom”. Madankollu, ma huwiex possibbli li minn dan jiġi konkluż li r-restrizzjonijiet territorjali huma ammissibbli bħala regola ġenerali biss kemm-il darba dawn japplikaw ukoll għaċ-ċittadini tal-Istat ospitanti u li, għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjoni tintroduċi motiv ġdid li jiġġustifika restrizzjoni fuq id-dritt mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat. Fil-fatt, kif issostni korrettament il-Kummissjoni, it-tieni sentenza tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/38 tinkludi kundizzjoni supplimentari sabiex restrizzjoni fuq id-dritt ta’ residenza u fuq id-dritt ta’ residenza permanenti tkun tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika fis-sens tal-Artikolu 27 tal-istess direttiva.

42.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi li l-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, f’ċerti muniċipalitajiet, it-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom għall-prova, mill-akkwirent jew mill-kerrej, ta’ rabta suffiċjenti ma’ dawn il-muniċipalitajiet jekk l-eżistenza ta’ din ir-rabta hija evalwata skont il-kriterji alternattivi li ġejjin:

–        ir-rekwiżit tar-residenza ta’ persuna li lilha l-proprjetà immobbli għandha tiġi ttrasferita fil-muniċipalità kkonċernata għal mhux inqas minn sitt snin qabel it-trasferiment;

–        l-obbligu għall-akkwirent jew il-kerrej propost, fid-data tat-trasferiment, li jwettaq attivitajiet fil-muniċipalità, u

–        l-eżistenza ta’ rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika minħabba ċirkustanza importanti u żmien twil.

B –    Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑203/11

43.      Din id-domanda tikkonċerna l-inċentivi fiskali u l-iskemi ta’ sussidju stabbiliti bid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli. Il-miżuri inkwistjoni jistgħu jiġu diviżi f’żewġ gruppi li għandhom għanijiet differenti. Il-miżuri li jifformaw parti mill-ewwel grupp għandhom l-għan li jattivaw mill-ġdid ċerti artijiet u proprjetajiet immobbli. Dawn huma t-tnaqqis tat-taxxa mogħti lil min isellef li jidħol fi ftehim ta’ rinnovament, imsemmi fl-Artikolu 3.1.3 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, kif ukoll it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli għad-dritt ta’ reġistrazzjoni, imsemmi fl-Artikolu 3.1.10 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli (12). Il-miżuri li jifformaw parti mit-tieni grupp jikkumpensaw l-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-iżviluppaturi u l-kuntratturi. Lil dan il-grupp jappartjenu r-rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq il-bejgħ ta’ abitazzjoni u r-rata mnaqqsa tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni għax-xiri ta’ art għall-bini, imsemmijin fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4.1.20(3) tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, is-sussidji infrastrutturali msemmija fl-Artikolu 4.1.23 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, kif ukoll il-garanzija ta’ rkupru minn organizzazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali tal-akkomodazzjoni soċjali mibnija, imsemmija fl-Artikolu 4.1.21 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli.

44.      Il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk il-miżuri inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE u, f’każ affermattiv, f’liema żmien dawn għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni jew jekk, fejn applikabbli, l-imsemmija miżuri humiex eżentati mill-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat skont id-Deċiżjoni 2005/842.

1.      Klassifikazzjoni tal-miżuri

45.      F’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, il-qorti tar-rinviju ssemmi korrettament il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat f’rabta mal-osservanza tal-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett jeħtieġ li jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (13).

46.      Jirriżulta mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar it-tieni kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju u dwar it-tielet kundizzjoni dwar in-natura vantaġġjuża tal-miżuri inkwistjoni.

47.      Rigward l-effett tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kummerċ intrakomunitarju, irrid infakkar li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti fil-każ, jekk il-miżuri konkreti jistgħux jaffettwaw il-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fehma tiegħi, il-ġurisprudenza eżistenti toffri bażi suffiċjenti sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħmel dan (14).

