Language of document : ECLI:EU:C:2015:490

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2015 (1)

Kawża C‑73/14

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni Ewropea lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar — Artikoli 13(2), 16(1) u 17(1) TUE — Artikoli 218(9) u 335 TFUE — Rappreżentanza esterna tal-Unjoni Ewropea — Ksur tal-prerogattivi tal-Kunsill — Kooperazzjoni leali — Artikolu 263 TFUE — Ammissibbiltà”





1.        Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-Unjoni Ewropea (“l-UE”) lit-Tribunal Internazzjonali għal-Liġi tal-Baħar (“ITLOS”) dwar opinjoni konsultattiva li għandha tingħata minn dik il-qorti.

2.        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qiegħed jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2013” sabiex tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni. Appoġġat minn għadd ta’ Stati Membri, dan essenzjalment jikkontendi li l-Kummissjoni kellha titlob u tottjeni l-approvazzjoni tiegħu qabel ma’ ppreżentat id-dikjarazzjoni bil-miktub quddiem l-ITLOS. Il-Kunsill isostni li, minħabba dan in-nuqqas, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 218(9) TFUE u/jew l-Artikolu 16 TUE (l-ewwel u t-tieni partijiet, rispettivament, tal-ewwel talba) u kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali (it-tieni talba). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li kellha l-kompetenza li tippreżenta dik id-dikjarazzjoni mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill; u li hija kkooperat bi sħiħ mal-Kunsill.

3.        Il-kwistjoni ċentrali diskussa bejn il-partijiet għalhekk tirrigwarda l-identità ta’ istituzzjoni tal-UE fdata bil-kompitu li tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni tal-UE quddiem qorti kostitwita skont ftehim internazzjonali li fih l-UE hija parti kontraenti.

4.        Sejjer neżamina l-aspetti varji ta’ dik il-kwistjoni ferm importanti iktar ’il quddiem, iżda jidhirli li l-aġir tal-Kunsill huwa fil-fatt inammissibbli u għandu jkun miċħud fuq dak il-fatt biss.

 Id-dritt li jirregola l-ITLOS

5.        L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (‘UNCLOS’). (2)

6.        L-ITLOS huwa kkostitwit u rregolat mill-UNCLOS, b’mod partikolari permezz tal-Anness VI tagħha, li jinkludi l-Istatut tiegħu.

7.        L-Artikolu 16 tal-Istatut tal-ITLOS jeżiġi li l-ITLOS jistabbilixxi r-regoli tiegħu dwar il-proċedura. L-Artikolu 20 jistabbilixxi li l-ITLOS għandu jkun disponibbli lill-partijiet kontraenti.

8.        Skont l-Artikolu 133 tar-regoli tal-proċedura tal-ITLOS, li huma applikabbli għall-proċeduri ta’ opinjoni konsultattiva tal-Awla dwar it-Tilwim ta’ Qiegħ il-Baħar tal-ITLOS, il-partijiet kontraenti tal-UNCLOS għandhom ikunu mitluba mill-ITLOS sabiex jippreżentaw dikjarazzjonijiet bil-miktub dwar id-domanda/i mressqa fit-talba għall-opinjoni konsultattiva.

9.        L-Artikolu 138(1) tar-regoli tal-proċedura tal-ITLOS jipprovdi li l-ITLOS għandu “jagħti opinjoni konsultattiva dwar kwistjoni legali jekk ftehim internazzjonali relatat mal-għanijiet tal-[UNCLOS] jipprovdi b’mod speċifiku għas-sottomissjoni lill-[ITLOS] ta’ talba għal dik l-opinjoni”. L-Artikolu 138(3) jipprovdi li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, l-ITLOS “għandu japplika mutatis mutandis l-Artikoli 133 sa 137”.

 Dritt tal-Unjoni

 Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

10.      L-Artikolu 13(2) TUE jipprovdi: “Kull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom. L-istituzzjonijiet għandhom jipprattikaw bejniethom il-koperazzjoni leali.”

11.      It-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE tipprovdi li l-Kunsill għandu “jeżerċita funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika u ta’ koordinazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati”. Il-bqija tal-Artikolu 16 jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw l-azzjoni tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-Artikolu 16(3) jipprovdi li “[i]d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għandhom jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor.”

12.      L-Artikolu 17(1) TUE jipprovdi:

“Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan. Hija għandha tissorvelja l-applikazzjoni tat-Trattati kif ukoll tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet skond dawn it-Trattati. Hija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-[UE] taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-[UE]. [...] Għandha teżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuzzjoni u amministrazzjoni, skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati. Bl-eċċezzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u ta’ każijiet oħrajn previsti fit-Trattati, hija għandha tassigura r-rappreżentanza esterna ta’ l-[UE]. [...]”

 Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

13.      L-azzjoni esterna mill-UE hija rregolata mill-Ħames Parti tat-TFUE u t-Titolu V ta’ din il-Parti jirregola l-ftehim internazzjonali. F’dak it-Titolu, l-Artikoli 216 u 217  TFUE jagħtu s-setgħa lill-UE sabiex tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-Artikolu 218 TFUE jistabbilixxi l-proċedura skont liema dawk il-ftehimiet għandhom ikunu nnegozjati u konklużi. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu huma dawn li ġejjin:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 207 [il-politika kummerċjali komuni], ftehim bejn l-[UE] u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom jiġu negozjati u konklużi skond il-proċedura li ġejja.

2.      Il-Kunsill għandu jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati, jadotta direttivi ta’ negozjati, jawtorizza l-iffirmar ta’ ftehim u jikkonkludihom.

3.      [...I]l-Kummissjoni [għandha tippreżenta] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina [...] in-negozjatur ta’ l-[UE] [...]

4.      Il-Kunsill jista’ jindirizza direttivi lin-negozjatur [...]

5.      Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim [...]

6.      Il-Kunsill, fuq proposta min-negozjatur, għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim.

7.      Meta jikkonkludi ftehim, il-Kunsill jista’, b’deroga mill-paragrafi 5, 6 u 9, jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova f’isem l-[UE] emendi għall-ftehim meta dan jipprovdi li dawn l-emendi għandhom jiġu adottati skond proċedura simplifikata jew minn korp stabbilit mill-ftehim. Il-Kunsill jista’ jorbot kondizzjonijiet speċifiċi ma’ din l-awtorizzazzjoni.

8.      Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġgoranza kwalifikata tul il-proċedura kollha.

Mandankollu, għandu jaġixxi b’mod unanimu [f’ċirkostanzi speċifiċi].

9.      Il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni [...], għandu jadotta deċiżjoni [...] li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-[UE] f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

10.      Il-Parlament Ewropew għandu jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura.

11.      [Dan is-subartikolu jipprovdi għall-proċedura sabiex tinkiseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk ftehim huwiex kompatibbli mat-Trattati u l-konsegwenzi ta’ opinjoni kuntrarja].’’

14.      L-ewwel, it-tieni u s-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistabbilixxu:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-[UE] għandha teżamina l-legalità ta’ atti leġislattivi, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi. Din għandha tikkontrolla wkoll il-legalità ta’ l-atti ta’ korpi jew organi ta’ l-[UE] maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew dwar l-użu skorrett tas-setgħat tagħhom.

[...]

Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.”

15.      L-Artikolu 264 TFUE jipprovdi li, jekk l-azzjoni tkun fondata, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara l-att inkwistjoni bħala null u tista’, jekk tikkunsidra dan meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ l-att li ddikjarat null għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

16.      L-Artikolu 335 TFUE jipprovdi: “F’kull wieħed mill-Istati Membri, l-[UE] għandha tippossjedi il-kapaċità ġuridika l-iktar wiesa’ mogħtija lil persuni ġuridiċi bil-liġijiet nazzjonali; b’mod partikolari, hija tkun tista’ tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċeduri legali. Għal dan il-għan, l-[UE] għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni. Madankollu, l-[UE] għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa ta’ l-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom.”

 Il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut

17.      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE (3), l-UE kkonkludiet il-Ftehim li jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat ta’ l-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (“il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut”). L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/414 jipprovdi:

“Fejn il-Komunità tinizja proċedura għas-soluzzjoni ta’ kwistjoni kif ipprovvdut fil-[Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut], għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni. Qabel tieħu kull azzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri, billi tqis il-limiti li jorbtu taż-żmien tal-proċeduri.”

18.      L-ITLOS huwa fost il-ġurisdizzjonijiet quddiem liema dawk il-proċeduri jistgħu jiġu ppreżentati.

 L-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

19.      L-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (l-“Istatut”) jipprovdi, inter alia, li rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja “[…] għandu jkun akkompanjat, meta ikun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament [...]”.

20.      L-Artikoli 120 u 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġu li r-rikors għandu jinkludi, inter alia, s-suġġett tal-kawża u t-talbiet mitluba, u għandu jkun akkumpanjat, b’mod partikolari, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament.

21.      L-Artikolu 150 jipprovdi li: “Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, ex officio u wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.”

 L-isfond tat-tilwima

22.      Fit-28 ta’ Marzu 2013, l-ITLOS irċieva talba għal opinjoni konsultattiva mill-Kummissjoni Sub-Reġjonali tas-Sajd (“is-SRFC”), organizzazzjoni intergovernattiva għall-kooperazzjoni fis-sajd stabbilita permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Marzu 1995 bejn il-Cape Verde, il-Gambja, il-Guinea, il-Guinea-Bissau, il-Mauritania, is-Senegal u s-Sierra Leone (4). L-UE kkonkludiet ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd ma’ ħamsa mill-Istati tal-SRFC u, ma’ tnejn minnhom, protokolli li jagħtu aċċess għas-sajd bl-għotja ta’ kontribuzzjoni finanzjarja bħala korrispettiv.

23.      Dik it-talba, reġistrata bħala l-Każ Nru 21, tirrigwarda domandi essenzjalment relatati mad-drittijiet, obbligi u obbligazzjonijiet tal-Istati tal-bandiera, aġenziji internazzjonali u tal-Istati kostali f’każijiet ta’ sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“IUU”) u fir-rigward li tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli ta’ stokk ta’ ħut komuni u stokkijiet ta’ interess komuni.

24.      Fl-24 ta’ Mejju 2013, l-ITLOS stieden lill-partijiet kontraenti tal-UNCLOS sabiex jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar id-domandi ppreżentati sa mhux iktar tard mid-29 ta’ Novembru 2013, u ddeċieda li jżomm seduta.

25.      Fi ħdan il-Kunsill, it-talba għall-opinjoni konsultattiva ġiet diskussa f’okkażjonijiet diversi f’żewġ gruppi ta’ ħidma: l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Liġi tal-Baħar (“COMAR”), essenzjalment fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni u ammissibbiltà; u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Politika Interna u Esterna tas-Sajd (“FISH”), fir-rigward tas-sustanza tad-domandi. Matul id-diskussjonijiet tal-bidu fil-COMAR bejn April u Lulju 2013, il-Kummissjoni indikat li d-dipartimenti tagħha kienu qegħdin jikkunsidraw jekk l-UE kellhiex tintervjeni fil-Każ Nru 21 u  impenjat ruħha li tikkonsulta l-Kunsill kif xieraq.

26.      Fil-5 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni espliċita (5) sabiex tippreżenta dikjarazzjonijiet bil-miktub f’isem l-UE lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 u li tipparteċipa fis-seduta (Artikolu 1). Hija tat istruzzjonijiet lid-dipartiment legali tagħha sabiex tagħmel dan (Artikolu 2). F’dik id-deċiżjoni, il-premessa numru 9 għamlet riferiment għall-Artikolu 335 TFUE bħala l-bażi legali għall-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f’isem l-UE u l-premessa numru 11 speċifikat li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Kummissjoni kellha tavża lill-Kunsill permezz tal-grupp ta’ ħidma kompetenti tagħha.

27.      Waqt laqgħat tal-FISH fit-12 ta’ Settembru 2013 u tal-COMAR fis-17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni kkonfermat għal darb’oħra li kienet sejra tippreżenta osservazzjonijiet f’isem l-UE u argumentat li, skont l-Artikolu 335 TFUE, ebda approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill ma kienet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni setgħet taġixxi. Fil-laqgħa tal-FISH, il-Presidenza tal-Kunsill sostniet li l-Kunsill kien meħtieġ li japprova l-kontenut tas-sottomissjonijiet magħmula f’isem l-UE u stiednet lill-Kummissjoni sabiex din tissottometti abbozz tad-dikjarazzjoni lill-Kunsill sa mhux iktar tard minn l-aħħar ta’ Ottubru 2013.

28.      Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill abbozz li kien jindika l-linji prinċipali tad-dokument li kellu jiġi ppreżentat lill-ITLOS. Il-paragrafu introduttorju ta’ dak id-dokument iċċita d-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013 fejn il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tippreżenta sottomissjonijiet f’isem l-UE fil-Każ Nru 21, u tenniet li l-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill kienu sejrin ikunu nfurmati skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Il-Kummissjoni saħqet ukoll li kienet qiegħda tistenna li tikkunsidra bis-sħiħ kull suġġeriment u parir mingħand l-Istati Membri sabiex tagħmel il-każ tal-UE iktar sod.

29.      Dak id-dokument ġie eżaminat mill-FISH u mill-COMAR fl-24 u fit-30 ta’ Ottubru 2013 rispettivament, meta l-Kummissjoni rrepetiet li ma kinitx sejra tippreżenta ebda abbozz tad-dikjarazzjoni lill-Kunsill għall-approvazzjoni tiegħu minn qabel. Verżjonijiet riveduti tad-dokument ġew diskussi waqt il-laqgħat tal-FISH tal-15 u tat-22 ta’ Novembru 2013. Fis-27 ta’ Novembru 2013, fuq il-bażi ta’ rapport ippreparat mill-FISH, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (“Coreper”) iddiskuta l-kwistjoni. Id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Presidenza insistew li kien imiss lill-Kunsill, skont il-funzjonijiet tiegħu ta’ tfassil tal-politika skont l-Artikolu 16 TUE, li jiddeċiedi jekk l-UE kellhiex tippreżenta sottomissjonijiet u, jekk hu hekk, li japprova il-kontenut tagħhom. Barra minn hekk, jekk il-Kunsill ma setax japprova xi pożizzjoni dwar dik is-sottomissjoni f’isem l-UE, ma kienx ser ikun hemm pożizzjoni tal-UE u ma setgħet ssir ebda sottomissjoni. Il-Kummissjoni enfasizzat li ebda approvazzjoni tal-Kunsill ma kienet meħtieġa u li kienet sejra tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS.

30.      Fid-29 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat il-kummenti li rċeviet minn numru ta’ Stati Membri, ppreżentat id-dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-UE u għaddiet kopja permezz ta’ posta elettronika lis-Segretarjat tal-Kunsill. Bejn it-18 u d-29 ta’ Novembru 2013, fil-kapaċità tagħhom bħala Stati Partijiet tal-UNCLOS, seba’ Stati Membri kienu ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-ITLOS.

31.      Sussegwentement, wara li ġie ppreżentat ir-rikors f’din il-kawża, il-Kummissjoni ppreżentat dikjarazzjoni oħra bil-miktub fit-13 ta’ Marzu 2014 fit-tieni sezzjoni ta’ proċeduri bil-miktub u ħadet sehem fis-seduti li saru mit-2 sal-5 ta’ Settembru 2014. L-ITLOS ta l-opinjoni konsultattiv tiegħu fit-2 ta’ April 2015.

 Il-proċedura, l-aggravji u t-talbiet mressqa

32.      Fir-rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ressaq żewġ talbiet legali. Fl-ewwel talba, l-Kunsill jikkontendi li l-kompitu sabiex tiġi deċiża l-pożizzjoni tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tiegħu skont l-Artikolu 218(9) TFUE jew, fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 16(1) TUE. Għalhekk, il-Kunsill jissottometti li l-Kummissjoni kellha tottjeni l-approvazzjoni tiegħu minn qabel ma’ bagħat id-dikjarazzjoni bil-miktub f’isem l-UE lill-ITLOS. Fit-tieni talba, l-Kunsill jallega li l-Kummissjoni injorat id-dmir ta’ kooperazzjoni leali fl-Artikolu 13(2) TUE.

33.      Il-Kunsill għalhekk qiegħed jitlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja “tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Novembru 2013, li tissottometti ‘Dikjarazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-[UE]’ lill-[ITLOS] fil-Każ [Nru] 21” u li tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż. Hemm speċifikat li mhux qed jintalab l-annullament tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni.

34.      Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad ir-rikors u tordna lill-Kunsill sabiex iħallas l-ispejjeż. Alternattivament, talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm fis-seħħ l-effetti tad-deċiżjoni tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida fi żmien raġonevoli.

35.      Il-Gvern tal-Awstrija, dak tar-Repubblika Ċeka, dak tal-Finlandja, dak ta’ Franza, dak tal-Greċja, dak tal-Litwanja, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak ta’ Spanja intervjenew u ppreżentaw dikjarazzjonijiet insostenn tal-Kunsill. Fis-seduta tal-14 ta’ April 2015, ir-rappreżentanti tal-partijiet, dawk tar-Repubblika Ċeka, dawk ta’ Franza, dawk tal-Pajjiżi l-Baxxi, dawk ta’ Spanja u dawk tar-Renju Unit ittrattaw il-kawża (dak ta’ l-aħħar appoġġa ukoll lill-Kunsill). F’dik l-okkażjoni, l-Kunsill qal li, jekk id-deċiżjoni kontestata kellha tkun annullata, ma kienx sejjer joġġezzjona għat-talba tal-Kummissjoni sabiex jinżammu fis-seħħ l-effetti tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida. Waqt is-seduta ġew imressaq wkoll kwistjonijiet marbuta mal-ammissibbiltà.

 L-evalwazzjoni

36.      Kif ġa għidt, nikkunsidra li l-azzjoni tal-Kunsill hija waħda inammissibbli – għar-raġunijiet, li sejjer nispjega hawn taħt, li jirrigwardaw l-assenza ta’ att li jista’ jiġi mistħarreġ u ikkontestat f’waqtu. L-inammissibbiltà ta’ kawża hija kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ex officio (6). Bħala prinċipju, u bħala kwistjoni ta’ loġika, din għandha tkun eżaminata qabel ma tiġi ttrattata s-sustanza tal-każ. Madankollu, l-kwistjoni ta’ spiss ġiet evitata fejn, għalkemm l-ammissibbiltà tal-kawża dehret dubjuża, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li kien xieraq li tagħti deċiżjoni dwar il-mertu (7).

37.      Jiena ma nipproponix li jsir dan fil-kawża preżenti, billi jiena tal-fehma li r-regoli dwar l-ammissibbiltà għandhom jkunu applikati b’mod uniformi u mhux b’mod diskrezzjonali. Madankollu, nagħraf li l-partijiet jixtiequ jkollhom deċiżjoni ċara fuq il-kwistjoni importanti dwar l-entità tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, kif stipulati fit-Trattati, f’sitwazzjoni bħal dik li wasslet għat-tilwima. Jiena għalhekk sejjer neżamina dawk il-kwistjonijiet wara li nkun stabbilixxejt ir-raġunament tiegħi, li jiena nsostni għandu jipprevali, dwar l-ammissibbiltà.

 Ammissibbiltà

38.      Ir-rikors ppreżentat mill-Kunsill huwa bbażat fuq l-Artikoli 263 u 264 TFUE; dan jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità ta’ att tal-Kummissjoni u jitlob dikjarazzjoni li l-att huwa wieħed null. L-Artikolu 21 tal-Istatut u l-Artikoli 120 u 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw għal tali proċeduri.