48.      Skont dik il-ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk il-miżuri inkwistjoni jsaħħux il-pożizzjoni tal-impriżi benefiċjarji fil-konfront ta’ impriżi oħra kompetituri fil-kummerċ intrakomunitarju (15). Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma wkoll fil-kummerċ intrakomunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività interna tista’ ssib ruħha miżmuma jew miżjuda, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu (16). Għajnuna relattivament żgħira tista’ wkoll tkun kapaċi taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, speċjalment meta s-settur inkwistjoni huwa kkaretterizzat b’kompetizzjoni ħajja (17). Fl-aħħar nett, ma rridux ninsew li ma huwiex neċessarju li jiġi ppruvat effett reali tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kummerċ intrakomunitarju jew distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandu biss jiġi eżaminat jekk l-imsemmija miżuri humiex kapaċi li jkollhom dan l-effett (18).

49.      Fir-rigward tan-natura vantaġġjuża tal-miżuri inkwistjoni, nifhem din il-parti mid-domanda preliminari bħala li hija maħsuba sabiex tikseb, essenzjalment, kjarifika tal-ġurisprudenza (19) li tipprovdi li, sa fejn intervent mill-Istat għandu jiġi kkunsidrat bħala kumpens għas-servizzi mogħtija mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu l-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-verità, minn vantaġġ finanzjarju u li għalhekk dan l-intervent ma għandux ir-riżultat li jpoġġi lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik tal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont id-dritt tal-Unjoni (20). Madankollu, sabiex il-miżuri partikolari jistgħu jaħarbu mill-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, erba’ kundizzjonijiet, imsejħa l-“kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark”, għandhom ikunu sodisfatti.

50.      Qabel ma nanalizza dawn il-kundizzjonijiet, jeħtieġ li jiġi nnotat li l-ġurisprudenza msemmija tista’ tiġi applikata biss fil-konfront tal-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali li għalih l-iżviluppaturi u l-kuntratturi huma suġġetti. Il-Vlaamse Regering (Gvern Fjamming) innifsu jsemmi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-obbligu soċjali impost fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi jikkostitwixxi wkoll prezz ġust li huma għandhom iħallsu sabiex jeżegwixxu l-permess u sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġi ekonomiċi sinjifikattivi li jirriżultaw minnu.

51.      Skont l-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (21). Minn dan jirriżulta li għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-iżviluppaturi u l-kuntratturi jistax jiġi kkunsidrat bħala obbligu ta’ servizz pubbliku.

52.      Kif jispjega l-Gvern Fjamming fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-obbligu soċjali huwa impost fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi fil-kuntest ta’ politika li taħseb sabiex tkun tista’ toffri aċċess iktar ugwali għall-abitazzjoni lill-gruppi ta’ kundizzjoni modesta kif ukoll lill-gruppi soċjalment żvantaġġjati minn tqassim territorjali, ibbażat fuq il-bżonnijiet reali tagħhom, li ma jiddependix esklużivament fuq l-inizjattiva volontarja jew il-bona volontà tal-atturi. Minn din il-perspettiva, xejn ma jżomm li l-obbligu soċjali stabbilit bid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli jiġi kkunsidrat bħala obbligu ta’ servizz pubbliku. Il-fatt li l-obbligu soċjali msemmi ma jibbenefikax direttament lill-individwi, li jitolbu akkomodazzjoni soċjali, imma lil kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali (li jippersonifikaw lill-poter pubbliku), huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Kif jirrileva l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sabiex ħaġa ssir disponibbli, huwa meħtieġ li tinħoloq bażi materjali. Il-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali jintervjenu biss bħala pontijiet amministrattivi u tekniċi.

53.      Skont it-tieni kundizzjoni tas-sentenza Altmark, l-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkulat il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti (22). Din il-kundizzjoni tidher li hija problematika speċjalment fir-rigward tas-sussidji infrastrutturali u tal-garanzija ta’ xiri tal-akkomodazzjoni soċjali. Minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata mill-qorti tar-rinviju tippermetti li jiġu identifikati l-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri, hija madankollu ma tippermettix li jiġu identifikati l-parametri li abbażi tagħhom għandu jiġi kkalkulat dan it-tip ta’ kumpens. Madankollu, il-Gvern Fjamming, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jiddeskrivi l-mod ta’ kalkolu ta’ dan it-tip ta’ kumpens. Hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-parametri li għandhom iservu sabiex jiġi kkalkulat il-kumpens imsemmi mill-Gvern Fjamming jissodisfawx it-tieni kundizzjoni tas-sentenza Altmark.