39.      Il-Kunsill, fir-rikors tiegħu, qiegħed jitlob l-annullament tad-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2013” li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS f’isem l-UE fil-Każ Nru 21. Ir-rikors ma kellux mehmuż miegħu dik id-“deċiżjoni” f’ebda forma, iżda biss bi prova li dik id-dikjarazzjoni bil-miktub kienet fil-fatt ġiet ippreżentata lill-ITLOS fid-29 ta’ Novembru 2013 u li l-Kunsill kien mgħarraf bil-preżentata dakinhar stess.

40.      Madankollu, hija dik id-deċiżjoni li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub, li huwa esklussivament u espliċitament l-att li l-Kunsill qiegħed jitlob li jkun iddikjarat null. Il-Kunsill iddikjara b’mod ċar, f’nota ta’ qiegħ tat-talba mitluba fir-rikors tiegħu kif ukoll fir-risposta tiegħu, li mhux qiegħed jitlob li tkun dikjarata nulla d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata lill-ITLOS.

41.      Jekk huwa fil-fatt minnu li ttieħdet deċiżjoni mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2013 sabiex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub, din setgħet biss tkun, hekk jidher, deċiżjoni impliċita, billi ma ġiex ippruvat li din ġiet espressa f’xi dokument jew anki verbalment.

42.      Jidhirli li huwa ċar, madankollu, li ma ttieħdet ebda deċiżjoni bħal din. Fil-5 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni fil-fatt ħadet deċiżjoni espliċita u raġunata sabiex tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 u tat istruzzjonijiet lid-dipartiment legali tagħha sabiex jimplementa dik id-deċiżjoni. Ma kien hemm bżonn ta’ ebda deċiżjoni ulterjuri sabiex tkun ippreżentata dik id-dikjarazzjoni. Lanqas ma nstabet xi prova fil-proċess li ttieħdet dik id-deċiżjoni, kemm bil-miktub jew f’xi forma oħra. Ma hemm ebda indikazzjoni li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet fid-29 ta’ Novembru 2013 li tagħmel xi ħaġa li ma kinitx ġa deċiża li tagħmel fid-deċiżjoni li ħadet iktar qabel. Hemm biss il-fatt mhux ikkontestat li d-dikjarazzjoni ġiet fil-fatt ippreżentata, u posta elettronika mibgħuta mill-Kummissjoni li qiegħda tavża lill-Kunsill dwar dik id-dikjarazzjoni.

43.      Jekk ma ttieħdet ebda deċiżjoni fid-29 ta’ Novembru 2013, ma tistax tiġi ddikjarata nulla – u lanqas ma jistgħu jinżammu l-effetti tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida. L-assenza ta’ att li jista’ jkun mistħarreġ tostakola b’mod assolut it-teħid ta’ proċeduri, fis-sens tal-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. (8) Dan jgħodd ukoll, a fortiori, f’każ ta’ assenza ta’ ebda att.

44.      L-għan tal-proċedura skont l-Artikoli 263 u 264 TFUE huwa sabiex tinkiseb deċiżjoni li att li jkollu effetti legali huwa (jew ma huwiex) null. Dik id-deċiżjoni tkun inutli, u ta’ ħela ta’ ħin ġudizzjarju, jekk ma jistax ikollha ebda effett tanġibbli. Il-proċedura ma hijiex intiża sabiex tingħata biss dikjarazzjoni astratta tad-dritt li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, għalkemm huwa minnu li dawn id-dikjarazzjonijiet probabbli jkunu jifformaw parti integrali mir-raġunament meħtieġ sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-validità ta’ att (9). Il-proċedura ta’ annullament ma tistax tintuża sabiex tingħata deċiżjoni bħal dik fl-assenza ta’ kwalunkwe att fejn l-annullament tiegħu jista’ jolqot xi pożizzjoni legali. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-pożizzjonijiet proċedurali tagħhom qabel ma jippreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tat-Trattati, l-Istatut jew ir-Regoli tal-Proċedura.

45.      Jidhirli, madankollu, li l-għan tal-Kunsill huwa li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS mingħajr ma tkun kisbet l-approvazzjoni tal-Kunsill minn qabel. Dak jista’ jimplika li huwa kellu jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013, meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ prinċipju.

46.      Kieku l-Kunsill għamel hekk, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, it-terminu ta’ xahrejn sabiex jitressqu proċeduri (estiżi b’terminu fiss ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza, skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja) kienu jibdew jiddekorru mill-ġurnata meta sar jaf bid-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013.

47.      Skont il-Kummissjoni, dik id-deċiżjoni ma ġietx innotifikata jew ikkomunikata lill-Kunsill. Madankollu, il-Kunsill kien infurmat b’mod ċar u espliċitu b’din id-deċiżjoni u bil-kontenut essenzjali tagħha fil-paragrafu introduttorju fl-ewwel dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ottubru 2013 (10), li ġie diskuss waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill tal-FISH u tal-COMAR fl-24 u fit-30 ta’ Ottubru 2013 rispettivament, sa liema żmien kienet neċessarjament nġabet għall-attenzjoni tal-Kunsill, id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013. Jekk hemm xi dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ dik id-deċiżjoni u kif din kellha l-intenzjoni li timplementaha sfaxxa fix-xejn ukoll bħala riżultat ta’ dawk il-laqgħat. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet ċara u mhux ambigwa: ma kinitx sejra tippreżenta ebda abbozz tad-dikjarazzjoni għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill.

48.      Il-Kunsill ma talabx l-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2013 fit-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem mill-aħħar data possibbli li seta’ sar jaf b’dik id-deċiżjoni, u ma ppreżentax ir-rikors tiegħu f’dawn il-proċeduri sal-10 ta’ Frar 2014.

49.      Madankollu, jiena konxju li ż-żewġ partijiet f’din il-kawża jixtiequ ħafna li tingħata deċiżjoni dwar il-kompetenzi u l-prerogattivi rispettivi tagħhom, hekk kif ukoll huma l-Istati Membri li ntervjenew. Nirrikonoxxi wkoll li d-determinazzjoni tal-liġi hija ta’ importanza kardinali għat-twettiq tar-rappreżentanza esterna tal-UE, u li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat iddeċidiet kwistjonijiet fil-mertu komparabbli anki fejn kien hemm indikazzjonijiet ċari ta’ inammissibbiltà. Jiena għalhekk issa sejjer neżamina l-kwistjonijiet fil-mertu li jitqajmu f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti, iżda waqt li nagħmel dan mhux sejjer nindirizza r-raġunament tiegħi fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta dikjarazzjoni lill-ITLOS fil-Każ Nru 21 għandhiex tkun annullata – kwistjoni li nikkunsidra ma tistax tingħata risposta f’dawn il-proċeduri, għar-raġunijiet li tajt.

 Sustanza

 Rimarki preliminari

50.      Fl-ewwel lok għandi nindirizza żewġ aspetti preliminari dwar din il-kawża: hekk huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk l-UE għandhiex kompetenza esklużiva jew kondiviża fir-rigward tad-domandi mressqa quddiem l-ITLOS; u l-iskop eżatt tal-ilment tal-Kunsill.

51.      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kompetenza esklużiva jew kondiviża: il-Kunsill aċċetta li d-domandi kienu ta’ tħassib, almenu parti minnhom, fuq kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-UE dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-Politika Komuni tas-Sajd fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE. Iżda, il-Kunsill isostni li l-kwistjoni preliminari dwar jekk l-ITLOS għandux il-ġurisdizzjoni li jagħti opinjonijiet konsultattivi taqa kompletament fil-kompetenza tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ssostni li l-UE għandha l-kompetenza esklużiva fir-rigward tad-domandi ppreżentati; u li l-UE hija kompetenti wkoll li tieħu pożizzjoni dwar sa fejn tasal il-ġurisdizzjoni tal-ITLOS.

52.      Huwa fatt komuni li l-UE, bħala parti kontraenti tal-UNCLOS, tista’ tesprimi ruħha quddiem l-ITLOS (11). Hekk kif il-Gvern Franċiż irrimarka sew, il-kwistjoni ewlenija fil-kawża preżenti hija jekk hijiex il-Kummissjoni jew il-Kunsill huwa kompetenti li jiddeċiedi fuq il-pożizzjoni tal-UE quddiem dak it-tribunal. Dik id-domanda ma hijiex marbuta mal-kwistjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri; u l-Kunsill ma ressaq ebda ilment fuq dak il-punt. Jiena għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidra din il-kwistjoni tal-aħħar.

53.      It-tieni nett, x’inhu l-iskop eżatt tal-ilment tal-Kunsill?

54.      Sabiex inqiegħda b’mod sempliċi kemm jista’ jkun: il-Kunsill qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi liema istituzzjoni hija nkarigata, skont it-Trattati, bil-kompitu li tiddeċiedi fuq (b’distinzjoni minn tesprimi) il-pożizzjoni tal-UE quddiem l-ITLOS fi proċeduri konsultattivi.

55.      Il-Kunsill mhux qiegħed isostni li l-prerogattivi tiegħu jinkludu li r-rappreżentanza tall-UE quddiem l-ITLOS jew quddiem xi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali oħra. Huwa jaċċetta li dan il-kompitu jispetta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 335 TFUE (moqri kemm waħdu jew flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE) (12). Dak huwa distint, iżda, mill-kwistjoni dwar liema istituzzjoni hija kompetenti li tiddeċiedi fuq il-pożizzjoni li tiġi mbagħad espressa mill-Kummissjoni għan-nom tal-UE quddiem korp ġudizzjarju bħall-ITLOS.

56.      Fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena sejjer l-ewwel neżamina jekk (i) l-Artikolu 218(9) TFUE japplikax għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali fejn l-UE għandha locus standi; u (jekk le) jekk (ii) l-Artikolu 16(1) TUE jikkostitwixxix bażi legali sabiex il-Kunsill iżomm il-kompetenza li jiddeċiedi fuq il-preżentazzjoni ta’ dawn l-osservazzjonijiet. Jiena sejjer wara neżamina d-dmir ta’ kooperazzjoni leali. Fl-aħħar nett, sejjer neżamina l-iskop u l-limiti tal-Artikolu 335 TFUE, li fuqu straħet il-Kummissjoni bħala l-bażi legali sabiex tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet lill-ITLOS.

 L-ewwel parti tal-ewwel talba: l-Artikolu 218(9) TFUE

57.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel talba tiegħu, il-Kunsill isostni li l-Kummissjoni kisret il-prerogattivi tagħha skont l-Artikolu 218(9) TFUE skont liema l-Kunsill għandu jistabbilixxi, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-UE f’sede mwaqqfa permezz ta’ ftehim meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali. Il-Kunsill jissottometti li l-ITLOS, inkluż ukoll meta jkun mitlub jagħti opinjoni konsultattiva, huwa ‘sede’ fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni u tadotta atti li jkollhom effetti legali (anki jekk dawk l-effetti ma humiex vinkolanti). Madankollu, il-Kunsill isostni li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 218(9) TFUE, għall-kuntrarju ta’ dak ta’ qablu l-Artikolu 300(2) KE, ma jikkostitwixxix iktar lex specialis fir-rigward tal-proċedura għan-negozjar, l-iffirmar u konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, iżda għandha tittieħed bħala dispożizzjoni għaliha waħedha.

58.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE għall-interventi tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali. Hija tinterpreta dik id-dispożizzjoni fis-sens li din tapplika għal sede li jfasslu r-regoli li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ tfassil ta’ trattati u/jew funzjonijiet kważi leġiżlattivi li huma stabbiliti permezz ta’ ftehim internazzjonali sabiex jippermettu dak il-ftehim li jkun żviluppat billi jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet fil-qafas ta’ dak il-ftehim. It-terminu “sede” fl-Artikolu 218(9) TFUE ma jkoprix sede li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji peress illi dawk il-funzjonijiet ma jinvolvux il-ħolqien ta’ regoli ġodda. Madankollu, il-frażi “f’sede” tindika b’mod ċar li pożizzjonijiet espressi mill-UE quddiem qorti ma jidħlux fl-iskop tal-Artikolu 218(9) TFUE.

59.      Jiena sejjer l-ewwel neżamina l-kliem tal-Artikolu 218(9) TFUE u wara sejjer inħares lejn kif ġie abbozzat, il-kuntest u l-għanijiet tiegħu.

60.      L-Artikolu 218(9) TFUE japplika biss fejn pożizzjoni li għandha tkun adottata f’isem l-UE “f’sede stabbilita fi ftehim” u, prinċipalment, “meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali”.

61.      Fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel parti tal-ewwel talba tal-Kunsill ma tistax tirnexxi peress illi meta l-UE tipparteċipa fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, bħall-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS, ma tkunx qiegħda tieħu pożizzjoni fis-sede (hi kif inhi kkaratterizzata) li tkun ġiet msejħa sabiex tiddeċiedi tilwim li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħha jew tagħti opinjoni fuq kwistjonijiet purament ta’ interpretazzjoni.

62.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, la l-UE u lanqas xi parti oħra li għandha locus standi sabiex tidher quddiem dik is-sede ma tieħu parti fl-entità li tiddelibera. Lanqas ma tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ sentenza jew f’xi xorta oħra ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Pjuttost, parti tesprimi il-pożizzjoni tagħha fuq il-kwistjoni mressqa quddiem is-sede permezz ta’ (bil-fomm u/jew bil-miktub) sottomissjonijiet “lil” (jew “quddiem”) dik is-sede bil-għan li tinfluwixxi fuq l-eżitu tal-proċeduri.

63.      Ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-WTO”) dwar is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim juru l-linja diviżorja bejn is-sitwazzjoni fejn il-pożizzjoni f’isem l-UE hija meħuda “f’” sede (li għaliha japplika l-Artikolu 218(9) TFUE) u s-sitwazzjoni fejn dan ma huwiex il-każ. Filwaqt li l-Membri kollha tal-WTO, inkluża l-UE, huma rrappreżentati u jieħdu sehem fil-proċessi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-Korp tad-WTO għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim (“id-DSB”), inkluż meta id-DSB jadotta rapporti ta’ bord u tal-Korp tal-Appell (sabiex dawn isiru vinkolanti), (13) huma ma jieħdux sehem fl-eżerċizzju tal-bord u tal-Bord tal-Appell fil-ġurisdizzjoni (rispettiva) tagħhom.

64.      Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-399/12 (“il-kawża OIV ”). Fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika fil-kuntest ta’ rakkomandazzjonijiet, fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni, li fuqhom issir votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (“l-OIV”), minkejja l-fatt li l-UE (għall-kuntrarju tal-Istati Membri tagħha) ma tistax tipparteċipa formalment fil-korp governattiv tal-OIV peress li ma hijiex Membru tal-OIV. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod speċifiku l-ġurisprudenza tagħha skont liema, meta l-qasam ta’ dritt jaqa’ taħt il-kompetenza tal-UE, il-fatt li l-UE ma tipparteċipax fil-ftehim internazzjonali inkwistjoni ma jipprekludihiex milli teżerċita din il-kompetenza billi tistabbilixxi, fil-kuntest tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fi ħdan il-korp maħluq minn dan il-ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet tal-imsemmi ftehim li jaġixxu in solidum fl-interess tagħha (14). Il-pożizzjoni tal-UE dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali tal-OIV kellha għalhekk tkun espressa “f’” dak il-korp minn Stati Membri li jaġixxu kollettivament fl-interess tal-UE.

65.      Filwaqt li l-frażi “meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali” tipprovdi kuntest għall-interpretazzjoni tal-frażi “f’sede stabbilita fi ftehim” (peress illi tagħmilha ċara li l-iskop tal-Artikolu 218(9) TFUE huwa limitat għas-sitwazzjonijiet fejn dik is-sede tadotta atti li jkollhom effetti legali), ma tistax tintuża sabiex jiġi argumentat li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika wkoll meta l-UE tipparteċipa f’proċeduri ġudizzjarji internazzjonali. Naċċetta li deċiżjonijiet u sentenzi oħra ġudizzjarji jistgħu ikunu tassew “atti li jkollhom effetti legali”. Filwaqt li fit-terminoloġija tat-Trattat, il-kelma “att” mhix tipikament użata sabiex tindika l-eżitu ta’ proċeduri ġudizzjarji, (15) il-Qorti tal-Ġustizzja stess ġa użat it-terminu “acte juridictionnel” sabiex tiddeskrivi deċiżjoni ta’ qorti (16). Barra minn hekk, filwaqt li opinjoni konsultattiva ma għandhiex eżattament l-istess effetti legali bħal deċiżjoni ġudizzjarja vinkolanti fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali (jew xi regola oħra tad-dritt internazzjonali li hija parti mil-liġi applikabbli li tirregola tilwima u fejn il-ġurisdizzjoni hija stabbilita), naqbel mal-Kummissjoni li l-Artikolu 218(9) TFUE ma jispeċifikax li l-effetti legali ta’ att għandhom ikunu vinkolanti. Dik kienet ukoll il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża OIV fejn din aċċettat li rakkomandazzjonijiet (mhux vinkolanti) tal-OIV jistgħu jinfluwixxu b’mod deċiżiv il-kontenut ta’ dritt tal-UE li jirregola l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-swieq tal-inbid u li tali rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari minħabba li ġew inkorporati fil-liġi tal-UE, kellhom effett legali (17). Jiena għalhekk inkun ippreparat li nikkunsidra li opinjoni konsultattiva tal-ITLOS hija kapaċi li tikkostitwixxi “att li jkollu effetti legali” peress illi fiha interpretazzjoni mis-sede li għandha l-awtorità li tagħmel dan u li tipprovdi t-tifsira tal-obbligi assunti taħt l-UNCLOS u ftehimiet oħra li l-ITLOS għandha il-kompitu li tinterpreta, bħall-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut.

66.      Madankollu din l-interpretazzjoni wiesa’ ta’ “atti li jkollom effetti legali”, moqrija waħedha, ma tistax tibdel it-tifsira ta’ “f’sede stabbilita fi ftehim” sabiex tinkludi sitwazzjonijiet fejn l-UE ma tiħux sehem fl-adozzjoni ta’ dawk l-atti mis-sede.

67.      Ninnota wkoll illi l-Artikolu 218(7) jippermetti, “b’deroga” mill-Artikolu218(9), għal iktar simplifikazzjoni tal-proċedura, billi tingħata lill-Kunsill is-setgħa li jawtorizza lin-negozjatur sabiex japprova, f’isem l-UE, modifiki għall-ftehim fejn dan jipprovdi li dawn jiġu adottati minn proċedura ssimplifikata jew minn sede stabbilit bil-ftehim.

68.      Dik id-deroga tagħmel sens jekk l-atti li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 218(9) TFUE għandhom ikunu nnegozjati mill-partijiet kontraenti “fis-” sede mwaqqfa bil-ftehim. Iżda il-kuntest huwa biċ-ċar wieħed ta’ negozjar u approvazzjoni ta’ dokumenti li jkollhom effetti legali, iktar milli dak ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali fejn jiġu interpretati dawk l-atti.

69.      L-interpretazzjoni ta’ “f’sede” li nipproponi hija wkoll ikkonfermata bl-istorja ta’ tfassil tal-Artikolu 218(9) TFUE.

70.      Dik l-istorja turi li l-Artikolu 218(9) TFUE ġie inkluż peress illi bosta ftehimiet internazzjonali bilaterali u multilaterali, li permezz tagħhom l-UE assumiet obbligi fil-konfront ta’ Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, entitajiet stabbiliti li huma fdati bl-implimentazzjoni ta’ ftehimiet u li ngħataw is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet li jkollhom (b’mod vinkolanti) effetti legali għall-partijiet kontraenti. Wieħed mill-ewwel eżempji kien dak tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija (18), fejn id-deċiżjonijiet tagħha dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema Torok huma, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kapaċi li jkollhom effett dirett fl-ordni ġuridiku tal-UE (19). L-istatus ta’ dawk id-deċiżjonijiet huwa għalhekk ġeneralment mqabbel ma’ dawk tal-ftehimiet internazzjonali sottostanti; u dawk jistgħu konsegwentement ikunu kkunsidrati bħala sors addizzjonali ta’ dritt tal-UE (20).