54.      Skont it-tielet kundizzjoni tas-sentenza Altmark, il-kumpens ma għandux jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-intier jew parti tal-ispejjeż inkorsi bl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (23). Issa, jidher, f’dan il-każ, li l-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali ma humiex ikkalkulati b’rabta mal-ispiża reali tal-eżekuzzjoni tiegħu. Għal dik ir-raġuni, inqis li jista’ jkun li l-ispiża finali tal-miżuri differenti li jikkumpensaw l-obbligu soċjali teċċedi l-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu.

55.      Skont ir-raba’ kundizzjoni tas-sentenza Altmark, meta l-għażla tal-impriża, li għandha tiġi inkarigata sabiex teżegwixxi l-obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ partikolari, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat li huwa kapaċi li jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-pubbliku, il-livell tal-kumpens għandu neċessarjament jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u attrezzata adegwatament bil-mezzi sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, tkun sostniet sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (24). F’dan il-każ, huwa evidenti, li l-benefiċjarji tal-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali ma humiex identifikati fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Madankollu, ma jidhirx li jirriżulta mill-proċess li analiżi mitluba skont din ir-raba’ kundizzjoni kienet twettqet u li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew stabbiliti fid-dawl tal-ispejjeż li impriża medja mmexxija tajjeb issostni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligu soċjali.

2.      Żmien tan-notifika ta’ għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni

56.      L-Artikolu 108(3) TFUE jitlob li l-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar il-proġetti sabiex tingħata jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna. Jekk din tal-aħħar tikkunsidra li proġett bħal dan ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skont it-termini tal-Artikolu 107 TFUE, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu ta’ qabel. L-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma din il-proċedura jkollha deċiżjoni finali.

57.      Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna ġdida mill-Istat jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll implementata mit-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura maħsuba sabiex tintroduċi jew tbiddel għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplementawx tali miżura, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-istituzzjoni msemmija tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar dik il-miżura (25). L-għan tad-dispożizzjoni introdotta bl-Artikolu 108(3) TFUE ma huwiex sempliċi obbligu ta’ notifika, imma obbligu ta’ notifika minn qabel li, fih innifsu, jimplika u jġib miegħu l-effett sospensiv stipulat fl-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu (26).

58.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk huwiex l-Artikolu 4.1.23 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli li jipprevedi s-sussidji infrastrutturali jew inkella l-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-Gvern Fjamming, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jingħataw l-imsemmija sussidji, li kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni sa fejn dawn is-sussidji infrastrutturali huma kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat.

59.      Inħoss li r-risposta hija ċara biżżejjed. Il-miżura inkwistjoni kienet diġà stabbilita bid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, anki jekk id-dettalji kellhom jiġu speċifikati bl-ordni ta’ eżekuzzjoni. Għal din ir-raġuni, sabiex jiġi sodisfatt wieħed mill-obbligi li jitnisslu mill-Artikolu 108(3) TFUE, l-abbozz tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni.

3.      Eżenzjoni mill-obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat ġdida lill-Kummissjoni

60.      Il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk il-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali li għalih huma suġġetti l-iżviluppaturi u l-kuntratturi, kemm-il darba l-miżuri msemmija jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, jistgħux jiġu eżentati mill-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 2005/842.

61.      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2005/842 jiddikjara li l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikoli 4 sa 6 tal-istess deċiżjoni hija kompatibbli mas-suq komuni u hija eżenti mill-obbligu ta’ notifika. Jiena naqbel mal-opinjoni tal-qorti tar-rinviju li dawn il-kundizzjonijiet jidhru li ġew ispirati mill-ewwel tliet kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark.

62.      Kif diġà ġie indikat, jiena tal-fehma li, b’mod speċjali, it-tielet kundizzjoni tas-sentenza Altmark ma hijiex sodisfatta f’dan il-każ. Din il-kundizzjoni, li tipprovdi li l-kumpens ma għandux jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, tinsab ukoll fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/842. Isegwi li, billi l-miżuri li jikkumpensaw l-obbligu soċjali għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat peress li dawn ma jissodisfawx it-tielet kundizzjoni tas-sentenza Altmark, daqstant ieħor huma ma jistgħux igawdu mill-eċċezzjoni tal-obbligu tan-notifika lill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 2005/842.

63.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni 2005/842, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jirrikjedu li l-miżuri li jinsabu fl-Artikoli 3.1.3, 3.1.10, 4.1.20 § 3(2), 4.1.21 u 4.1.23 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli kellhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni qabel ma dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati kemm-il darba jiġi kkonstatat li l-miżuri jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark.

C –    Fuq it-tieni, id-disa’ u l-għaxar domandi li saru fil-kawża C‑203/11

64.      Din is-sensiela ta’ domandi tirrigwarda obbligu soċjali li, skont l-Artikolu 4.1.16 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli, jobbliga lill-iżviluppaturi jew lill-kuntratturi jieħdu azzjoni sabiex ikun hemm offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali.

65.      Jidher li l-qorti tar-rinviju ma għandha l-ebda dubju dwar il-klassifikazzjoni ta’ obbligu soċjali bħala restrizzjoni mhux diskriminatorja fuq il-libertajiet fundamentali. Id-dubji tagħha jirrigwardaw il-kwistjoni dwar, l-ewwel nett, il-libertà fundamentali li fid-dawl tagħha l-obbligu soċjali msemmi għandu jiġi mistħarreġ u, it-tieni nett, jekk obbligu soċjali inkwantu jikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali jistax jiġi ġġustifikat permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

66.      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li, l-istess bħal fir-rigward tal-unika domanda fil-kawża C‑197/11 u t-tieni domanda fil-Kawża C‑203/11, il-Gvern Fjamming jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kawżi quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw sitwazzjoni purament interna. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi (27).

67.      Fir-rigward tal-libertà li fid-dawl tagħha għandha tiġi mistħarrġa s-sistema ta’ obbligu soċjali, huwa veru li huwa possibbli li jiġi stabbilit l-effett ta’ obbligu soċjali kemm fuq il-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif ukoll fuq il-moviment liberu tal-kapital.

68.       Madankollu, naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li, f’każ ta’ obbligu soċjali, il-moviment ħieles tal-kapital jipprevali għaliex ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija biss konsegwenza inevitabbli tar-restrizzjoni tal-moviment ħieles tal-kapital.

69.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-obbligu soċjali jista’ jiġi eżegwit kemm in specie, jiġifieri bil-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali, kemm bil-bejgħ ta’ artijiet lil organizzazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali, kemm bil-kiri lil aġenzija ta’ kiri soċjali ta’ abitazzjonijiet mibnija, kemm, finalment, permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni soċjali. Għandu jiġi rikonoxxut, kif indikat il-qorti tar-rinviju, li leġiżlazzjoni bħal din minnha nnifisha tiskoraġġixxi liċ-ċittadini ta’ Stat Membru milli jinvestu fi Stat Membru ieħor fis-settur tal-immobbli fid-dawl tal-konstatazzjoni li huma ma jistgħux jużaw l-artijiet liberament għall-għanijiet li għalihom huma jixtiequ jixtruhom. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-movimenti ta’ kapital jinkludu l-operazzjonijiet li bihom persuni li ma humiex residenti jwettqu investimenti fi proprjetà immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru. Fi kliem ieħor, id-dritt ta’ akkwist, ta’ użu u ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor joħloq, meta jiġi eżerċitat, movimenti ta’ kapital (28).

70.      Anki jekk obbligu soċjali jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, dan jista’ jiġi ġġustifikat għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bil-kundizzjoni li dan ikun adegwat sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u li dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (29).