71.      Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ebda dispożizzjoni speċifika ta’ Trattat ma stabbilixxiet proċedura sabiex tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni (ta’ dakinhar) tal-KE f’dawk is-sede li jieħdu deċiżjonijiet. Sakemm ma kinux jiġu adottati arranġamenti ad hoc bejn l-istituzzjonijiet, kienet tipikament tintuża l-proċedura fl-Artikolu 228 KE sabiex ikunu konklużi ftehimiet internazzjonali (21).

72.      Din is-sitwazzjoni kienet ikkunsidrata insodisfaċenti, peress illi l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali kienet tirrikjedi l-kunsens minn qabel jew konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament Ewropew u għalhekk kienet pjuttost elaborata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssuġġeriet li tintuża proċedura ssimplifikata, fejn ġie limitat l-involviment tal-Parlament Ewropew, b’mod li jista’ jkun hemm parteċipazzjoni iktar effettiva tal-UE fis-sede li jieħdu deċiżjonijiet stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali (22). It-Trattat ta’ Amsterdam laħaq parzjalment dak il-għan billi għamel emenda fl-Artikolu 228 KE (li wara sar l-Artikolu 300 KE) u żied t-tieni subparagrafu għall-Artikolu 300(2) KE (li huwa l-preċedessur tal-Artikolu 218(9) TFUE). Dan stabbilixxa proċedura ssimplifikata, fejn ebda kunsens jew konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew ma kienu meħtieġa sabiex il-Kunsill seta’ jiddeċiedi dwar “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali [...]”. Madankollu, l-iskop materjali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE kien limitat għall-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni konklużi mill-UE. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni jew kunsens tal-Parlament Ewropew kienu xorta waħda meħtieġa meta kunsilli ta’ assoċjazzjoni kienu msejħa sabiex jadottaw “deċiżjonijiet li jikkompletaw jew li jimmodifikaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

73.      It-Trattat ta’ Nizza wessa’ l-iskop materjali tad-dispożizzjoni, sabiex il-proċedura ssimplifikata setgħet tintuża sabiex tiddeċiedi dwar il-pożizzjoni li kellha tkun adottata mill-Komunità f’entitajiet mwaqqfa minn xi ftehim internazzjonali. Din tibqa’ s-sitwazzjoni attwali.

74.      Ma nistax għalhekk naċċetta li l-Artikolu 218(9) huwa dispożizzjoni awtonoma, kif qiegħed jissuġġerixxi l-Kunsill. L-istorja ta’ tfassil juri b’mod ċar li dan jifforma parti integrali mir-regoli applikabbli għall-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. L-għan tiegħu jibqa’ identiku għal dak tal-Artikolu 300(2) KE. Dan jippermetti lill-UE sabiex tuża proċedura ssimplifikata biex tieħu sehem fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi mwaqqfa skont ftehim internazzjonali li huma msejħa sabiex jadottaw atti li jkollhom effetti legali, sakemm l-atti inkwistjoni ma jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim (f’liema każ jeħtieġ li jkun hemm l-involviment minn qabel tal-Parlament Ewropew) .(23)

75.      L-interpretazzjoni li nipproponi fuq il-bażi ta’ kemm it-test kif ukoll tal-istorja ta’ tfassil tal-Artikolu 218(9) TFUE hija, għalhekk, ikkonfermata mill-istruttura ġenerali ta’ dik id-dispożizzjoni.

76.      Fl-aħħar nett, niġbed l-attenzjoni għall-ċerti konsegwenzi legali u prattiċi li jsegwu mill-konklużjoni li l-Artikolu 218(9) TFUE japplika għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fi proċeduri legali internazzjonali.

77.      L-ewwel nett, minn dik l-interpretazzjoni, ma jkunux iktar permissibbli dispożizzjonijiet li jinstabu llum f’liġi sussidjarja tal-UE li jawtorizzaw lill-Kummissjoni sabiex tibda proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim wara li tkun ikkonsultat jew infurmat Stati Membri.

78.      Fost id-dispożizzjonijiet li saru invalidi hemm l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/414 (24) u l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94, kif emendat (ir-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ: ‘it-TBR’) (25). B’mod iktar ġenerali, id-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha llum sabiex tippreżenta proċeduri quddiem il-WTO u li tieħu sehem fihom tista’ tiġi ovvjament mxekkla. (26)

79.      It-tieni nett, billi proċeduri ġudizzjarji huma suġġetti għall-osservanza ta’ skadenzi stretti proċedurali (mhux bħas-sitwazzjoni li hija normalment applikabbli meta atti jkunu qed jiġu ppreparati sabiex jiġu adottati minn sede li tieħu d-deċiżjonijiet), hemm ir-riskju li l-Kunsill jista’ ma jilħaqx maġġoranza kkwalifikata (27) dwar il-pożizzjoni tal-UE malajr biżżejjed sabiex tittieħed azzjoni f’isem l-UE. Dik għandha it-tendenza li tnaqqas il-ħila tal-UE li tinfluwixxi l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali li hija ffirmat. Dak ir-riżultat jidher li jmur kontra il-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-involviment tal-UE bħala parteċipanti internazzjonali, kif muri fil-kawża OIV (28).

80.      Nikkonkludi li, peress illi l-UE ma tiħux sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, l-Artikolu 218(9) TFUE mhux intiż li jkopri s-sitwazzjoni fejn l-UE tippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub jew bil-fomm f’dawk il-proċeduri. Huwa għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġu kkunsidrati f’iktar dettall il-kundizzjonijiet li fadal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) TFUE. (29) Jiena għalhekk nipproponi li l-ewwel parti tal-ewwel talba tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

 It-tieni parti tal-ewwel talba: l-Artikolu 16(1) TUE

81.      Il-Kunsill jikkontendi li, skont l-Artikolu 16(1) TUE, huwa responsabbli sabiex jiddefinixxi l-politiki tal-UE. Il-funzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 TUE, hija li tiżgura (fejn meħtieġ) ir-rappreżentanza esterna tal-UE. Għalkemm il-Kunsill jaċċetta li hija l-Kummissjoni li għandha tirrappreżenta l-UE quddiem l-ITLOS skont l-Artikolu 335 TFUE, li huwa rifless speċifiku tas-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, huwa wieħed mill-prerogattivi esklużivi tal-Kunsill li jiddetermina jekk l-UE għandhiex tesprimi pożizzjoni u, jekk hu hekk, biex tiddeċiedi dwar il-kontenut jew ta’ lanqas dwar il-linji ġenerali ta’ dik il-pożizzjoni. Bħala riżultat, meta ġew ippreżentati dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-ITLOS mingħajr il-kunsens tal-Kunsill, il-Kummissjoni kisret il-prerogattivi tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(1) TUE. Il-Kummissjoni twieġeb li l-Kunsill qiegħed jinjora d-distinzjoni bejn ir-rappreżentanza esterna għal raġunijiet politiċi (li għaliha hija applikabbli s-sitt sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE u li fir-rigward tagħha l-Artikolu 16(1) jista’ jkun rilevanti jekk ma tkunx għad ġiet stabbilta politika tal-UE) u r-rappreżentanza tal-UE quddiem tribunal internazzjonali (li għaliha hija applikabbli t-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE flimkien mal-Artikolu 335 TFUE).

82.      Kif naraha jien, is-suċċess ta’ din il-parti tal-ewwel talba tal-Kunsill jiddependi, fl-ewwel lok, fuq jekk id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali hijiex kwistjoni ta’ tfassil ta’ politika u, fit-tieni lok, fuq jekk l-eżekuzzjoni ta’ tali funzjonijiet hijiex “stipulata fit-Trattati”.

83.      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel minn dawk il-kundizzjonijiet, il-Kunsill, appoġġat minn uħud mill-Istati Membri li intervjenew, jikkontendi li d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS kienet deċiżjoni politika. L-UE ma kienet taħt l-ebda obbligu li tieħu sehem fil-proċeduri. Billi r-risposta korretta għat-talba għal opinjoni konsultattiva ma tistax tiġi dedotta b’mod oġġettiv u newtrali mit-testi rilevanti (b’mod partikolari, l-UNCLOS), kull sottomissjoni mill-UE tinvolvi għażliet politiċi, inklużi dawk li jikkonċernaw il-kwistjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-ITLOS u l-ammissibbiltà tat-talba għal opinjoni konsultattiva.

84.      Naċċetta li kull att mwettaq minn istituzzjoni tal-UE, speċjalment f’relazzjonijiet esterni, jista’ jkollu konsegwenzi politiċi. Bl-istess mod, sottomissjonijiet ippreżentati fi proċeduri (internazzjonali) huma, min-natura tagħhom stess, intiżi sabiex jinfluwixxu d-deċiżjoni li tirriżulta minn dawk il-proċeduri. Skont ir-regoli li jirregolaw il-proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, parti li għandha locus standi sabiex tintervjeni tista’, pereżempju, tikkontesta l-ġurisdizzjoni, tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ xi uħud jew tad-domandi kollha mressqa, tissuġġerixxi risposti għal xi uħud jew għad-domandi kollha, jew tiffoka fuq argument partikolari iktar milli fuq ieħor.

85.      Madankollu, kif naraha jien, dan ma jfissirx neċessarjament li sottomissjonijiet ippreżentati fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali jidħlu fil-“funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika” tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(1) TUE (30).

86.      Fil-kawża preżenti, il-Kunsill kien ġa eżerċita r-rwol tiegħu ta’ “tfassil ta’ politika” fi ħdan il-qafas tal-UNCLOS qabel ma l-Kummissjoni ppreżentat id-dikjarazzjoni bil-miktub lill-ITLOS.