71.      Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni u jiġi evalwat jekk dan jistax jiġi kklassifikat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

72.      Skont il-Gvern Fjamming, il-leġiżlazzjoni li timponi obbligu soċjali fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi twieġeb għal problema reali, speċifikament għal nuqqas kbir ta’ akkomodazzjoni affordabbli. Jidher għalhekk li obbligu soċjali huwa marbut mal-politika ta’ akkomodazzjoni soċjali ta’ Stat Membru u mal-finanzjament tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà rrikonoxxiet bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (30). Madankollu, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tikkonstata l-għan preċiż tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

73.      Għandha tkun ukoll il-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk obbligu soċjali jissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fi kliem ieħor jekk dan huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi żieda fl-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali u jekk l-għan stabbilit jistax jintlaħaq b’miżuri inqas restrittivi fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital.

74.      Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, l-istatistiċi tal-amministrazzjoni Fjamminga ċċitati waqt is-seduta mir-rappreżentant tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑203/11 jistgħu jkunu utli. Jirriżulta, fil-fatt, minn dawn l-istatistiċi li d-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli li jintroduċi l-obbligu soċjali fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi għandu, fil-verità, effett pjuttost negattiv fuq is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali.

75.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni li għandha l-effett li timponi ipso jure mal-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari “obbligu soċjali” li jikkonsisti fl-istabbiliment, sa perċentwali stabbilit tal-proġett, ta’ akkomodazzjonijiet soċjali li għandhom imbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika jew bis-sostituzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, kemm-il darba jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni ma tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

D –    Fuq it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’ u t-tmien domandi li saru fil-Kawża C‑203/11

76.      B’din is-sensiela ta’ domandi, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123.

77.      Madankollu, skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/123, din ma tapplikax la għal regoli dwar l-iżvilupp jew l-użu tal-art lanqas għal dawk dwar l-ippjanar taż-żoni urbani jew rurali. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123 jindika espressament li d-direttiva msemmija ma tapplikax għal servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali.

78.      Fil-fehma tiegħi, id-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli jikkostitwixxi leġiżlazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp jew tal-użu tal-art kif ukoll leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar taż-żoni urbani jew rurali.

79.      Għal din ir-raġuni, jiena tal-fehma li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi dwar id-Direttiva 2006/123.

E –    Fuq il-ħdax-il domanda fil-Kawża C-203/11

80.      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi” [kuntratt pubbliku għal xogħlijiet] li jinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18. Speċifikament, hija tfittex li ssir taf jekk ikunx każ ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet meta l-leġiżlazzjoni torbot l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art ma’ obbligu soċjali li jikkonsisti fil-bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali li għandhom imbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika jew bis-sostituzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni.

81.      Id-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli jikkunsidra obbligu soċjali bħala kundizzjoni sabiex jingħata permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art. Anki jekk l-Artikolu 4.1.17 tad-digriet imsemmi jipprovdi diversi possibbiltajiet sabiex dan l-obbligu jitwettaq, il-ħdax-il domanda tipprevedi biss l-obbligu soċjali mwettaq in specie, jiġifieri eżegwit fil-forma ta’ bini ta’ akkomodazzjonijiet soċjali.

82.      Għandu jitfakkar li d-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet taqa’ fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni (31). Skont l-Artikolu 1(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/18, huma rikjesti erba’ karatteristiċi sabiex ikun possibbli li nitħaddtu fuq kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. L-ewwel nett, jeħtieġ li tkun stabbilita l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bil-miktub. It-tieni nett, jeħtieġ li jkun hemm kuntratt b’titolu oneruż. It-tielet nett, il-partijiet kontraenti fuq kuntratt jeħtieġ li jkunu wieħed jew iktar operaturi ekonomiċi, fuq naħa, u awtorità kontraenti waħda jew iktar, fuq in-naħa l-oħra. Ir-raba’ nett, l-għan ta’ kuntratt għandu jkun jew l-eżekuzzjoni, jew id-disinn u l-eżekuzzjoni flimkien ta’ xogħlijiet marbuta ma’ waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Anness I jew ta’ xogħol, jew ukoll ir-realizzazzjoni, bi kwalunkwe mod li jkun, ta’ xogħol li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet speċifikati mill-awtorità kontraenti.

83.      Jiena tal-fehma li, f’dan il-każ, l-ewwel waħda mill-karatteristiċi msemmija hawn fuq, jiġifieri l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bil-miktub, tirriżulta li hija problematika, u dan fid-dawl tal-fatt li l-obbligu soċjali huwa impost fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi bid-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli. Kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għal ftehim ta’ amministrazzjoni bejn il-kuntrattur jew l-iżviluppatur u l-kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali. Madankollu, hija tindika fl-istess waqt li dan il-ftehim ta’ amministrazzjoni jikkonċerna biss il-fatt tat-tpoġġija tal-akkomodazzjonijiet soċjali diġà mibnija fis-suq, u mhux il-bini tal-akkomodazzjonijiet soċjali.

84.      Anki jekk għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, f’dan il-każ, kienx hemm kuntratt konkluż bil-miktub, nista’ niċċita ċerti elementi li jitnisslu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu jkunu utli għaliha.

85.      L-ewwel nett, irrid niġbed l-attenzjoni għas-sentenza Ordine degli Architetti et (32). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha fis-sens li l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx l-possibbiltà li jagħżlu l-parti li magħha jikkuntrattaw ma jistax, minnu nnifsu, jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, għaliex tali eventwalità twassal sabiex teskludi mill-kompetizzjoni komunitarja l-eżekuzzjoni ta’ xogħol li għalih din id-Direttiva kienet tkun altrimenti applikabbli (33).

86.      F’dan il-każ, għandna sitwazzjoni simili peress li huwa fatt li l-obbligu soċjali li jikkonsisti fil-bini tal-akkomodazzjonijiet soċjali huwa marbut ipso jure ma’ permess ta’ qsim tal-art jew ma’ permess ta’ bini. Madankollu, dan ma jeliminax il-fatt li fil-kawża li kienet wasslet għas-sentenza Ordine degli Architetti et, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet enfasizzat il-fatt li, bejn l-amministrazzjoni muniċipali u l-operatur ekonomiku, għandu fi kwalunkwe każ jiġi konkluż ftehim ta’ qsim ta’ artijiet. F’dan il-każ, jiena nifhem il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li ma tipprovdix għall-konklużjoni ta’ kuntratt sabiex jiġi eżegwit obbligu soċjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex fil-fatt il-każ.

87.      Fil-fehma tiegħi, huwa interessanti li tissemma wkoll il-konstatazzjoni li tinsab fis-sentenza C‑399/98. Il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet li “l-għan prinċipali tad-direttiva huwa […] l-implementazzjoni tal-kompetizzjoni għal kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. Fil-fatt, hija l-espożizzjoni għall-kompetizzjoni Komunitarja b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mid-Direttiva li tiżgura n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmu min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi” (34). F’dan ir-rigward, għandi ċerti dubji dwar il-kwistjoni ta’ kif l-obbligu soċjali jista’ jiffavorixxi lill-iżviluppaturi u lill-kuntratturi. Ir-rikors fil-kawża prinċipali fil-Kawża C-203/11 jixhed il-fatt li l-istess operaturi ekonomiċi li fuqhom jinkombi l-obbligu soċjali jikkunsidraw li dan l-obbligu jisfavorixxi s-sitwazzjoni tagħhom. Hekk ukoll, il-qorti tar-rinviju nnifisha, semmiet fir-rinviju preliminari li obbligu soċjali li jitwettaq in specie dejjem jimplika preġudizzju kontra l-iżviluppaturi u l-kuntratturi.

88.      Imbagħad, it-tieni sentenza, li għaliha rrid niġbed l-attenzjoni, hija s-sentenza Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tikkonkludi li ma jeżistix kuntratt fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk l-operatur ekonomiku għandux il-kapaċità li jinnegozja mal-awtorità kuntrattwali l-kontenut speċifiku tas-servizzi li għandu jwettaq kif ukoll ir-rati ta’ ħlas applikabbli għalihom u jekk dak l-operatur għandux, f’dak li jikkonċerna s-servizzi mhux riżervati, il-fakultà li jillibera ruħu mill-obbligi li jitnisslu mill-ftehim ta’ kollaborazzjoni, billi jagħti l-preavviż stabbilit mill-ftehim (36).