87.      L-ewwel nett, l-UE saret parti minn kemm l-UNCLOS kif ukoll il-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd ma’ ħamsa mill-Istati tal-SRFC imsemmija hawn fuq skont il-proċeduri li fihom il-Kunsill ħa sehem sħiħ fir-rwol riżervat għalih permezz tat-Trattati (31). Huwa konsegwentement, b’mod partikolari, qabel li jkun marbut bid-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim tagħhom (32) u, b’mod iktar ġenerali, bl-arranġamenti li jikkonċernaw il-ġurisdizzjoni sabiex dawn jiġu interpretati. Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, dawn il-ftehimiet internazzjonali huma vinkolanti fuq l-UE u jifformaw parti integrali mid-dritt tal-UE (33).

88.      It-tieni nett, l-UE adottat sensiela wiesa’ ta’ regoli interni li jkopru l-aspetti sostanzjali ta’ dawk il-ftehimiet. B’mod partikolari, kif innotat il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 rilevanti għas-sajd IUU, bħal dawk li jiddefinixxu s-“sajd illegali”, huma mibnija fuq il-bażi ta’ regoli internazzjonali diġà eżistenti (34).

89.      Dawn huma għażliet ta’ “tfassil ta’ politika” li l-Kunsill għamel skont l-Artikolu 16(1) TUE u r-regoli proċedurali speċifiċi fit-Trattati li jipproteġu l-prerogattivi tal-Kunsill fir-rigward tan-negozjar, iffirmar u konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali.

90.      Il-kjarifika sussegwenti u l-applikazzjoni ta’ impenji eżistenti tal-UE skont id-dritt internazzjonali permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali, inklużi l-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS, jirrappreżentaw biss fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-konsegwenzi tal-għażliet ta’ “politika” li ttieħdu iktar kmieni mill-Kunsill u għalhekk ma jeħtieġx li tiġi ddefinita politika ġdida.

91.      Għalkemm din hija s-sitwazzjoni hawnhekk, nsiba bit-tqila li naċċetta li dan dejjem ikun il-każ. Għalhekk, mhux imprevedibbli li, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji internazzjonali fejn l-UE għandha locus standi, l-UE jista’ jkollha l-bżonn li tieħu pożizzjoni fuq kwistjoni li għadha ma hijiex koperta mill-obbligi eżistenti tal-UE skont id-dritt internazzjonali li għandhom ikunu interpretati (u applikati) f’dawk il-proċeduri jew b’xi regoli oħra tad-dritt internazzjonali fejn l-UE diġà ħadet pożizzjoni. F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-prerogattivi tal-Kunsill għandhom jiġu osservati. Madankollu, jidhirli li l-proċeduri tal-ITLOS inkwistjoni f’dan il-każ, u s-sottomissjonijiet ippreżentati mill-UE, kienu jirrigwardaw kwistjonijiet li rriżultaw mill-ħidma tal-UNCLOS u l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet ta’ Ħut.

92.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni li fuqha tiddependi din il-parti tat-talba tal-Kunsill, jidhirli li, fi kwalunkwe każ, il-Kunsill ma jistax jistrieħ fuq it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) TUE f’iżolazzjoni minn kull dispożizzjoni oħra tat-Trattati.

93.      Jiena ninterpreta l-frażi “kif stipulat fit-Trattati” bħala li tfisser neċessarjament li l-funzjonijiet ta’ tfassil ta’ politika tal-Kunsill ma jistgħux jiġu eżerċitati mingħajr ma jkun hemm dispożizzjoni separata (jew, fejn hu rilevanti, numru ta’ dispożizzjonijiet) fit-Trattati li tistabbilixxi dik is-setgħa, u b’hekk ikun osservat il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi.

94.      Ma naħsibx, madankollu, li l-assenza ta’ dispożizzjoni oħra fit-Trattati li tistabbilixxi r-rwol tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ strumenti speċifiċi li permezz tagħhom l-UE taġixxi esternament – u li permezz tagħhom il-politiki esterni tal-UE jistgħu jingħataw effett – hija ta’ ostakolu għall-Kunsill fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu skont l-Artikolu 16(1) TUE sabiex jiddeċiedi dwar politiki tal-UE f’relazzjonijiet esterni fejn għadha ma teżisti l-ebda politika suffiċjenti. Jekk dak kellu jkun il-każ, l-UE tista’ tkun mfixkla b’mod serju fl-isforzi tagħha sabiex taġixxi b’mod effettiv. Fil-fatt, it-Trattati ma fihomx dispożizzjonijiet separati fuq bosta strumenti ta’ azzjoni esterna li permezz tagħhom l-UE, li għandha personalità ġuridika internazzjonali, tista’ taġixxi (35). Azzjoni esterna effettiva mill-UE għandha tkun kapaċi li tuża varjetà ta’ strumenti u meta tagħmel dan, il-prerogattivi tal-Kunsill għandhom ikunu osservati.

95.      Inżid ngħid li, fejn it-Trattati jistabbilixxu r-regoli proċedurali li fihom il-Kunsill għandu jaġixxi fir-rigward ta’ strument partikolari ta’ azzjoni esterna tal-UE, il-Kunsill ma jistax jagħmel użu mill-Artikolu 16(1) TUE sabiex jippreġudika dawk ir-regoli (36). Il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat li jirriżulta mill-Artikolu 13(2) TUE li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u ma humiex għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet innifishom (37).

96.      Għalhekk, kif ġa spjegajt iktar ’il fuq, id-deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali ma kinitx teħtieġ hawnhekk li l-Kunsill jeżerċita iktar dawn il-prerogattivi.

97.      Nikkonkludi li t-tieni parti tal-ewwel talba tal-Kunsill għandha tiġi miċħuda.

 It-tieni talba: l-Artikolu 13(2) TEU

98.      Permezz tat-tieni talba, il-Kunsill jikkontendi li l-aġir tal-Kummissjoni jikser b’mod ċar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE. Il-Kunsill jissottometti li l-Kummissjoni naqset milli: (i) tippreżenta, skont l-Artikolu 218(9) TFUE, proposta għad-deċiżjoni tal-Kunsill sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-UE li għandha tkun ippreżentata quddiem l-ITLOS, (ii) tikkoopera mal-Kunsill sabiex ikun stabbilit il-kontenut tad-dikjarazzjoni li għandha tkun ippreżentata u (iii) tqis il-fehma tal-Kunsill li, fl-assenza ta’ pożizzjoni tal-UE maqbula mill-Kunsill, ma setgħet tiġi ppreżentata lill-ITLOS, l-ebda dikjarazzjoni bil-miktub, billi ħabbret fil-laqgħa tal-Coreper tas-27 ta’ Novembru 2013 li kienet sejra tipproċedi bil-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni u mbagħad għamlet eżattament dan jumejn wara. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li żammet il-Kunsill informata bis-sħiħ u, kemm jista’ jkun, ħadet inkunsiderazzjoni l-kummenti ddettaljati mill-Istati Membri individwali meta ppreparat id-dikjarazzjoni bil-miktub li ppreżentat lill-ITLOS.

99.      Id-dmir ta’ kooperazzjoni leali reċiproka skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE japplika fil-limiti tas-setgħat mogħtija lil kull istituzzjoni permezz tat-Trattati. Mhux għalhekk intiż li jżid jew inaqqas dawk is-setgħat (38). Għalhekk, fejn it-Trattati jipprovdu li l-Kummissjoni hija kompetenti li taġixxi mingħajr l-approvazzjoni tal-Kunsill, id-dmir tal-Kummissjoni li tikkoopera mal-Kunsill ma jistax ikun estiż sabiex jipprekludi lill-Kummissjoni milli taġixxi b’dan il-mod.

100. Kif naraha jien, l-ewwel u t-tielet partijiet tat-tieni talba tal-Kunsill huma msejsa fuq l-assunzjoni li, fuq interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kummissjoni kienet teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill sabiex tippreżenta sottomissjonijiet fil-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS u li l-ebda livell ta’ konsultazzjoni jew kooperazzjoni leali ma setgħu jirrimedjaw dan il-ksur. Madankollu, jekk — kif ikkonkludejt — l-Artikolu 218(9) TFUE ma kienx jeħtieġ li l-Kummissjoni tikseb din l-awtorizzazzjoni minn qabel, il-Kummissjoni ma setgħetx tonqos fid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni leali billi ma ħaditx passi sabiex tikseb din l-awtorizzazzjoni.

101. Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti, nikkunsidra li l-fatti disponibbli juru li, waqt il-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni, fil-fatt, ikkonsultat l-Istati Membri u l-Kunsill, u ħadet il-kummenti tagħhom inkunsiderazzjoni (inklużi dawk relatati mal-ġurisdizzjoni tal-ITLOS) (39) qabel ma’ ippreżentat id-dikjarazzjoni f’isem l-UE fit-terminu speċifikat mill-ITLOS.

102. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena għalhekk nikkonkludi li t-tieni talba għandha tiġi miċħuda wkoll.

 Kwistjoni addizzjonali: l-Artikoli 17(1) TUE u l-Artikolu 335 TFUE

103. Jekk l-Artikolu 16(1) TUE u l-Artikolu 218(9) TFUE ma humiex applikabbli, ir-rikors tal-Kunsill għandu jiġi miċħud: ta’ lanqas taħt dawk id-dispożizzjonijiet, il-Kunsill kien ġa ħa l-pożizzjoni rilevanti; u ma kellux il-kompetenza li jiddeċiedi fuq il-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub inkwistjoni. Iżda dik il-konklużjoni timplika wkoll illi d-deċiżjoni li tiġi ppreżentata dik id-dikjarazzjoni kienet msejsa sew, kif tikkontendi l-Kummissjoni, fuq l-Artikolu 335 TFUE (moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE) u għalhekk kienet taqa’ fil-kompetenza tal-Kummissjoni? Jew, jekk l-Artikolu 335 TFUE ma japplikax, il-Kummissjoni kienet xorta waħda kompetenti, skont l-Artikolu 17(1) TUE, li tieħu dik id-deċiżjoni? Issa ser nindirizza dawn il-kwistjonijiet.