89.      L-istess bħall-kawża li wasslet għas-sentenza Ordine degli Architetti et, iċċitata iktar ’il fuq, u, fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dan il-każ, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, iċċitata iktar ’il fuq, xi forma ta’ kuntratt kien ġie konkluż bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-operatur privat. Speċifikament, kien hemm ftehim ta’ kollaborazzjoni. Il-mistoqsija tqum jekk tali ftehim jikkostitwixxix effettivament kuntratt fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, billi huwa fatt li operatur ekonomiku ma għandu l-ebda possibbiltà li jirrifjuta li jikkonkludi tali ftehim.

90.      Mis-sentenza Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia jirriżulta li jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi, f’dan il-każ, favur l-eżistenza ta’ ċerta relazzjoni kuntrattwali bejn suġġett li jista’ jiġi kklassifikat bħala awtorità kuntrattwali u żviluppatur jew kuntrattur fir-rigward tal-obbligu soċjali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk il-libertà kuntrattwali ta’ żviluppatur jew ta’ kuntrattur ġietx limitata fis-sens li huwa ma kienx jista’ jinnegozja l-kontenut speċifiku tas-servizzi li għandu jwettaq kif ukoll ir-rati ta’ ħlas applikabbli għalihom.

91.      Filwaqt li nibbaża ruħi fuq il-mod li bih il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tinftiehem, jiena nqis li prinċipalment hija l-kapaċità li wieħed jinnegozja l-prezz li għandu jitħallas għax-xogħlijiet eżegwiti li hija limitata. F’dan il-każ, il-prezz tax-xogħlijiet eżegwiti jikkonsisti fil-prezz tal-bejgħ ta’ akkomodazzjoni soċjali lil kumpannija ta’ akkomodazzjoni soċjali. Il-prezz imsemmi huwa limitat bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u għaldaqstant ma jikkorrispondix għall-prezz tas-suq.

92.      Fid-dawl tal-premess, jiena tal-fehma li għad-domanda 11 għandha tingħata risposta li l-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal leġiżlazzjoni li għandha l-effett li torbot ipso jure mal-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari obbligu soċjali li jikkonsisti fil-bini tal-akkomodazzjonijiet soċjali li għandhom imbagħad jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil organizzazzjoni pubblika jew bis-sostituzzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, kemm-il darba, l-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni msemmija tipprevedi l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u operatur ekonomiku u, it-tieni nett, operatur ekonomiku jkollu l-possibbiltà reali li jinnegozja mal-awtorità kontraenti l-kontenut speċifiku tal-kuntratt imsemmi kif ukoll il-prezz li għandu jitħallas għax-xogħlijiet eżegwiti.

V –    Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi preliminari magħmula mill-Cour constitutionnelle bil-mod kif ġej:

1)         L-Artikoli 21 TFUE, 45 TFUE, 56 TFUE u 63 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tissuġġetta, f’ċerti muniċipalitajiet, it-trasferiment ta’ artijiet u ta’ kostruzzjonijiet mibnija fuqhom għall-prova, mill-akkwirent jew mill-kerrej, ta’ rabta suffiċjenti ma’ dawn il-muniċipalitajiet jekk l-eżistenza ta’ dik ir-rabta hija evalwata skont il-kriterji alternattivi li ġejjin:

–        ir-rekwiżit tar-residenza ta’ persuna li lilha l-proprjetà immobbli għandha tiġi ttrasferita fil-muniċipalità kkonċernata għal mhux inqas minn sitt snin qabel it-trasferiment;

–        l-obbligu fuq l-akkwirent jew il-kerrej propost, fid-data tat-trasferiment, li jwettaq attivitajiet fil-muniċipalità; u

–        l-eżistenza ta’ rabta professjonali, familjari, soċjali jew ekonomika minħabba ċirkustanza importanti u żmien twil.

2)         L-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, moqrija flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jirrikjedu li l-miżuri inklużi fl-Artikolu 3.1.3, l-Artikolu 3.1.10, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4.1.20 § 3, l-Artikolu 4.1.21 u l-Artikolu 4.1.23 tad-Digriet dwar l-artijiet u l-immobbli għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea qabel l-adozzjoni jew id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kemm-il darba jiġi kkonstatat li l-miżuri msemmija jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jitnisslu mis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747).

3)         L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li għandha l-effett li torbot ipso iure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ “obbligu soċjali” li jikkonsisti fil-bini, ta’ akkomodazzjonijiet soċjali, li jammontaw għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandhom jinbiegħu, bi prezzijiet limitati, lil korp pubbliku jew bis-sostituzzjoni ta’ dan il-korp, kemm-il darba jiġi kkonstatat li din il-leġiżlazzjoni ma tissodisfax il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

4)         Il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” li jinsab fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal leġiżlazzjoni li għandha l-effett li torbot ipso jure l-għoti ta’ permess ta’ bini jew ta’ qsim tal-art dwar proġett ta’ daqs minimu partikolari ma’ “obbligu soċjali” li jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjonijiet soċjali, li jammontaw għal ċertu perċentwali tal-proġett, li sussegwentement għandhom jinbiegħu lil korp pubbliku jew bis-sostituzzjoni ta’ dan il-korp, kemm-il darba, l-ewwel nett, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-eżistenza ta’ kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u operatur ekonimiku u, it-tieni nett, operatur ekonomiku jkollu l-possibbiltà reali li jinnegozja mal-awtorità kontraenti l-kontenut ta’ dan il-kuntratt kif ukoll il-prezz li għandu jitħallas għax-xogħlijiet eżegwiti.


1 – Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


2 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 6, Vol. 7, p. 132.


3 – Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 5, Vol. 5, p. 41.


4 –      ĠU L 376, p. 36.


5 –      ĠU L 312, p. 67.


6 –      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-gvern tal-Komunità Franċiża argumenta li l-Qorti tar-rinviju kienet, f’diversi okkażjonijiet, iddeċidiet li rikorrent li jipprova l-interess tiegħu f’azzjoni ma huwiex marbut, barra minn hekk, li jistabbilixxi l-interess speċifiku tiegħu f’motiv li jitqajjem f’din l-azzjoni.


7 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Garkalns (C‑470/11, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (63/86, Ġabra p. 29, punt 15) u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑253/09, Ġabra p. I‑12391, punt 67).


9 –      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 69).


10 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, Ġabra p. I‑2157, punt 34); tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, Ġabra p. I‑9743, punti 38 u 39); tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 30), kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, Ġabra p. I‑1915, punt 74).


11 –      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, Ġabra p. I‑11315, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 –      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw ukoll quddiem il-Qorti tar-rinviju s-sussidji intiżi għall-proġetti ta’ attivazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.1.2 tad-Digriet dwar l-Art u l-Proprjetà. Il-Qorti tar-rinviju diġà ddeċidiet li din il-miżura tikkostitwixxi għajnuna de minimis skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar [għal]l-għajnuna de minimis (ĠU L314M, p. 654), li hija eskluża mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.


13 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, 3M Italia (C‑417/10, punt 37), kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑140/09, Ġabra p. I-5243, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 –      L-analiżi li tinsab fid-deċiżjoni ta’ rinviju hija prova tal-fatt li l-Qorti tar-rinviju hija ferm konxja minn din il-ġurisprudenza.


15 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam (C‑494/06 P, Ġabra p. I-3639, punt 52), u tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I-289, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et (C‑78/08 sa C‑80/08, Ġabra p. I‑7611, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (303/88, Ġabra p. I-1433, punt 27).


18 –      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 –      Madankollu, għandi nirrileva f’dan ir-rigward li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda titlob l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, imma pjuttost l-applikazzjoni tal-interpretazzjoni diġà mogħtija għall-każ partikolari. Il-prova tinsab fl-analiżi ddettaljata tal-ġurisprudenza rilevanti li tinsab fid-deċiżjoni ta’ rinviju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali, jew sabiex tapplika r-regoli Komunitarji li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 22).


20 – Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 87), kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).


22 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).


23Ibidem


24 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 93).


25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑81/10 P, Ġabra p. I‑12899, punt 58).


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑332/98, Ġabra p. I-4833, punt 32).


27 – Ara l-punti 23 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29Ibidem (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 30).


31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C-220/05, Ġabra p. I-385, punt 40).


32 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, (C‑399, Ġabra p. I-5409).


33Ibidem (punt 75).


34 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 75).


35 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, (C‑220/06, Ġabra p. I-12175).


36 –      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 55).