104. Kif naraha, ġaladarba l-pożizzjoni rilevanti tal-UE teżisti diġà, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) TUE, sabiex teżegwixxi dik il-pożizzjoni billi twettaqha u tirrappreżenta dik il-pożizzjoni fuq ix-xena internazzjonali (inkluż fil-proċeduri ġudizzjarji internazzjonali). Wara kollox, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE u li tassigura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont dawn it-Trattati (40).

105. Jekk l-Artikolu 335 TUE huwa sempliċiment l-espressjoni speċifika, fir-rigward tar-rappreżentanza tal-UE, tal-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 17(1) TUE, l-Artikolu 335 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 17(1) TUE, jagħtu lill-Kummissjoni l-kompetenza li tiddeċiedi dwar dikjarazzjonijiet bil-miktub bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni diġà aċċettat li l-Artikolu 282 KE (li sar l-Artikolu 335 TFUE) huwa, minkejja il-frażi “[f’]kull wieħed mill-Istati Membri” f’dik id-dispożizzjoni, “…l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali, [u] jipprovdi li l-Komunità għandha l-kapaċità ġuridika, u hija, għal dan il-għan, rappreżentata mill-Kummissjoni” (41). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemmhekk straħet ukoll fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-miżuri li ttieħdu skont dan huma applikati (l-Artikolu 211 KE, li sar it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE). Bħala riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza (42) li kienet iddikjarat inammissibbli l-proċeduri ta’ annullament ippreżentati minn manifatturi tas-sigaretti kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda proċeduri quddiem il-qrati ta’ Stat terz (l-Istati Uniti tal-Amerika) dwar l-allegat involviment ta’ dawn il-manifatturi f’sistema ta’ kuntrabandu fit-territorju tal-Komunità Ewropea. Il-Kummissjoni kienet bdiet dawk il-proċeduri fl-Istati Uniti mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill (43).

107. Fis-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni skont dawk id-dispożizzjonijiet kienet li tiddeċiedi, mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill, li tibda proċeduri quddiem il-qrati ta’ Stat terz u li tiddefinixxi l-iskop u s-sustanza tal-proċedura legali istitwita. Il-Qorti tal-Ġustizzja dehret li aċċettat li dawk l-elementi kollha jikkostitwixxu “rappreżentanza” tal-UE mill-Kummissjoni. Kif naraha jien, dan jimplika neċessarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkunsidrax ir-rwol tal-Kummissjoni, bħala waħda mill-istituzzjonijiet politiċi ewlenin tal-UE, bħala paragunabbli ma’ dak ta’ avukat (il-Kummissjoni) li qiegħed jirrappreżenta l-klijent tiegħu (l-UE).

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li r-rappreżentazzjoni tal-UE mill-Kummissjoni teżisti sabiex jingħata effett lill-personalità ġuridika tal-UE billi taġixxi fi proċeduri legali. Għall-kuntrarju tal-Kunsill u tal-Gvern Awstrijak, ma nsib ebda raġuni valida għala l-firxa tal-kompetenza tal-Kummissjoni li tirrappreżenta l-UE għandha tkun differenti skont il-forum li quddiemu l-UE tipparteċipa bħala parti fil-proċeduri ġudizzjarji.

109. Lanqas ma jien konvint mill-argument tal-Kunsill li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni fil-kawża Reynolds Tobacco, id-dikjarazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni lill-ITLOS ma jappartjenux lir-rwol tagħha bħala “gwardjan tat-Trattati” skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE.

110. Huwa minnu, fil-kawża Reynolds Tobacco il-kawża ċivili fl-Istati Uniti kienet intiża essenzjalment sabiex jinkiseb kumpens mill-kumpanniji tat-tabakk inkonnessjoni mal-allegata parteċipazzjoni tagħhom fil-kuntrabandu tas-sigaretti fil-Komunità Ewropea, fejn b’hekk evitaw milli jħallsu d-dazju u l-VAT. Il-Kummissjoni kienet għalhekk qiegħda taġixxi sabiex tipproteġi l-integrità tal-unjoni doganali u l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (44).

111. Madankollu, il-fatt li, meta ppreżentat dikjarazzjonijiet bil-miktub quddiem l-ITLOS fil-Każ Nru 21, il-Kummissjoni ma kinitx qiegħda tfittex li tikseb b’mod immedjat konsegwenzi simili u prattiċi għall-funzjonament tas-suq intern u l-baġit tal-Unjoni ma jfissirx li ma kinitx qiegħda taġixxi b’mod konformi mal-mandat tagħha skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE.

112. L-ewwel nett, filwaqt li proċeduri konsultattivi tal-ITLOS huma neċessarjament differenti fin-natura tagħhom minn kawża ċivili intiża li jinkiseb kumpens finanzjarju għat-telf, it-tnejn jistgħu jwasslu għal riżultati li jkollhom konsegwenzi għall-Unjoni. It-tnejn għalhekk jistgħu jeħtieġu li l-Kummissjoni tieħu “inizjattivi xierqa” u li “ġġib ’il quddiem l-interessi ġenerali tal-[UE]”.

113. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li l-mandat tal-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-Trattati” jinkludi li tkun żgurata l-implementazzjoni korretta minn Stat terz tal-obbligi li jkun daħal għalihom taħt ftehim konkluż mal-UE permezz tal-metodi previsti mill-ftehim jew minn deċiżjonijiet meħuda skont dan il-ftehim (45), inkluża l-proċedura sabiex jiġu riżolti t-tilwim (46). Konsistenti ma’ dan, ma nsib ebda raġuni ta’ prinċipju sabiex tiġi eskluża mill-mandat tal-Kummissjoni r-rappreżentanza fi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali.

114. It-tielet nett, id-domandi mressqa lill-ITLOS għall-opinjoni konsultattiva tiegħu kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-UE (UNCLOS), il-ftehimiet bilaterali dwar is-sajd tal-UE ma’ Stati terzi (b’mod partikolari, ma’ ħames membri tal-SRFC) u l-Ftehim tan-NU dwar l-Istokk tal-Ħut. Dawn l-istrumenti internazzjonali kollha jifformaw parti integrali mill-ordni ġuridiku tal-UE u huma vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet. Madankollu, id-domandi speċifiċi mressqa jirrigwardaw il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni konkorrenti tal-Istati kostali u tal-Istat tal-bandiera sabiex jiżguraw konservazzjoni tajba tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra s-sajd IUU – żona li fiha l-UE adottat leġiżlazzjoni sussidjarja speċifika fuq il-bażi ta’ regoli internazzjonali diġà eżistenti (47). Il-fatt li, waqt dawn il-proċeduri, jistgħu jiġu mqajjma aspetti addizzjonali marbuta ma’ kwistjonijiet ġenerali (hawnhekk, il-ġurisdizzjoni tal-ITLOS li jagħti opinjonijiet konsultattivi u l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula) huma inerenti f’kull proċedura legali.

115. Jiena għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 335 TFUE, meħud flimkien mat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, pprovda lill-Kummissjoni b’bażi legali xierqa sabiex isiru dikjarazzjonijiet miktuba u bil-fomm lill-ITLOS f’isem l-UE.

 Konklużjoni

116. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq u tal-Artikoli 138 u 140 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tqassim tal-ispejjeż, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad it-talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea;

–        tikkundanna lill-Gvern tal-Awstrija, dak tar-Repubblika Ċeka, dak tal-Finlandja, dak ta’ Franza, dak tal-Greċja, dak tal-Litwanja, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, dak tal-Portugal, dak ta’ Spanja u dak tar-Renju Unit għall-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Magħmula f’Montego Bay, fl-10 ta’ Diċembru 1982, 1833 UNTS 3. L-UNCLOS daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 1994. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU 1998 L 179, p.1).


3 – Deċiżjoni tal-Kunsill 98/414/KE tat-8 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-ratifika mill-Komunità Ewropea tal-Ftehim sabiex jimplementa d-dispożizzjonijiet tal-[UNCLOS] li għandha x’taqsam mal-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ l-stokk tal-ħut fuq iż-żewġ naħat ta’ l-istess żona u l-istokks tal-ħut li jpassi bil-qawwi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 4, p. 3).


4 – Il-Konvenzjoni ta’ 1985 iffirmata ġewwa Dakar ġiet emendata fl-14 ta’ Lulju 1993 fi Praia, Cape Verde. It-test tal-Konvenzjoni, kif emendat, huwa disponibbli biss bil-Franċiż u jista’ jiġi kkonsultat fis-sit: http://spcsrp.org/Documents.


5 – Deċiżjoni C(2013) 4989 finali (mhux ippubblikat; “id-deċiżjoni tal-5 ta’ Awissu 2013”).


6–      Ara, pereżempju, s-sentenza Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, EU:C:2007:653, punt 29.


7–      Ara, pereżempju, s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 26; ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, EU:C:2005:550, il-punti 61 sa 81.


8–      Digriet fil-kawża Brüggemann vs ECOSOC, 248/86, EU:C:1987:429, il-paragrafu 6.


9–      Qabbel, f’kuntest differenti, l-ħsieb wara l-ġurisprudenza bbażata fuq id-deċiżjoni Foglia vs Novello, 104/79, EU:C:1980:73.


10–      Li taqra: “B’Deċiżjoni C(2013)4989 tal-5 ta’ Awissu 2013 il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta sottomissjonijiet f’isem l-[EU] fuq it-talba minn entità sub-reġjonali [...] għal opinjoni konsultattiva lill-[ITLOS]. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali l-grupp ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill għandu jkun infurmat.”


11–      Ara il-punti 8 u 9 iktar ’l fuq.


12 – Min-naħa l-oħra, numru ta’ Stati Membri li intervenew isostnu li l-Artikolu 335 TFUE mhux applikabbli fil-kawża preżenti, partikolarment minħabba li l-kliem ta’ dak l-artikolu jikkonferixxi biss fuq il-Kummissjoni l-kompitu li tirrapreżenta l-UE f’ċerti proċeduri legali mressqa quddiem il-qrati tal-Istati Membri.


13 – Ara l-Artikoli IV:2 u IV:3 tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-Artikoli 16(4) u 17(14) tal-Ftehim dwar Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni ta’ Tilwim.


14 – Sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 52.


15 – It-terminu “att” (iktar milli “deċiżjoni”) huwa użat ukoll fi verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 218(9) TFUE li eżaminajt (ara, b’mod partikolari, ‘acte’ fil-verżjoni Franċiża, ‘actos’ fil-verżjoni Spanjola, ‘Akte’ fil-verżjoni Ġermaniża, ‘akty’ jew ‘actów’ fil-verżjoni Pollakka, ‘atos’ fil-verżjoni Portugiża, ‘säädoksiä’ fil-verżjoni Finlandiża, ‘akter’ fil-verżjoni Svediża); u (bħall-Ingliż) mhux użat f’dawk il-lingwi meta id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jsemmu qrati jew tribunali. Ara pereżempju, l-Artikolu 67(4) TFUE: “[…] il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili”; l-Artikolu 256(1) TFUE: “Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali […]” u l-Artikolu 267 TFUE: “Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju […]”.


16–      Ara, pereżempju, s-sentenzi Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 26, u Il-Komunità Ewropea, C‑199/05, EU:C:2006:678, punt 33.


17 – Ara s-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punti 63 u 64.


18 – Kif inhi x-xejra bil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija huwa kompost minn rappreżentanti ta’ kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll tat-Turkija. L-Artikolu 22 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE – Turkija (ĠU 1973 C 113, p. 2, (referenza għall-verżjoni Ingliża peress li mhux disponibbli bil-Malti)) jikkonferixxi “setgħa ta’ deċiżjoni” fuq il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati f’dak il-Ftehim.


19 – Ara s-sentenza Sevince, C‑192/89, EU:C:1990:322, punti 17 sa 24.


20 – Ara, inter alia, Dashwood, A., “External Relations Provisions of the Amsterdam Treaty”, 35 CMLRev. (1998), p. 1019, f’1026 u Martenczuk, B., “Decisions of Bodies Established by International Agreements and the Community Legal Order”, f’Kronenberger, V., (edizzjoni), The European Union and the International Legal Order: Discord or Harmony? TMC Asser Press, L-Aja, 2001, p. 141, f’157.


21 – Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat l-atti li għandhom ikunu adottati minn dawk il-korpi bħala ftehimiet previsti fis-sens ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 218(11) TFUE, fatt li jippermettilhom li jirrivedu l-kompatibilità tagħhom mat-Trattati qabel l-adozzjoni tagħhom. Ara l-Opinjoni 2/92, EU:C:1995:83, punt II-8, fir-rigward tat-Tielet Edizzjoni Riveduta dwar it-trattament nazzjonali tal-Kunsill ta’ l-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:289, il-punt 44.


22 – Ara l-paragrafu 26 tal-opinjoni tal-Kummissjoni “Reinforcing political union and preparing for enlargement” (COM(96) 90 finali, 28 ta’ Frar 1996) dwar iż-żamma tal-Konferenza Intergovernattiva 1996 għall-emendar tat-Trattati li nnotat li l-UE ma kinitx “attrezzata li tmexxi negozjati f’organizzazzjonijiet internazzjonali u tipparteċipa fl-attivitajiet tagħhom, kif inhi msejjħa iktar spiss sabiex tagħmel dan. [...] Il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-[EU] hija mdgħajfa f’ħafna każijiet”. Il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li “it-Trattat għandu jinkludi dispożizzjonijiet mfassla b’mod speċifiku sabiex jippermettu l-Unjoni li titkellem b’vuċi waħda u għalhekk tiddefendi l-iteressi kollha rilevanti b’mod iktar effettiv”.


23 – Ara, f’dan is-sens, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2114, il-punt 97.


24 – Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


25 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 400), kif l-aħħar emendata bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2014, li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU 2014 L 18, p. 1). Skont l-Artikolu 13, il-Kummissjoni, inter alia, għandha s-setgħa, wara li kien sar ilment minn impriżi, industriji jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom tal-UE, li tadotta deċiżjonijiet dwar il-ftuħ u t-tmexxija ta’ proċeduri tal-WTO ta’ soluzzjoni tat-tilwim, wara li tkun infurmat l-Istati Membri.


26 – Skont is-sit elettroniku (https://www.wto.org/english/tratop_e/dispu_e/dispu_by_country_e.htm), l-UE aġixxiet (sa mis-16 ta’ Ġunju 2015) bħala lanjant f’ħamsa u disgħin każ, u bħala konvenuta fi tnejn u tmenin każ u bħala intervenjenti f’mija u disa’ u erbgħin każ.


27 – L-Artikolu 218(8) TFUE jispeċifika li l-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata matul il-proċedura. L-istess jgħodd ovvjament għall-Artikolu 16(3) TUE.


28 – Sentenza fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258.


29 – Trattata fil-qosor fil-punt 65 hawn fuq.


30 – Ninnota f’dan ir-rigward li l-Kunsill jidher li jaċċetta (almenu għalissa) li dawk l-għażliet jistgħu jsiru b’mod validu mill-Kummissjoni meta tistitwixxi proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim b’konformità mar-rekwiżiti proċedurali stipulati fit-TBR u fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 98/414 (dwar il-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet ta’ Ħut), mingħajr ma’ tikser l-Artikolu 16(1) TUE. Il-Kunsill ma spjegax għala l-proċeduri konsultattivi tal-ITLOS (jew xi proċeduri ġudizzjarji internazzjonali oħra) għandhom ikunu meqjusa b’mod differenti.


31–       Ara l-punt 13 iktar ’il fuq. Meta l-UNCLOS ġie ratifikat f’isem l-UE, il-Kunsill ibbaża ruħu , inter alia, fuq l-Artikolu 113 KE (politika kummerċjali komuni) u l-Artikolu 228(2) u (3) KE (konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali). Il-Kunsill ibbaża ruħu wkoll fuq l-Artikolu 300(2) u (3) KE u adotta r-regolamenti l-iktar riċenti tal-Kunsill li rratifikaw il-ftehimiet tas-sajd mal-Istat tal-SRFC. Ir-regolamenti preċedenti kienu bbażati biss fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-Politika Komuni tas-Sajd.


32 – L-UE għadha ma għażlitx waħda jew aktar mill-mezzi għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-interpretazzjoni jew applikazzjoni tal-UNCLOS kif stipulati fl-Artikolu 287 UNCLOS. Skont l-Artikolu 7 tal-Anness IV tal-UNCLOS, dak ifisser li l-UE hija meqjusa li aċċettat il-proċedura ta’ arbitraġġ.


33–      Ara, pereżempju, s-sentenza fil-kawża Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 73.


34 – Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008, tad-29 ta’ Settembru 2008, li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999, il-Kummissjoni adottat lista tal-UE ta’ bastimenti tal-IUU (rivedut regolarment) li hija bbażata fuq il-listi stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (‘RFMO’): Ara ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 486/2010, tat-28 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta’ bastimenti involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 131, p. 22). L-UE implementat ukoll miżuri tal-RFMO dwar miżuri li jikkonċernaw xi Stati: ara, pereżempju, Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 826/2004, tas-26 ta’ April 2004, li jipprojbixxi l-Importazzjonijiet tat-tonn (Thunnus thynnus) li joriġina mill-Guinea Ekwatorjali u s-Sierra Leon u li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2092/2000 (ĠU  Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 51, p. 172), li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fejn l-UE hija parti kontraenti.


35 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:334 (“sajd tal-Venezwela”), il-punti 107 u 108.


36 – Bl-istess mod il-Parlament Ewropew, li, skont l-Artikolu 14(1) TUE, “[...] għandu jeżerċita funzjonijiet ta’ kontroll politiku u ta’ konsultazzjoni skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati”, ma jistax joqgħod fuq dik l-espressjoni tal-kompetenza tiegħu sabiex iwessgħa r-rwol tiegħu fir-rigward ta’ ftehimiet internazzjonali li għalih jipprovdi l-Artikoli 218 TFUE. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025 (“trasferiment ta’ pirati ssuspettati tar-Repubblika tal-Mawrizju”), il-paragrafi 54 u 55.


37 – Ara s-sentenzi fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257 (“status ta’ refuġjat”), il-paragrafu 54 u l-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑28/12, EU:C:2015:282 (“każ ta’ taħlit doppju”), punti 41 u 42.


38 – Sentenza fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑48/14, EU:C:2015:91, (“każ dwar is-sustanzi radjoattivi”) punti 57 u 58.


39 – Ara wkoll il-punti 103 sa 115 iktar 'il quddiem dwar l-iskop u l-firxa tas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 335 TFUE.


40 – Ara wkoll is-sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, (“Reynolds Tobacco”), EU:C:2006:541, punt 94.


41 – Sentenza Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 94.


42 – Sentenza fil-kawża Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6.


43 – Il-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja minn dak il-fatt: il-Kunsill kien speċifikament ġibed l-attenzjoni għal dan fl-osservazzjonijiet tiegħu fl-intervent favur il-Kummissjoni.


44 – Ara s-sentenza Philip Morris International vs Il-Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 and T‑272/01, EU:T:2003:6, punti 1 sa 3.


45 – Sentenza fil-kawża C.A.S. vs Il-Kummissjoni, C‑204/07 P, EU:C:2008:446, punt 95 (dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mat-Turkija) u d-digriet Mugraby vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑581/11 P, EU:C:2012:466, punt 68 (dwar il-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Ġunju 2002 u approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/356/KE tal-14 ta’ Frar z2006 (ĠU L 294M , 25.10.2006, p. 168)).


46 – Ara s-sentenza Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punt 270.


47–      Ara, pereżempju, l-punt 88 iktar ’il fuq.